Language of document : ECLI:EU:T:2021:454

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-ECDC – Fastidju psikoloġiku – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Riżenja tal-awtur tal-aġir ikkritikat – Assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari – Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal – Risposta għat-talba għal assistenza – Rikors għal annullament – Att li jikkawża preġudizzju – Ksur tad-dritt għal smigħ – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Rifjut ta’ aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni u għal dokumenti oħra – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑65/19,

AI, irrappreżentat minn L. Levi u A. Champetier, avocates,

rikorrent,

kontra

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), irrappreżentat minn J. Mannheim u A. Iber, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avocats,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-ECDC tat‑18 ta’ Mejju, tal‑20 ta’ Ġunju u tas‑26 ta’ Ottubru 2018 meħuda b’risposta għat-talba għal assistenza tar-rikorrent minħabba fastidju psikoloġiku kif ukoll għat-talba tiegħu ta’ aċċess għal ċerti dokumenti u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-dannu li huwa ġarrab,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, L. Truchot u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, AI, ġie rreklutat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fil-[kunfidenzjali] (1).

2        Fl‑20 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ressaq talba għal assistenza (iktar ’il quddiem l-“ewwel talba għal assistenza”) fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), dwar allegati fatti ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tal-Kap ta’ Diviżjoni tiegħu, A (iktar ’il quddiem il-“Kap ta’ Diviżjoni”). Wara li ddeskriva fid-dettall dawn il-fatti, ir-rikorrent għamel it-talba segwenti:

“Nixtieq nitlob għajnuna sabiex tintemm din is-sitwazzjoni li tikkawżali ħafna niket u nixtieq nitlob ukoll li jiġi vverifikat jekk dan l-aġir, li jiena nipperċepixxi bħala repetittiv, aggressiv u abbużiv fil-konfront tiegħi, jikkostitwixxix każ ta’ fastidju.”

3        Fl‑14 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent ippreżenta formola ta’ informazzjoni li tikkompleta l-ewwel talba tiegħu għal assistenza.

4        Fis‑7 ta’ Awwissu 2017, l-ECDC innotifika l-ewwel talba għal assistenza lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Fis‑27 ta’ Settembru 2017, wara diversi skambji mal-ECDC, il-Kap ta’ Diviżjoni 0.1 tal-OLAF bagħtet nota lid-Direttriċi tal-ECDC (iktar ’il quddiem id-“Direttriċi”). Permezz ta’ din in-nota, ġie indikat li l-OLAF ma kienx beda investigazzjoni fuq l-istess fatti, li kien qiegħed jieħu nota tal-fatt li l-ECDC kien ser jibda l-investigazzjoni tiegħu stess u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma kienx ser jibda investigazzjoni.

5        Fit‑28 ta’ Settembru 2017, B, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, ġie inkarigat mid-Direttriċi sabiex iwettaq investigazzjoni dwar l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni kkritikat mir-rikorrent u minn membru ieħor tal-persunal tal-ECDC, C, li wkoll kien ressaq talba għal assistenza.

6        Permezz ta’ ittra tal-istess jum, id-Direttriċi informat lir-rikorrent bil-ftuħ tal-investigazzjoni wara l-ewwel talba tiegħu għal assistenza u l-ħatra tal-investigatur. Hija indikatlu wkoll li, “[m]eta tirċievi r-rapport ta’ [B] [hija] ser [t]ieħu deċiżjoni dwar is-suġġett”.

7        Fid‑9 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent instema’ għall-ewwel darba mill-investigatur.

8        Fis‑26 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent ikkuntattja lid-Direttriċi sabiex jinformaha b’ċertu aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni, simili għal dak imsemmi qabel fl-ewwel talba tiegħu għal assistenza, li kien seħħ matul laqgħa ta’ xogħol li nżammet il-ġurnata ta’ qabel. Ir-rikorrent informa lid-Direttriċi bis-sentiment tiegħu ta’ vulnerabbiltà u t-tħassib tiegħu fil-perspettiva ta’ laqgħa prevista għal dakinhar filgħaxija stess, fil-preżenza wkoll tal-Kap ta’ Diviżjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent talab li jiġi meħlus mid-dmirijiet li fil-kuntest tagħhom huwa kien f’kuntatt mal-Kap ta’ Diviżjoni.

9        Id-Direttriċi rrispondiet permezz ta’ ittra elettronika fl-istess jum, fejn indikat li kienet organizzat mill-ġdid id-djarju tagħha sabiex tkun tista’ tkun preżenti għal-laqgħa li jmiss, li kienet qiegħda tikkawża inkwiet lir-rikorrent. Wara din il-laqgħa, ir-rikorrent u d-Direttriċi kellhom l-ewwel diskussjoni bil-għan li jidentifikaw il-kompiti li jimplikaw kuntatt dirett bejnu u l-Kap ta’ Diviżjoni u qablu li jirriflettu flimkien, fil-ġranet segwenti, soluzzjoni temporanja għall-organizzazzjoni tax-xogħol tar-rikorrent sa tmiem l-investigazzjoni.

10      Fil-kuntest ta’ din ir-riflessjoni, ir-rikorrent bagħat bil-miktub lid-Direttriċi sensiela ta’ għażliet ta’ natura li jnaqqsu r-riskji ta’ fastidju psikoloġiku. Fost l-għażliet elenkati “mingħajr ordni partikolari”, ir-rikorrent issuġġerixxa li “tiġi trasferita temporanjament ir-responsabbiltà tal-ġestjoni ġerarkika tad-diviżjoni […] lil kap ta’ diviżjoni ieħor” jew “li jipprova jitnaqqas il-kuntatt permezz ta’ leave, xogħol mid-dar u orarju flessibbli”.

11      Fit‑30 ta’ Ottubru 2017 inżammet laqgħa bejn ir-rikorrent u d-Direttriċi, li fit-tmiem tagħha din issuġġerixxietlu, permezz ta’ ittra elettronika datata s‑7 ta’ Novembru 2017, li jagħżel sistema ta’ xogħol mid-dar okkażjonali għal perijodu itwal minn dak normalment previst, mid‑9 ta’ Novembru 2017. Sabiex jiżgura l-preżenza tiegħu waqt laqgħat diġà stabbiliti u sabiex jorganizza x-xogħol tal-grupp tiegħu, ir-rikorrent finalment iddifferixxa l-bidu tax-xogħol mid-dar għat‑13 ta’ Novembru 2017.

12      Fil‑25 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent kellu laqgħa oħra mal-investigatur, din id-darba bit-telefon, li matulha ddeskriva lil dan tal-aħħar l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni waqt il-laqgħa tal‑25 ta’ Ottubru 2017 u l-iskambji sussegwenti tiegħu mad-Direttriċi, kif imfakkra fil-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq.

13      Fit‑13 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent temm il-perijodu ta’ xogħol mid-dar okkażjonali tiegħu. Fl-istess data, il-Kap ta’ Diviżjoni ħa leave sa tmiem is-sena 2017. Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent ħa leave fil-bidu tas-sena 2018 u reġa’ beda jaħdem fid‑9 ta’ Jannar 2018.

14      Fil‑21 ta’ Jannar 2018, B bagħat ir-rapport tiegħu lid-Direttriċi (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ investigazzjoni”).

15      Wara li baqa’ fil-kariga tiegħu matul ix-xahar ta’ Jannar 2018, il-Kap ta’ Diviżjoni ħareġ bil-leave tal-mard u ġie ssostitwit fil-funzjonijiet tiegħu mill‑31 ta’ Jannar 2018.

16      Fit‑13 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent talab, abbażi tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni, inklużi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

17      Fit‑3 ta’ April 2018, il-leave tal-mard tal-Kap ta’ Diviżjoni spiċċa. F’din id-data, huwa ma reġax beda l-funzjonijiet preċedenti tiegħu, iżda ġie inkarigat b’kompiti direttament assenjati u ssorveljati mid-Direttriċi, mingħajr ma kellu ebda rabta ġerarkika mar-rikorrent.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2018, b’risposta għat-talba tar-rikorrent tat‑13 ta’ Marzu 2018 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), id-Direttriċi rrifjutat lil dan tal-aħħar l-aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni minħabba li l-proċedura mibdija, wara l-ewwel talba għal assistenza, ma kinitx għadha ngħalqet. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, id-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, previst fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jippermetti l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tagħha meta deċiżjoni taffettwa negattivament l-interessi tagħha.

19      Fis‑6 ta’ April 2018, inżammet laqgħa bejn il-Kap ta’ Diviżjoni u d-Direttriċi, li matulha din informatu oralment dwar l-eżitu tal-investigazzjoni.

20      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2018, ir-rikorrent ressaq talba ġdida għal assistenza (iktar ’il quddiem it-“tieni talba għal assistenza”). F’din it-talba, huwa rrapporta l-fatt li l-Kap ta’ Diviżjoni kien ikkuntattja lil diversi membri tal-persunal tal-ECDC matul u wara t-tfassil tar-rapport tal-investigazzjoni sabiex jispjegalhom li l-elementi li r-rikorrent kien irrapporta fl-ewwel talba għal assistenza tiegħu kienu gideb minn impjegat mhux kuntent. Ir-rikorrent enfasizza wkoll li l-Kap ta’ Diviżjoni kien irritorna l-uffiċċju u għalhekk seta’ jkompli jiddifamah jew ikompli bil-fastidju psikoloġiku tiegħu fil-konfront tiegħu.

21      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2018, ir-rikorrent talab għat-tieni darba sabiex ikollu aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni, abbażi tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda wkoll tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

22      It-tieni laqgħa bejn id-Direttriċi u l-Kap ta’ Diviżjoni ġiet iffissata għas‑16 ta’ April 2018, bil-għan li tagħti lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jesprimi ruħu formalment dwar ir-rapport tal-investigazzjoni, li fil-frattemp kien ġie kkomunikat lilu. Fuq talba tal-Kap ta’ Diviżjoni, sabiex ikun jista’ jipprepara l-osservazzjonijiet orali tiegħu, din il-laqgħa ġiet posposta għat‑2 ta’ Mejju 2018.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2018, l-aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni mitlub mir-rikorrent (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) ġielu rrifjutat mill-ġdid minħabba, minn naħa, li ebda deċiżjoni li taffettwah negattivament ma kienet għada ttieħdet u, min-naħa l-oħra, li ma kienx ġie pprovat il-bżonn li tiġi żvelata data personali li tikkonċerna lill-Kap ta’ Diviżjoni, ta’ membri oħra tal-persuna tal-ECDC kif ukoll ta’ persuni esterni oħra. Barra minn hekk, it-talba għal aċċess ibbażata fuq ir-Regolament Nru 45/2001 ġiet ittrasferita lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-ECDC.

24      Fil‑15 ta’ Mejju 2018, inżammet it-tielet laqgħa bejn id-Direttriċi u l-Kap ta’ Diviżjoni, li matulha din informatu bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tiegħu abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

25      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Mejju 2018, ifformulata immedjatament wara din il-laqgħa, il-Kap ta’ Diviżjoni ppreżenta r-riżenja tiegħu “fl-interess tas-servizz”.

26      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2018 indirizzata lill-Kap ta’ Diviżjoni, id-Direttriċi tal-ECDC aċċettat ir-riżenja tiegħu. F’din l-ittra, l-ewwel nett, id-Direttriċi indikat li l-investigatur kien ikkonkluda li, fil-fehma tiegħu, l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent u talba simili mressqa minn membru ieħor tal-persunal tal-ECDC setgħu jintlaqgħu. It-tieni nett, id-Direttriċi fakkret l-osservazzjonijiet li l-Kap ta’ Diviżjoni kien ifformula. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ma kienx ġie osservat matul l-investigazzjoni, ir-rapport ta’ investigazzjoni kien ivvizzjat b’diversi żbalji fattwali, ċerti persuni involuti fl-investigazzjoni setgħu aġixxew b’mala fide u l-intenzjoni tiegħu qatt ma kienet li tagħmel ħsara lil xi ħadd, iżda li jaġixxi fl-interess tal-ECDC. It-tielet nett, id-Direttriċi indikat li hija kienet ikkonstatat xi żbalji fattwali fir-rapport ta’ investigazzjoni u li l-Kap ta’ Diviżjoni kellu d-dritt li jaġixxi fir-rigward ta’ ċerti problemi ta’ rendiment fir-rigward ta’ diversi membri tad-diviżjoni tiegħu. Madankollu d-Direttriċi kkunsidrat, wara li qrat ir-rapport ta’ investigazzjoni u l-allegazzjonijiet serji mressqa kontra tiegħu, inkluż f’xhieda, li l-metodu ta’ ġestjoni tal-Kap ta’ Diviżjoni kien ikkawża stress u ansjetà inutli għall-persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttriċi indikat li r-rabta ta’ fiduċja bejn l-ECDC u l-Kap ta’ Diviżjoni ma setgħetx tiġi stabbilita u li hija kellha l-intenzjoni li ttemm il-kuntratt tiegħu skont l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Madankollu, peress li sadanittant irrilevat li l-Kap ta’ Diviżjoni kien ippreżenta r-riżenja tiegħu, id-Direttriċi aċċettat din ir-riżenja fit-termini segwenti:

“Madankollu, inti issa ppreżentajt ir-riżenja tiegħek, li jfisser fil-prattika li l-aħħar jum ta’ servizz tiegħek ser iseħħ qabel id-data effettiva tat-tmiem tal-impjieg, u għalhekk nikkonstata li huwa fl-interess tas-servizz li naċċetta r-riżenja tiegħek tal‑15 ta’ Mejju. Il-perijodu ta’ preavviż tiegħek huwa ta’ għaxar xhur, li jfisser li l-aħħar jum ta’ servizz tiegħek ser ikun il‑15 ta’ Marzu 2019.

Kif iddiskutejna u qbilna waqt il-laqgħa tagħna, inti ser taħdem mid-dar tiegħek matul il-perijodu ta’ preavviż tiegħek fuq ix-xogħol assenjat minni.

Matul il-perijodu ta’ preavviż tiegħek, inti għandek taġixxi skont l-obbligu tiegħek ta’ lealtà lejn l-ECDC skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

27      Fit‑18 ta’ Mejju 2018, id-Direttriċi bagħtet ittra lir-rikorrent li kellha bħala suġġett l-ewwel talba għal assistenza tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”). Din l-ittra kienet ifformulata kif ġej:

“Wara l-ittra tiegħi tat‑28 ta’ Settembru 2017, fejn informajtek bil-bidu tal-investigazzjoni wara l-[ewwel] talba għal assistenza għal fastidju psikoloġiku [mill-] […] Kap ta’ Diviżjoni […], issa qiegħda niktiblek sabiex ninformak bil-konklużjoni tal-investigazzjoni u tal-proċedura relatata magħha. Irċevejt ir-rapport ta’ investigazzjoni tal-investigatur estern, [B], fl-aħħar tax-xahar ta’ Jannar. Ir-riżultat tal-investigazzjoni kkunsidra n-narrazzjoni tiegħek kif ukoll dik ta’ lanjant ieħor, sostnut ukoll minn diversi xhieda. L-investigatur jikkonkludi li, fil-fehma tiegħu, iż-żewġ ilmenti għal fastidju jistgħu jintlaqgħu.

Kif taf, [il-Kap ta’ Diviżjoni] kien assenti fl-ewwel parti tas-sena u għalhekk ma stajtx nikkonkludi l-proċedura qabel dan il-mument. Jiena kkomunikajt il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni l[ill-Kap ta’ Diviżjoni] f’April, wara r-ritorn tiegħu fl-uffiċċju, u, skont il-proċedura, jiena tajtu l-opportunità li jinformani bl-opinjoni tiegħu dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni.

Wara li qrajt ir-rapport u wara li ħadt inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li għandi, wasalt għall-konklużjoni li kien hemm elementi ta’ fastidju psikoloġiku. Barra minn hekk, nista’ nikkonstata li r-rapport fih xi żbalji fattwali. Minkejja l-fatt li [l-Kap ta’ Diviżjoni], fir-rwol tiegħu […], kellu jaġixxi fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet, nikkunsidra madankollu li l-mod kif ittratta dawn id-diffikultajiet u l-metodu ta’ ġestjoni tiegħu kkawżaw stress u ansjetà inutli lill-persunal. Konsegwentement, kont qiegħda nikkunsidra miżuri xierqa, iżda, fil-frattemp, [il-Kap ta’ Diviżjoni] irriżenja mill-kariga tiegħu u mhux ser jippreżenta ruħu iżjed fl-uffiċċju. Fid-dawl tal-assenza preċedenti tiegħu u tal-assenjazzjoni sussegwenti tiegħu fil-kabinett tad-Direttriċi, u peress li rriżenja, nispera li l-[ewwel] talba għal assistenza tiegħek instemgħet u li s-sitwazzjoni li kienet qiegħda tikkawżalek ansjetà ntemmet.”

28      Fid‑29 ta’ Mejju 2018, il-Kap ta’ Diviżjoni ressaq talba għal assistenza minħabba l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar l-investigazzjoni li kien suġġett tagħha fil-mezzi tax-xandir Svediżi kif ukoll minħabba theddid anonimu li kien irċieva. Din it-talba wasslet għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva li matulha nstema’ r-rikorrent.

29      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrent, għat-tielet darba, talab l-aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni, li kien jirrigwarda wkoll f’din it-talba d-dokumenti kollha li abbażi tagħhom id-Direttriċi tal-ECDC kienet ħadet l-ewwel deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk li abbażi tagħhom hija kienet ikkunsidrat li r-rapport ta’ investigazzjoni kien jinkludi “xi żbalji fattwali” (iktar ’il quddiem it-“talba għal aċċess kontenzjuża”). L-imsemmija talba tressqet abbażi tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont ir-rikorrent, dan l-aċċess sar neċessarju fid-dawl tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u kruċjali fid-dawl tat-tieni talba għal assistenza tiegħu. Fl-istess ittra, ir-rikorrent talab iktar dettalji dwar is-sitwazzjoni kuntrattwali tal-Kap ta’ Diviżjoni wara r-riżenja tiegħu, imsemmija fl-ewwel deċiżjoni kkontestata.

30      Permezz ta’ ittra tal-istess jum wara d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2018 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ressaq talba konfermattiva ta’ aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

31      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2018, indirizzata lill-avukati tar-rikorrent (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), id-Direttriċi ċaħdet it-talba għal aċċess kontenzjuża, imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, bil-kliem li ġej:

“Intom indikajtu li [t-]talba [tal-klijent tagħkom] hija bbażata fuq il-fatt li huwa jħoss li ġie ppreġudikat bl-[ewwel] deċiżjoni [kkontestata] li ġiet ikkomunikata lilu permezz tal-ittra tat‑18 ta’ Mejju 2018. Wara li evalwajt debitament l-argumenti mressqa, ma narax kif l-interessi tal-klijent tagħkom jistgħu jiġu affettwati, għaliex ma ċħadtx l-[ewwel] talba għal assistenza bħala infondata. Barra minn hekk, il-klijent tagħkom kellu l-possibbiltà li jippreżenta l-fehma tiegħu matul l-investigazzjoni. It-[tieni] talba għal assistenza […] imressqa mill-klijent tagħkom fl‑10 ta’ April 2018 lanqas ma tista’ tiġġustifika tali talba, peress li ebda konklużjoni ma ġiet misluta fir-rigward ta’ din it-talba.

Konsegwentement, intenni l-konklużjoni tiegħi li l-aċċess għar-rapport u għad-dokumenti l-oħra ma huwiex neċessarju abbażi tal-Artikolu 41 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali].

Naħseb li din il-konklużjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-[Unjoni], li tgħid li, sabiex tiġi interpretata l-portata tad-dritt tad-difiża, is-sitwazzjoni ta’ proċedura ta’ investigazzjoni mibdija wara talba għal assistenza minħabba fastidju min-naħa ta’ membru tal-persunal ma tista’, fl-ebda każ, tiġi assimilata mal-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija kontra dan il-membru. F’każijiet simili, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, ibbażat fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ġie rrifjutat ukoll lil-lanjanti meta kien ġie konkluż li l-eżistenza ta’ fastidju ma setgħetx tiġi stabbilita.”

32      Permezz ta’ ittra tal-istess jum (iktar ’il quddiem it-“tieni ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2018”), id-Direttriċi rrispondiet għat-talba konfermattiva ta’ aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni mressqa fit‑30 ta’ Mejju 2018 abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) u għat-talba tar-rikorrent imressqa fis‑16 ta’ April 2018 abbażi tar-Regolament Nru 45/2001 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). F’din l-ittra, id-Direttriċi kkonkludiet li r-rikorrent seta’, minn naħa, jikkonsulta fuq il-post verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, jirċievi dokument li jinkludi d-data personali tiegħu, imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001.

33      Fit‑2 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fejn ikkontesta l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata. F’dan l-ilment, huwa ressaq talba għal kumpens għad-dannu morali kkawżat lilu min-nuqqas ta’ rikonoxximent sħiħ tal-istatus tiegħu ta’ vittma, l-assenza ta’ sanzjoni dixxiplinari kontra l-Kap ta’ Diviżjoni u l-assenza ta’ miżura ta’ protezzjoni wara l-ewwel talba tiegħu għal assistenza. Dan id-dannu ġie aggravat, b’mod partikolari, bir-rifjut ta’ aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrent ippreċiża li “id-danni li jirriżultaw direttament mill-fastidju u min-nuqqas tal-ECDC li [ma żgurax] kundizzjonijiet ta’ impjieg konformi man-normi ta’ dinjità, ta’ saħħa u ta’ sigurtà huma koperti minn talbiet separati”.

34      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2018, id-Direttriċi informat lir-rikorrent, wara li tkellmet ma’ diversi membri tal-persunal, li ma kienx hemm ebda prova li tikkonferma l-allegazzjonijiet li kien għamel fit-tieni talba għal assistenza (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) u ċaħditha.

35      Fit‑12 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent seta’ jikkonsulta fuq il-post verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni. Huwa ffirma dokument ta’ preżenza fejn ippreċiża, b’mod bil-miktub, li huwa kien qiegħed jikkontesta l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dan ir-rapport.

36      Fil‑11 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent u erba’ membri oħra tal-persunal tal-ECDC ressqu talba għad-danni skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali u materjali li huma sofrew minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-ECDC bejn l-2012 u l-2018 quddiem l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni fir-rigward tagħhom.

37      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), id-Direttriċi ċaħdet l-ilment tar-rikorrent tat‑2 ta’ Lulju 2018 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). L-ewwel nett, id-Direttriċi kkontestat l-ammissibbiltà tal-ilment, billi sostniet li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Sussegwentement, hija affermat li l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni ma kienx ġie mminimizzat f’din id-deċiżjoni. Id-Direttriċi ppreċiżat li, “minħabba l-gravità tal-aġir [tal-Kap ta’ Diviżjoni], [hija kienet] ikkunsidrat miżuri xierqa sabiex tamministra r-riżultat tar-rapport ta’ investigazzjoni”. Hija fakkret ukoll li l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent kienet intiża sabiex “tintemm is-sitwazzjoni u jiġu investigati l-fatti allegati”. Hija ddeskriviet ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni meħuda fir-rigward tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija indikat li kienet aċċettat ir-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni “fl-interess tas-servizz”. Barra minn hekk, id-Direttriċi enfasizzat li r-rikorrent seta’ jikkonsulta verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni fit‑12 ta’ Settembru 2018. Fil-fehma tagħha, ma ngħatatx aċċess komplet għar-rapport minħabba l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-intervisti max-xhieda u mal-Kap ta’ Diviżjoni nnifsu, minħabba n-natura sensittiva tal-problema u n-neċessità li tinżamm il-kapaċità tal-ECDC li twettaq investigazzjonijiet. Fl-aħħar nett, id-Direttriċi ċaħdet it-talba għad-danni fformulata fl-ilment.

38      Fil‑21 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent ressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar it-tieni ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2018, imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq.

39      Fil‑5 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-ittra tas‑7 ta’ Settembru 2018 dwar it-tieni talba għal assistenza tiegħu.

40      Fil‑11 ta’ Frar 2019, id-Direttriċi ċaħdet fl-intier tagħha t-talba għad-danni msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq.

41      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Marzu 2019, l-ittra tas‑7 ta’ Settembru 2018 li tiċħad it-tieni talba għal assistenza (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) ġiet irtirata mid-Direttriċi wara l-ilment tar-rikorrent tal‑5 ta’ Diċembru 2018.

42      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2019, id-Direttriċi pprovdiet lir-rikorrent sommarju tad-dikjarazzjonijiet tad-diversi xhieda mismugħa wara t-tieni talba għal assistenza u stednitu għal laqgħa, li nżammet fil‑25 ta’ Marzu 2019.

43      Fil‑15 ta’ Marzu 2019, il-Kap ta’ Diviżjoni telaq definittivament mill-ECDC wara l-perijodu ta’ preavviż tiegħu.

44      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ April 2019, id-Direttriċi informat lir-rikorrent li, fin-nuqqas ta’ raġuni li tiġġustifika li l-eżami tal-fatti msemmija fit-tieni talba għal assistenza jkun approfondit, hija kienet iddeċidiet li tiċħad din it-talba.

45      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2019, l-Ombudsman qies li l-ECDC ma kinitx wettqet amministrazzjoni ħażina meta tat lir-rikorrent, fit-tieni ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2018, aċċess parzjali biss għar-rapport ta’ investigazzjoni.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent talab li jingħatalu l-anonimat skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

48      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lis-Seba’ Awla.

49      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fis‑26 ta’ Mejju 2020.

50      Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 91(c) u tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, ordnat lill-ECDC tipproduċi d-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Dawn id-dokumenti ntbagħtu lill-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Awwissu 2020 u ma ġewx innotifikati lir-rikorrent, skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura.

51      Fl‑24 ta’ Ġunju 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet diversi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-terminu mogħti lilhom.

52      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2020.

53      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        tordna l-kumpens għad-danni morali tagħhom, evalwat ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 40 000;

–        tikkundanna lill-ECDC għall-ispejjeż.

54      L-ECDC jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u infondat fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

A.      Fuq is-suġġett tar-rikors

55      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali, minbarra l-annullament tal-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata, l-annullament, “jekk ikun il-każ”, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kien ġie ppreżentat kontrih l-ilment, meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Madankollu, meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ikun sar dan l-ilment, b’mod partikolari meta hija temenda d-deċiżjoni inizjali jew meta tkun tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent skont punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda li, kieku seħħew jew kienu magħrufa mill-awtorità kompetenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi speċifikament dwar it-talbiet formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, ZQ vs Il‑Kummissjoni, T‑647/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:884, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma hijiex purament konfermattiva tat-tieni deċiżjoni kkontestata, sa fejn id-Direttriċi ħadet pożizzjoni fuq elementi ġodda li seħħew wara l-adozzjoni tagħha u wara d-data tal-ilment. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, id-Direttriċi kkonstatat li r-rikorrent seta’ finalment jikkonsulta fil-post, fit‑12 ta’ Settembru 2018, verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni kif ukoll li jikseb, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001, dokument li jinkludi d-data personali tiegħu.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal annullament kemm tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

60      Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tispeċifika ċerti motivi tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, hija tirrikonoxxi l-“gravità” tal-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni u tipprovdi preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari, dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu lid-Direttriċi sabiex taċċetta, “fl-interess tas-servizz”, ir-riżenja tiegħu. Fid-dawl tat-tieni deċiżjoni kkontestata, hija żżid li ma kienx ingħata aċċess komplet għar-rapport ta’ investigazzjoni lir-rikorrent minħabba l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-intervisti max-xhieda u mal-Kap ta’ Diviżjoni nnifsu, minħabba n-natura sensittiva tal-problema u tan-neċessità li tinżamm il-kapaċità tal-ECDC li twettaq investigazzjonijiet. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedimenti prekontenzjuża, din il-motivazzjoni komplimentari għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata, peress li din il-motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

B.      It-talba għal annullament

1.      Fuq it-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

61      Ir-rikorrent iressaq tliet motivi insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet wieħed, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikoli 24 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal.

62      L-ECDC jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara din it-talba għal annullament manifestament inammissibbli, fl-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent. Sussidjarjament, huwa jitlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad it-tliet motivi bħala infondati.

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

63      Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-obbligi li għandha l-amministrazzjoni meta talba għal assistenza ssir minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal.

64      Meta l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każijiet, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ta’ istituzzjoni tiġi adita, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tal-imsemmija regolamenti tal-persunal, hija għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew l-aġent li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jiddikjara li jkun qiegħed iġarrab. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqet dan l-ilment u, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, li għandha tadotta l-miżuri neċessarji, bħalma huma l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, kontra l-persuna implikata meta l-amministrazzjoni tikkonkludi, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, li kien hemm fastidju psikoloġiku (ara s-sentenza tat3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Id-dmir ta’ assistenza previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li l-persuni li jitolbu assistenza jiġu informati fil-ħin bl-eżitu tat-talba tagħhom. B’mod partikolari, jekk tinbeda proċedura dixxiplinari, il-persuna li ressqet it-talba għandha tiġi informata bin-natura u bil-gravità tas-sanzjoni imposta (ara, f’dan is-sens, s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ talba għal assistenza li tirrigwarda l-allegati atti ta’ fastidju, kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni rigward l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ dawn l-atti għandha tkun rapida, espliċita u motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, EU:T:2000:281, punt 58).

66      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, li r-rikonoxximent eventwali mill-Awtorità tal-Ħatra, fit-tmiem tal-investigazzjoni amministrattiva, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, ikun ta’ benefiċċju fil-proċess ta’ rkupru terapewtiku tal-vittmi li jkunu ngħataw fastidju u jista’ barra minn hekk jintuża minnhom għall-finijiet ta’ azzjoni ġudizzjarja nazzjonali eventwali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T-275/17, EU:T:2018:479, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u l-fondatezza tagħha.

b)      Fuq l-ammissibbiltà

68      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tar-rikors, l-ECDC isostni li t-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata hija manifestament inammissibbli. Skont l-ECDC, l-investigazzjoni amministrattiva ma kinitx ingħalqet mingħajr ma ttieħdet azzjoni ulterjuri. Kuntrarjament għal każijiet oħra eżaminati fil-ġurisprudenza, f’dan il-każ ma kienx hemm ċaħda tal-ilment. Għall-kuntrarju, l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, intiża sabiex tgħinu sabiex tintemm is-sitwazzjoni u sabiex jiġi eżaminat l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni, ġiet aċċettata kollha kemm hi.

69      L-ewwel nett, skont l-ECDC, ittieħdu diversi miżuri wara din it-talba, li l-ewwel waħda minnhom kienet li ġie adit l-OLAF fis‑7 ta’ Awwissu 2017. L-investigazzjoni nfetħet mid-Direttriċi wara konferma mill-OLAF tan-nuqqas ta’ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu. Mis‑26 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent ma kienx għadu f’kuntatt dirett mal-Kap ta’ Diviżjoni. Sussegwentement, abbażi tar-rapport ta’ investigazzjoni, id-Direttriċi aċċettat ir-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni fis‑16 ta’ Mejju 2018, b’effett mis‑16 ta’ Marzu 2019, jiġifieri xahar u nofs qabel ma laħaq l-età tal-irtirar tiegħu, fl-interess tas-servizz. L-ECDC jesponi li l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari jista’ jieħu żmien kunsiderevoli u mhux neċessarjament iwassal għat-tkeċċija tal-persuna kkonċernata, li hija s-sanzjoni l-iktar għolja. Fl-aħħar, ġew introdotti miżuri ta’ segwitu matul il-perijodu ta’ preavviż tal-Kap ta’ Diviżjoni. B’mod partikolari, dan ħadem mid-dar għal kompiti assenjati u ssorveljati direttament mid-Direttriċi. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tieni talba għal assistenza, ir-rikorrent ma pprovda ebda prova li s-sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku tkompliet wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

70      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegata minimizzazzjoni tal-gravità tal-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni, l-ECDC iqis li din la tista’ tiġi dedotta mill-formulazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mill-miżuri kollha meħuda mid-Direttriċi wara l-ewwel talba għal assistenza.

71      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sanzjonijiet li, skont ir-rikorrent, kellhom jiġu imposti, l-ECDC iżid li huwa ma huwiex obbligat jiftaħ proċedura dixxiplinari u lanqas li jimponi sanzjoni meta r-rapport redatt fi tmiem investigazzjoni jipproponi l-ftuħ ta’ tali proċedura. Talba għal assistenza ma hijiex intiża, fiha nnifisha, sabiex timponi sanzjonijiet fuq l-awtur preżunt tal-fastidju psikoloġiku, iżda pjuttost sabiex tgħin lill-applikant fil-kuntest tal-proċess tiegħu. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni hija partikolari, minħabba r-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni. Fi kwalunkwe każ, id-diskussjoni fuq il-fondatezza tas-sanzjoni ma hijiex marbuta mal-kwistjoni dwar jekk l-ewwel deċiżjoni kkontestata ppreġudikatx lir-rikorrent. Matul is-seduta, l-ECDC enfasizza barra minn hekk li, fl-ewwel talba għal assistenza tiegħu, ir-rikorrent ma kienx talab lid-Direttriċi tiftaħ proċedura dixxiplinari kontra l-Kap ta’ Diviżjoni.

72      Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li sostna l-ECDC fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija att li jikkawżalu preġudizzju. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li, minkejja l-miżuri adottati mid-Direttriċi matul l-investigazzjoni amministrattiva deskritta fil-punt 69 iktar ’il fuq, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma ssodisfatux kompletament. Minn naħa, id-Direttriċi ma rrikonoxxietx, b’mod ċar u mingħajr ambigwità, li l-Kap ta’ Diviżjoni kienet ħati ta’ fastidju psikoloġiku li r-rikorrent kien il-vittma tiegħu. L-użu tal-espressjoni “elementi ta’ fastidju” f’din id-deċiżjoni jikkonferma l-ambigwità tagħha u jimminimizza l-impatt tal-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni fil-konfront tiegħu. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-investigatur irrikonoxxa l-fondatezza tal-ilment tiegħu, ebda “miżura xierqa” ma ġiet adottata mid-Direttriċi minħabba r-riżenja volontarja tal-Kap ta’ Diviżjoni. B’mod partikolari, ma nbdiet ebda proċedura dixxiplinari.

73      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni Ewropea u waħda mill-persuni msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna fis-sens tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija regolamenti tal-persunal.

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar, li jikkawżaw preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali atti għandhom jirriżultaw, fir-rigward ta’ membru tal-persunal suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mill-ASTK u huma ta’ natura deċiżjonali (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2015, Gyarmathy OEDT, F‑79/13, EU:F:2015:49, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju jkopri kemm id-deċiżjonijiet u l-astensjoniiet li tittieħed miżura imposta fuq l-amministrazzjoni, espressament jew impliċitament, mir-Regolamenti li jiggarantixxu d-drittijiet tal-uffiċjali (ara d-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑26/96, EU:T:1996:157, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn hekk, sabiex uffiċjal jew xi ex uffiċjal ikun ammissibbli, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-annullament ta’ att li jikkawżalu preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2), huwa għandu jkollu, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, interess ġuridiku, ċert u reali, li jkun suffiċjentement ikkaratterizzat sabiex jannulla dan l-att, liema interess jippresupponi li t-talba tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħtih benefiċċju (ara s-sentenza tad9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, EU:T:2010:506, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mid-Direttriċi, fil-kapaċità tagħha ta’ ASTK, b’risposta għall-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, sabiex tikkomunikalu l-konklużjoni tal-investigazzjoni mibdija fit‑28 ta’ Settembru 2017 u t-tmiem tal-proċedura relatata magħha, b’osservanza tal-obbligi imposti mill-Artikolu 90(1) u mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, abbażi tar-rapport ta’ investigazzjoni u tal-elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha, id-Direttriċi kklassifikat l-aġir allegat fir-rigward tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u informat lir-rikorrent dwar is-segwitu mogħti lill-imsemmija talba għal assistenza. Din id-deċiżjoni tipproduċi għalhekk effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent. L-ewwel deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant ta’ natura deċiżjonali u tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq.

77      Fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrent kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, id-Direttriċi kienet obbligata, b’risposta għall-ewwel talba għal assistenza, minn naħa, li tieħu l-miżuri xierqa sabiex tistabbilixxi l-fatti li wasslu għal din it-talba u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, li tadotta l-miżuri neċessarji.

78      Ġie deċiż li huwa inerenti għar-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv li persuna li titlob l-assistenza tkun tista’ tikkontesta, fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni dwar it-talba tagħha, in-natura xierqa tal-miżuri adottati b’risposta għal din it-talba, inkluż meta tikkritika lill-awtur ta’ dawn il-miżuri li ma fetaħx il-proċedura dixxiplinari kontra terz irrikonoxxut ħati ta’ fastidju psikoloġiku sa fejn huwa jinvoka, f’dan ir-rigward, ilmenti personali għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI, T‑377/17, EU:T:2018:478, punt 124).

79      Kif jirriżulta mill-punti 85 sa 116 iktar ’il quddiem, fil-kuntest tat-tielet motiv invokat kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni dwar jekk id-Direttriċi osservatx l-obbligu tagħha ta’ assistenza. Kuntrarjament għar-rikorrent, l-ECDC jikkunsidra li d-Direttriċi laqgħet b’mod sħiħ l-ewwel talba għal assistenza. Dawn l-istess argumenti huma invokati mill-ECDC sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal annullament minħabba li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

80      Issa, l-ECDC ma tistax trendi dipendenti fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata l-fondatezza tal-ilmenti li huwa jressaq insostenn tat-talba għal annullament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interess ta’ rikorrent li att jiġi annullat jeħtieġ li dan l-annullament ikun jista’ jagħtih benefiċċju, u mhux li jiġi stabbilit li dan ser jagħtih tali benefiċċju (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punt 101).

81      F’dan il-każ, fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata hija fondata, dan jimplika l-adozzjoni ulterjuri, mid-Direttriċi, ta’ deċiżjoni ġdida b’risposta għall-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, li tista’ tistabbilixxi b’mod iktar ċar il-fatti u, jekk ikun il-każ, twassal għall-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-Kap ta’ Diviżjoni. F’dan is-sens, dan ir-rikors jista’ jagħtih benefiċċju. Għaldaqstant, ir-rikorrent għandu interess ġuridiku kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata.

82      Kuntrarjament għal dak li sostna l-ECDC matul is-seduta, il-fatt li r-rikorrent ma talabx formalment mingħand id-Direttriċi, fl-ewwel talba għal assistenza, li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra l-Kap ta’ Diviżjoni ma jistax iqiegħed f’dubju l-interess ġuridiku tiegħu. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, sabiex l-awtorità adita b’talba għal assistenza tkun obbligata tistabbilixxi l-fatti kontenzjużi u li tislet minnhom il-konsegwenzi xierqa, inkluż il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna akkużata, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jressaq, fit-talba tiegħu għal assistenza, bidu ta’ prova tar-realtà tal-attakki li huwa jsostni li huwa suġġett għalihom.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ECDC għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq il-mertu

84      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi analizzat it-tielet motiv, qabel ma jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni motiv.

1)      Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikoli 24 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal

85      It-tielet motiv huwa ppreżentat fir-rikors taħt it-titolu “Żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ fatt manifest – Ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal”. Kif indika r-rikorrent matul is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, dan il-motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikoli 24 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrent jirreferi formalment fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu biss għall-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi inferit mill-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv, li jgħidu li r-risposta mogħtija mill-ECDC għall-ewwel talba għal assistenza tiegħu ma hijiex sodisfaċenti, essenzjalment, għal żewġ raġunijiet.

86      Minn naħa, id-Direttriċi ma kkwalifikatx “fil-forma t-tajba u dovuta” l-aġir allegat bħala fastidju psikoloġiku u lanqas ma informat lir-rikorrent bil-kundizzjonijiet li taħthom il-Kap ta’ Diviżjoni kien offra r-riżenja tiegħu u kien ser jeżegwixxi l-preavviż tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

87      Min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni tar-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni mingħajr ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari ma huwiex konformi mal-Artikoli 24 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal.

88      Għandu jiġi osservat li mill-kitbiet tar-rikorrent, l-ECDC seta’ jiddeduċi li dan kien ibbaża t-tielet motiv ippreżentat insostenn tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’mod impliċitu, iżda inekwivoku, b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ECDC jirriżulta li l-argumenti żviluppati bħala difiża minn dan tal-aħħar huma intiżi sabiex jikkonfutaw l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ karatterizzazzjoni suffiċjenti bħala fastidju psikoloġiku tal-fatti li wasslu għall-ewwel talba għal assistenza, bi ksur tal-imsemmi Artikolu 24, u mhux biss sabiex tiġi kkontestata talba tar-rikorrent, ibbażata fuq l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex jinbdew proċeduri dixxiplinari. Minn dan jirriżulta li hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar it-tielet motiv, imqajma mill-ECDC matul is-seduta u bbażata fuq il-fatt li dan il-motiv kien ibbażat tardivament fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

i)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba l-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-fatti, “fil-forma t-tajba u dovuta”, bħala fastidju psikoloġiku u l-assenza ta’ deskrizzjoni tal-miżuri adottati fir-rigward tal-Kap ta’ Diviżjoni

89      Ir-rikorrent jirrileva li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ir-rapport ta’ investigazzjoni, li l-kontenut tiegħu ma ġiex żvelat lilu, sabiex jiġi konkluż li kien hemm “elementi” ta’ fastidju psikoloġiku. B’dan il-mod, l-ECDC ma kkonfermax b’mod espress li l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, fid-dawl tar-rapport ta’ investigazzjoni u tax-xhieda tar-rikorrent u ta’ membri oħra tal-persunal tal-ECDC, l-imsemmi aġir kellu jiġi kklassifikat bħala fastidju “fil-forma t-tajba u dovuta”. B’risposta għall-ewwel talba għal assistenza, l-ECDC kien messu ħa pożizzjoni ċara dwar l-eżistenza jew le ta’ fastidju psikoloġiku.

90      Barra minn hekk, il-miżuri meħuda mill-ECDC fir-rigward tal-Kap ta’ Diviżjoni ma jikkostitwixxux tweġiba suffiċjenti għall-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, dan tal-aħħar isostni li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ħadd ma kien jaf b’ċertezza l-istatus professjonali tal-Kap ta’ Diviżjoni fi ħdan l-ECDC, la l-pożizzjoni tiegħu u lanqas, b’mod iktar speċifiku, il-kundizzjonijiet li fihom huwa kien irriżenja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kien f’pożizzjoni li jiddefama lir-rikorrent matul il-perijodu ta’ preavviż, kif dan iddikjara fit-tieni talba tiegħu għal assistenza.

91      L-ECDC jirribatti li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma timminimizzax l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni. L-ECDC qatt ma kkunsidra li l-fatti allegati ma kinux jikkostitwixxu fastidju “totali” fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ma ġiet stabbilita ebda impunità, peress li l-ECDC laqa’ b’mod sħiħ l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent.

92      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, l-ECDC spjega li l-persuni li kienu involuti fil-fajls li l-Kap ta’ Diviżjoni kien jissorvelja kienu ġew informati bir-riżenja tiegħu u bil-fatt li kien ser jitlaq mill-ECDC wara l-perijodu ta’ preavviż. Intbagħtet ukoll ittra lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-ECDC, li huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, li tesponi l-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kap ta’ Diviżjoni kien ser jitlaq mis-servizz. Il-membri ta’ dan il-kumitat kienu għalhekk ġew informati biċ-ċirkustanzi eżatti li fihom il-Kap ta’ Diviżjoni kien twassal sabiex jitlaq mill-kariga tiegħu.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva huwa li jiġu stabbiliti l-fatti u li minnhom jinsiltu, b’għarfien taċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi xierqa kemm fir-rigward tal-każ li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll, bħala regola ġenerali u sabiex jiġi ssodisfatt il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex jiġi evitat li tali sitwazzjoni tirrepeti ruħha fil-futur (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Meta, b’risposta għal talba għal assistenza għal fatti allegati ta’ fastidju, l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK tqis li hemm prova prima facie suffiċjenti, li tirrendi neċessarju l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, jeħtieġ neċessarjament li din l-investigazzjoni titmexxa sa tmiemha, sabiex l-amministrazzjoni, informata bil-konklużjonijiet tar-rapport redatt fi tmiem din l-investigazzjoni, tkun tista’ tieħu pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward, li tippermettilha jew li tagħlaq mingħajr segwitu t-talba għal assistenza, jew, meta l-fatti allegati jkunu seħħew u jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari li tibda proċedura dixxiplinari sabiex, jekk ikun il-każ, tieħu sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-allegata persuna li kkawżat fastidju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      L-istabbiliment tal-fatti mill-istituzzjoni fi tmiem l-investigazzjoni huwa essenzjali għall-persuna li tqis lilha nnifisha vittma ta’ fastidju. Sitwazzjoni ta’ fastidju, jekk tiġi stabbilita, tippreġudika l-personalità, id-dinjità u l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-vittma. Kif tfakkar fil-punt 66 iktar ’il fuq, ir-rikonoxximent, wara l-investigazzjoni amministrattiva, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’ fih innifsu jkollu effett ta’ benefiċċju fil-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-vittma. Barra minn hekk, hija tista’ tintuża minnha għall-finijiet ta’ azzjoni ġudizzjarja nazzjonali eventwali. Minn dan isegwi li l-investigazzjoni amministrattiva għandha twassal lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-ASTK sabiex jieħdu pożizzjoni definittiva dwar l-eżistenza jew le ta’ fastidju fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

96      F’dan il-każ, id-Direttriċi informat lir-rikorrent bil-konklużjoni tal-investigatur li l-ilment tiegħu seta’ jintlaqa’, mingħajr madankollu ma kkomunikatlu r-rapport ta’ investigazzjoni, minkejja t-talbiet repetuti tiegħu. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostna l-ECDC, l-affermazzjonijiet tad-Direttriċi li jidhru fl-ewwel deċiżjoni kkontestata huma ġenerali ħafna u huma ambigwi. Fil-fatt, wara li fakkret il-konklużjoni tal-investigatur, hija kkonstatat l-eżistenza ta’ “elementi ta’ fastidju” abbażi tar-rapport ta’ investigazzjoni, filwaqt li ppreċiżat li “[l-imsemmi] rapport [kien] jinkludi xi żbalji fattwali”. Hija żżid li “il-mod kif [il-Kap ta’ Diviżjoni] ittratta dawn id-diffikultajiet u l-metodu ta’ ġestjoni tiegħu kkawżaw stress u ansjetà inutli lill-persunal”, “[filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li] kellu jaġixxi fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet. B’risposta għall-ilment, id-Direttriċi rrikonoxxiet il-“gravità” tal-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni, iżda mingħajr ma pprovdiet iktar preċiżazzjonijiet.

97      Id-deskrizzjoni tal-fatti fformulata f’dawn it-termini wara investigazzjoni mwettqa b’risposta għal talba għal assistenza mressqa abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tissodisfax l-obbligi imposti minn din id-dispożizzjoni, kif imfakkra fil-punti 64 sa 66 u 94 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fir-risposta tagħha għall-ewwel talba għal assistenza, id-Direttriċi ma stabbilixxietx biżżejjed il-fatti u ma adottatx pożizzjoni definittiva u mingħajr ambigwità dwar l-eżistenza jew le ta’ fastidju psikoloġiku. B’mod partikolari, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ “elementi” ta’ fastidju, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet li jidhru li jikkontestaw l-analiżi tar-rapport ta’ investigazzjoni li l-ewwel talba għal assistenza setgħet tintlaqa’, ma huwiex suffiċjentement ċar.

98      Barra minn hekk, l-ECDC ma informatx lir-rikorrent b’mod preċiż bis-segwitu li ngħata r-rapport ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-“miżuri xierqa” li kienu previsti qabel ir-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni u l-kundizzjonijiet ta’ lqugħ ta’ din tal-aħħar, meta din l-informazzjoni kellha tiġi pprovduta lilu sa fejn kienet parti mill-kunsiderazzjoni tat-talba għal assistenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 108).

99      Fil-fatt, kien biss wara t-tweġiba mogħtija mill-ECDC għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali li r-rikorrent ġie informat li l-miżura prevista kienet it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-Kap ta’ Diviżjoni abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. L-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni u s-sempliċi riferiment għar-riżenja volontarja tal-Kap ta’ Diviżjoni setgħu jagħtu x’jifhem lir-rikorrent u lill-persunal kollu tal-ECDC li huwa kien jibbenefika minn ċerta impunità.

100    Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq, id-dmir ta’ assistenza jimplika intervent bl-enerġija kollha neċessarja fil-preżenza ta’ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz. Fil-fatt, l-għan tad-dmir ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jagħti lill-uffiċjali u lill-aġenti f’impjieg attiv sigurtà għall-preżent u għall-futur sabiex, fl-interess ġenerali tas-servizz, huma jkunu jistgħu jaqdu aħjar l-funzjonijiet tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 57). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-investigazzjoni amministrattiva mibdija wara talba għal assistenza minħabba fastidju tippermetti, fit-tmiem tagħha, li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ impjieg konformi mal-interess tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 84). Hija tirrispondi wkoll għal għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ eventwali prattiċi ta’ fastidju li jippreġudikaw id-dinjità tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 66).

101    F’dan il-każ, filwaqt li dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ECDC naqas milli jinforma lir-rikorrent, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, bil-kundizzjonijiet li fihom ir-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni kienet ġiet aċċettata. B’mod partikolari, id-Direttriċi ma spjegatx li hija kellha l-intenzjoni li xxolji l-kuntratt tiegħu meta qrat ir-rapport ta’ investigazzjoni u li hija kienet aċċettat ir-riżenja tiegħu fl-interess tas-servizz, billi stabbilixxiet miegħu modalitajiet partikolari ta’ provvista ta’ servizz matul il-preavviż tiegħu, li kienu intiżi sabiex jistabbilixxu mill-ġdid is-serenità fis-servizz. Mill-kjarifiki mogħtija mill-ECDC matul is-seduta jirriżulta li din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, iżda mhux lir-rikorrent u lanqas lill-persuni l-oħra li jaħdmu mal-Kap ta’ Diviżjoni, filwaqt li t-trasparenza f’dan ir-rigward setgħet tirrassikura lir-rikorrent wara l-ewwel talba tiegħu għal assistenza, tistabbilixxi mill-ġdid is-serenità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tikkontribwixxi għalhekk għall-funzjonament tajjeb tas-servizz.

102    Minn dan jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrent li jirrigwardaw, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, fin-nuqqas ta’ klassifikazzjoni suffiċjenti tal-fatti u ta’ deskrizzjoni tal-miżuri adottati fil-konfront tal-Kap ta’ Diviżjoni, għandhom jintlaqgħu.

ii)    Fuq il-ksur tal-Artikoli 24 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba l-aċċettazzjoni tar-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni u n-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari

103    Ir-rikorrent isostni li r-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni ma kinitx raġuni valida li tiġġustifika li ma tittieħed ebda miżura oħra fir-rigward tal-konklużjoni tal-investigazzjoni u, b’mod partikolari, sabiex ma tinfetaħx proċedura dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-osservanza tar-regoli interni ta’ implimentazzjoni tal-ECDC. Issa, deċiżjoni ta’ tluq volontarju mis-servizz hija differenti ħafna minn terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba raġunijiet dixxiplinari, jekk ikun il-każ mingħajr preavviż u bi tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni. Fl-ewwel deċiżjoni kkontestata d-Direttriċi rrikonoxxiet li hija kienet qiegħda tikkunsidra “miżuri xierqa”, li jikkonferma li s-sitwazzjoni kienet timmerita sanzjonijiet xierqa, mingħajr marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Matul is-seduta, ir-rikorrent żied li s-serenità tas-servizz ma kinitx ġiet iggarantita mill-miżuri meħuda, ħaġa li ġiet enfasizzata mit-talba għal assistenza mressqa mill-Kap ta’ Diviżjoni fid‑29 ta’ Mejju 2018, li allega li r-rikorrent kien skreditah.

104    L-ECDC jirribatti li l-għan tal-assistenza ma huwiex li jiġu imposti sanzjonijiet, iżda li jiġu stabbiliti l-fatti u li jiġu evitati diffikultajiet oħra, u li dan l-għan intlaħaq f’dan il-każ. Barra minn hekk, mill-qari tal-Artikolu 3(1)(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kien jeżisti ebda obbligu ġuridiku għall-ECDC li jibda proċedura dixxiplinari, peress li fil-frattemp il-Kap ta’ Diviżjoni kien irriżenja.

105    Għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-ECDC, li la l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas minn uffiċjal jew membru tal-persunal tat-twettiq tal-obbligi tiegħu.

106    Barra minn hekk, ir-regola interna ta’ eżekuzzjoni tal-ECDC Nru 33, dwar il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u morali, u r-regola interna ta’ eżekuzzjoni tal-ECDC Nru 29, dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, lanqas ma jimponu l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari. Ċertament, kif isostni r-rikorrent, il-punt 3 tar-regola interna ta’ eżekuzzjoni tal-ECDC Nru 33 ifakkar il-prinċipju ġenerali li “l-aġir kollu stabbilit bħala fastidju psikoloġiku jew fastidju sesswali huma kkunsidrati mill-[ECDC] bħala inammissibbli u għandhom jiġu ssanzjonati”. Madankollu, l-punt 7.3 tal-istess regola interna ta’ eżekuzzjoni, li tirregola speċifikament il-proċedura formali applikabbli f’każ ta’ fatti allegati ta’ fastidju, jippreċiża li, “jekk ir-rapport [ta’ investigazzjoni] jipproponi l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, l-[Awtorità tal-Ħatra] tista’ tiddeċiedi, wara li tisma [il-persuna jew il-persuni kkonċernati], li tiftaħ proċedura dixxiplinari u tapplika s-sanzjonijiet li jirriżultaw minnhom, abbażi tal-konferma tal-ksur imwettaq”.

107    Konformement mal-ġurisprudenza, fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI, T-377/17, EU:T:2018:478, punt 135).

108    Fil-każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, xejn ma jobbliga lill-ASTK tibda proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ dan il-membru tal-persunal minflok ma tirrikorri għall-possibbiltà ta’ terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-ASTK ikollha l-intenzjoni li tkeċċi membru tal-persunal temporanju, mingħajr preavviż, f’każ ta’ nuqqas gravi ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu li huwa għandu l-obbligu jwettaq li għandha tinbeda, kif jipprovdi l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-proċedura dixxiplinari organizzata fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2013, Gomes Moreira vs ECDC, F‑80/11, EU:F:2013:159, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Kif jirriżulta mill-ewwel deċiżjoni kkontestata, id-Direttriċi kkomunikat il-verżjoni finali tar-rapport ta’ investigazzjoni lill-Kap ta’ Diviżjoni matul ix-xahar ta’ April 2018, wara li rritorna mil-leave tal-mard, u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan ir-rapport. L-ECDC ippreċiża fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li, skont id-dritt tal-Kap ta’ Diviżjoni għal smigħ, id-Direttriċi kienet informatu fil‑15 ta’ Mejju 2018, matul laqgħa, li hija kellha l-intenzjoni li ttemm il-kuntratt tiegħu abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Wara din il-laqgħa, il-Kap ta’ Diviżjoni immedjatament ippreżenta r-riżenja tiegħu. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, din ir-riżenja ġiet aċċettata mid-Direttriċi fis‑16 ta’ Mejju 2018 fl-interess tas-servizz.

110    L-ittra tas‑16 ta’ Mejju 2018 li kienet tinkludi l-ilqugħ tar-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni, prodotta mill-ECDC fuq talba tal-Qorti Ġenerali, tikkonferma ċ-ċirkustanzi li fihom din ir-riżenja ġiet aċċettata. Minn din l-ittra jirriżulta li, minn qari tal-“allegazzjonijiet gravi ppreżentati”, l-ECDC kien qies li ma setax jikkoopera mal-Kap ta’ Diviżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intenzjoni tad-Direttriċi, li dan kien ġie informat biha l-ġurnata ta’ qabel, kienet li ttemm il-kuntratt tagħha abbażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Madankollu, id-Direttriċi, essenzjalment, ikkonstatat li l-Kap ta’ Diviżjoni kien ippreżenta r-riżenja tiegħu immedjatament wara l-laqgħa tal‑15 ta’ Mejju 2018, li kien ifisser, fil-prattika, li l-aħħar jum ta’ servizz tiegħu, minħabba din ir-riżenja, kellha jkun, fl-osservanza tat-terminu ta’ preavviż, qabel id-data tat-tluq effettiv li kienet ġiet iffissata fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha. Ir-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni kienet għalhekk ġiet aċċettata fl-interess tas-servizz. L-imsemmija ittra semmiet ukoll il-kundizzjonijiet li fihom il-Kap ta’ Diviżjoni kien ser iwettaq ix-xogħol tiegħu matul il-perijodu ta’ preavviż, li huwa kien qabel magħhom, jiġifieri li kien ser jaħdem mid-dar tiegħu fuq xogħol assenjat mid-Direttriċi. Fl-aħħar nett, din tal-aħħar fakkret lill-Kap ta’ Diviżjoni li, matul il-perijodu ta’ preavviż, huwa kellu josserva l-obbligi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.

111    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li r-riżenja volontarja tal-Kap ta’ Diviżjoni hija l-konsegwenza tal-azzjonijiet meħuda mill-ECDC wara l-investigazzjoni amministrattiva mibdija b’risposta għall-ewwel talba għal assistenza. Dan huwa kkonfermat mill-ittra ta’ riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2018, li ma jiġġustifikax id-deċiżjoni tiegħu b’raġunijiet personali, iżda jirreferi għall-“interess tas-servizz”. Għandu jiġi rrilevat ukoll li rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu, fil-grad AD 12, xahar u nofs qabel ma laħaq l-età tal-irtirar tiegħu u diversi snin qabel ma laħaq l-età legali tal-irtirar, f’Mejju 2021, b’tali mod li r-riżenja tiegħu wasslet għal tnaqqis tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni. Barra minn hekk, peress li, matul il-perijodu tal-preavviż tiegħu, huwa ħadem direttament mad-Direttriċi wara d-deċiżjoni meħuda f’dan is-sens minnha, il-Kap ta’ Diviżjoni tilef l-allowance ta’ ġestjoni li huwa kien jirċievi fil-kwalità tiegħu ta’ kap ta’ diviżjoni. Konsegwentement, din ir-riżenja ħolqot ċerti effetti ekonomiċi sfavorevoli għalih. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet partikolari li fihom dan tal-aħħar wettaq ix-xogħol tiegħu matul dan il-perijodu ppermettew li jiġi evitat li r-rikorrent ikollu kuntatti professjonali miegħu.

112    Ċertament, id-Direttriċi setgħet tiddeċiedi li ttemm il-kuntratt tal-Kap ta’ Diviżjoni minflok taċċetta r-riżenja tiegħu. Madankollu, din l-għażla kienet iddewwem id-data ta’ waqfien tal-attività effettiva tal-Kap ta’ Diviżjoni, peress li deċiżjoni debitament motivata kienet tkun allura meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali deċiżjoni ta’ tmiem setgħet, barra minn hekk, tiġi kkontestata mill-Kap ta’ Diviżjoni.

113    Id-Direttriċi setgħet ukoll tibda proċeduri dixxiplinari kontra l-Kap ta’ Diviżjoni. Madankollu, kif jenfasizza l-ECDC, tali proċedura tieħu ċertu żmien. Barra minn hekk, il-fatti allegati mir-rikorrent ma kinux iwasslu neċessarjament għat-tkeċċija dixxiplinari tal-Kap ta’ Diviżjoni, li hija s-sanzjoni l-iktar għolja. Barra minn hekk, ir-rikorrent jinjora l-fatt li r-riżenja kienet akkumpanjata minn miżuri intiżi sabiex jiġi evitat li l-Kap ta’ Diviżjoni jkollu relazzjoni ta’ natura ġerarkika miegħu u sabiex tiġi ggarantita s-serenità tas-servizz matul il-perijodu ta’ preavviż. Fil-fatt, il-Kap ta’ Diviżjoni aċċetta li jaħdem mir-residenza tiegħu matul dan il-perijodu, billi wettaq kompiti li kienu ngħatawlu direttament mid-Direttriċi. Barra minn hekk, il-fatt li dan tal-aħħar ressaq huwa stess talba għal assistenza ġimagħtejn wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata ma jurix, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, li kien meħtieġ li tinbeda proċedura dixxiplinari, minflok l-aċċettazzjoni mid-Direttriċi tar-riżenja tiegħu. Fil-fatt, il-Kap ta’ Diviżjoni seta’ wkoll iressaq din it-talba fil-każ li din il-proċedura tkun inbdiet.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tad-Direttriċi ma hijiex stabbilita f’dak li jirrigwarda l-fatt li hija aċċettat ir-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni minflok ma temmet il-kuntratt tiegħu jew ma bdiet proċedura dixxiplinari kontrih. Għaldaqstant, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tiksirx, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 24 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal.

115    Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punti 97 u 98 iktar ’il fuq, l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn l-ECDC naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti l-fatti wara r-rapport ta’ investigazzjoni, li tieħu fuq din il-bażi pożizzjoni definittiva u ħielsa minn ambigwità fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u li tinforma lir-rikorrent bl-eżitu tal-ewwel talba għal assistenza tiegħu, b’mod partikolari li tgħarraflu l-volontà inizjali tad-Direttriċi li ttemm il-kuntratt tal-Kap ta’ Diviżjoni, qabel ma dan ippreżenta r-riżenja tiegħu, u l-kundizzjonijiet li fihom ġiet aċċettata din ir-riżenja, inkluż il-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan il-preavviż.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ parzjalment insostenn tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, minħabba l-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda l-aspetti msemmija fil-punti 102 u 115 iktar ’il fuq.

2)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

117    Ir-rikorrent isostni li huwa nstema’ mill-investigatur, iżda ma nstemax mid-Direttriċi qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif interpretat mill-ġurisprudenza. Ir-rikorrent jesponi li huwa ma setax jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu la dwar il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ investigazzjoni, li għalih huwa ma kellux aċċess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas dwar l-elementi l-oħra kkunsidrati mid-Direttriċi. Ir-rikorrent jispeċifika li l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikkawżalu preġudizzju u li huwa ma ġiex informat, qabel l-adozzjoni tagħha, bil-kontenut tagħha u lanqas bin-natura tal-interess tas-servizz li jiġġustifika li l-ECDC jaċċetta r-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni minflok ma tinfetaħ proċedura dixxiplinari.

118    L-ECDC jirribatti li l-persuna kkonċernata mill-investigazzjoni u r-rikorrent ma jgawdux mill-istess drittijiet fit-tmexxija tal-investigazzjoni, u dan jiġġustifika li dan tal-aħħar ma kellux aċċess għar-rapport tal-investigazzjoni. Madankollu, huwa ngħata possibbiltà ta’ konsultazzjoni parzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni fit‑12 ta’ Settembru 2018, fir-rispett tal-ħajja privata u tal-integrità tal-persuni msemmija f’dan ir-rapport, kif ġie kkonfermat mill-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu tas‑6 ta’ Ġunju 2019. Barra minn hekk, ir-rikorrent instema’ darbtejn mill-investigatur. Barra minn hekk, skont l-ECDC, id-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa ggarantit meta l-miżura individwali taffettwa b’mod sfavorevoli lill-persuna, li ma huwiex il-każ hawnhekk. L-ECDC iżid li, fi kwalunkwe każ, li kieku r-rikorrent instema’, ir-riżultat kien ikun simili, sa fejn l-ECDC laqa’ l-ewwel talba għal assistenza tiegħu.

119    B’risposta għal dan l-aħħar argument, ir-rikorrent itenni fir-replika l-allegazzjoni tiegħu li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma laqgħetx l-ewwel talba għal assistenza tiegħu.

120    Qabelxejn, għandu jitfakkar li persuna li, abbażi tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun għamlet talba għal assistenza minħabba li tkun is-suġġett ta’ fastidju psikoloġiku tista’ tibbenefika mid-dritt għal smigħ dwar il-fatti li jikkonċernawha, abbażi tal-prinċpiju ta’ amministrazzjoni tajba (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fil-fatt, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha negattivament.

122    Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Id-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Ir-rwol tal-awtur tat-talba għal assistenza li jallega li hemm fatti relatati ma’ fastidju jikkonsisti essenzjalment fil-kollaborazzjoni tiegħu għat-twettiq xieraq tal-inkjesta amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, CH vs Il‑Parlament, T‑83/18, EU:T:2018:935, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Meta, b’risposta għat-talba għal assistenza, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li l-elementi invokati insostenn tat-talba għal assistenza ma humiex fondati u li, għalhekk, l-aġir invokat ma jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tali deċiżjoni tikkawża preġudizzju lill-awtur tat-talba għal assistenza u taffettwah b’mod svavorevoli fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, CH vs Il‑Parlament, T‑83/18, EU:T:2018:935, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    F’każ ta’ ċaħda ta’ talba għal assistenza, jekk l-ASTK tiddeċiedi li titlob l-opinjoni ta’ investigatur li lilu hija tafda l-kompitu li jwettaq investigazzjoni amministrattiva u li, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal assistenza, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni maħruġa b’dan il-mod mill-investigatur, l-imsemmija opinjoni li tista’ titħejja f’forma mhux kunfidenzjali billi tirrispetta l-anonimat mogħti lix-xhieda, għandha, b’applikazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-awtur tat-talba għal assistenza, tinġieb għall-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar, u dan anki jekk ir-regoli interni ma jipprevedux tali trażmissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, CH vs Il‑Parlament, T‑83/18, EU:T:2018:935, punt 85).

127    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sabiex il-ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni, ikun għadu neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti. L-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandha, barra minn hekk, issir skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 105 u 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    F’dan il-każ, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma laqgħetx il-proċedura amministrattiva mibdija mid-Direttriċi fit‑28 ta’ Settembru 2017 minħabba l-assenza ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrent. Fil-fatt, id-Direttriċi rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ “elementi” ta’ fastidju min-naħa tal-Kap ta’ Diviżjoni. L-ewwel deċiżjoni kkontestata għalhekk ma hijiex deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal assistenza simili għal dawk eżaminati fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 125 u 126 iktar ’il fuq.

129    Madankollu, din id-deċiżjoni xorta tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent u li taffettwah b’mod sfavorevoli fis-sens tal-Artikolu 41(2) (a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

130    Fil-fatt, l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma taqbilx kompletament mal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni dwar l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent. Minn naħa, id-Direttriċi tikkonstata l-eżistenza ta’ “ċerti żbalji fattwali” fl-imsemmi rapport. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-investigatur kien ikkonkluda li t-talba għal assistenza tar-rikorrent kienet fondata, id-Direttriċi kkonkludiet biss li kien hemm “elementi” ta’ fastidju. Matul is-seduta, l-ECDC ippreċiża li ż-żieda tal-kelma “elementi” kienet dovuta għall-eżistenza ta’ dawn l-iżbalji fattwali, li ċertament ma kinux ta’ importanza kbira, iżda kellhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, kif ġie indikat fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni f’dawn it-termini tal-fatti allegati ma tissodisfax l-obbligi imposti mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

131    Id-Direttriċi kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrent sa fejn dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jieħu pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, dwar l-“iżbalji fattwali” li kien fih ir-rapport ta’ investigazzjoni u fuq kull element ieħor li wassal lid-Direttriċi sabiex ma taderixxix kompletament mal-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport.

132    Issa, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. B’mod partikolari, ir-rikorrent seta’ jikkonvinċi lid-Direttriċi li evalwazzjoni oħra tal-fatti kienet possibbli, b’tali mod li hija setgħet tirrikonoxxi b’mod sħiħ il-kwalità tiegħu ta’ vittma, l-istess bħall-investigatur.

133    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, id-Direttriċi ma kellhiex l-obbligu li tisma’ l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-raġunijiet, marbuta mal-interess tas-servizz, li wassluha taċċetta r-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni minflok ma ttemm il-kuntratt tiegħu jew li tibda proċedura dixxiplinari. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet adottati fir-rigward tal-Kap ta’ Diviżjoni ma ttiħdux kontra r-rikorrent, fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

134    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi parzjalment milqugħ.

3)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

135    Ir-rikorrent isostni li l-assenza ta’ komunikazzjoni tar-rapport ta’ investigazzjoni, fil-verżjoni integrali tiegħu jew fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tiegħu, tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni hija bbażata fuq dan ir-rapport. Ir-rikorrent jiddikjara li ma kienx jaf il-persuni li ġew interrogati mill-investigatur u l-iżbalji fattwali tar-rapport ta’ investigazzjoni li ssemmew fl-ewwel deċiżjoni kkontestata. Il-konstatazzjoni, li tinsab f’din id-deċiżjoni, skont liema “[il-]metodu ta’ ġestjoni tal-Kap ta’ Diviżjoni kkawża tensjoni u ansjetà inutli lill-persunal” ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni. L-imsemmija deċiżjoni lanqas ma tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lill-ECDC taċċetta r-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni, biż-żamma tad-drittijiet finanzjarji kollha tiegħu matul u wara l-perijodu ta’ preavviż ta’ għaxar xhur, minflok ma jirrifjutaha u jiftaħ proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu.

136    L-ECDC jenfasizza li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi biss li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju, li ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-ewwel talba għal assistenza ntlaqgħet. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ġie debitament informat bid-deċiżjoni kkontestata bir-raġunijiet li wasslu lill-ECDC sabiex jadottaha. Barra minn hekk, bil-għan b’mod partikolari li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tax-xhieda, ir-rapport ta’ investigazzjoni ma setax jintbagħat fl-istat oriġinali tiegħu, iktar u iktar peress li r-rikorrent ma kienx is-suġġett tal-investigazzjoni. Dan ġie kkonfermat mill-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu tas‑6 ta’ Ġunju 2019. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent diġà kien jaf bil-lista tal-persuni li kienu nstemgħu.

137    Kif jirriżulta mill-punt 76 iktar ’il fuq, l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Għaldaqstant, hija għandha tkun motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa biss it-tkomplija tal-obbligu ġenerali stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE.

138    L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu bħala għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex din issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’xi vizzju li jippermetti li l-legalità tagħha tiġi kkontestata u sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata mhux biss inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll abbażi taċ-ċirkustanzi konkreti tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T-154/05, EU:T:2007:322, punti 160 u 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Għalkemm il-ġurisprudenza taċċetta motivazzjoni b’riferiment għal rapport jew għal opinjoni hi stess motivata, madankollu huwa neċessarju li tali rapport jew opinjoni tkun effettivament ikkomunikata lill-persuna interessata mal-att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    L-amministrazzjoni tista’ ttaffi insuffiċjenza, iżda mhux l-assenza totali, ta’ motivazzjoni permezz ta’ motivazzjoni adegwata pprovduta fl-istadju tar-risposta għall-ilment, jew permezz ta’ preċiżazzjonijiet kumplimentari li jingħataw matul l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, EU:T:2010:57, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Madankollu, fil-kuntest partikolari ta’ investigazzjoni miftuħa abbażi ta’ talba għal għajnuna skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u intiża sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti ta’ fastidju li aġent iqis li jkun safa vittma tiegħu, għandu jitqies l-obbligu li għandha l-istituzzjoni li tirrispondi lill-uffiċjal li jressaq tali talba bil-ħeffa u l-premura meħtieġa fil-ġestjoni ta’ sitwazzjoni tant gravi. Għaldaqstant, f’tali kuntest, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat b’mod strett, b’mod li ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti imposti minn din id-dispożizzjoni deċiżjoni li, f’dan il-kuntest, sempliċement tipprovdi fiha nnifisha bidu ta’ motivazzjoni biss, li b’hekk tobbliga lill-persuna kkonċernata tressaq ilment sabiex tikseb motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punti 164 u 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Tali soluzzjoni ma tistax madankollu tippreġudika l-possibbiltà għall-istituzzjonijiet li jintroduċu, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, spjegazzjonijiet dwar il-motivi adottati mill-amministrazzjoni, u lanqas il-possibbiltà għat-Tribunal li jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet meta jeżamina motivi li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din id-deċiżjoni ma tindirizza b’mod espliċitu l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija mir-rikorrent fl-ewwel talba għal assistenza tiegħu, billi sempliċement irreferiet għall-punti ta’ fatt deskritti fir-rapport ta’ investigazzjoni, li għalih ir-rikorrent ma kien, f’dak il-mument, kiseb ebda aċċess, u għall-“informazzjoni li [d-Direttriċi] [kellha]”, mingħajr ma spjegat din l-informazzjoni. L-imsemmija deċiżjoni tirreferi wkoll għall-eżistenza ta’ “żbalji fattwali” fir-rapport ta’ investigazzjoni, mingħajr ma tiddeskrivihom, u “kwistjonijiet” jew “diffikultajiet” li fir-rigward tagħhom il-Kap ta’ Diviżjoni “kellu jaġixxi”, mill-ġdid mingħajr ma tiddeskrivihom. Fl-aħħar nett, id-Direttriċi ssemmi, mingħajr ma tippreċiża, li hija kienet qiegħda tikkunsidra “miżuri xierqa”, li ma ġewx adottati minħabba r-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni. Fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, id-Direttriċi ma tat ebda motivazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ dawn l-aspetti.

144    Minn dan jirriżulta li l-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ma hijiex motivata fuq ċerti aspetti essenzjali, imsemmija fil-punt 143 iktar ’il fuq, b’tali mod li r-rikorrent sab ruħu fl-impossibbiltà li jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-aspetti.

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma l-preċiżazzjonijiet li setgħu saru mill-ECDC quddiem il-Qorti Ġenerali jkunu ta’ natura li jirrimedjaw għal dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni.

d)      Konklużjoni fuq it-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

146    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

2.      Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

147    Permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, l-ECDC ċaħad it-talba għal aċċess kontenzjuż, intiża għall-ksib tar-rapport ta’ investigazzjoni kif ukoll tad-dokumenti kollha li abbażi tagħhom id-Direttriċi kienet ħadet l-ewwel deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk li abbażi tagħhom hija kienet ikkunsidrat li r-rapport ta’ investigazzjoni kien fih “xi żbalji fattwali” (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

148    Fit-talba tiegħu tat‑30 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrent indika li, sa fejn l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet tikkawżalu preġudizzju, huwa kellu jkollu aċċess għal dawn id-dokumenti, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iktar u iktar peress li kellu jressaq, fl‑10 ta’ April 2018, it-tieni talba għal assistenza wara aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni li seħħ matul u wara li ġie redatt ir-rapport ta’ investigazzjoni.

149    Fit-tieni deċiżjoni kkontestata, id-Direttriċi kkonstatat li l-interess tar-rikorrent ma setax jiġi affettwat mill-ewwel deċiżjoni kkontestata, peress li l-ewwel talba għal assistenza ma kinitx ġiet miċħuda bħala infondata. Barra minn hekk, it-tieni talba għal assistenza lanqas ma setgħet tiġġustifika l-aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni, peress li ebda deċiżjoni ma kienet għadha ġiet adottata fir-rigward ta’ din it-talba. Id-Direttriċi indikat ukoll li r-rikorrent kien tqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-opinjoni tiegħu matul l-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, hija fakkret, essenzjalment, li, skont il-ġurisprudenza dwar il-portata tad-dritt tad-difiża, is-sitwazzjoni ta’ persuna li ressqet talba għal assistenza għal fastidju psikoloġiku ma setgħetx tiġi assimilata ma’ dik tal-persuna kkonċernata minn din it-talba u li d-drittijiet proċedurali li kellhom jiġu rrikonoxxuti lil din tal-aħħar kienu differenti minn dawk, iktar limitati, li kellha, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-persuna li titlob l-assistenza. F’dan ir-rigward, id-Direttriċi enfasizzat li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, ibbażat fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kien ukoll ġie rrifjutat lil lanjanti f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm fastidju.

150    Fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, id-Direttriċi żiedet li r-rikorrent kien seta’ jikkonsulta verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni fit‑12 ta’ Settembru 2018 u li huwa kien kellu aċċess għad-data personali tiegħu li tinsab f’dan ir-rapport, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001. Id-Direttriċi ppreċiżat li ma ngħatalux aċċess komplet għall-imsemmi rapport minħabba l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-intervisti max-xhieda u mal-Kap ta’ Diviżjoni nnifsu, minħabba n-natura sensittiva tal-problema u n-neċessità li tinżamm il-kapaċità tal-ECDC li twettaq investigazzjonijiet.

151    Ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Dan il-motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Matul is-seduta, ir-rikorrent irrinunzja għat-tieni lment li huwa kien invoka fir-rikors, b’mod mhux sostnut, u li kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001.

152    Insostenn tal-motiv uniku tiegħu, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li ġie allegat fit-tieni deċiżjoni kkontestata, l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawżalu preġudizzju, li kien jiġġustifika iktar in-neċessità li jkollu aċċess komplet għar-rapport ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001 ma jistgħux jibqgħu jiġu invokati peress li l-investigazzjoni kienet ingħalqet. Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza li ċerti xhieda kienu jaqblu li huwa jkollu aċċess għar-rendikont tas-smigħ tagħhom, b’tali mod li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 lanqas ma setgħet tiġi invokata. Barra minn hekk, il-preġudizzju konkret u effettiv għall-interessi protetti ma ġiex ipprovat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess limitat ħafna għar-rapport ta’ investigazzjoni li r-rikorrent kellu fuq il-post fit‑12 ta’ Settembru 2018 ma huwiex ekwivalenti, fil-fehma tiegħu, għal aċċess regolari, konformi mal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jispeċifika li huwa ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni tal-Ombudsman tas‑6 ta’ Ġunju 2019, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi dwar il-protezzjoni tad-data personali. Matul is-seduta, ir-rikorrent żied li x-xhieda kienet diġà saret anonima fil-verżjoni tar-rapport ta’ investigazzjoni li kien intbagħat lid-Direttriċi.

153    L-ECDC jirribatti li, peress li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tikkawżax preġudizzju, ir-raġunijiet li mmotivaw it-tieni deċiżjoni kkontestata għadhom validi. Huwa jenfasizza li l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jimponi r-rispett tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità. L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001 u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jilleġittimizzaw restrizzjonijiet li jinkludu d-dritt proċedurali tar-rikorrent f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni issa hija magħluqa la jbiddel l-interess tax-xhieda u lanqas tal-Kap ta’ Diviżjoni. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ipprovda elementi konkreti li jipprovdu li l-iżvelar tad-data li tinsab fir-rapport ta’ investigazzjoni jista’ jippreġudika d-drittijiet tiegħu. Barra minn hekk, l-ECDC isostni li r-rikorrent kellu l-possibbiltà jikkonsulta verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmi rapport fit‑12 ta’ Settembru 2018. L-Ombudsman ikkonferma li l-ECDC kien immotiva b’mod korrett u suffiċjenti r-rifjut li jingħata aċċess sħiħ għal dan ir-rapport. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-anonimizzazzjoni tax-xhieda fir-rapport ta’ investigazzjoni pprovdut lid-Direttriċi, l-ECDC jenfasizza li din ma hijiex suffiċjenti, peress li, minħabba d-daqs tal-ECDC u l-portata tat-testimonjanzi, ikun faċli li mill-qari tar-rapport jiġu identifikati x-xhieda.

154    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Ombudsman tas‑6 ta’ Ġunju 2019 ma tirrigwardax it-tieni deċiżjoni kkontestata, iżda t-tieni ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2018, imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq. Din l-ittra ġiet indirizzata lir-rikorrent b’risposta għal talba preċedenti għal aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni, sa fejn din it-talba kienet ibbażata fuq ir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 45/2001. L-Ombudsman għalhekk eżamina jekk, fid-dawl ta’ dawn ir-regolamenti, l-ECDC kienx immotiva b’mod korrett u suffiċjentement id-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta l-aċċess totali tal-pubbliku għar-rapport ta’ investigazzjoni, sabiex jipproteġi l-ħajja privata u l-integrità tal-persuni kkonċernati. L-Ombudsman għalhekk ma eżaminax jekk dawn l-interessi kinux jiġġustifikaw li r-rikorrent jingħata biss aċċess limitat għar-rapport ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju, minn dan tal-aħħar, tad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl iggarantit mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

155    Id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jinsab fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:565, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 41(2)(b) tal-imsemmija karta jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju. Dan id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-istituzzjoni inkwistjoni għandha tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li jsir eżami tat-totalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl ta’ investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tiegħu (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:565, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Kif ġie kkonstatat fil-punt 129 iktar ’il fuq, l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, kuntrarjament għal dak li jsostni l-ECDC. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-raġunijiet l-oħra mressqa mid-Direttriċi fit-tieni deċiżjoni kkontestata, li l-motivazzjoni tagħha ġiet ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, jiġġustifikawx ir-rifjut ta’ aċċess, totali jew parzjali, għad-dokumenti mitluba.

157    B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ECDC ipproduċa l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni, li r-rikorrent seta’ jikkonsulta fuq il-post fit‑12 ta’ Settembru 2018.

158    Wara miżura istruttorja, l-ECDC ippreżenta wkoll il-verżjoni kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni, li l-aċċess għaliha ġie rrifjutat permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, kif ukoll id-dokumenti l-oħra li d-Direttriċi kienet ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. Dawn id-dokumenti huma, l-ewwel, l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, it-tieni, il-formola ta’ informazzjoni addizzjonali mibgħuta mir-rikorrent fl‑14 ta’ Lulju 2017, it-tielet, ittra elettronika tas‑17 ta’ Jannar 2018 mibgħuta mill-Kap ta’ Diviżjoni lid-Direttriċi, li permezz tagħha dan informah bil-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ investigazzjoni li kien intbagħatlu, ir-raba’, ittra elettronika tas‑27 ta’ Lulju 2018 mibgħuta mill-investigatur lid-Direttriċi dwar l-iżbalji fattwali li kien fih ir-rapport ta’ investigazzjoni kif ukoll, il-ħames, it-tweġiba tad-Direttriċi għal din l-ittra elettronika tat‑3 ta’ Awwissu 2018.

159    Fir-rigward tar-rapport ta’ investigazzjoni, mill-qari tad-dokumenti li ġew prodotti mill-ECDC quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li dan ir-rapport tfassal b’osservanza tal-kriterji previsti fl-Artikolu 4(8) tar-Regola Interna ta’ Eżekuzzjoni tal-ECDC Nru 29, dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari. Skont din id-dispożizzjoni, “[i] r-rapport għandu jesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi inkwistjoni; huwa jistabbilixxi jekk ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għas-sitwazzjonijiet ġewx osservati u jiddetermina kull responsabbiltà individwali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti”. L-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi wkoll li “kopji tad-dokumenti kollha relevanti u tal-minuti tal-laqgħat għandhom jiġu annessi mar-rapport”. Skont dawn l-istruzzjonijiet, ir-rapport ġie strutturat f’seba’ taqsimiet mhux enumerati.

160    B’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, l-ECDC ippreċiża li d-data personali li tinsab fir-rapport ta’ investigazzjoni li ġiet ikkomunikata lir-rikorrent permezz tat-tieni ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2018, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), huma unikament l-ilmenti li r-rikorrent stess kien ifformula fil-kuntest tal-ewwel talba għal assistenza tiegħu.

161    Mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni prodott mill-ECDC u mill-preċiżazzjonijiet magħmula minn dan tal-aħħar jirriżulta li r-rikorrent kellu aċċess biss għall-partijiet ta’ dan ir-rapport li jfakkru l-ilmenti tiegħu stess u għal dawk li jinkludu kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar id-dispożizzjonijiet legali applikabbli u l-mod kif l-investigazzjoni kienet twettqet. Min-naħa l-oħra, il-parti essenzjali tal-imsemmi rapport inħbiet kompletament. B’mod partikolari, ir-rikorrent ma kellux aċċess għall-aħħar tliet taqsimiet tiegħu, li jinkludu, qabelxejn, id-deskrizzjoni tal-fatti allegati fit-talbiet għal assistenza mressqa mir-rikorrent u minn membru ieħor tal-persunal tal-ECDC, fid-dawl ukoll tax-xhieda miġbura, inklużi d-dikjarazzjonijiet tal-Kap ta’ Diviżjoni (il-ħames taqsima), sussegwentement, it-talbiet individwali tal-investigatur dwar kull talba għal assistenza (is-sitt taqsima) u, fl-aħħar nett, il-konklużjonijiet ġenerali tiegħu dwar l-investigazzjoni (is-seba’ taqsima).

162    Issa, ġie deċiż li t-trażmissjoni ta’ kopja tar-rapporti stabbiliti fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali, hija neċessarja fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tad-dmir ta’ assistenza, li jimplikaw li l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-persuna kkonċernata bir-riżultat tat-talba għal assistenza tagħha, iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, ir-rapport jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 109).

163    Madankollu, kif jenfasizza l-ECDC, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma huwiex assolut. L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxi dan id-dritt taħt żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, id-dritt ta’ aċċess ta’ persuna jirrigwarda biss “fajl li jikkonċernaha”. Min-naħa l-oħra, l-aċċess għandu jiġi żgurat filwaqt li jiġu rrispettati “l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju”.

164    Fir-rigward tal-implikazzjonijiet, f’dan il-każ, tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport ta’ investigazzjoni jirrigwarda mhux biss l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, iżda wkoll dik ta’ persuna oħra li titlob l-assistenza. Barra minn hekk, l-investigatur irrefera wkoll għas-sitwazzjoni personali ta’ membri oħra tal-persunal tal-ECDC fis-sitt u s-seba’ taqsima tar-rapport tiegħu, fir-rigward ta’ “ċirkustanzi aggravanti”.

165    Mistoqsi dwar dan il-punt matul is-seduta, ir-rikorrent ma eskludiex li huwa jista’ jibbenefika minn dritt ta’ aċċess għall-partijiet mir-rapport ta’ investigazzjoni li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ terzi. Madankollu, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl invokat minnu, abbażi tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiggarantixxi l-aċċess biss għall-fajl li jikkonċernah.

166    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 163 iktar ’il fuq, dwar il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, iggarantita wkoll mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ġie deċiż li, fil-kuntest ta’ lment dwar fastidju psikoloġiku, hemm lok, ħlief f’każ ta’ ċirkustanza partikolari, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda miġbura, inkluż matul il-proċedura kontenzjuża, sa fejn il-possibbiltà ta’ tneħħija eventwali ta’ din il-kunfidenzjalità fl-istadju kontenzjuż tista’ tipprekludi ż-żamma ta’ investigazzjonijiet newtrali u oġġettivi li jibbenefikaw minn kollaborazzjoni mingħajr limiti tal-persuni msejħa sabiex jinstemgħu bħala xhieda (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Madankollu, f’dan il-każ, l-ECDC ma llimitax ruħu biss sabiex jaħbi l-partijiet mir-rapport ta’ investigazzjoni dwar ix-xhieda, iżda ħassar il-kontenut tal-analiżi kollha tal-investigatur, inklużi l-konklużjonijiet tiegħu dwar l-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, li ma jistax jiġi ġġustifikat mill-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità tax-xhieda u tal-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjonijiet.

168    Barra minn hekk, l-investigatur kien diġà ħa miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-anonimat tax-xhieda fir-rapport ta’ investigazzjoni. B’mod partikolari, huwa dejjem ta l-possibbiltà lill-persuni li kienu aċċettaw li jinstemgħu li jiffirmaw jew le l-minuti tal-intervista tagħhom. Fir-rigward tal-persuni li għażlu li ma jiffirmawx, l-informazzjoni miġbura mingħandhom ma ntużatx fir-rapport b’mod li kien jippermetti li jiġu identifikati. Fir-rigward tal-persuni li aċċettaw li jiffirmaw l-imsemmija minuti, isimhom, assoċjat mad-dikjarazzjoni tagħhom fir-rapport ta’ investigazzjoni, ġie ssostitwit b’kodiċi. Anke fl-ipoteżi fejn, kif jallega l-ECDC, minħabba d-daqs ta’ dan tal-aħħar, din it-teknika ta’ anonimizzazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex tkun protetta l-identità tagħhom, il-possibbiltà li tiġi mikxufa s-sustanza tax-xhieda tagħha fil-forma ta’ sunt jew inkella billi jiġu mħassra ċerti partijiet mill-kontentut tax-xhieda seta’ kien ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ebda waħda minn dawn it-tekniki ma ġiet ikkunsidrata mill-ECDC.

169    Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra msemmija fil-punt 158 iktar ’il fuq, li l-aċċess għalihom ukoll ġie rrifjutat mit-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel talba għal assistenza u l-formola ta’ informazzjoni addizzjonali ġew redatti mir-rikorrent innifsu. Fir-rigward tal-ittra elettronika mibgħuta fis‑17 ta’ Jannar 2018 mill-Kap ta’ Diviżjoni lid-Direttriċi, din tal-aħħar kellha tibgħat lir-rikorrent il-partijiet mhux kunfidenzjali ta’ din l-ittra elettronika li kienu jikkonċernaw il-fatti msemmija fl-ewwel talba għal assistenza tiegħu, b’osservanza tal-kunfidenzjalità tax-xhieda. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi bejn id-Direttriċi u l-investigatur, għandu jiġi kkonstatat li dan seħħ bejn is‑27 ta’ Lulju u t‑3 ta’ Awwissu 2018 u għalhekk seħħ wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan ma jaqax fil-kamp tat-talba għal aċċess kontenzjuża.

170    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv uniku mressaq mir-rikorrent huwa parzjalment fondat.

171    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata t-tieni deċiżjoni kkontestata, kif ikkompletata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, sa fejn din irrifjutat lir-rikorrent l-aċċess għall-partijiet mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ investigazzjoni u tal-ittra elettronika tal-Kap ta’ Diviżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2018 li jikkonċernawh (ara l-punti 164 u 169 iktar ’il fuq).

C.      Fuq it-talbiet għal kumpens

172    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-ECDC għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab, evalwat ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 40 000.

173    Insostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-ECDC ma rrikonoxxiex kompletament l-istatus tiegħu ta’ vittma u l-assenza ta’ sanzjoni dixxiplinari kontra l-Kap ta’ Diviżjoni kkawżawlu dannu morali.

174    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, huwa ġie espost għal livell għoli ħafna ta’ tensjoni, u dan ikkawża problemi serji ta’ saħħa li wasslu għall-ansjetà, problemi ta’ pressjoni arterjali u telf tal-fiduċja fih innifsu. Il-fatt li l-ECDC iddeċieda, fil-kuntest tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, li ma jimponix sanzjoni dixxiplinari fuq il-Kap ta’ Diviżjoni u li d-Direttriċi ma ħadet ebda miżura ta’ protezzjoni wara l-ewwel talba għal assistenza tagħha saħħet fir-rikorrent is-sentiment li l-Kap ta’ Diviżjoni seta’ jaġixxi b’impunità sħiħa.

175    Id-dannu ġie aggravat ukoll mill-fatt li d-Direttriċi ppruvat bil-mezzi kollha sabiex ma tagħtihx aċċess għal elementi u għal dokumenti prinċipali li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżitu tal-ewwel talba għal assistenza tiegħu. It-trasparenza u ċ-ċarezza huma indispensabbli sabiex wieħed jipprova jistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja fil-fatt li min iħaddem jirrifjuta effettivament il-ksur tad-drittijiet mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal, anki meta dan il-ksur jista’ jiġi attribwit lill-persunal ta’ tmexxija.

176    Peress li l-erba’ snin li għaddew bejn il-bidu tal-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni fil-konfront tar-rikorrent u t-tressiq tal-ewwel talba għal assistenza jikkostitwixxu terminu raġonevoli, fid-dawl taż-żmien neċessarju sabiex wieħed ikun jista’ jirrealizza bis-sitwazzjoni, l-istat ta’ eżawriment tiegħu u l-iskadenza tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu fl-2014, ir-rikorrent iżid li, fi kwalunkwe każ, huwa kien diġà, personalment u permezz tal-Kumitat tal-Persunal, informa lill-amministrazzjoni dwar l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni. Huwa ma waqafx jitlob l-għajnuna matul is-snin, mingħajr ma kien verament instema’ u inqas u inqas mifhum.

177    L-ECDC isostni li, wara t-tressiq tal-ewwel talba għal assistenza tar-rikorrent, huwa osserva d-dmir ta’ diliġenza tiegħu u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi pproċeda bil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva wara l-kisba tal-awtorizzazzjoni tal-OLAF, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni, ir-rikonoxximent ta’ fastidju u l-aċċettazzjoni tar-riżenja tal-Kap ta’ Diviżjoni fl-interess tas-servizz. Il-livell għoli ħafna ta’ stress u ta’ ansjetà ġie ddenunzjat mir-rikorrent biss fit‑2 ta’ Lulju 2018, fil-kuntest tal-ilment tiegħu. L-ECDC isostni li, kieku huwa kien sar jaf iktar kmieni bil-fatt li r-rikorrent kien iħoss li qiegħed isofri fastidju, huwa kien jieħu l-miżuri xierqa, kif għamel wara t-tressiq tal-ewwel talba għal assistenza. Fir-rigward tad-data li fiha din tal-aħħar ġiet introdotta, l-ECDC jindika li huwa ma allegax li hija kienet preskritta.

178    Fir-rigward tar-realtà tad-dannu, l-ECDC joġġezzjona li ebda prova ma ġiet ipprovduta, peress li ċ-ċertifikat mediku mehmuż mar-rikors, fil-fehma tiegħu, għandu biss valur informattiv minimu.

179    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-allegat nuqqas u d-dannu morali, lanqas din ma ġiet ipprovata.

180    Preliminarjament, għandha tiġi ppreċiżata l-portata tat-talba għad-danni tar-rikorrent.

181    Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 36 iktar ’il fuq, dan kif ukoll membri oħra tal-persunal tal-ECDC ippreżentaw, fil‑11 ta’ Ottubru 2018, talba għad-danni oħra, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-kuntest ta’ din it-talba konġunta, ir-rikorrent talab somma ta’ EUR 356 400 minħabba d-dannu materjali u morali li huwa ġarrab bejn l-2012 u l-2018, perijodu li matulu l-ECDC ma kienx żgura ambjent xieraq tax-xogħol u dam sabiex jirreaġixxi quddiem l-aġir tal-Kap ta’ Diviżjoni. Din it-talba ġiet miċħuda mid-Direttriċi u kienet is-suġġett, sussegwentement, ta’ lment u ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru T‑864/19. Matul is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li t-talba għal danni fformulata fil-kuntest ta’ din il-kawża kienet differenti minn dik li hija s-suġġett tal-Kawża T‑864/19. Għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar id-danni invokati mir-rikorrenti f’din l-aħħar talba.

182    Mir-rikors jirriżulta li d-dannu morali invokat mir-rikorrent f’din il-kawża jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li l-ewwel deċiżjoni kkontestata għalqet l-investigazzjoni mingħajr ma rrikonoxxiet kompletament l-istatus tiegħu ta’ vittma u mingħajr ma imponiet sanzjoni dixxiplinari fuq il-Kap ta’ Diviżjoni, minħabba r-riżenja tiegħu. Dan id-dannu ġie aggravat bir-rifjut ta’ aċċess għar-rapport ta’ investigazzjoni inkluż fit-tieni deċiżjoni kkontestata.

183    Konsegwentement, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-illegalitajiet allegati fil-kuntest tat-tielet motiv ippreżentat insostenn tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u tal-motiv uniku invokat kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata.

184    Kif jirriżulta mill-punti 116 u 170 iktar ’il fuq, dawn il-motivi ntlaqgħu parzjalment. Fil-fatt, ġie kkonstatat li, minn naħa, l-ECDC naqas milli jistabbilixxi l-fatti b’mod komplet wara r-rapport ta’ investigazzjoni u li jinforma lir-rikorrent dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward tal-ewwel talba għal assistenza tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, l-aċċess limitat għar-rapport ta’ investigazzjoni li ngħata lir-rikorrent ma kienx konformi mal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

185    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. Madankollu, dan ma għandux ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali separabbli mill-illegalità li wasslet għall-annullament u li ma jistax ikun kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, meta fl-att annullat ikun hemm evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tikkawżalu preġudizzju, fit-tieni lok, meta l-irregolarità mwettqa tkun ta’ gravità partikolari u, fit-tielet lok, meta l-annullament ikun nieqes minn kull effettività, u għalhekk ma jkunx jista’ jikkostitwixxi fih innifsu r-rimedju adegwat u suffiċjenti ta’ kull dannu morali kkawżat mill-att ikkontestat (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV, EU:F:2012:144, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, in-natura morali tad-dannu allegatament subit ma tistax taqleb l-oneru tal-prova tal-eżistenza u tal-portata tad-dannu, li jaqa’ fuq ir-rikorrent. Fil-fatt, l-Unjoni hija responsabbli biss jekk ir-rikorrent jirnexxilu jipprova r-realtà tad-dannu li sofra (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2015, CC vs Il‑Parlament, T‑457/13 P, EU:T:2015:240, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    F’dan il-każ, ir-rikorrent ma weriex l-eżistenza ta’ dannu morali separabbli mill-illegalitajiet li fuqhom huwa bbażat l-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament. Waqt is-seduta, huwa llimita ruħu, f’dan ir-rigward, li jafferma mill-ġdid li l-Kap ta’ Diviżjoni kien ibbenefika minn sitwazzjoni ta’ impunità u li l-ansjetà u s-sofferenza li kien vittma tagħha baqgħu realtà, speċjalment wara l-isforzi li huwa kellu jagħmel sabiex jikseb l-aċċess għal dak li kien essenzjali għalih, jiġifieri r-rapport ta’ investigazzjoni. Madankollu, ir-rikorrent ma esponiex ir-raġunijiet li għalihom dan id-dannu ma jistax jiġi kkumpensat bl-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

189    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-talba għad-danni minħabba d-dannu morali li jirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet għandha tiġi miċħuda.

IV.    Dwar l-ispejjeż

190    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

191    F’dan il-każ, hemm lok, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi deċiż li, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ECDC għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tar-rikorrent u li dan tal-aħħar għandu jbati kwart tal-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) tat18 ta’ Mejju 2018 adottata b’risposta għat-talba għal assistenza mressqa fl20 ta’ Ġunju 2017 minn AI hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-ECDC tal20 ta’ Ġunju 2018 hija annullata sa fejn irrifjutat lil AI l-aċċess għall-partijiet mhux kunfidenzjali u li jikkonċernawh tar-rapport ta’ investigazzjoni relatat mat-talba għal assistenza tiegħu tal20 ta’ Ġunju 2017 u tal-ittra elettronika ta’ A tas17 ta’ Jannar 2018.

3)      Id-deċiżjoni tal-ECDC tas26 ta’ Ottubru 2018 li tiċħad l-ilment ta’ AI tat2 ta’ Lulju 2018 hija annullata.

4)      It-talba għal kumpens għad-danni hija miċħuda.

5)      L-ECDC għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ AI.

6)      AI għandu jħallas kwart tal-ispejjeż tiegħu.

da Silva Passos

Truchot

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Lulju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Data kunfidenzjali mħassra.