Language of document : ECLI:EU:T:2005:49

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

15 ta' Frar 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Oppożizzjoni – Probabbiltà ta' konfużjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali LINDENHOF – Trade mark verbali u figurattiva preċedenti LINDERHOF – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-296/02,

Lidl Stiftung & Co. KG, stabbilita f'Neckarsulm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Groß, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (trade marks u disinni), irrappreżentat A. von Mühlendahl, B. Müller u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinn), intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija,

REWE-Zentral AG, stabbilita f'Cologne (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Kinkeldey, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinn) tas-17 ta' Lulju 2002 (kawża R 0036/2002-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Lidl Stiftung & Co. KG u REWE-Zentral AG,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-16 ta' Settembru 1997, l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinn) (iktar 'il quddiem l-"Uffiċċju") għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali

LINDENHOF

2        L-applikazzjoni għal trade mark tikkonċerna, b'mod partikolari, il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 30 u 32 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassiklassi 30 : "[...] prodotti taċ-ċikkulata, xarbiet taċ-ċikkulata [...] prodotti tal-marżipan u tal-lewż ; [...] ċikkulatini, mimlija wkoll [...] " ;

–        klassi 32 : "Birer, taħlitiet ta' xarbiet li fihom il-birra, ilmijiet minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott, meraq tal-ħxejjex; xiroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel ix-xarbiet, xarbiet ibbażati tax-xorrox [...] ".

3        Fl-10 ta' Awwissu 1998, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 60/98.

4        Fis-26 ta' Ottubru 1998 ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, billi bbażat ruħha fuq it-trade mark verbali u figurattiva li ġejja

Image not found

irreġistrata fil-Ġermanja u li għandha bħala data ta' applikazzjoni għar- reġistrazzjoni l-24 ta' Diċembru 1991 (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti").

5        L-oppożizzjoni kienet saret kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 2 iktar 'il fuq. Din kienet ibbażata fuq il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, imsejħa "inbejjed frizzanti" li jaqgħu fil-klassi 33.

6        Sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat ir-raġuni relattiva għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994 L 11, p.1), kif emendat.

7        Peress illi l-intervenjenti qajjmet l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ użu tat-trade mark preċedenti, prevista fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ppreżentat dikjarazzjoni ġuramentata ta' wieħed mill-managers tagħha flimkien ma lista li tistabbilixxi n-numru ta' unitajiet ta' bejgħ għas-snin 1995 sa 2000 u immaġini li turi l-forma użata għall-dan il-bejgħ, riprodotta hawn taħt.

Image not found

8        Permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Novembru 2001 id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kien ġie ppruvat. Fit-tieni lok, hija laqgħat l-oppożizzjoni safejn din kienet tikkonċerna l-prodotti msejħa "birer, taħlitiet ta' xarbiet li fihom il-birra", minħabba l-l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Hija ċaħdet il-bqija ta' l-oppożizzjoni minħabba li ma kienx hemm tali probabbiltà. Fl-aħħar nett, hija kkundannat lil kull waħda mill-partijiet tbati l-ispejjeż tagħha.

9        Fis-7 ta' Jannar 2000, ir-rikorrenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni fir-rigward tal-prodotti msejħa "ilmijiet minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, xarbiet ta' frott u meraq tal-frott", li jaqgħu fil-klassi 32 (iktar 'il quddiem ix-"xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark").

10      Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Lulju 2002 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata) il-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors u kkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Proċedura

11      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta' Settembru 2002 ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

12      Permezz ta' l-ittra ta' l-14 ta' Jannar 2003, l-Uffiċċju informa lill-Qorti tal-Prim'Istanza li hu kien ikkonstata nuqqas ta' prova tal-proroga tat-tul taż-żmien ta' protezzjoni tat-trade mark preċedenti. Permezz ta' ittra li waslet fl-10 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti pprovdiet din il-prova lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

13      L-Uffiċċju u l-intervenjenti ppreżentaw ir-risposta tagħhom rispettivament fit-3 u l-4 ta' Frar 2003.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–        tannulla s-sentenza kkontestata;

–        tikkundanna lill-Uffiċċju jbati l-ispejjeż.

15      L-Uffiċċju jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16      L-intervenjenti L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti.

 L-argumenti tal-partijiet

17      Sabiex issostni r-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, f'dak illi l-Bord ta' l-Appell b'mod żbaljat ikkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni f'dak li jikkonċerna l-prodotti msejħa nbejjed frizzanti, minn naħa, u x-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, min-naħa l-oħra (iktar 'il quddiem il-"prodotti in kwistjoni").

18      Fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li normalment huma għandhom oriġini komuni. F'dan ir-rigward, hija ppreżentat dokumenti, flimkien ma' provi bix-xhieda, intiżi sabiex juru l-eżistenza ta' fabbriki ta' l-inbid u nbid frizzanti Ġermaniżi li jipproduċu wkoll meraq tal-frott u inbejjed tal-frott u inbejjed frizzanti tal-frott u xarbiet imħallta li għandhom bażi ta' nbid. Dan il-fatt kien magħruf lill-pubbliku kkonċernat. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, l-eżistenza ta' fabbriki ta' l-inbid li jikkumerċalizzaw ukoll ilma ta' fuq il-mejda, jew ilma minerali ma tistax tiġi eskluża. Fl-aħħar nett, hija tallega li, bil-kontra, il-produtturi ta' xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark qegħdin jestendu wkoll il-gamma ta' prodotti tagħhom.

19      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-prodotti finali in kwistjoni huma simili. Fil-fatt, huma kollha xarbiet għall-konsum ta' kuljum u jinbiegħu ma ġenb xulxin fil-ħwienet kif ukoll fuq il-listi ta' xarbiet. Ir-riklami għalihom huma simili u normalment juru persuna li waqt li qed tixrob din ix-xarba, qegħdha tgawdi mument ta' ferħ. Bħall-inbejjed frizzanti, ix-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, u b'mod partikolari x-xarbiet ta' frott alkoħoliċi, jinxtorbu wkoll f'okkażjonijiet speċjali u, bħal l-imsemmija xarbiet, l-inbejjed frizzanti jinxtorbu wkoll waqt ikla. Barra minn hekk, xarbiet oħra barra l-inbejjed huma frizzanti. Fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li, bħall-inbid frizzanti, ċerti xarbiet mhux alkoħoliċi u meraq tal-frott oħra jistgħu jkunu ffabrikati, b'mod partikolari, mill-għeneb. Minn dan hija tikkonkludi li, peress illi għandhom sinjali simili, il-prodotti in kwistjoni jistgħu jingħatawlhom l-istess oriġini kummerċjali.

20      F'dak li jikkonċerna s-sinjali in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li press illi dawn huma simili, safejn id-differenza fonetika tagħhom bil-kemm tidher u safejn id-differenza kunċettwali tagħhom mhijiex partikolarment evidenti, il-pubbliku f'dan il-każ mhuwiex imwassal ifittex it-tifsira tagħhom.

21      F'dak li jikkonċerna l-pubbliku kkonċernat, ir-rikorrenti tafferma fil-fatt li, peress illi l-prodotti in kwistjoni huma ta' konsum ta' kull jum, l-attenzjoni li dan il-pubbliku jagħtihom hija żgħira.

22      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv qawwi ħafna. Fil-fatt, l-inbejjed frizzanti ġew mibjugħa taħt din it-trade mark għal iktar minn seba' snin, f'iktar min 4000 sussidjarja tar-rikorrenti, li l-parti l-kbira tagħhom tinsab fil-Ġermanja. Id-dikjarazzjoni ġuramentata msemmija iktar 'il fuq fil-punt 7 turi li dan il-bejgħ iġġenera fatturat sinjifikanti fil-Ġermanja, minn Jannar 1995 sa Jannar 2000. F'dan ir-rigward sar reklamar estensiv. Ir-rikorrenti tirrimarka li l-kelma "linderhof" ma tiddeskrivix l-inbejjed frizzanti.

23      B'risposta għall-allegat fatt li hija ppreżentat xi wħud mill-argumenti tagħha tard, ir-rikorrenti sostniet, waqt is-seduta, li l-argument prinċipali tagħha kien diġà ġie ppreżentat quddiem il-Bord ta' l-Appell.

24      L-Uffiċċju jqis min-naħa tiegħu li l-Bord ta' l-Appell iddeċieda korrettament li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

25      F'dan ir-rigward, l-Uffiċċju jsostni, b'mod partikolari, li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati, primarjament, fuq l-oriġini abitwali komuni tal-prodotti in kwistjoni, u fit-tieni lok, fuq il-fatt li taħlitiet tal-prodotti in kwistjoni huma proposti, saru tard fid-dawl tar-regola 16(3), tar-regola 17(2) u tar-regola 20(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), ta' l-Artikolu 74(1) in fine tar-Regolament Nru 40/94 u tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs L-UASI – Massagué Marín (Chef) (T-232/02, Ġabra p. II‑2749), u tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II‑4301, punti 21 et seq). Fil-fatt, skond l-Uffiċċju l-ewwel argument ġie imressaq b'mod ċar biss quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u t-tieni argument ġie imressaq hemm għall-ewwel darba. Dawn l-argumenti ma jservux l-anqas sabiex isostnu jew japprofondixxu argument diġà ppreżentat quddiem d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. L-Uffiċċju jżid li, jekk huwa ma indikax b'mod ċar lir-rikorrenti liema fatti u provi kellhom jiġu ppreżentati, din ta' l-aħħar kellha tiddeċiedi għaliha nnifisha. Barra minn hekk, l-Uffiċċju ma kienx f'pożizzjoni li jagħti tali indikazzjoni, peress illi ma kienx jaf biżżejjed is-suq in kwistjoni. Fl-aħħar, l-Uffiċċju josserva li r-rikorrenti stess intitolat il-parti kkonċernata tar-rikors tagħha "fatti ġodda".

26      Skond l-Uffiċċju l-istess jgħodd għall-argument bbażat fuq il-karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti minħabba l-użu tagħha, safejn dan l-argument lanqas ma kien ġie mressaq quddiemu. L-Uffiċċju jirrileva li, quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti sostniet biss li t-trade mark preċedenti kellha "karattru distintiv minn ta' l-anqas normali". Barra minn hekk, l-Uffiċċju jsostni li l-fatti u l-elementi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti intiżi sabiex jippruvaw l-użu tat-trade mark preċedenti ma jikkostitwixxux la l-invokazzjoni espliċita u lanqas dik impliċita tar-reputazzjoni kbira li din it-trade mark akkwistat permezz ta' l-użu tagħha.

27      L-intervenjenti tinvoka, qabel kollox, motiv bbażata fuq ksur ta' l-Artikoli 15 u 43 tar-Regolament Nru 40/94, f'dak illi l-Bord ta' l-Appell kien imissu ċaħad l-appell minħabba nuqqas ta' prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

28      Fit-tieni lok, l-intervenjenti ssostni li ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni.

29      Waqt is-seduta, l-intervenjenti sostniet l-argumenti ta' l-Uffiċċju li xi wħud mill- argumenti tar-rikorrenti tressqu tard wisq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Fuq l-ammissibbiltà ta' ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti

30      L-Uffiċċju u l-intervenjenti jsostnu li l-argumenti bbażati, fl-ewwel lok, fuq l-abitwali komuni tal-prodotti in kwistjoni, fit-tieni lok, fuq il-fatt li taħlitiet tal-prodotti in kwistjoni huma proposti għall-bejgħ u fit-tielet lok, fuq il-karattru distintiv qawwi tat-trade mark tressqu tard.

31      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex isir stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Issa, fatti li huma invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jkunu ġew mressqa minn qabel quddiem l-istanzi ta' l-Uffiċċju jistgħu jeffettwaw il-legalità ta' tali deċiżjoni biss jekk l-Uffiċċju kien imissu kkunsidrahom ex ufficio. F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 74 in fine ta' l-imsemmi Regolament, fejn jingħad li, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba, jirriżulta li dan ta' l-aħħar mhux obbligat jikkunsidra ex ufficio fatti li ma ġewx imressqa mill-partijiet. Għaldaqstant, tali fatti ma jistgħux iqegħdu f’dubju l-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell.

32      Issa f'dak li jikkonċerna l-ewwel argument imsemmi fil-punt 30 iktar 'il fuq għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti allegat quddiem il-Bord ta' l-Appell li l-prodotti in kwistjoni kienu essenzjalment immanifatturati f'impriżi identiċi, kif jirriżulta wkoll mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ewwel argument ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala li ma kienx ġie invokat quddiem l-Uffiċju, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Uffiċċju u l-intervenjenti.

33      Għandu jingħad ukoll li, ċertament, ir-rikorrenti ressqet l-allegazzjoni msemmija fil-punt preċedenti għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta' l-Appell. Madankollu jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Bordijiet ta' l-Appell jistgħu, bir-riżerva ta' l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jilqgħu appell, fuq il-bażi ta' fatti ġodda invokati mill-parti li ressqet l-appell jew ukoll fuq il-bażi ta' provi ġodda mressqa minnha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26].

34      Fir-rigward tar-referenza magħmula mill-Uffiċċju għas-sentenza ELS, iċċitata iktar 'il fuq (punti 21 et seq), għandu jiġi osservat li din tikkonċerna, b'mod partikolari, il-produzzjoni tal-prova ta' l-użu tat-trade mark invokata b'sostenn għall-oppożizzjoni, li f'dan il-każ, mhijiex in kwistjoni f'dan l-istadju tal-proċedimenti.

35      L-istess jgħodd għar-referenza magħmula għas-sentenza Chef, iċċitata iktar 'il fuq. Fil-fatt din tikkonċerna n-nuqqas li tingħata, fit-terminu mogħti mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, it-traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tat-trade mark invokata b'sostenn għall-oppożizzjoni (ara l-punti 53 u 57 ta' l-imsemmija sentenza). Issa mhemmx din is-sitwazzjoni f'din il-kawża.

36      Minn dan jirriżulta li l-argument ibbażat fuq l-oriġini abitwali komuni tal-prodotti in kwistjoni huwa ammissibbli.

37      Għall-kutnrarju, fir-rigward tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti sabiex issostni dan l-argument u imsemmija fil-punt 18 iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dawn kienu ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Isanza. Barra minn hekk ir-rikorrenti ma sostnitx mod ieħor.

38      Dawn id-dokumenti ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument imsemmi iktar 'il fuq fil-punt 30, fejn jingħad li taħlitiet tal-prodotti in kwistjoni huma proposti għall-bejgħ, għandu jiġi kkonstatat li dan ma ġiex imressaq mir-rikorrenti quddiem l-Uffiċċju, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, b'mod partikolari, għandu jiġi osservat li, jekk, fin-nota tagħha ta' l-24 ta' Marzu 2000 ppreżentata quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti għamlet referenza għall-eżistenza ta' "xarbiet rikreattivi li fihom 'inbid frizzanti'", din ir-referenza ma tikkonċernax ir-rabta mhux bejn il-prodotti in kwistjoni imma bejn, minn naħa, l-inbejjed frizzanti u, min-naħa l-oħra, prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark li m'għadhomx is-suġġett ta' din il-kwistjoni.

40      Minn dan jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-fatt li taħlitiet tal-prodotti in kwistjoni huma proposti għall-bejgħ ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

41      Dwar it-tielet argument imsemmi iktar 'il fuq fil-punt 30, għandu jiġi kkonstatat li lanqas dan ma ġie mressaq mir-rikorrenti quddiem l-Uffiċċju. B'mod iktar partikolari, quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti sostniet biss li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv ta' livell medju.

42      Għaldaqstant, lanqas l-argument bbażat fuq il-karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti ma jista jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

 Fuq il-mertu

43      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat il-motiv invokat mir-rikorrenti qabel ma eventwalment jiġi eżaminat dak invokat mill-intervenjenti. Fl-fatt, kieku kellu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ċaħad b'mod korrett l-appell imressaq quddiemu minħabba n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni, ma jkunx hemm aktar bżonn li jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-intervenjenti, huwa missu għamel hekk minħabba n-nuqqas ta' prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

44      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni mill-proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa meta, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh ma' trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi li ż-żewġ trade marks ikopru, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il- pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta.

45      F'din il-kawża, it-trade mark preċedenti hija rreġistrata l-Ġermanja. Għaldaqstant, għall-finijiet ta' l-evalwzzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandha tiġi meqjusa l-opinjoni tal-pubbliku Ġermaniż. Barra minn hekk, peress illi l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' konsum ta' kuljum, dan il-pubbliku huwa kompost mill-konsumatur medju. Dan huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u mgħarraf (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26). F'dak li jikkonċerna l-affermazzjoni tar-rikorrenti li, peress illi l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' konsum ta' kuljum, il-pubbliku kkonċernat mhux ser jagħtihom attenzjoni kbira, din ma tistax tiġi aċċettata, peress illi din mhijiex sostnuta minn ebda element preċiż li jikkorobora l-validità ta' din l-affermazzjoni ġenerali meta mqabbla mal-prodotti in kwistjoni.

46      Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk dan ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi għandha tiġi evalwata globalment skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni u b'kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ in kwistjoni, b'mod partikolari ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 29 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

47      Skond din l-istess ġurisprudenza, aktar ma jkun sinjifikattiv il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, aktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni (ara b'analoġija, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998 Canon, C-39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar 'il fuq, punt 19).

48      Barra minn hekk, mill-kliem ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li probabbiltà ta’ konfużjoni skond din id-dispożizzjoni tippresupponi identiċità jew xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti. Għaldaqstant, anke fil-każ ta' l-eżistenza ta' identiċità bejn is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal trade mark u trade mark li għandha karattru distintiv partikolarment qawwi, xorta huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-preżenza ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade marks opposti (ara b'analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq punt 22).

 Fuq il-prodotti in kwistjoni

49      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-rapport bejn il-prodotti. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew kumplimentari tagħhom (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq punt 23).

50      Issa, ċertament, l-inbejjed frizzanti, minn naħa, u x-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, min-naħa l-oħra, jippreżentaw punti komuni fir-rigward ta' l-ingredjenti ta' bażi u huma sikwit mibjugħa ħdejn xulxin, kemm fil-ħwienet kif ukoll fuq il-listi ta' xarbiet.

51      Madankollu, kif għamel il-Bord ta' l-Appell, hemm lok li jiġi rrilevat li, l-konsumatur medju Ġermaniż jikkunsidra dan bħala normali, u għalhekk jistenna, li l-inbejjed frizzanti, minn naħa, u x-xarbiet imsejħa "ilmijiet minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott", min-naħa l-oħra, joriġinaw minn impriżi differenti. B’mod iktar partikolari, l-inbejjed frizzanti u l-imsemmija xarbiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jappartjenu lill-istess familja ta' xarbiet, lanqas bħala elementi ta' gamma ġenerali ta' xarbiet li jistgħu jkollhom oriġini kummerċjali komuni.

52      Barra minn hekk, quddiem il-Bord ta' l-Appell ir-rikorrenti ċċitat biss impriża waħda li timanifattura kemm inbejjed frizzanti kif ukoll xarbiet koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni (ara l-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tad-dokumenti li hija ppreżentat f'dan ir-rigward quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, intiżi sabiex juru l-eżistenza ta' fabbriki ta' l-inbid u nbid frizzanti Ġermaniżi li jipproduċu wkoll meraq tal-frott, inbejjed tal-frott, inbejjed frizzanti tal-frott u xarbiet imħalltin li għandhom bażi ta' nbid, diġà ġie deċiż fil-punti 37 u 38 iktar 'il fuq li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

53      Barra minn hekk, ċertament, ix-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma msejħa "ilmijiet minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, xarbiet tal-frott u meraq tal-frott". Għaldaqstant it-terminu "mhux alkoħoliku" ma jirreferix għax-"xarbiet tal-frott u meraq tal-frott" b'tali mod illi, teoretikament, dawn il-prodotti ta' l-aħħar jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jinkludu xarbiet alkoħoliċi. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-prattika, it-termini Ġermaniżi "Fruchtgetränke und Fruchtsäfte" użati fl-applikazzjoni oriġinali għal trade mark, bħat-termini Franċiżi " boissons de fruits et jus de fruits" u t-termini ekwivalenti fil-lingwi l-oħra fil-Komunità, huma rriżervati għall-prodotti li ma fihomx alkoħol. Għaldaqstant, ix-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jinkludu biss xarbiet mhux alkoħoliċi. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-inbid frizzanti "jaqa' taħt il-kategorija ta' xarbiet alkoħoliċi, b'differenza għall-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni" (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kinitx ġiet ikkontestata mir-rikorrenti.

54      Issa, l-inbejjed frizzanti huma xarbiet alkoħoliċi u, bħala tali, nettament distinti mix-xarbiet mhux alkoħoliċi bħax-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, kemm fil-ħwienet kif ukoll fil-listi tax-xarbiet. Il-konsumatur medju, meqjus li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u mgħarraf, huwa ġeneralment attent għal din id-distinzjoni bejn xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliċi, li hija barra minn hekk neċessarja, peress illi xi konsumaturi ma jixtiqux, jew ma jistgħux, jikkunsmaw alkoħol.

55      Barra minn hekk, jekk ix-xarbiet koperti fl-applikazzjoni għal trade mark jinxtorbu waqt okkażjonijiet speċjali u sabiex jiġu degustati, huma kkunsmati wkoll, jekk mhux essenzjalment, f'okkażjonijiet oħra u sabiex jaqtgħu l-għatx. Fil-fatt huma pjuttost prodotti ta' konsum ta' kuljum. Min-naħa l-oħra, l-inbejjed frizzanti jinxtorbu biss jew kważi biss waqt okkażjonijiet speċjali jew sabiex jiġu degustati, u ħafna inqas ta' spiss mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark. Fil-fatt, huma jaqgħu taħt klassi ta' prezzijiet ħafna ogħla minn dik tax-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark.

56      Fl-aħħar, l-inbejjed frizzanti jikkostitwixxu biss xarba atipika li tissostitwixxi x-xarbiet koperti mill-applikazzjoni għal trade mark. Għaldaqstant il-prodotti in kwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala qed jikkompetu ma xulxin.

57      Il-fatt invokat mir-rikorrenti li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jiġu kkunsmati wieħed wara l-ieħor jew anke jiġu mħalta, mhuwiex tali li jbiddel l-evalwazzjoni mogħtija fil-punti preċedenti. Fil-fatt, dan il-fatt japplika għal ħafna mix-xarbiet li mhumiex madankollu simili (per eżempju r-rum u l-cola).

58      L-istess jgħodd għall-fatt invokat mir-rikorrenti li r-riklami tal-prodotti in kwistjoni juru dejjem persuna li qeda tgawdi mument ta' ferħ waqt li qegħdha tixrob ix-xarba kkonċernata, safejn dan il-fatt japplika għall-kważi x-xarbiet kollha, inklużi dawk l-aktar varji.

59      Fid-dawl ta' dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-prodotti in kwistjoni huma iktar differenti minn xulxin milli jixxibhu. Madankollu, id-differenzi bejniethom mhumiex tali li jeskludu, waħedhom, il-possibbiltà ta' probabbiltà ta' konfużjoni, b'mod partikolari, fil-każ ta' l-eżistenza ta' identiċità bejn is-sinjal li għalih saret applikazzjoni u trade mark preċedenti li għandha karattru distintiv partikolarment qawwi (ara l-punt 48 iktar 'il fuq).

 Fuq is-sinjali in kwistjoni

60      Jirriżulta mill-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord ta' l-Appell ibbaża l-paragun tiegħu tas-sinjali in kwistjoni, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, fuq il-forma riprodotta fil-punt 7 iktar 'il fuq, minħabba li din il-forma mhijiex differenti mill-forma rreġistrata tat-trade mark preċedenti, jiġifieri dik li tidher fil-punt 4 iktar 'il fuq, b'mod illi l-karattru distintiv tagħha jkun imnaqqas.

61      Mhuwiex neċessarju li jiġi deċiż jekk, billi għamel hekk, il-Bord ta' l-Appell għamel żball. Fil-fatt, id-differenzi bejn iż-żewġ forom imsemmija fil-punt preċedenti mhumiex ta' natura tali li jibdlu r-riżultat tal-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni u lanqas għaldaqstant dak ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, kif ser jiġi muri iktar 'il quddiem.

62      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, safejn tikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, għandha tiġi bbażata fuq l-impressjoni totali mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata.

63      Fuq il-livell viżiv u fonetiku, għandu jiġi osservat li, fiż-żewġ forom tat-trade mark preċedenti msemmija fil-paragrafu 60 iktar 'il fuq, l-element verbali "linderhof" huwa dominanti. L-element verbali li jikkonsisti fl-espressjoni "vita soumnium breve", jokkupa pożizzjoni sekondarja, safejn dan huwa miktub b' karattri iżgħar minn dawk użati għall-kelma "linderhof". Dan l-element verbali huwa għaldaqstant aċċessorju meta mqabbel ma' l-element verbali dominanti "linderhof" [ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI - Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 36]. Fir-rigward ta' l-elementi verbali "trocken" u "sekt", hemm lok li jiġi osservat li l-konsumatur medju Ġermaniż jifhem immedjatament li huma jservu biss sabiex jindikaw li huwa nbid xott u nbid frizzanti. F'dawn il-limiti, dawn l-elementi huma wkoll aċċessorji meta mqabbla ma' l-element "linderhof". Fl-aħħar, fir-rigward ta' l-elementi figurattivi taż-żewġ forom tat-trade mark preċedenti msemmija fil-punt 59 iktar 'il fuq, dawn huma biss dekorattivi. Għaldaqstant, lanqas mhuma tali li jdgħajjfu d-dominanza ta' l-element "linderhof".

64      Peress illi l-element "linderhof" huwa dominanti fit-trade mark preċedenti, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jixbah it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq il-livell viżiv u fonetiku. Fil-fatt, id-differenzi viżivi u fonetiċi bejn it-termini "linderhof" u "lindenhof" mhumiex ta' natura tali li jiġu nnotati immedjatament mill-konsumatur medju Ġermaniż.

65      Fuq il-livell kunċettwali, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell irrimarka li t-terminu "linderhof" jirreferi għall-kastell "Linderhof" tar-Re Luwiġi II tal-Baviera, filwaqt illi t-terminu "lindenhof" jfisser "bitħa ta' siġar tal-lajm.

66      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, effettivament, ċertu nuqqas ta' xebh kunċentwali jista' jiġi kkonstatat, huwa dubjuż jekk il-konsumatur medju Ġermaniż jindunax bih. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jistenna li l-konsumatur medju jkun jaf bl-imsemmi kastell "Linderhof". Issa, konsumatur li ma jkunx jaf b'dan il-kastell jikkonstata iktar xebh kunċetwali bejn it-termini "lindenhof" u "linderhof" safejn, fiż-żewġ każijiet, huwa jaħseb f'"bitħa" jew "proprjetà".

67      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonkluż li hemm xebh kunċettwali bejn is-sinjali.

68      Minn dak li ntqal jirriżulta li s-sinjali għandhom jitqiesu bħala li jixxibhu.

 Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

69      Fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li, minkejja li huwa kien ikkonstata li hemm xebh fonetiku kbir bejn is-sinjali in kwistjoni, b'kunsiderazzjoni tal-karattru distintiv normali tat-trade mark preċedenti u d-distanza ċara bejn il-prodotti in kwistjoni, ma teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni sinjifikanti f'moħħ il-pubbliku Ġermaniż kkonċernat, iktar u iktar peress illi dan il-każ ma jibbażax ruħu fuq il-parti marġinali tal-pubbliku mgħaġġel u superfiċjali iżda fuq il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u mgħarraf.

70      Din il-konklużjoni mhijiex ivvizzjata bi żball.

71      Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li nuqqas ta' xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, kkonstatat fil-punti 51 sa 56 iktar 'il fuq, huwa ikbar mix-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni, b'mod illi l-konsumatur medju Ġermaniż ma jemminx li dawk il-prodotti, li għandhom dawk is-sinjali, għandhom l-istess oriġini kummerċjali. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 42 iktar 'il fuq, it-trade mark preċedenti ma tistax tiġi kkunsidrata li għandha karattru distintiv qawwi.

72      Minn dan jirriżulta li, billi ċaħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni minħabba n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni, il-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1) (b) tar-Regolament Nru 40/94.

73      Għaldaqstant, l-uniku motiv invokat mir-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

74      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr m'hemm bżonn li jiġi eżaminat il-motiv invokat mill-intervenjenti.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

76      Fil-każ in kwistjoni r-rikorrenti tilfet il-kawża. L-Uffiċċju jitlob li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż u l-intervenjenti titlob li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż ta' l-intervenjenti. Għaldaqstant, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kemm ta' l-Uffiċċju kif ukoll ta' l-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Frar 2005

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.