Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2021 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-342/20 – Indo European Foods vs EUIPO

(Kawża C-801/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Hanf, V. Ruzek, D. Gaja, E. Markakis, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Indo European Foods Ltd, Hamid Ahmad Chakari

Talbiet

L-Appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza appellata fil-Kawża T-342/20;

tiddikjara li ma hemmx lok li tiddeċiedi fuq l-azzjoni miġjuba quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-2 ta’ April 2020 (Kawża R 1079-4), u

tordna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza tħallas l-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO relatati ma’ dan l-appell u mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant EUIPO jinvoka aggravju uniku, jiġifieri ksur tar-rekwiżit ta’ persistenza ta’ interess ġuridiku kif irrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, li tqajjem il-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

L-ewwel aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret kundizzjoni fundamentali u awtonoma ta’ kull azzjoni ġudizzjarja – kif irrikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita – ta’ persistenza ta’ interess ġuridiku, peress li rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni motivi li daħlu fis-seħħ wara d-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tas-sempliċi fatt li tali motivi ma setgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din l-interpretazzjoni mhux biss tħawwad ir-rekwiżit proċedurali preliminari u l-istħarriġ ulterjuri tal-legalità fuq il-merti. Hija ċċaħħad ukoll il-persistenza tal-interess ġuridiku mill-funzjoni indipendenti tiegħu stess.

It-tieni aggravju jallega li, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. Billi kkonċentrat fuq l-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti Ġenerali ħalliet mingħajr risposta l-kwistjoni tar-rekwiżit preliminari mandatorju: liema vantaġġi r-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħet tikseb mill-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża?

It-tielet aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonkludi li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinitx osservat l-obbligu li turi l-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ser tiġi rreġistrata biss wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri, f’mument meta t-trade marks kunfliġġenti ma kinux ser jissodisfaw (u qatt ma ssodisfaw) il-funzjoni essenzjali tagħhom fl-istess ħin 1 , l-EUIPO targumenta li l-ebda kunflitt ratione temporis u ratione loci ma seta’ possibilment iqum. Isegwi li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma setgħet tikseb ebda vantaġġ mill-proċedura u, għaldaqstant, ma turix persistenza tal-interess ġuridiku.

Ir-raba’ aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali, bħala konsegwenza ta’ dawn l-iżbalji, kisret l-Artikolu 50(3) TEU, l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 u l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, li huma espressjonijiet tal-prinċipju fundamentali ta’ territorjalità, li jimponi fuq l-EUIPO obbligu li jinjora l-konsegwenzi legali tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fuq dan il-każ.

Dan l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza appellata tadotta interpretazzjoni stretta tal-portata tar-rekwiżit orizzontali tal-persistenza tal-interess ġuridiku. L-imsemmi rekwiżit jieħu ispirazzjoni mit-teorija ġenerali tal-liġi proċedurali komuni għall-Istati Membri, u l-interpretazzjoni pprovduta mill-qorti tal-Unjoni x’aktarx tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-mod kif dan ir-rekwiżit jiġi applikat mill-qrati nazzjonali. Dan l-appell iqajjem ukoll kwistjoni importanti ta’ natura proċedurali – li ma hija bl-ebda mod limitata għall-qasam tad-dritt tal-proprjetà intellettwali – jiġifieri l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mir-regola li l-awtur tal-att annullat għandu jagħti referenza tad-data li fiha huwa jkun adotta l-att sabiex jiġi adottat att ta’ sostituzzjoni. Il-kwistjoni tal-għajbien tad-dritt iktar bikri pendente lite ta lok għal sentenzi kontradittorji tal-Qorti Ġenerali, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss okkażjoni fil-qosor, permezz ta’ digriet motivat, sabiex tindirizza fil-qosor din il-kwistjoni. Dan l-appell qajjem ukoll il-kwistjoni ġenerali tal-konsegwenzi, fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, tal-ħruġ effetiv tar-Renju Unit mill-Unjoni.

____________

1 Artikoli 11, 51(1), 66(1) u 71(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

1 Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7).