Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2021 minn WEPA Hygieneprodukte GmbH u minn WEPA Deutschland GmbH & Co. KG, tal-aħħar preċedentement Wepa Leuna GmbH u Wepa Papierfabrik Sachsen GmbH, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-238/19, Wepa Hygieneprodukte GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-795/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: WEPA Hygieneprodukte GmbH, WEPA Deutschland GmbH & Co. KG, tal-aħħar preċedentement Wepa Leuna GmbH u Wepa Papierfabrik Sachsen GmbH (rappreżentanti: H. Janssen, A. Vallone, Rechtsanwälte, D. Salm, Rechtsanwältin)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-238/19;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż imġarrba quddiem iż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontenut u l-portata tad-dritt nazzjonali, u ħadet bħala bażi għad-deċiżjoni tagħha, l-ewwel, il-fatt li l-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Network) stabbilixxiet b’mod vinkolanti l-ammont tal-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tal-iStromnetzentgeltverordnung (ir-Regolament dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku, magħruf bħala r-“Regolament StromNEV”), it-tieni, il-fatt li l-Aġenzija Federali tan-Network għamlet rekwiżiti dettaljati ferm f’dan ir-rigward, u t-tielet, il-fatt li t-telf ta’ profitt tal-operaturi tan-networks ma kienx kopert b’mod sħiħ mill-imsemmija imposta addizzjonali. Il-fatti rilevanti sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni, li kellhom juru kontroll tal-Istat permezz tal-imposta addizzjonali fuq il-profitt, għalhekk ma ttiħdux inkunsiderazzjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti marbuta mal-eżistenza ta’ għajnuna permezz ta’ riżorsi mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, l-ewwel, li l-imposta addizzjonali prevista fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV tikkostitwixxi “imposta” jew “imposta parafiskali” (l-ewwel parti tal-aggravju). It-tieni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżenzjoni tal-konsumaturi ta’ karga bażika fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV u l-imposta addizzjonali prevista fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV ma jikkostitwixxux għajnuna permezz ta’ riżorsi tal-Istat (it-tieni parti tal-aggravju). Madankollu, jekk bħal f’dan il-każ, l-imposta addizzjonali ma tikkosistitwixxix imposta, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jiġux issodisfatti, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali. Anki fil-każ li jkun hemm imposta, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jiġux issodisfatti, sa fejn l-imposta ma hijiex għajnuna mill-istat jew għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi mill-Istat.

____________