Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2023 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fis-7 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-309/21, TC vs Il-Parlament

(Kawża C-529/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: N. Görlitz, M. Ecker, J.-C. Puffer, u S. Toliušis)

Parti oħra fil-proċedura: TC

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2023, TC vs Il-Parlament (T-309/21, EU:T:2023:315) ;

tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u tilqa’ t-talbiet imressqa mill-Parlament fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-suġġett tat-tilwima li kienet adita biha, in-natura preparatorja tal-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tat-8 ta’ Jannar 2021, u l-ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna l-effetti marbuta mal-illegalità ta’ dokument ta’ proċedura; biex tikkonstata li l-Parlament kien kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrent u li l-ksur ta’ dan id-dritt kien jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha li teżamina jekk il-motivi invokati f’din l-ittra kinux fondati u suffiċjenti (punti 91 sa 132 tas-sentenza appellata).

Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li, meta ddeċidiet li l-Parlament kien kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrent fl-ewwel istanza fir-rigward tal-messaġġi elettroniċi tiegħu tal-2015, tal-2016 u tal-2019 kif ukoll tal-korrispondenza tiegħu mad-dipartimenti tal-Parlament, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ, ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-regoli tal-proċedura għall-irkupru tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari u l-ġurisprudenza relattiva għalih u kisret il-prinċipju ta’ libertà tal-mandat tal-membri tal-Parlament, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-att elettorali 1 u tal-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew 2 , kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1725 3  ; barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tagħha huma ineżatti, minħabba li ma eżaminatx il-fatti b’mod eżawrjenti (punti 92 sa 104, 130 u 131 tas-sentenza appellata).

It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li, meta ddeċidiet li l-Parlament kien kiser id-dritt għal smigħ tal-appellat f’dak li jikkonċerna l-proċedura dwar l-assistent akkreditat inkwistjoni, id-data relattiva għall-użu tal-karta tal-aċċess tiegħu fil-Parlament u informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi meta s-servizz tas-sigurtà tal-Parlament kellu jintervjeni fir-rigward tal-assistent inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, l-Artikolu 4(1)(e), u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 266 TFUE u d-dritt għal smigħ (punti 105 sa 124, 130 u 131 tas-sentenza appellata).

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Parlament kien kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrent fl-ewwel istanza f’dak li jikkonċerna l-Kawża T-59/17, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Artikolu 266 TFUE u d-dritt għal smigħ (punti 125 sa 131 tas-sentenza appellata).

Il-ħames aggravju jilmenta li l-Qorti Ġenerali, meta rrikonoxxiet lir-rikorrent fl-ewwel istanza, biss abbażi tad-dritt għal smigħ, id-dritt li jeżiġi li l-Parlament jikkomunikalu informazzjoni li tippermettilu jippreżenta osservazzjonijiet, kisret l-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (punti 90 u 91 tas-sentenza appellata).

____________

1     Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU 1976, L 278, p. 5), anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom tar-rappreżentanti tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU 2002, L 283, p. 1).

1     Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1).

1     Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).