Language of document : ECLI:EU:C:2021:478

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 40(2) – Applikazzjoni sussegwenti – Elementi jew fatti ġodda – Kunċett – Dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita jew li s-sors tagħhom ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 4(1) u (2) – Evalwazzjoni tal-provi – Obbligu ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat”

Fil-Kawża C‑921/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

LH

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal LH, minn I. M. van Kuilenburg, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u J. Tomkin kif ukoll minn M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il qudddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LH u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar iċ-ċaħda, minnu, ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn LH.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/95

3        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

[…]

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)      l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

4        L-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

[…]

(b)      il-preżentazzjoni qarrieqa ta’ fatti jew l-ommissjoni tagħhom, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istat ta’ refuġjat.”

 Id-Direttiva 2013/32

5        Il-premessi 3, 18, 25 u 36 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxu:

“(3)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, qabel li jaħdem sabiex tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra Dwar l-Istatus ta’ Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), u b’hekk ikun affermat il-prinċipju ta’ non‑refoulement u jkun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura għall-persekuzzjoni.

[…]

(18)      Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(25)      Fl-interess ta’ rikonoxximent korrett dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jew bħala persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, kull applikant għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, l-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura. […]

[…]

(36)      Fejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami [proċedura ġdida ta’ eżami sħiħ]. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata.”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-Direttiva [2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]

(q)      ‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).”

7        Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji u Garanziji Bażiċi”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 30 tagħha. L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)      l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

[…]”

8        L-Artikolu 31 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

[…]

8.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

[…]

(e)      l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-[Direttiva 2011/95]; […]

[…]”

9        L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(d)      l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet [fatti] ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-[Direttiva 2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant; […]

[…]”

10      L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprovdi:

“1.      Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.      Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet [fatti] ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

3.      Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

[…]

5.      Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).

[…]”

11      L-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appikanti li l-applikazzjoni tagħhom tkun suġġetta għal eżami preliminari taħt l-Artikolu 40 igawdu l-garanziji previsti fl-Artikolu 12(1).

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari taħt l-Artikolu 40. Dawk ir-regoli jistgħu, inter alia:

(a)      jobbligaw lill-applikant ikkonċernat sabiex jindika l-fatti u jissostanzja l-prova li jiġġustifikaw proċedura ġdida;

(b)      jippermettu li jsir eżami preliminari fuq il-bażi unika ta’ sottomissjonijiet miktuba mingħajr intervista personali, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 40(6).

Dawk ir-regoli ma għandhomx jagħmlu impossibbli l-aċċess, fir-rigward tal-applikanti, għal proċedura ġdida u ma għandhomx jirriżultaw fit-tneħħija effettiva jew f’limitazzjoni serja ta’ dan l-aċċess.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi infurmat b’mod adegwat bl-eżitu tal-eżami preliminari u, jekk l-applikazzjoni ma tkunx sejra tiġi eżaminata ulterjorment, bir-raġunijiet għalfejn u bil-possibbiltajiet ta’ rikors għal appell jew għal reviżjoni tad-deċiżjoni.”

 Id-dritt Olandiż

12      L-Artikolu 30a tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin tal-2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, p. 495), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal motivi ta’ ażil imsemmi fl-Artikolu 28 tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva [2013/32], jekk;

[…]

d.      iċ-ċittadin barrani ppreżenta applikazzjoni għall-ażil sussegwenti li huwa ma bbażahiex fuq xi elementi jew fatti ġodda jew li fiha ma ġie indikat l-ebda element jew fatt ġdid li jista’ jkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      LH, ċittadin Afgan, ħadem għal madwar tliet snin u nofs bħala xufier tad-direttur ta’ amministrazzjoni Afgana. Matul il-ħarifa tal-2015, il-vettura misjuqa minn LH ġiet involuta f’diversi attakki, li minnhom dan id-direttur u LH innifsu dejjem irnexxielhom jaħarbu. Sussegwentement, it-Talibani allegatament ikkuntattjaw lil LH diversi drabi fejn heddewh li joqtluh jekk ma jċedix f’idejhom lill-imsemmi direttur. Għalhekk, LH telaq mill-Afganistan.

14      Fit‑8 ta’ Diċembru 2015, LH ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-Segretarju tal-Istat, filwaqt li qies kredibbli d-dikjarazzjonijiet ta’ LH dwar l-attivitajiet eżerċitati minnu bħala xufier kif ukoll l-attakki Talibani li huwa kien ikkonfrontat bihom, qies li, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet ta’ LH dwar theddid individwali fuqu min-naħa tat-Talibani ma kinux kredibbli.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2017, is-Segretarju tal-Istat għaldaqstant ċaħad l-applikazzjoni ta’ LH. Din id-deċiżjoni saret definittiva peress li l-aħħar appell ippreżentat minn LH ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) tat‑23 ta’ Marzu 2018.

16      Fis‑26 ta’ Settembru 2018, LH ippreżenta applikazzjoni sussegwenti, li fil-kuntest tagħha huwa pprova jissostanzja d-dikjarazzjonijiet dwar it-theddid individwali li kien suġġett għalih. Għal dan il-għan, huwa ppreżenta dokumenti ġodda, fosthom id-dokumenti oriġinali li tagħhom huwa kien ipproduċa l-kopji fil-kuntest tal-proċedura preċedenti, jiġifieri dikjarazzjoni tal-korp tat-tifi tan-nar, insostenn tad-dikjarazzjoni tiegħu li d-dar tiegħu fl-Afganistan kienet ingħatat in-nar, flimkien ma’ marki tas-swaba’ diġitali ta’ xhieda, dikjarazzjoni tal-persuna li kienet timpjegah, kif ukoll kopja tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

17      Peress li s-Segretarju tal-Istat, b’mod partikolari, ikkonstata li l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti oriġinali ma setgħetx tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ eżami dokumentarju, huwa, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2019, iddikjara inammissibbli l-applikazzjoni sussegwenti ta’ LH, għar-raġuni li l-impossibbiltà li tiġi stabbilita l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti hija suffiċjenti, waħedha, sabiex dawn ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati bħala elementi jew fatti ġodda.

18      Fl‑4 ta’ Settembru 2019, LH ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), kontra din id-deċiżjoni, li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet sospiża permezz ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji.

19      F’dan ir-rikors, LH jipprovdi spjegazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li fihom huwa kiseb id-dokumenti oriġinali inkwistjoni kif ukoll ir-raġunijiet għaliex ma kienx possibbli għalih li jipproduċihom qabel, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, huwa impossibbli għalih li jiġġustifika l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti peress li ma għandux il-mezzi neċessarji sabiex jagħmel perizja għal dan il-għan. Madankollu, l-imsemmija dokumenti joriġinaw fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet Afgani, jiġifieri mill-korp tat-tifi tan-nar Afgan u l-amministrazzjoni Afgana li għaliha kien jaħdem LH. Skont LH, huwa irraġonevoli li l-oneru tal-prova tal-awtentiċità ta’ tali dokumenti jaqa’ biss fuq l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li s-Segretarju tal-Istat jinsab f’pożizzjoni aħjar li jwettaq l-investigazzjonijiet neċessarji għal dan il-għan, billi jagħmel kuntatt ma’ dawn l-awtoritajiet Afgani.

20      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-eżami mwettaq mis-Segretarju tal-Istat bl-ebda mod ma jagħti x’jifhem li d-dokumenti prodotti minn LH insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma humiex awtentiċi, ma joriġinawx minn istanza kompetenti, huma foloz jew ma humiex eżatti fuq il-livell tal-kontenut. Għalhekk, is-Segretarju tal-Istat ma għandux dubji konkreti dwar l-awtentiċità tad-dokumenti, iżda jqis lilu nnifsu biss fl-impossibbiltà li jiddeċiedi dwarha. Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta li jagħti intervista personali lil LH qabel ma ddikjara l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu inammissibbli.

21      Din il-qorti tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, ma jeżisti ebda element jew fatt ġdid jekk l-awtentiċità tad-dokumenti li permezz tagħhom l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jixtieq juri l-eżistenza ta’ tali element jew fatt ma ġietx stabbilita. Skont din il-ġurisprudenza, huwa dan l-applikant li għandu juri l-awtentiċità tad-dokumenti li permezz tagħhom huwa jissostanzja l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, mingħajr madankollu dan ma jżomm lis-Segretarju tal-Istat milli jassisti lill-applikant għal dan il-għan billi jeżamina huwa stess din l-awtentiċità. Madankollu, dan ma jneħħi xejn mir-responsabbiltà tal-applikant stess.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza Olandiżi humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li l-kunċett ta’ “elementi u fatti ġodda”, fis-sens tal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32, jiġi interpretat.

23      Issa, il-kunċett ta’ “element”, minkejja li jinsab f’diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ma huwiex iddefinit minnha. Għalhekk, għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, għandu jsir riferiment ukoll għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li ma jistabbilixxi ebda distinzjoni bejn l-elementi ppreżentati insostenn tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u dawk ippreżentati insostenn ta’ applikazzjonijiet sussegwenti. Lanqas ma huwa meħtieġ li l-awtentiċità tad-dokumenti tintwera sabiex dawn jitqiesu li jikkostitwixxu “element jew fatt ġdid”. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95 jindika sempliċement li “d-dokumentazzjoni kollha” li l-applikant għandu, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “element”.

24      Barra minn hekk, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni u l-eżami, fuq il-mertu, ta’ dokumenti oriġinali kellu jiġi miċħud sempliċement minħabba l-fatt li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita, dan jista’ jmur kontra d-dritt għall-ażil, il-projbizzjoni tar-refoulement u d-dritt għal rimedju effettiv, kif previsti rispettivament fl-Artikoli 18, 19 u 47 tal-Karta.

25      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-prassi amministrattiva Olandiża attwali, waqt l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex tevalwa l-kredibbiltà tal-verżjoni tal-istorja tal-applikant insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma hijiex stabbilita. Huwa biss meta jitfaċċaw dubji dwar l-awtentiċità tagħhom fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti li dawn id-dubji jikkostitwixxu raġuni sabiex l-imsemmija awtorità tikkonkludi mill-bidu nett l-assenza ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda, li jwassal għalhekk għall-inammissibbiltà ta’ tali applikazzjoni.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s–Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi ’s–Hertogenbosch) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 40(2) tad-[Direttiva 2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 2011/95] u mal-Artikoli 47 u 52 tal-[Karta], li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li dokumenti oriġinali qatt ma jistgħu jikkostitiwixxu elementi jew fatti ġodda jekk in-natura awtentika ta’ dawn id-dokumenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita? Fil-każ li dan ma huwiex kompatibbli, jagħmel differenza jekk, f’applikazzjoni sussegwenti, l-applikant jissottometti kopji ta’ dokumenti jew dokumenti li ġejjin minn sors li ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv?

2)      L-Artikolu 40 tad-[Direttiva 2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 2011/95], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-evalwazzjoni ta’ dokumenti u fl-attribuzzjoni ta’ valur probatorju lil dawn id-dokumenti, l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ta’ Stat Membru hija awtorizzata tagħmel distinzjoni bejn dokumenti prodotti mal-ewwel applikazzjoni u dawk prodotti meta ssir l-applikazzjoni sussegwenti? Stat Membru huwa awtorizzat, fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ dokumenti meta ssir applikazzjoni sussegwenti, li ma jibqax jikkonforma mal-obbligu ta’ kooperazzjoni jekk in-natura awtentika ta’ dawn id-dokumenti ma tkunx tista’ tiġi stabbilita?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha kwalunkwe dokument prodott minn applikant għal protezzjoni internazzjonali insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għandu awtomatikament jitqies li ma jikkostitwixxix “element jew fatt ġdid” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta l-awtentiċità ta’ dan id-dokument ma tistax tiġi stabbilita b’mod oġġettiv jew meta s-sors ta’ tali dokument ma tistax tiġi vverifikata b’mod oġġettiv.

28      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri biex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha, liema interpretazzjoni għandha tirriżulta minn teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem tad-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 57).

29      B’hekk, fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 ma jippreċiżax il-kunċett ta’ “elementi jew fatti ġodda” li jistgħu jissostanzjaw applikazzjoni sussegwenti.

30      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 jifforma, flimkien mal-Artikoli 41 u 42 tagħha, it-Taqsima IV tal-Kapitolu III, intitolat “Proċeduri ta’ Prima Istanza”, ta’ din id-direttiva. Jagħmel parti minn dan l-istess kapitolu l-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, li l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprevedu li l-Istati Membri, minn naħa, għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami b’mod konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi msemmija fil-Kapitolu II tal-istess direttiva u, min-naħa l-oħra, għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tintemm mill-iktar fis possibbli, bla ħsara għal eżami adegwat u eżawrjenti.

31      Issa, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni sussegwenti hija applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kkaratterizzata mill-fatt li tkun ġiet ippreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti.

32      Konsegwentement, skont l-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproċessaw applikazzjoni sussegwenti li, bħala tali, tikkostitwixxi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’mod konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi msemmija fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva.

33      Madankollu, meta applikant jippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali mingħajr ma jipproduċi provi jew argumenti ġodda, l-Istati Membri jistgħu, kif tiddikjara l-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32 u kif jirriżulta mill-Artikolu 33(2) tagħha, jiċħdu tali applikazzjoni bħala inammissibbli, konformement mal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ikun sproporzjonat li dawn l-Istati jiġu obbligati jwettqu proċedura ġdida ta’ eżami sħiħ.

34      B’hekk, l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi pproċessar tal-applikazzjonijiet sussegwenti f’żewġ stadji. L-ewwel stadju, ta’ natura preliminari, għandu bħala għan il-verifika tal-ammissibbiltà ta’ dawn l-applikazzjonijiet, filwaqt li t-tieni stadju jirrigwarda l-eżami tal-imsemmija talbiet fuq il-mertu.

35      Dan l-ewwel stadju għandu wkoll isir f’żewġ stadji, fejn kull wieħed minnhom jagħti lok għall-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà distinti stabbiliti minn dawn l-istess dispożizzjonijiet.

36      B’hekk, l-ewwel, l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, applikazzjoni sussegwenti għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux instabu, jew ġewx ippreżentati mill-applikant, elementi jew fatti ġodda dwar l-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95.

37      Huwa biss jekk effettivament jeżistu tali elementi jew fatti ġodda meta mqabbla mal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li, fit-tieni lok, l-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti jitkompla, skont l-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn l-elementi u fatti ġodda jżidux b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-imsemmi applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għal dan l-istatus.

38      Konsegwentement, għalkemm dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għandhom it-tnejn li huma jiġu ssodisfatti sabiex l-eżami tal-applikazzjoni sussegwenti jitkompla skont l-Artikolu 40(3) tal-imsemmija direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li huma distinti u ma għandhomx jiġu konfużi.

39      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dokument, li l-awtentiċità u l-veraċità tiegħu ma jistgħux jiġu esklużi, jistax jikkostitwixxi “element jew fatt ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32, minkejja li l-awtentiċità tiegħu ma tistax tiġi stabbilita jew is-sors tiegħu ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u applikazzjoni sussegwenti fid-dawl tan-natura tal-elementi jew tal-fatti li jistgħu juru li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet għandha, fiż-żewġ każijiet, issir skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

41      Issa, qabelxejn, fil-paragrafu 2 tiegħu dan l-Artikolu 4 jiddefinixxi l-elementi rilevanti insostenn għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħal dawk li jikkonsistu “mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.”

42      Sussegwentement, l-Artikolu 4(3)(b) tad-Direttiva 2011/95 jimponi evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dokumenti rilevanti ppreżentati mill-applikant, mingħajr ma jeżiġi li dawn id-dokumenti jkunu neċessarjament awtentikati.

43      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant li jinsabu fl-applikazzjoni ma jkunux sostnuti minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawn l-aspetti ma jeħtiġux konferma meta, l-ewwel nett, l-applikant ikun realment għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, it-tieni, l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi u spjegazzjoni sodisfaċenti dwar l-assenza ta’ provi oħra tkun ingħatat, it-tielet, id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawżibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni ġenerali u speċifika magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, u, ir-raba’, l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan, u l-kredibbilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.

44      Minn dan isegwi li kwalunkwe dokument prodott mill-applikant insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għandu jitqies li huwa element tagħha li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, u li, konsegwentement, l-impossibbiltà li dan id-dokument jiġi awtentikat jew l-assenza ta’ kwalunkwe sors verifikabbli b’mod oġġettiv ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, l-esklużjoni ta’ tali dokument mill-eżami li l-awtorità determinanti hija obbligata twettaq, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32.

45      Fir-rigward ta’ applikazzjoni sussegwenti, l-assenza ta’ awtentikazzjoni ta’ dokument għalhekk ma tistax twassal sabiex tiġi kkonstatata mill-ewwel l-inammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni, mingħajr ma jsir l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dan id-dokument jikkostitwixxix fatt jew element ġdid u, jekk ikun il-każ, jekk iżidx b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95.

46      Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, skont l-Artikolu 31(8)(e) tad-Direttiva 2013/32, anki dikjarazzjonijiet foloz jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali biss jekk dawn jirrendu din l-applikazzjoni ftit li xejn konvinċenti, liema fatt jippreżupponi li dawn kienu, preċedentement, tqiesu ammissibbli u eżaminati mill-awtorità kompetenti.

47      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32, li tirriżulta għalhekk mill-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni, hija kkonfermata wkoll mill-għanijiet ta’ din id-direttiva.

48      Fil-fatt, mill-premessi 3, 18 u 25 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi sistema Ewropea komuni tal-ażil li fiha, minn naħa, kull applikant għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, għandu jkun jista’ jikkoopera u jikkomunika b’mod xieraq mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti rilevanti li jikkonċernawh, u jkollu garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu fl-istadji kollha tal-proċedura, u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni l-iktar rapida possibbli, bla ħsara għat-twettiq ta’ eżami adegwat u eżawrjenti.

49      Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ verifika tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti, din hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jiċħdu bħala inammissibbli kull applikazzjoni sussegwenti ppreżentata fl-assenza ta’ kwalunkwe element jew fatt ġdid sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni preċedenti.

50      Minn dan isegwi li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni sussegwenti hijiex ibbażata fuq elementi jew fatti ġodda relatati mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 għandu jkun limitat għall-verifika tal-eżistenza, insostenn ta’ din l-applikazzjoni, ta’ elementi jew ta’ fatti li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tad-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni preċedenti u li fuqhom din id-deċiżjoni, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ma setgħetx tiġi bbażata.

51      Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 li timplika li l-awtorità determinanti għandha twettaq, sa mill-istadju tal-verifika tal-preżenza ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti, evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi u fatti, minbarra l-fatt li hija twassal għal konfużjoni tad-diversi stadji tal-proċedura ta’ eżami ta’ tali applikazzjoni, tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2013/32 li tiżgura eżami kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

52      Bl-istess mod, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li timponi li kull dokument ippreżentat insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti jkun ammissibbli biss jekk dan id-dokument ikun awtentikat, tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva li tiżgura eżami adegwat u eżawrjenti ta’ tali applikazzjoni.

53      Għaldaqstant, huwa biss fil-kuntest tat-tieni stadju tal-verifika tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti, kif deskritt fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li l-evalwazzjoni tal-awtorità determinanti għandha tirrigwarda l-verifika tal-kwistjoni dwar jekk l-elementi u l-fatti ġodda li nstabu jew li ġew ippreżentati mill-applikant humiex tali li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, kwalunkwe dokument prodott minn applikant għal protezzjoni internazzjonali insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għandu jiġi meqjus awtomatikament bħala li ma jikkostitwixxix “element jew fatt ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-awtentiċità ta’ dan id-dokument ma tistax tiġi stabbilita jew meta s-sors ta’ tali dokument ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv.

 Fuq it-tieni domanda

55      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, għandux jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-provi prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tvarja skont jekk din tkunx l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li Stat Membru huwa awtorizzat ma jikkooperax ma’ applikant bil-għan li jiġu evalwati l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu meta, insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa jipproduċi dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita.

56      Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fir-rigward tal-prassi amministrattiva attwali tal-Pajjiżi l-Baxxi, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li skontha, waqt l-ewwel applikazzjoni, sabiex tevalwa l-kredibbiltà tal-verżjoni tal-istorja tal-applikant insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma hijiex stabbilita, filwaqt li, f’applikazzjoni sussegwenti, l-inċertezza dwar l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti tikkostitwixxi, fiha nnifisha, raġuni sabiex din l-awtorità tikkonkludi li teżisti assenza ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda, u dan awtomatikament iwassal għall-inammissibbiltà ta’ din l-aħħar applikazzjoni.

57      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-Artikoli 40 sa 42 tad-Direttiva 2013/32, dwar l-applikazzjonijiet sussegwenti, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li l-evalwazzjoni tal-provi prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tvarja skont jekk din tkunx l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti.

58      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, peress li l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni u applikazzjoni sussegwenti fir-rigward tal-elementi jew tal-fatti li jistgħu juru li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet għandha, fiż-żewġ każijiet, issir skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

59      B’hekk, għalkemm il-fatt li l-ewwel applikazzjoni kienet diġà s-suġġett ta’ eżami eżawrjenti jiġġustifika li l-Istati Membri jeżaminaw qabelxejn, preliminarjament, l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti fid-dawl, b’mod partikolari, tal-eżistenza, insostenn tagħha, ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda li jirrigwardaw l-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-imsemmi fatt ma jistax, min-naħa l-oħra, jiġġustifika wkoll li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi jew fatti ma titwettaqx, fil-kuntest ta’ dan l-eżami preliminari, konformement mal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

60      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jevalwa, f’kooperazzjoni mal-applikant, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

61      Issa, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, dokument, anki jekk l-awtentiċità tiegħu ma tistax tiġi stabbilita jew jekk is-sors tiegħu ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv, jikkostitwixxi element prodott insostenn tal-applikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat, skont din l-istess dispożizzjoni, jevalwa dan id-dokument b’kooperazzjoni mal-applikant.

62      Barra minn hekk, għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li, sabiex il-produzzjoni ta’ tali dokument tkun tista’ twassal sabiex, skont l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, l-eżami fuq il-mertu jitwettaq skont il-Kapitolu II tagħha, ma huwiex neċessarju li l-Istat Membru jkun konvint li dan id-dokument il-ġdid ikun jissostanzja b’mod suffiċjenti l-applikazzjoni sussegwenti, iżda huwa biżżejjed li l-imsemmi dokument iżid b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95.

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-provi prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tvarja skont jekk tkunx l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li Stat Membru huwa obbligat jikkoopera ma’ applikant bil-għan li jiġu evalwati l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, meta, insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa jipproduċi dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita.

 Dwar l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, kwalunkwe dokument prodott minn applikant għal protezzjoni internazzjonali insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għandu jiġi meqjus awtomatikament bħala li ma jikkostitwixxix “element jew fatt ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-awtentiċità ta’ dan id-dokument ma tistax tiġi stabbilita jew meta s-sors ta’ tali dokument ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv.

2)      L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-provi prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tvarja skont jekk tkunx l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li Stat Membru huwa obbligat jikkoopera ma’ applikant bil-għan li jiġu evalwati l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, meta, insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa jipproduċi dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.