Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2021 minn Versobank AS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-351/18 u T-584/18, Ukrselhosprom PCF u Versobank vs BĊE

(Kawża C-803/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Versobank AS (rappreżentant: O. Behrends, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Kummissjoni Ewropea, Ukrselhosprom PCF LLC

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar ir-revoka tal-awtorizzazzjoni tal-appellanti tas-26 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”) u tas-17 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”);

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma hijiex f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni fuq il-mertu, tibgħat lura Kawża T-351/18 u T-584/18 lil Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal annullament; u

tikkundanna lil BĊE għall-ispejjeż imġarrba mill-appellanti u għall-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi b’mod żbaljat assumiet li ma kienx hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fil-Kawża T-351/18, b’mod żbaljat naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-allegat effett ex tunc tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża kiser l-Artikolu 263TFUE u b’mod żbaljat assumiet li l-appellanti ma kellhiex interess fl-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża.

It-tieni aggravju bbażat fuq allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward ta’ diversi ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali.

It-tielet aggravju bbażat fuq allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat naqset milli tirrikonoxxi li l-BĊE mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu billi wettaq determinazzjonijiet fl-oqsma ta’ servizzi ta’ ħlas u servizzi finanzjarji oħra, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ĠĦF/FT (il-Ġlieda kontra l-Ħasil ta’ Flus tal-Kapitali / Finanzjament tat-Terroriżmu) u kwistjonijiet ta’ għeluq.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet konstatazzjonijiet fuq kwistjoni li kienet prekluża minn ftehim quddiem qorti amministrattiva nazzjonali.

Il-ħames aggravju bbażat fuq allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat l-MURR 1 minflok id-dritt nazzjonali fir-rigward tal-evalwazzjonijiet dwar il-falliment jew il-probabbiltà ta’ falliment u nuqqas ta’ deċiżjonijiet ta’ għeluq u interpretat b’mod żbaljat is-sinjifikat tagħhom mingħajr ma ordnat li jiġu żvelati dawn id-deċiżjonijiet.

Is-sitt aggravju bbażat fuq allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali (1) ma osservatx il-limiti tal-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE billi wettqet determinazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt intern li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti u marret lil hinn minn eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE billi wettqet determinazzjonijiet u evalwazzjonijiet li l-BĊE ma kienx wettaq, (2) ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq sejbiet sorprendenti abbażi ta’ sottomissjoni tardiva ta’ dokumenti voluminużi eżatt qabel is-seduta mingħajr ma tat lill-appellanti opportunità biex tippreżenta osservazzjonijiet (3) naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ksur tad-drittijiet tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem qabel il-bidu tal-proċedura u l-assenza kontinwa ta’ rappreżentanza effettiva tal-appellanti waqt il-proċedura u (4) b’mod żbaljat irrifjutat li tagħti ordni sabiex jiġu prodotti deċiżjonijiet ta’ għeluq fuq livell nazzjonali, iżda xorta waħda esprimiet fehmiet iddettaljati għalkemm żbaljati fuq is-sinjifikat legali u l-bażi legali ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

____________

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1)