Language of document : ECLI:EU:C:2022:295

DIGRIET TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

7 ta’ April 2022 (*)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni tal-appell”

Fil-Kawża C‑801/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑17 ta’ Diċembru 2021,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, V. Ruzek, D. Gaja u E. Markakis, bħala aġenti,

appellant

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Indo European Foods Ltd, stabbilita f’Harrow (Ir-Renju Unit),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Indo European Foods vs EUIPO – Chakari (Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice) (T‑342/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:651), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat‑2 ta’ April 2020 (Każ R 1079/2019-4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Indo European Foods Ltd u Hamid Ahmad Chakari, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ Indo European Foods.

 Fuq ittalba għallammissjoni talappell

2        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli li jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti tal-EUIPO huwa suġġett għall-ammissjoni minn qabel tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3        Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut, l-appell huwa ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ddettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

4        Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi statut, l-appellant għandu jannetti mar-rikors tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

5        Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi t-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.

 Largumenti talappellant

6        Insostenn tat-talba tiegħu għall-ammissjoni tal-appell, l-EUIPO jsostni li l-aggravju uniku tal-appell tiegħu jqajjem kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

7        F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-EUIPO jfakkar il-kontenut tal-aggravju uniku tiegħu u tal-erba’ partijiet li huwa kompost minnhom.

8        L-ewwel, l-EUIPO jindika li, permezz tal-aggravju uniku tiegħu, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali, billi qieset, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-kawża mressqa quddiemha ma tilfitx is-suġġett tagħha u li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, Indo European Foods, ippersista, kisret il-kundizzjoni indispensabbli u fundamentali ta’ kull azzjoni ġudizzjarja, li tirrigwarda l-persistenza tas-suġġett tat-tilwima u tal-interess ġuridiku sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, li hija rrikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari minn dik stabbilita fil-punt 42 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322) u mfakkra fil-punti 63 sa 68 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fis-sentenza Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni (C‑560/18 P, EU:C:2019:1052).

9        It-tieni, l-EUIPO jindika li, permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeduċiet, fil-punti 19 sa 21 u 23 tas-sentenza appellata, li s-suġġett tar-rikors kien għadu jippersisti, mis-sempliċi fatt li t-tmiem tal-perijodu tranżitorju stabbilit mill-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, ma setax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża preċedentement adottata.

10      F’dan ir-rigward, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 19 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit relatat mal-interess ġuridiku u żnaturatu, sa fejn hija rrifjutat li teżamina jekk elementi li dehru wara d-deċiżjoni kontenzjuża kinux ta’ natura li jċaħħdu r-rikors mis-suġġett tiegħu u sa fejn hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, esklużivament fuq il-fatt li dawn l-elementi ma setgħux jikkontestaw il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Meta għamlet tali interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ħawdet ir-rekwiżiti proċedurali u preliminari applikabbli għall-eżami ta’ kull rikors, dwar iż-żamma kemm tas-suġġett ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tal-interess ġuridiku ta’ dak li jkun ippreżentah mal-istħarriġ ulterjuri tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet l-interess ġuridiku mill-funzjoni tiegħu stess u indipendenti mid-dibattitu fuq il-mertu tar-rikors, li huwa li tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-proċeduri billi tevita li l-qorti ma tiġix adita b’domandi purament ipotetiċi.

11      It-tielet, l-EUIPO jindika li, permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65), li ma evalwatx in concreto l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk ir-rikors li ġie ppreżentat quddiemha setax, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jikseb benefiċċju lill-parti li kienet ippreżentatu.

12      Fil-fatt, skont l-EUIPO, billi kkonċentrat, fil-punti 17 sa 20 tas-sentenza appellata, fuq il-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-dritt preċedenti protett fir-Renju Unit seta’ jiġi invokat insostenn tal-oppożizzjoni mressqa minn Indo European Foods, il-Qorti Ġenerali tħalli mingħajr risposta l-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li l-protezzjoni territorjali tagħha qatt ma hi ser testendi għar-Renju Unit minħabba l-irtirar ta’ dan l-Istat mill-Unjoni u minħabba t-tmiem tal-perijodu tranżitorju, hija dejjem suxxettibbli li tagħmel ħsara lill-interessi ġuridiċi ta’ Indo European Foods kif protetti mir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

13      Ir-raba’, permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku, l-EUIPO jsostni li, minħabba l-imsemmija żewġ żbalji ta’ liġi, rispettivament, fl-ewwel u fit-tieni partijiet ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, li kellhom iwassluha tikkunsidra li Indo European Foods ma kinitx osservat l-obbligu tagħha li turi l-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Issa, skont l-EUIPO, xejn ma kien jindika li dan l-interess ġuridiku kien għadu jeżisti.

14      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tas-sistema stabbilita mir-Regolament 2017/1001, l-EUIPO jsostni li, peress li t-trade mark preċedenti sparixxiet matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ma tistax tiġi invokata iktar skont dan ir-regolament, ebda kunflitt ma jista’ jseħħ iktar bejn din it-trade mark u applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa l-“vantaġġ speċifiku” li Indo European Foods setgħet tirtira mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-fatt li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ser tiġi rreġistrata biss wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri f’data fejn it-trade marks kunfliġġenti ma jistgħux jissodisfaw fl-istess ħin il-funzjoni essenzjali tagħhom.

15      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione loci tal-imsemmija sistema, l-EUIPO jiddikjara li, fid-dawl tal-prinċipju fundamentali ta’ territorjalità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/1001, ma jista’ jkun hemm ebda kunflitt bejn it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li għaliha saret l-applikazzjoni, wara r-reġistrazzjoni tagħha, li ma hijiex ser tkun protetta fir-Renju Unit, u t-trade mark preċedenti, li tibqa’ esklużivament protetta fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

16      Il-ħames, l-EUIPO jindika li, permezz tar-raba’ parti tal-aggravju uniku, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli imponiet fuqu, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, l-obbligu li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-Artikolu 50(3) TUE kif ukoll mill-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għalhekk, sabiex jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, l-EUIPO għandu jeżamina, jew saħansitra jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001, li jikkostitwixxu l-espressjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ territorjalità.

17      Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li l-aggravju uniku tiegħu jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan jirrigwarda regoli li jokkupaw post fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, ir-rekwiżit orizzontali, li għandu “importanza kostituzzjonali” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:214, punt 42), tal-persistenza tal-interess ġuridiku u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ territorjalità, l-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u n-natura speċifika tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni fid-dawl tal-kunċett fundamentali tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li jikkostitwixxu l-pilastri kemm tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kif ukoll tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, u dan fil-kuntest ġenerali tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jippreżenta erba’ argumenti.

18      L-ewwel, l-EUIPO jenfasizza n-natura orizzontali tar-rekwiżit tal-persistenza ta’ interess ġuridiku. Issa, il-Qorti Ġenerali, billi ddeduċiet mill-fatt li t-tmiem tal-perijodu tranżitorju previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit kien daħal fis-seħħ wara d-deċiżjoni kkontestata li r-rikors kien għad għandu skop u li tali fatt ma kienx għalhekk ta’ natura li jaffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni, tbiegħdet mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura awtonoma tar-rekwiżit taż-żamma tal-interess ġuridiku u l-ħtieġa li jiġi evalwat dan ir-rekwiżit in concreto.

19      It-tieni, l-EUIPO jallega li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li s-sentenza appellata hija ppubblikata u tradotta fil-lingwi kollha tal-Unjoni u li hija s-suġġett ta’ sunt irriprodott fir-repertorju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni żbaljata, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tal-portata tar-rekwiżit dwar il-persistenza tal-interess ġuridiku ser tikkostitwixxi preċedent għall-kawżi futuri, mingħajr ċertezza dwar jekk l-imsemmi preċedent japplikax indipendentement mill-qasam inkwistjoni jew unikament fil-kuntest tal-kawżi tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

20      L-EUIPO jqis li l-effett sospensiv tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex isaħħaħ il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni in concreto tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikors għadx għandu suġġett, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk l-eżitu tiegħu jistax jagħti vantaġġ speċifiku lill-partijiet. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jifhem għaliex il-loġika li fuqha huwa bbażat ir-rekwiżit tal-validità tad-dritt preċedenti għad-data li fiha l-EUIPO jieħu deċiżjoni ssir irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jżommx is-suġġett tiegħu, għas-sempliċi raġuni li ttieħdet deċiżjoni provviżorja mill-EUIPO.

21      It-tielet, l-EUIPO jenfasizza li l-kwistjoni tal-għajbien tad-dritt preċedenti matul il-proċedura wasslet għal deċiżjonijiet kontradittorji tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-persistenza tal-interess ġuridiku. Huwa jiċċita f’dan ir-rigward is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, Cadila Healthcare vs UASI – Novartis (ZYDUS) (T‑288/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:124, punt 22), u tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Les Complices (Stilla f’ċirku) (T‑342/12, EU:T:2014:858, punti 26 sa 29), kif ukoll id-digrieti tas‑26 ta’ Novembru 2012, MIP Metro vs UASI – Real Seguros (real,- Bio) (T‑549/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:622, punt 23), u tal‑4 ta’ Lulju 2013, Just Music Fernsehbetriebs vs UASI – France Télécom (Jukebox) (T‑589/10, mhux ippubblikat, EU:T:2013:356, punt 36). Huwa jesponi wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss fil-qosor l-okkażjoni li tittratta din il-kwistjoni f’kuntest partikolari, jiġifieri dak tad-digriet tat‑8 ta’ Mejju 2013, Cadila Healthcare vs UASI (C‑268/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:296), b’tali mod li ma jistax jiġi dedott prinċipju ġenerali li jgħid li l-qorti tal-Unjoni hija pprojbita, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-persistenza ta’ interess ġuridiku, li tieħu inkunsiderazzjoni fatti li l-effetti tagħhom seħħew wara d-deċiżjoni appellata quddiemha.

22      Skont l-EUIPO, peress li l-preżentata ta’ talba għal revoka jew għal nullità tikkostitwixxi motiv ta’ difiża komuni fil-kuntest tat-tilwim fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, il-linji gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja huma meħtieġa sabiex tiġi kkjarifikata l-kwistjoni tal-effetti marbuta mal-għajbien tad-dritt preċedenti matul il-proċedimenti, li għandha importanza kruċjali għall-utenti tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. L-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tal-Unjoni tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-mod kif ir-rekwiżit tal-persistenza tal-interess ġuridiku jiġi applikat mill-qrati nazzjonali fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-għajbien ta’ dritt preċedenti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti.

23      Ir-raba’, l-EUIPO jsostni li dan l-appell iqajjem ukoll, fir-rigward tal-punt 27 tas-sentenza appellata, kwistjoni sinjifikattiva ta’ natura proċedurali, li ma hijiex limitata għall-qasam tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri dik tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mir-regola li l-awtur tal-att annullat għandu jirreferi għad-data li fiha huwa adottah fid-dawl tal-adozzjoni tal-att ta’ sostituzzjoni. Fil-fatt, tqum il-kwistjoni dwar jekk din ir-regola tistax tiġi estiża sal-punt li teżiġi mill-EUIPO, meta jirrinvija l-kawża, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti tal-Artikolu 50(3) TUE u tal-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u b’hekk jeżamina r-raġuni relattiva għal rifjut inkwistjoni fir-rigward ta’ territorju li fih it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tibbenefika, fi kwalunkwe każ, minn ebda protezzjoni, li tmur kontra l-istruttura u l-iskop tal-Artikolu 8 tar-Regolament 2017/1001.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

24      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu l-obbligu juri li l-kwistjonijiet imqajma bl-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minbarra dan, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170a(1) u l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi meħtieġa kollha li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, f’każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li fir-rigward tagħhom għandha ssir ir-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut huwa intiż sabiex jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tiddikjara b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom huwa bbażat l-appell, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tippreċiża jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aggravji tal-appell, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tippreċiża d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li kienet ġiet miksura mis-sentenza jew mid-digriet appellat, tesponi b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball eżerċita influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza jew tad-digriet appellat. Meta l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta mill-ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tesponi, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellat li l-appellant jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li kienu ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti li għalihom tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, mill-punt 19 tas-sentenza appellata, iċċitat mill-EUIPO, jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tat-tilwima jintemm meta jseħħ fil-mori tal-kawża avveniment li sussegwentement għalih trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, b’mod partikolari wara rtirar eventwali mill-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni, iwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni motivi li dehru wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li ma humiex intiżi li jaffettwaw il-fondatezza tagħha, liema legalità ta’ tali deċiżjoni għandha tiġi evalwata billi hija tpoġġi lilha nfisha, bħala prinċipju, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

28      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, iċċitata wkoll mill-EUIPO, li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, ir-rikors ippreżentat minn Indo European Foods quddiem din l-istanza sar pendenti, b’tali mod li hija kellha tiddeċiedi mill-ġdid fuq dan ir-rikors, u dan skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fid-data tal-preżentata tiegħu. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza ċċitata mill-EUIPO tikkonferma li, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun meħtieġ li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tkompli teżisti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

29      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni u tal-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni matul il-proċedura, il-Qorti Ġenerali, kif fakkar l-EUIPO, iddeċidiet, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li t-tilwima mressqa quddiemha ma kinitx tilfet is-suġġett tagħha u li l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods kien għadu għaddej.

30      Issa, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-EUIPO jiddeskrivi bi preċiżjoni u b’ċarezza l-aggravju uniku tiegħu, billi jippreċiża li l-Qorti Ġenerali, qabel kollox, ħawdet ir-rekwiżit proċedurali tal-interess ġuridiku mal-istħarriġ tal-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża, sussegwentement, li hija ma evalwatx b’mod konkret il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, fid-dawl tal-benefiċċju li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jagħtiha, li, barra minn hekk, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni li din tal-aħħar ma kinitx osservat l-obbligu tagħha li turi l-persistenza tal-interess ġuridiku, għalkemm ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li dan tal-aħħar kien ikompli jeżisti wara l-perijodu ta’ tranżizzjoni u, fl-aħħar nett, li hija ddeċidiet essenzjalment li l-EUIPO ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-Artikolu 50(3) TUE kif ukoll mill-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u b’hekk jikser id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament 2017/1001, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ territorjalità tad-dritt tal-propjetà intellettwali.

31      B’mod partikolari, l-EUIPO espona bi preċiżjoni l-punti tal-motivi tas-sentenza appellata li jippreżentaw, fil-fehma tiegħu, kontradizzjonijiet mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-persistenza tal-interess ġuridiku, imsemmija, b’mod partikolari, fil-punt 42 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322), u fil-punt 65 tas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), iżda wkoll mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade marks, l-infurzabbiltà tagħhom u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità, kif ukoll tal-Artikolu 50(3) TUE u tal-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b’identifikazzjoni kemm tal-punti inkwistjoni tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjonijiet u tad-dispożizzjonijiet allegatament miksura.

32      Fit-tieni lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-kawża ma kinitx tilfet is-suġġett tagħha u li l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods kien għadu għaddej. Għalhekk, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta b’mod ċar li l-allegata interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti proċedurali kkonfermata mill-Qorti Ġenerali kellha effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata mill-EUIPO u mfakkra fil-punt 8 ta’ dan id-digriet, is-suġġett tat-tilwima għandu jissussisti, bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fit-tielet lok, skont l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, l-appellant fl-appell għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, bil-portata ta’ dan il-kriterju taqbeż il-kuntest tas-sentenza appellata u, b’mod definittiv, dak tal-appell tagħha (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 27).

34      Din il-prova timplika hija stess li għandha tistabbilixxi kemm l-eżistenza kif ukoll l-importanza ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement argumenti ta’ natura ġenerali (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 28).

35      Issa, f’dan il-każ, l-EUIPO jidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tal-aggravju uniku tiegħu, li jikkonsisti, essenzjalment, fid-determinazzjoni tad-data u taċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-persistenza tas-suġġett tat-tilwima u tal-interess ġuridiku meta, minn naħa, it-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali tkun tirrigwarda deċiżjoni adottata fi tmiem proċedimenti ta’ oppożizzjoni bbażati fuq dritt preċedenti protett biss fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, il-perijodu ta’ tranżizzjoni jkun intemm matul l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod iktar ġenerali, din il-kwistjoni tikkonċerna, skont l-EUIPO, l-effett tal-għajbien, fil-mori tal-kawża, tad-dritt preċedenti inkwistjoni fuq l-eżistenza tas-suġġett tat-tilwima u fuq l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods.

36      Min-naħa l-oħra, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

37      B’mod partikolari, l-EUIPO jispeċifika li l-imsemmija kwistjoni tirrigwarda r-rekwiżit proċedurali fundamentali tal-interess ġuridiku u prinċipji li jikkostitwixxu pilastri tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri l-prinċipju ta’ territorjalità, il-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-kunċett fundamentali tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, fil-kuntest tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

38      F’dan ir-rigward, qabel kollox, huwa jenfasizza n-natura orizzontali tar-rekwiżit tal-persistenza ta’ interess ġuridiku u l-eżistenza ta’ diverġenza ta’ interpretazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fi ħdan il-Qorti Ġenerali, iżda wkoll bejn il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Sussegwentement, huwa jippreċiża li kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa kemm għall-utenti tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kwistjoni mqajma tikkonċerna mhux biss l-effett tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fuq il-proċeduri pendenti, iżda wkoll is-sitwazzjonijiet kollha, li huma frekwenti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, ta’ għajbien tad-dritt preċedenti matul il-proċedura ġudizzjarja, b’mod partikolari, fil-każ ta’ revoka jew ta’ skadenza ta’ trade mark. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni tal-interess ġuridiku fil-każ tal-għajbien tad-dritt preċedenti matul din il-proċedura, l-EUIPO jesponi l-ġurisprudenza kontradittorja tal-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam. Barra minn hekk, huwa jirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat din il-kwistjoni biss f’kuntest partikolari, jiġifieri dak li wassal għall-għoti tad-digriet tat‑8 ta’ Mejju 2013, Cadila Healthcare vs UASI (C‑268/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:296).

40      Fl-aħħar nett, huwa jirrileva li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mir-regola li tipprovdi li l-awtur tal-att annullat għandu jirreferi għad-data ta’ dan l-att sabiex jadotta l-att ta’ sostituzzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u t-tmiem tal-perijodu tranżitorju, tikkostitwixxi kwistjoni importanti ta’ natura proċedurali li ma hijiex limitata għad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

41      Għalhekk, mit-talba għal ammissjoni jirriżulta li l-kwistjoni mqajma minn dan l-appell tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, dik tal-imsemmi appell.

42      Fid-dawl tal-elementi esposti mill-EUIPO, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell ippreżentata minnu turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi ammess fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

44      Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a tal-imsemmija regoli.

45      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

46      Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell intlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

1)      L-appell huwa ammess.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.