Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch – il-Pajjiżi l-Baxxi) – LH vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-921/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 40(2) – Applikazzjoni sussegwenti – Elementi jew fatti ġodda – Kunċett – Dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita jew li s-sors tagħhom ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 4(1) u (2) – Evalwazzjoni tal-provi – Obbligu ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LH

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Dispożittiv

L-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, kwalunkwe dokument prodott minn applikant għal protezzjoni internazzjonali insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għandu jiġi meqjus awtomatikament bħala li ma jikkostitwixxix “element jew fatt ġdid”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-awtentiċità ta’ dan id-dokument ma tistax tiġi stabbilita jew meta s-sors ta’ tali dokument ma jistax jiġi vverifikat b’mod oġġettiv.

L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-provi prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tvarja skont jekk tkunx l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li Stat Membru huwa obbligat jikkoopera ma’ applikant bil-għan li jiġu evalwati l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, meta, insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa jipproduċi dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi stabbilita.

____________

1     ĠU C 103, 30.3.2020.