Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-30 ta’ Ġunju 2021 – Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid, E, C; partijiet oħra: S, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-402/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid, E, C

Partijiet oħra: S, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

Ċittadini Torok li għandhom id-drittijiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 6 jew fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 1 għadhom jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80?

Mill-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li ċ-ċittadini Torok ma għadhomx jistgħu jinvokaw l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta, minħabba l-aġir personali tagħhom, huma jirrappreżentaw theddida attwali, ġenwina u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà?

Ir-restrizzjoni ġdida, li tipprovdi li jista’ jintemm id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini Torok, anki wara 20 sena, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, tista’ tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-evoluzzjoni fil-perċezzjonijiet soċjali li wasslet għal din ir-restrizzjoni ġdida? Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li r-restrizzjoni ġdida sservi l-għan ta’ ordni pubbliku, jew huwa wkoll mitlub li hija tkun xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan iseħħ?

____________

1     Deċiżjoni Nru 1/80 tad-19 ta’ Settembru 1980 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija.