Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2021 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-745/18, Covestro Deutschland AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-791/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u R. Kanitz, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Covestro Deutschland AG, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-745/18 sa fejn tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tannulla, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/56 tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV għas-snin 2012 u 2013;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż imġarrba quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-iskema stabbilita fl-Artikolu 19(2) tal-iStromnetzentgeltverordnung (ir-Regolament dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku, magħruf bħala r-“Regolament StromNEV”) kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura Statali tat-tariffi tan-network, li l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali u l-kontroll mill-Istat fuq il-fondi jew fuq l-amministraturi ta’ dawn il-fondi kienu żewġ elementi li “jagħmlu parti minn alternattiva [waħda]”.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “oneru obbligatorju li jaqa’ fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali”, li r-relazzjoni bejn il-fornitur tal-elettriku u l-konsumaturi finali tal-elettriku kienet irrilevanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat l-obbligu ta’ ġbir, u mhux l-obbligu legali li jitħallsu t-tariffi tan-network.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat jew ta’ setgħa ta’ trasferiment tal-Istat, li l-allokazzjoni esklużiva tat-tariffi tan-network miġbura ma kinitx teskludi li l-Istat setgħa jittrasferixxi dawn il-fondi.

____________