Language of document : ECLI:EU:F:2007:204

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

22 ta’ Novembru 2007

Kawża F-67/05

Christos Michail

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 Euratom, li permezz tiegħu C. Michail jitlob l-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tiegħu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April u l-31 ta’ Diċembru 2003, l-annullament tad-Deċiżjoni, tal-15 ta’ April 2005, li tiċħad l-ilment tiegħu dirett kontra r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tal-2003, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 90 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa jallega li subixxa.

Deċiżjoni: Ir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent adottat għall-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2003 huwa annullat, Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju tas-sentenza

Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

L-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 1(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-amministrazzjoni tattribwixxi punti għall-promozzjoni lil uffiċjal li ma jkun ingħata ebda funzjoni. Għalkemm jeżisti l-obbligu ta’ l-attribuzzjoni ta’ punti intiżi sabiex jevalwaw il-kisbiet u l-ħidma individwali skond ir-riżultati li għandhom jinkisbu fil-każ fejn l-uffiċjal jingħata inkarigi partikolari, m’hemmx lok, min-naħa l-oħra, li ssir din l-attribuzzjoni meta l-persuna kkonċernata ma tingħata l-ebda inkarigu li jista’ jkun suġġett għal evalwazzjoni. Għaldaqstant, meta uffiċjal evalwat, minkejja li jkun qed jaħdem, ma jingħata l-ebda inkarigu li jista’ jkun suġġett għal evalwazzjoni matul il-perijodu ta’ riferenza, ir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera għandu jiġi annullat. Dan l-annullament jimplika li l-amministrazzjoni jkollha tfittex kull mezz adegwat sabiex ittaffi n-nuqqas ta’ punti għall-promozzjoni, permezz ta’ l-attribuzzjoni ta’ ċertu numru ta’ punti hekk kif ikun xieraq.

(ara l-punti 30, 31, 33 u 34)