Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2021 minn Infineon Technologies AG u Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawżi magħquda T-233/19 u T-234/19, Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG u Infineon Technologies AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-800/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Infineon Technologies AG u Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG (rappreżentanti: L. Assmann u M. Peiffer, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fil-Kawżi magħquda T-233/19 u T-234/19 (ECLI:EU:T:2021:647);

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż imġarrba quddiem iż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-kuntest ta’ dawn il-proċeduri hija eżenzjoni mill-ispejjeż tan-network li skontha, fis-snin 2012 u 2013, l-appellanti ma kinux obbligati jħallsu spejjeż tan-network lill-operatur tan-network tal-elettriku tagħhom għall-elettriku mill-grilja elettrika (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mill-ispejjeż tan-network”).

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżenzjoni mill-ispejjeż tan-network kienet iffinanzjata permezz ta’ riżorsi mill-Istat u għalhekk kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE (punt 111 tas-sentenza appellata). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx korrettament il-kunċett ta’ għajnuna skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

L-eżenzjoni mill-ispejjeż tan-network ġiet iffinanzjata permezz ta’ imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tal-iStromnetzentgeltverordnung (ir-Regolament dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku, magħruf bħala r-“Regolament StromNEV”). Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata, din ma kinitx kontribuzzjoni obbligatorja, li jista’ jkun indizju tan-natura Statali tar-riżorsi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Permezz tal-appell, l-appellanti jikkontestaw prinċipalment l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami żbaljat tad-dritt nazzjonali skont l-istandards tad-dritt Ewropew għall-għajnuna mill-Istat (l-ewwel aggravju). L-eżenzjonijiet mill-ispejjeż tan-network ġustament ma ngħatawx minn riżorsi tal-Istat kif ipprovdut fl-Artikolu 107(1) TFUE.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm riżorsi tal-Istat f’dan is-sens biss meta jkun hemm rabta mill-qrib mal-baġit tal-Istat. Madankollu, l-imposta addizzjonali taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV, li hija s-suġġett tal-proċedura, ma għandhiex rabta mill-qrib mal-baġit tal-Istat Ġermaniż. L-imsemmija imposta addizzjonali tibqa’ privata u mhux riżors tal-Istat, li għandu jitħallas minn operaturi tan-network u utenti tan-network.

Barra minn hekk, insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw distorsjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, sa fejn din interpretat b’mod żbaljat il-kontenut u l-portata tad-dritt nazzjonali (it-tieni aggravju).

____________