Language of document : ECLI:EU:T:2005:72

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

1 ta' Marzu 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja" – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade marks verbali nazzjonali u internazzjonali MISS ROSSI – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja SISSI ROSSI – Xebh bejn il-prodotti – Xebh bejn is-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-169/03,

Sergio Rossi SpA, stabbilita f'San Mauro Pascoli, Forlì-Cesena (l-Italja), irrappreżentata minn A. Ruo, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn  P. Bullock u O. Montalto, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Sissi Rossi Srl, stabbilita f'Castenaso di Villanova, Bologna (l-Italja), irrappreżentata minn S. Verea, M. Bosshard u K. Muraro, avukati,

li għandha bħal suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-28 ta' Frar 2003 (kawża R 569/2002‑1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Calzaturificio Rossi SpA u Sissi Rossi Srl,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Mejju 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Settembru 2003,

wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta' Ġunju 1998, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali SISSI ROSSI.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu, b'mod partikolari, fil-klassi 18 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "ġilda u  imitazzjonijiet tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħrajn; ġlud ta' annimali; bagolli u bagalji; umbrelel, parasoli u bsaten għall-mixi; frosti u oġġetti konnessi mas-sarġ".

4        Fit-22 ta' Frar 1999, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 12/1999.

5        Fil-21 ta' Mejju 1999, il-kumpannija Calzaturificio Rossi SpA ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti "ġilda u  imitazzjonijiet tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħrajn; ġlud ta' l-annimali; bagolli u bagalji".

6        It-trade marks invokati in sostenn tat-talba ta' oppożizzjoni huma t-trade mark verbali MISS ROSSI, irreġistrata fl-Italja fil-11 ta' Novembru 1991 (Nru 553 016), u t-trade mark internazzjonali MISS ROSSI, irreġistrata fl-istess ġurnata b'effett fi Franza (Nru 577 643). Il-prodotti indikati minn dawn it-trade marks preċedenti huma "żraben", li jaqgħu taħt il-klassi 25 tal-Ftehim ta' Nizza.

7        Fuq talba ta' l-intervenjenti, il-kumpannija Calzaturificio Rossi SpA ppreżentat provi dwar l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti matul il-ħames snin li ppreċedew il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għat-trade mark in kwistjoni.

8        Wara għaqda b’akkwist tal-kumpannija Calzaturificio Rossi SpA, irreġistrata b'att notarili tat-22 Novembru 2000, ir-rikorrenti, issa msejħa Sergio Rossi SpA, saret proprjetarja tat-trade marks preċedenti.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta' April 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti kollha koperti mill-oppożizzjoni. Essenzjalment, hija kkunsidrat li r-rikorrenti tat prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti biss għall-prodotti "żraben tan-nisa" u li dawn il-prodotti, minn naħa, u l-prodotti "ġilda u  imitazzjonijiet tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħrajn; ġlud ta' l-annimali; bagolli u bagalji" inklużi fl-applikazzjoni għat-trade mark, min-naħa l-oħra, kienu simili. Barra minn hekk, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonkludiet li kien hemm xebh bejn is-sinjali f'moħħ il-konsumatur Franċiż.

10      Fit-28 ta' Ġunju 2002, l-intervenjenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

11      Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2003 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni kien dgħajjef. Barra minn hekk, wara analiżi komparattiva tal-mezzi ta' distribuzzjoni, tal-funzjonijiet u tan-natura tal-prodotti in kwistjoni, huwa kkonkluda li d-differenzi bejn il-prodotti kienu jipprevalu ampjament fuq il-ftit punti komuni tagħhom. B'mod partikolari, huwa eżamina u ċaħad it-teżi illi l-prodotti "żraben tan-nisa" u "basktijiet tan-nisa" kienu simili minħabba li kienu kumplimentari. Għalhekk, ma kienx hemm, skond hu, probabbiltà ta' konfużjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti talbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tikkonstata l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        b'mod sussidjarju, tikkonstata l-eżistenza ta' "inkompatibbiltà" bejn it-trade marks in kwistjoni għall-"basktijiet tan-nisa" u ż-"żraben tan-nisa" u tikkonstata l-eżistenza ta' xebh bejn dawn il-prodotti;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

13      Permezz ta' ittra tat-12 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti kkjarifikat illi hija talbet, prinċipalment, l-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, l-annullament parzjali tagħha safejn hija tikkonstata n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks għall-prodotti "basktijiet tan-nisa" u "żraben tan-nisa".

14      L-UASI u l-intervenjenti talbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

15      Ir-rikorrenti ppreżentat, in sostenn tat-teżi tagħha li tgħid illi ż-żraben tan-nisa u l-basktijiet tan-nisa huma prodotti simili, ċertu numru ta' dokumenti fosthom artikoli ta' l-istampa, riklami u ritratti meħuda b'mod partikolari minn siti ta' l-Internet, li juru żraben tan-nisa jew basktijiet tan-nisa. L-intervenjenti pproduċiet siltiet minn siti ta' l-Internet sabiex issaħħaħ iċ-ċaħda ta' l-argumenti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti. L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma ġie ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI.

 L-argumenti tal-partijiet

16      L-UASI jsostni illi l-provi, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mir-rikorrenti, huma inammissibbli.

17      Ir-rikorrenti rrispondiet, matul is-seduta, illi l-provi għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli peress illi l-Bord ta' l-Appell kien kiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq. Fil-fatt, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet ikkunsidrat illi l-prodotti indikati mit-trade marks kienu simili. Għalhekk, peress illi l-Bord ta' l-Appell kellu l-intenzjoni li jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni peress illi l-prodotti kkonċernati ma kinux simili, huwa kellu javża lir-rikorrenti b'din l-intenzjoni u jagħtiha l-opportunità sabiex tadotta pożizzjoni u tevalwa l-utilità ta' preżentata ta' provi addizzjonali. Skond ir-rikorrenti, dan il-ksur, mill-Bord ta' l-Appell, tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-provi ppreżentati fir-rikors huma għalhekk, fi kwalunkwe każ, ammissibbli.

18      La l-UASI u lanqas ir-rikorrenti ma kkummentaw dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti ppreżentati mill-intervenjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi, safejn l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti matul is-seduta għandhom jinftehmu bħala li jqajmu raġuni ġdida bbażata fuq ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, stabbilit mit-tieni frażi ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, hemm lok li din ir-raġuni tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

20      Fil-fatt, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ebda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura.

21      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, illi, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma lmentatx li l-Bord ta' l-Appell kiser it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

22      Sussegwentement, għandu jiġi osservat illi l-fatt li r-rikorrenti ma ġietx avżata mill-Bord ta' l-Appell li hija kellha l-intenzjoni tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, peress illi l-prodotti indikati mit-trade marks ma kinux simili, kien jeżisti diġà u kien magħruf fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza u ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi element ta' fatt jew ta' dritt ġdid fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta' Proċedura.

23      Safejn l-argument ibbażat fuq ksur, mill-Bord ta' l-Appell, tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq huwa intiż sabiex isostni t-teżi illi l-provi ppreżentati mir-rikorrenti huma ammissibbli, dan l-argument ma japplikax.

24      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, skond ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż sabiex jikkontrolla l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs L-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 49; tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18, u tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13].

25      Fatti li huma invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jkunu ġew ippreżentati qabel quddiem l-istanzi ta' l-UASI jistgħu jaffettwaw il-legalità ta' din id-deċiżjoni biss jekk l-UASI kellu joħodhom in kunsiderazzjoni fuq inizjattiva tiegħu (sentenza ECOPY, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46, u s-sentenza GAS STATION, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13). Kif jirriżulta mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tgħid illi, fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta' reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI huwa limitat għar-raġunijiet invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet, huwa mhuwiex obbligat jieħu in kunsiderazzjoni, fuq inizjattiva tiegħu, fatti li ma kinux ippreżentati mill-partijiet. Għaldaqstant, tali fatti ma jistgħux jikkontestaw il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell (sentenza GAS STATION, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13).

26      Jekk ir-rikorrenti tqis illi l-Bord ta' l-Appell, bi ksur tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, neħħielha l-possibbiltà li tippreżenta l-provi in kwistjoni fi żmien utli fil-kuntest tal-proċedura ammministrattiva, hija kellha tinvoka din ir-raġuni in sostenn tat-talba tagħha ta' annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-ksur, mill-Bord ta' l-Appell, tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq ma jistax, min-naħa l-oħra, iwassal sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza twettaq evalwazzjoni ta' fatti u ta' provi li ma kinux ippreżentati qabel quddiem l-istanzi ta' l-UASI, għall-inqas safejn dan ta' l-aħħar ma kellux l-obbligu li jikkunsidrhom fuq inizjattiva tiegħu.

27      Għal dak li jikkonċerna d-dokumenti ppreżentati mill-intervenjenti, kunsiderazzjonijiet simili għal dawk spjegati fil-punti 24 u 25 aktar 'il fuq, japplikaw. Peress illi ma ġewx ippreżentati quddiem l-istanzi ta' l-UASI, ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas jiġġustifikawha a posteriori.

28      Minn dan jirriżulta illi l-provi ppreżentati mir-rikorrenti u mill-intervenjenti f'Anness għan-noti tagħhom mhumiex ser jittieħdu in kunsiderazzjoni.

 Fuq ir-referenza għall-inkartament kollu ta' l-UASI

29      Kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti jirreferu, fin-noti rispettivi tagħhom, għar-raġunijiet u l-argumenti kollha ppreżentati matul il-proċedura amminsitrattiva.

30      Skond l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rikors għandu jkun hemm dikjarazzjoni fil-qosor tar-raġunijiet invokati. Skond il-ġurisprudenza, din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta' sostenn. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, barra minn hekk, li, jekk it-test tar-rikors jista' jiġi sostnut minn referenzi għal siltiet speċifiċi ta' dokumenti annessi miegħu, referenza ġenerali għal sottomissjonijiet bil-miktub oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistgħux jikkumpensaw għan-nuqqas ta' elementi essenzjali fir-rikors u li mhuwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tissostitwixxi ruħha għall-partijiet billi tipprova l-elementi rilevanti fl-annessi [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II‑2085 (ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 2003, Joynson vs Il-Kummissjoni, C-204/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata), punt 154, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra II‑1267, punti 21 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata]. Din il-ġurisprudenza tista' tiġi applikata wkoll fir-rigward tar-risposta tal-parti l-oħra fi proċedimenti ta' oppożizzjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fis-suġġett ta' proprjetà intellettwali skond it-tieni subparagrafu l-Artikolu 135(1) ta' dan ir-regolament [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, AVEX vs L-UASI – Ahlers (a), T-115/02, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 11].

31      Minn dan jirriżulta illi r-rikors u risposta, safejn jirreferu għas-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati rispettivament mir-rikorrenti u mill-intervenjenti quddiem l-UASI, huma inammissibbli safejn ir-referenza globali li għandhom mhijiex marbuta ma' raġunijiet u argumenti żviluppati rispettivament fir-rikors u fir-risposta.

 Fuq it-talba intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi u, sussidjarjament, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

32      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

33      Ir-rikorrenti u l-UASI jikkunsidraw illi l-konsumatur medju tal-prodotti in kwistjoni huwa l-konsumatur ta' sess femminili Franċiż u Taljan. L-intervenjenti ssostni, min-naħa tagħha, li t-territorju rilevanti għall-paragun tat-trade marks huwa Franza.

–       Fuq ix-xebh bejn il-prodotti

34      Għal dak li jikkonċerna x-xebh bejn il-prodotti, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-prodotti bħal "żraben tan-nisa", protetti mit-trade marks preċedenti, u l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark bħal "ġilda u  imitazzjonijiet tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħrajn; ġlud ta' l-annimali; bagolli u bagalji" u, speċjalment, "basktijiet tan-nisa" huma simili.

35      Ir-rikorrenti tenfasizza illi kemm iż-żraben kif ukoll il-basktijiet ta' l-idejn jaqdu funzjoni estetika u dekorattiva fl-ilbies tan-nisa. Il-prodotti "żraben tan-nisa" u "basktijiet tan-nisa" huma ta' l-istess natura peress li huma spiss magħmula mill-istess materjal. Barra minn hekk, il-konsumaturi finali u l-mezzi ta' distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti huma identiċi. F'moħħ il-konsumaturi nisa Taljani u Franċiżi, il-basket u ż-żraben jikkostitwixxu sett. Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan dawn il-prodotti huma kumplimentari b'tali mod li għandhom jiġu kkunsidrati simili. Hija kkjarifikat, waqt is-seduta, illi l-UASI kien, hu wkoll, adotta din l-opinjoni fid-Direttivi tiegħu dwar il-Proċedimenti ta' Oppożizzjoni ta' l-10 ta' Mejju 2004.

36      Għal dak li jikkonċerna x-xebh bejn il-prodotti, l-UASI jaqbel ma' l-analiżi tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi ż-"żraben tan-nisa" u l-prodotti "ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; ġlud ta' l-annimali; bagolli u bagalji" mhumiex simili.

37      Madankollu, l-UASI josserva illi, skond prattika adottata mid-Diviżjonijiet ta' l-Oppożizzjoni, l-"ilbies" u ż-"żraben", minn naħa, u l-"artikli tal-ġilda u imitazzjonijiet ta' ġilda u basktijiet" u, b'mod partikolari, il-"basktijiet ta' l-idejn", min-naħa l-oħra, huma kkunsidrati bħala kumplimentari. Per eżempju, l-UASI jirreferi għad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni Nru 1440/2000, tat-30 ta' Ġunju 2000 (Local Boy’z vs WHG Westdeutsche Handelsgesellschaft), u Nru 2008/2000, tad-9 ta' Awwissu 2000 (T. J. Hughes vs TJ Investments). L-UASI josserva illi d-Direttivi dwar il-Proċedimenti ta' Oppożizzjoni, iċċitati fil-punt 35 aktar 'il fuq, jikkjarifikaw b'mod partikolari, fil-parti 2, kapitlu 2, punt 2.6.2, illi l- "basktijiet ta' l-idejn" u l-"ilbies" huma prodotti kumplimentari f'moħħ il-konsumaturi. Hija żżid, b'risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta, illi dan il-punt ma kienx is-suġġett ta' kritika unanima min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-suġġett ta' trade marks waqt il-konsultazzjonijiet li ppreċedew l-adozzjoni, mill-UASI, ta' l-imsemmija direttivi, peress illi, jekk dan kien il-każ, l-UASI normalment ma kienx jadotta l-punt ikkritikat.

38      L-intervenjenti ssostni illi l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni mhumiex simili. F'dan ir-rigward, hija tosserva, l-ewwel nett, illi r-rikorrenti ma qajmet ebda argument kontra l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi ż-"żraben tan-nisa" u l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade marks oħrajn li mhumiex "baskijiet tan-nisa" mhumiex simili. Sussegwentement, l-intervenjenti tispjega illi l-fatt biss li l-konsumatur ifittex żraben li jmorru mal-basket mhuwiex biżżejjed sabiex dawn il-prodotti jiġu kkunsidrati simili.

–       Fuq ix-xebh bejn is-sinjali

39      Ir-rikorrenti tissottometti illi l-livell ta' xebh bejn is-sinjali għandu jiġi deskritt bħala "kunsiderevoli u mhux baxx". Hija enfasizzat, waqt is-seduta, illi l-fatt li l-isem "Rossi" jintuża komunement ma jeskludix illi dan igawdi minn karattru distintiv b'relazzjoni mal-prodotti indikati mit-trade mark MISS ROSSI.

40      L-UASI jadotta l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi l-livell ta' xebh bejn is-sinjali huwa baxx.

41      L-intervenjenti tiċħad il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi s-sinjali MISS ROSSI u SISSI ROSSI huma simili. Hija tispjega, f'dan ir-rigward, illi t-trademarks preċedenti ma jgawdux minn karattru distintiv għoli. Peress illi r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-kunjom "Rossi" huwa kunjom komuni ħafna, l-analiżi tas-sinjali għandha tikkonċentra fuq l-ewwel kelma tas-sinjali rispettivi ("miss" u "Sissi"). L-ewwel kliem huma, skond l-intervenjenti, differenti biżżejjed sabiex jeskludu xebh bejn is-sinjali in kwistjoni. Hija żżid illi huma għandhom kontenut kunċettwali differenti, liema kontenut huwa biżżejjed sabiex jiddistingwihom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra 2003 p. II-4335, punt 54, u tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs L-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56].

–       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

42      Ir-rikorrenti ssosnti li teżisti probabbiltà ta' assoċjazzjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, marbuta mal-fatti li t-trade mark SISSI ROSSI hija użata speċifikatament għal basktijiet tan-nisa u li r-rikorrenti topera diġà f'dan il-qasam.

43      L-UASI jikkunsidra li dan l-argument huwa irrilevanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni ta' proprjetarju ta' trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

–       Fuq il-portata tal-kawża

45      Qabel kollox, għandu jiġi osservat illi jirriżulta mir-rikors, u b'mod partikolari mill-ewwel kap tat-talba kif ukoll mit-trattazzjoni orali tar-rikorrenti, illi din ta' l-aħħar tikkunsidra illi l-prodotti kollha msemmija fl-oppożizzjoni u ż-"żraben tan-nisa" indikati mit-trade marks preċedenti huma simili.

46      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif osservat ġustament l-intervenjenti, li l-argumentazzjoni mqajma fir-rikors tirreferi esklużivament għal "basktijiet tan-nisa" u għal "żraben tan-nisa". Fin-nuqqas ta' kull argument li jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi l-prodotti "ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda; ġlud ta' l-annimali; bagolli u bagalji" u "żraben tan-nisa" mhumiex simili, ma hemmx lok illi l-Qorti tal-Prim'Istanza twettaq eżami tax-xebh allegat bejn l-imsemmija prodotti. Barra minn hekk, ir-referenza ġenerali għall-osservazzjonijiet kollha magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas ta' argumentazzjoni fir-rikors (ara punt 31 aktar 'il fuq). Fl-aħħar nett, kien biss matul is-seduta u għalhekk b'mod tardiv li r-rikorrenti sostniet li dawn il-prodotti kollha jużaw l-istess mezzi ta' distribuzzjoni u kienu magħmula mill-istess materja prima.

47      Għal dak li jikkonċerna t-trade marks preċedenti, il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell, li tgħid illi, skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94, t-trade marks preċedenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala rreġistrati biss għal-"żraben tan-nisa", ma ġietx ikkontestata.

48      Jirriżulta mill-punti preċedenti li t-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha għandha tiġi miċħuda u li għandha tiġi eżaminata biss it-talba sussidjarja, intiża għall-annullament parzjalment id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandha tiġi evalwata biss l-eżistenza ta' xebh bejn, minn naħa, il-prodotti "basktijiet tan-nisa", li jagħmlu parti mill-"prodotti tal-ġilda u ta' imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħrajn", li jaqgħu taħt il-klassi 18 u koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, iż-"żraben tan-nisa", li jaqgħu taħt il-klassi 25 u koperti mit-trade marks preċedenti.

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

49      Peress illi ż-"żraben tan-nisa" u l-"basktijiet tan-nisa" huma prodotti ta' konsum ta' kuljum u intiżi għal pubbliku femminili, il-pubbliku rilevanti huwa, essenzjalment, magħmul minn konsumaturi medji tas-sess femminili.

50      Peress illi t-trade marks preċedenti kienu protetti fi Franza u fl-Italja, il-pubbliku rilevanti huwa, bħala prinċipju, magħmul minn konsumaturi Franċiżi u Taljani.

51      Madankollu, l-intervenjenti ssostni illi t-territorju rilevanti fil-kuntest ta' din il-kawża huwa limitat għal Franza.

52      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa biss fil-każ li l-konsumatur Franċiż kellu perċezzjoni differenti minn dik tal-konsumatur Taljan li jkun neċessarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk it-territorju kkonċernat mill-kawża jinkludix l-Italja jew le. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota li l-ebda waħda mill-partijiet ma ħolqot distinzjoni bejn il-perċezzjoni tal-prodotti mill-pubbliku Franċiż u l-perċezzjoni ta' l-istess prodotti mill-pubbliku Taljan. Għalhekk, għandu jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti fil-perċezzjoni ta' l-imsemmija konsumaturi mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir distinzjoni. Għal dak li jirrigwarda x-xebh bejn is-sinjali, din ser tiġi eżaminata, jekk ikun hemm bżonn, b'referenza għall-perċezzjoni tal-konsumaturi Franċiżi u Taljani.

–       Fuq ix-xebh bejn il-prodotti

53      Jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 li probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' din id-dipożizzjoni timplika identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew servizzi indikati. Għalhekk, anki jekk is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa identiku għal trade mark li l-karattru distintiv tagħha huwa partikolarment qawwi, jibqa' neċessarju illi jiġi stabbilit il-preżenza ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati mit-trade marks konfliġġenti (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 22).

54      Sabiex tevalwa x-xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, hemm lok illi jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti kkonċernati, fejn dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew kumplimentari tagħhom [ara, fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989 L 40, p.1), is-sentenza Canon, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23, u, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Novembru 2003, Díaz vs UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32].

55      F'din il-kawża, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, illi ċ-ċirkustanza li l-prodotti in kwistjoni huma spiss magħmula mill-istess materja prima, jiġifieri mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, tista' tittieħed in kunsiderazzzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti. Madankollu, minħabba l-varjetà kbira ta' prodotti li jistgħu jiġu magħmula mill-ġilda u jew imitazzjoni tal-ġilda, dan il-fattur mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi stabbilit xebh bejn il-prodotti.

56      Għal dak li jikkonċerna l-konsumaturi finali li għalihom il-prodotti in kwistjoni huma intiżi, hemm lok li jiġi kkjarifikat illi dan l-element ma jidhirx fost il-fatturi rilevanti msemmija espressament fil-punt 23 tas-sentenza Canon, iċċitata aktar 'il fuq, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet mhux il-"konsumaturi finali" iżda l-iskop ("Verwendungszweck") tal-prodotti. Fi kwalunkwe każ, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata b'mod rilevanti, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku ta' referenza mhuwiex speċjalizzat iżda jinkludi potenzjalment il-konsumaturi kollha nisa Franċiżi u Taljani. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-identiċità tal-konsumaturi finali tal-prodotti ma tistax tikkostitwixxi element sinjifikattiv fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti.

57      Għal dak li jirrigwarda x-xebh bejn il-prodotti, il-Bord ta' l-Appell osserva ġustament illi dan huwa differenti, peress illi ż-żraben iservu sabiex ilibbsu s-saqajn u l-basktijiet tan-nisa sabiex iġorru oġġetti. Minn dan jirriżulta li l-prodotti mhumiex sostitwibbli u m'għandhomx, għalhekk, karattru kompetittiv.

58      L-argument tar-rikorrenti li jgħid illi l-funzjonijiet ewlenin tal-prodotti, deskritti fil-punt preċedenti, għandhom post sekondarju b'relazzjoni mal-funzjoni tagħhom estetika fl-ilbies tan-nisa u li jgħid illi l-basktijiet u ż-żraben tan-nisa huma prodotti ta' lussu ma jwassalx sabiex jikkonvinċu l-Qorti tal-Prim'Istanza. L-ewwel nett, għalkemm huwa veru illi numru ta' prodotti, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ilbies u tal-moda, jistgħu jaqdu fl-istess ħin kemm il-funzjoni tagħhom ewlenija kif ukoll dik estetika, din iċ-ċirkustanza ma tistax, fiha nnifisha, twassal lill-konsumatur jaħseb li dawn il-prodotti joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Huwa kriterju ġenerali wisq sabiex ikun jista' jikkonstata l-eżistenza ta' xebh bejn il-prodotti. It-tieni nett, iż-żraben tan-nisa u l-basktijiet tan-nisa mhumiex biss oġġetti ta' lussu fejn il-funzjoni dekorattiva tagħhom hija iktar importanti mill-funzjoni ewlenija, li, għaż-żraben, tibqa' dik li tlibbes is-saqajn u, għall-basktijiet, dik li ġġorr oġġetti.

59      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, illi ż-"żraben tan-nisa" u l-"basktijiet tan-nisa" huma prodotti kumplimentari u, għalhekk, simili.

60      Skond id-definizzjoni li jagħti l-UASI fil-punt 2.6.1 fil-Kapitlu 2 tal-Parti 2 tad-Direttivi dwar il-Proċedimenti ta' Oppożizzjoni, iċċitati fil-punt 35 aktar 'il fuq, il-prodotti kumplimentari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa importanti għall-użu ta' l-ieħor, b'tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà tal-produzzjoni taż-żewġ prodotti taqa' fuq l-istess impriża.

61      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma stabbilietx illi, fid-dawl tal-funzjoni tagħhom, il-prodotti in kwistjoni huma kumplimentari b'dan il-mod. Kif jirriżulta mill-punt 2.6.2 fil-Kapitlu 2 tal-Parti 2 tad-direttivi, iċċitati fil-punt 35 aktar 'il fuq, l-UASI, dwar dan, jidher li jaċċetta l-fatt illi l-prodotti huma estetikament, u għalhekk suġġettivament, kumplimentari b'mod li huwa stabbilit mid-drawwiet u l-preferenzi tal-konsumaturi li jistgħu jirriżultaw mill-isforzi ta' marketing tal-produtturi, jew sempliċiment mill-fenomeni ta' moda.

62      Madankollu, għandu jiġi mfakkar illi r-rikorrenti ma wrietx, matul il-proċedimenti quddiem l-istanzi ta' l-UASI jew ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, illi din in-natura estetikament jew suġġettivament kumplimentari wasslet fl-istadju ta' "neċessità" estetika vera, fis-sens li l-konsumaturi jaħsbu li mhuwiex normali jew oġġezzjonabbli li jkollhom basket li ma jkunx jaqbel perfettament maż-żraben tagħhom. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, l-ewwel nett, illi t-tfittxija ta' ċerta armonija estetika fl-ilbies tikkostitwixxi karatteristika komuni fil-qasam kollu tal-moda u ta' l-ilbies u tikkostitiwixxi fattur ġenerali wisq sabiex tista' tiġġustifika, fiha nnifisha, il-konklużjoni li l-prodotti kollha kkonċernati huma kumplimentari u, għaldaqstant, simili. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar, barra minn hekk, li l-fatti u l-provi li r-rikorrenti ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistgħux, f'din il-kawża, jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punti 19 et seq. aktar 'il fuq.

63      Barra minn hekk, mhuwiex biżżejjed illi l-konsumaturi jikkunsidraw prodott bħala li huwa kumplimetari jew aċċċessorju ta' ieħor sabiex jistgħu jaħsbu illi dawn il-prodotti għandhom l-istess oriġini kummerċjali. Hemm bżonn illi, għal dan, il-konsumaturi jikkunsidraw bħala abitwali li dawn il-prodotti jkunu kkummerċjalizzati bl-istess trade mark, li jimplika, normalment, li l-biċċa l-kbira tal-produtturi jew tad-distributuri rispettivi ta' dawn il-prodotti jkunu l-istess.

64      Il-Bord ta' l-Appell ma eżaminax il-kwistjoni jekk, bħala regola ġenerali, il-produtturi taż-żraben tan-nisa jipproduċu wkoll basktijiet tan-nisa. Madankollu, ir-rikorrenti ma ppreżentatx, matul il-proċedimenti quddiem l-istanzi ta' l-UASI, fatti dettaljati jew provi fuq dan, li jippermettu li jiġi konkluż illi, fil-perċezzjoni tal-pubbliki kkonċernat, il-produtturi taż-żraben u tal-basktijiet huma normalment l-istess. Hija stqarret biss, b'mod ġenerali, li l-produtturi li jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti jistgħu jkunu l-istess. Barra minn hekk, kemm id-Direttivi dwar il-Proċedimenti ta' Oppożizzjoni kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, iċċitati fil-punt 37 aktar 'il fuq, jirrikonoxxu illi mhuwiex, tradizzjonalment, normali illi basktijiet ta' l-idejn u żraben ikunu mqassma mill-istess produtturi jew minn produtturi konnessi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-aspett bl-ebda mod ma jista' jikkontesta r-riżultat ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni mwettqa mill-Bord ta' l-Appell.

65      Għal dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-mezzi ta' distribuzzjoni, il-Bord ta' l-Appell osserva, b'mod rilevanti, li l-prodotti in kwistjoni kienu xi drabi, iżda mhux dejjem u mhux neċessarjament, mibjugħa fl-istess ħwienet. Huwa wkoll irrikonoxxa illi, għalkemm din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi effettivament element ta' xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, din mhijiex biżżejjed sabiex tneħħi l-elementi ta' differenza li jeżistu bejn il-prodotti.

66      Ir-rikorrenti ma stabbilietx li l-prodotti in kwistjoni huma normalment mibjugħa fl-istess postijiet jew ukoll li l-konsumaturi jistennew neċessarjament li jsibu, fil-ħwienet taż-żraben, mhux biss żraben iżda wkoll għażla kunsiderevoli ta' basktijiet tan-nisa, u viċi versa. Hija lanqas ma wriet illi l-konsumaturi jistennew ġeneralment illi l-produtturi taż-żraben jikkummerċjalizzaw ukoll basktijiet bl-istess trade mark u, viċi versa.

67      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi l-elementi ta' differenza bejn il-prodotti jipprevalu fuq l-elementi ta' xebh għandha tiġi milqugħa.

68      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 55 u 65 aktar 'il fuq, il-prodotti għandhom ukoll xi punti komuni, b'mod partikolari illi xi drabi huma mibjugħa fl-istess stabbilimenti. Għaldaqstant, id-differenzi identifikati bejn il-prodotti in kwistjoni mhumiex tali li jeskludu, fihom infushom, il-possibbiltà ta' probabbiltà ta' konfużjoni, b'mod partikolari fl-ipoteżi ta' l-eżistenza ta' identiċità tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni ma' trade mark preċedenti li l-karattru distintiv tagħha huwa partikolarment qawwi (ara punt 53 aktar 'il fuq).

–       Fuq ix-xebh bejn is-sinjali

69      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita illi l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kkonċernati, tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali mogħtija minn dawn, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi tagħhom distintivi u dominanti (ara s-sentenza BASS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). F'din il-kawża, l-evalwazzjoni ssir b'relazzjoni mal-perċezzjoni tal-konsumaturi Taljani u Franċiżi (ara punti 49 sa 52 aktar 'il fuq).

70      Fuq il-livell viżiv, it-tieni kelma tas-sinjali in kwistjoni, jiġifieri l-kelma "Rossi", hija identika. L-ewwel kliem ("Sissi" u "miss") għandhom elementi komuni, jiġifieri t-tliet ittri "iss". Bil-kontra, il-kelma "Sissi" tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni hija itwal mill-kelma "miss", billi din ta' l-aħħar għandha biss erba' ittri minflok il-ħames ittri tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. L-ittri tal-bidu "s" u "m" u l-ittri ta' l-aħħar "i" u "s" huma differenti fuq il-livell viżiv.

71      Fuq il-livell fonetiku, il-Bord ta' l-Appell osserva ġustament li s-sinjali in kwistjoni kienu t-tnejn li huma kkaratterizzati mill-ħoss qawwi taż-żewġ "s" u mill-preżenza tal-vokali waħda "i". Huwa osserva wkoll, b'mod rilevanti, illi ż-żewġ termini għandhom numru differenti ta' sillabi u li, bil-Franċiż, b'differenza mit-Taljan, l-aċċent huwa fuq l-aħħar sillaba.

72      Fuq il-livell kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell osserva ġustament illi l-konsumaturi Taljani u Franċiżi jipperċepixxu l-kelma "Rossi" bħala kunjom ta' oriġini Taljana. Il-partijiet jaqblu wkoll fuq il-fatt illi l-kelma "Sissi" hija magħrufa bħala isem femminili. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li l-konsumaturi rilevanti jifhmu l-kelma "miss", li tfisser "sinjorina" bl-Ingliż. Issa, ir-rikorrenti osservat b'mod rilevanti illi kemm is-sinjal MISS ROSSI kif ukoll is-sinjal SISSI ROSSI jġiegħlu lill-wieħed jaħseb f'persuna tas-sess femminili li għandha l-kunjom "Rossi". Madankollu, hemm differenza kunċettwali bejn il-kelma "miss" ("sinjorina") u isem speċifiku bħal "Sissi".

73      Għaldaqstant, peress illi s-sinjali jixxiebhu f'ċerti aspetti iżda għandhom ukoll elementi ta' differenza, il-livell ta' xebh jiddependi fuq jekk l-element komuni, jiġifieri l-kelma "Rossi", jikkostitwixxi l-element distintiv u dominanti.

74      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, illi l-kelma "Rossi" tokkupa t-tieni post fis-sinjali in kwistjoni u li bl-ebda mod ma hija prominenti fl-imsemmija sinjali.

75      Għandu jiġi osservat, sussegwentement, illi r-rikorrenti ma sostnietx illi l-kelma "Rossi" kienet tikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjal, iżda lmentat biss li l-Bord ta' l-Appell kien, bi żball, ikkunsidra li l-kliem "Sissi" u " miss" kienu l-elementi dominanti fl-impressjoni totali mogħtija mit-trade marks rispettivi.

76      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-kliem "miss", fit-trade marks preċedenti, u "Sissi", fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, ma jikkostitwixxux l-elementi dominati tas-sinjali, iżda li għandhom l-istess effett bħall-kelma "Rossi", l-elementi ta' differenza, imsemmija fil-punti 70 sa 72 aktar 'il fuq, huma biżżejjed sabiex jirrifjutaw it-teżi tar-rikorrenti li tgħid illi x-xebh bejn is-sinjali għandu jkun ikkunsidrat bħala qawwi. Il-livell tax-xebh huwa medju, jekk mhux baxx.

–       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

77      Skond ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Il-probabbiltà ta' konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti għandu jkun evalwat globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-kawża, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh bejn is-sinjali u dik bejn il-prodotti jew s-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 29 sa 33, u l-ġurisprdednza ċċitata].

78      Skond din l-istess ġurisprudenza, aktar ma jkun distintiv il-karattru tat-trade mark preċedenti, aktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 20).

79      F'din il-kawża, huwa veru li t-trade marks preċedenti ma jgawdux minn karattru distintiv għoli. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk l-elementi ta' xebh bejn is-sinjali humiex biżżejjed sabiex jipprevalu fuq l-elementi ta' differenza tal-prodotti in kwistjoni u sabiex jirriżultaw fi probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku rilevanti.

80      F'dan ir-rigward, wara li rat id-differenzi bejn il-prodotti, imsemmija fil-punti 57 et seq. u l-elementi ta' differenza tas-sinjali, spjegati fil-punti 70 sa 72, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis illi l-konsumatur mhuwiex ser jikkonfondi t-trade marks in kwistjoni.

81      Ir-rikorrenti tikkunsidra madankollu illi hemm probabbiltà ta' konfużjoni safejn il-konsumatur jista' jemmen li l-prodotti mibjugħa bit-trade marks in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament.

82      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, illi r-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid illi l-kunjom "Rossi" huwa komuni ħafna u jikkostitwixxi isem ta' familja Taljana tipika mhux biss f'għajnejn il-konsumaturi Taljani, imma wkoll f'għajnejn il-konsumaturi Franċiżi.

83      F'qasam bħal ma huwa dak ta' l-ilbies jew tal-moda, fejn l-użu tas-sinjali kkostitwiti minn patronimiċi huwa komuni, wieħed jista' jaħseb illi, bħala regola ġenerali, isem komuni ħafna ser jidher aktar ta' spiss fil-kummerċ milli isem rari. Għal din ir-raġuni, il-konsumatur mhuwiex ser jemmen illi hemm rabta ekonomika bejn il-proprjetarji kollha tat-trade marks li jinkludu l-kunjom "Rossi". Għaldaqstant, huwa mhuwiex ser jaħseb illi l-impriżi li jbiegħu basktijiet bit-trade mark SISSI ROSSI huma ekonomikament marbuta ma' jew identiċi għal dawk li jbiegħu żraben bit-trade mark MISS ROSSI.

84      Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza illi r-rikorrenti topera ukoll fil-qasam tal-produzzjoni ta' basktijiet ta' l-idejn mhijiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hemm lok li jiġu eżaminati l-prodotti indikati mit-trade marks in kwistjoni kif inhuma protetti minn dawn ta' l-aħħar. It-trade marks preċedenti mhumiex irreġistrati għal "prodotti tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda mhux inkluż fi klassijiet oħra", iżda huma kkunsidrati bħala rreġistrati biss għal dak li jirrigwarda ż-"żraben tan-nisa". Minn dan jirriżulta illi r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq it-trade marks preċedenti sabiex tipproteġi l-linja tagħha ta' produzzjoni ta' basktijiet ta' l-idejn.

85      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Bord ta' l-Appell ikkonstata ġustament illi ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. Ma hemmx bżonn, għall-Qorti tal-Prim'Istanza, li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk it-territorju rilevanti huwiex limitat għal Franza u jekk il-konsumaturi kkonċernati humiex partikolarment attenti għat-trade marks. Għaldaqstant, peress illi l-unika raġuni tar-rikorrenti mhijiex fondata, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huma miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta' Marzu 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.