Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-28 ta Ġunju 2021 – Conseil national des barreaux, Conférence des bâtonniers, Ordre des avocats du barreau de Paris vs Premier ministre, Ministre de l’Economie, des Finances et de la Relance

(Kawża C-398/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Conseil national des barreaux, Conférence des bâtonniers, Ordre des avocats du barreau de Paris

Konvenuti: Premier ministre, Ministre de l’Economie, des Finances et de la Relance

Domanda preliminari

L-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE 1 :

jikser id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali sa fejn ma jeskludix, bħala prinċipju, lill-avukati li jipparteċipaw sabiex iwettqu rwol ġudizzjarju mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-intermedjarji li għandhom jipprovdu lill-awtorità fiskali l-informazzjoni neċessarja għar-rappurtar ta’ arranġament fiskali transkonfinali jew li għandhom jinnotifikaw dan l-obbligu lil intermedjarju ieħor?

jikser id-drittijiet fir-rigward tal-korrispondenza u tal-ħajja privata ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali sa fejn ma jeskludix, bħala prinċipju, lill-avukati li jipparteċipaw sabiex iwettqu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali tal-klijent tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-intermedjarji li għandhom jipprovdu lill-awtorità fiskali l-informazzjoni neċessarja għar-rappurtar ta’ arranġament fiskali transkonfinali jew li għandhom jinnotifikaw dan l-obbligu lil intermedjarju ieħor?

____________

1     ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58.