Language of document : ECLI:EU:C:2018:815

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2018 (1)

Kawża C-493/17

Heinrich Weiss,

Jürgen Heraeus,

Patrick Adenauer,

Bernd Lucke,

Hans-Olaf Henkel,

Joachim Starbatty,

Bernd Kölmel,

Ulrike Trebesius,

Peter Gauweiler,

Johann Heinrich von Stein,

Gunnar Heinsohn,

Otto Michels,

Reinhold von Eben-Worlée,

Michael Göde,

Dagmar Metzger,

Karl-Heinz Hauptmann,

Stefan Städter,

Markus C. Kerber

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku fis-swieq sekondarji – Validità – Artikoli 119 u 127 TFUE – Kompetenzi tal-BĊE u tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali – Żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet – Proporzjonalità – Artikolu 123 TFUE – Projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

A. It-Trattat FUE

B. Il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE

C. Id-Deċiżjoni 2015/774

1. It-test ikkonsolidat tad-Deċiżjoni 2015/774

2. Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/774 u tad-deċiżjonijiet li emendawha:

a) Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/774

b) Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/2101

c) Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/2464

d) Il-premessi tad-Deċiżjoni 2016/702

e) Il-premessi tad-Deċiżjoni 2017/100

III. Il-fatti tal-kawżi prinċipali

A. Il-karatteristiċi prinċipali tal-PSPP

B. Il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-deċiżjoni tar-rinviju

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V. Analiżi

A. Kummenti preliminari fuq il-verżjoni tad-Deċiżjoni 2015/774 rilevanti

B. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

C. Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

1. Il-kuntest tal-analiżi ddefinit fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400)

2. Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji għall-PSPP

a) Fuq in-nuqqas ta’ ċertezza tal-operaturi

1) Fuq l-adegwatezza tal-garanziji previsti mid-Deċiżjoni 2015/774 (l-ewwel domanda preliminari, inklużi l-punti (a) u (b) tagħha)

2) Fuq in-nuqqas ta’ riperkussjonijiet fuq iż-żamma tal-bonds sal-maturità tagħhom u fuq ix-xiri tal-bonds b’rendiment negattiv (id-domanda preliminari 1(c) u 1(d))

i) Fuq iż-żamma tal-bonds sal-maturità tagħhom

ii) Fuq ix-xiri ta’ bonds b’rendiment negattiv

3) Fuq in-nuqqas ta’ riperkussjonijiet tal-allegata identifikazzjoni tat-titoli li ser jinxtraw fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2015/774 (il-punt (a) tal-ewwel d-domanda preliminari u t-tieni domanda preliminari)

b) Fuq l-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija

3. Konklużjoni fuq l-ewwel u t-tieni domanda

D. Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

1. Il-kuntest ta’ analiżi ddefinit fis-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400)

a) Fuq id-definizzjoni tal-politika monetarja

b) Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju marbut miegħu

2. Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-PSPP

a) Fuq l-osservanza tal-mandat tal-BĊE

1) Fuq l-għan u l-istrumenti li jintużaw mill-PSPP

2) Fuq l-effetti indiretti tal-PSPP

i) Riflessjonijiet teoretiċi fuq ir-rabta bejn il-politika monetarja u l-politika ekonomika u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

ii) Fuq il-garanziji tal-PSPP li jillimitaw l-effetti tiegħu fir-rigward tal-politika ekonomika

b) Fuq il-proporzjonalità tal-PSPP

1) Fuq in-natura adegwata tal-PSPP sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u n-neċessità tiegħu

2) Fuq il-proporzjonalità stricto sensu tal-PSPP

3. Konklużjoni fuq it-tielet u r-raba’ domanda

VI. Konklużjoni



I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/774 tal-4 ta’ Marzu 2015 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (2), hekk kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2015/2101 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Novembru 2015 (3), u bid-Deċiżjoni (UE) 2016/702 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ April 2016 (4) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2015/774”), u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE, tal-Artikoli 119, 123, 125 u 127 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (5) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”).

2.        Din it-talba tressqet mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ diversi rikorsi kostituzzjonali dwar l-applikabbiltà, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), dwar l-għajnuna mogħtija mid-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja, il-Ġermanja) għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet jew in-nuqqas allegat tiegħu li jaġixxi fil-konfront ta’ dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll dwar in-nuqqas allegat tal-Bundesregierung (il-Gvern Federali, il-Ġermanja) u tad-Deutscher Bundestag (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Federali, il-Ġermanja) li jaġixxu fil-konfront ta’ din l-għajnuna u tal-istess deċiżjonijiet.

3.        Is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400) tinsab, inevitabbilment, fil-bażi ta’ din il-kawża ġdida. Fil-fatt, minn naħa, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija indirizzata mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) fil-kuntest ta’ proċedura li hija intiża sabiex jiġi stabbilit li att tal-BĊE huwa manifestament ultra vires u kuntrarju għall-identità kostituzzjonali Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, l-atti inkwistjoni fil-kawża preżenti u f’dik li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400) jirrigwardaw, it-tnejn li huma, il-programmi tal-BĊE msejħa “mhux konvenzjonali” li ma jaqgħux taħt il-politika monetarja u jippreġudikaw il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju stipulata fl-Artikolu 123 TFUE.

4.        Madankollu, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400) kienet tirrigwarda stqarrija għall-istampa tal-BĊE li rrapportat deċiżjoni li tawtorizza programm ta’ akkwist ta’ titoli ta’ dejn pubbliku maħruġa mill-Istati Membri taż-żona tal-euro msejjaħ “Outright Monetary Transactions” (tranżazzjonijiet monetarji dwar xiri ta’ titoli, iktar ’il quddiem l-“OMT”) li qatt ma ġie – lanqas sal-lum – implimentat. Bil-kontra, il-programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku fis-swieq sekondarji (“public sector asset purchase programme”, iktar ’il quddiem il-“PSPP”) inkwistjoni fil-kawża preżenti mhux biss ġie adottat formalment iżda ilu implimentat ukoll għal iktar minn tliet snin. Barra minn hekk, l-OMT u l-PSPP għandhom għanijiet differenti li jikkonċernaw kemm l-għan iddikjarat u l-modalitajiet tekniċi previsti u kemm l-ammonti inkwistjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      It-Trattat FUE

5.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma stabbiliti, fil-maġġoranza tagħhom, fit-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, intitolat “Politika ekonomika u monetarja”. Huwa b’hekk li, skont it-termini tal-Artikolu 119 TFUE:

“1.      Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jinkludu, kif provdut fit-Trattati, l-adozzjoni ta’ politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri, fuq is-suq intern kif ukoll fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet komuni, u li tkun immexxija skond il-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

2.      Fl-istess waqt u bil-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri previsti fit-Trattati, din l-azzjoni għandha tinvolvi munita waħda, l-euro, kif ukoll id-definizzjoni u żvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda li l-għan primarju tagħhom għandu jkun dak li tinżamm l-istabbilità fil-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi msaħħa kull politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni, skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

3.      Dawn l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u ta’ l-Unjoni għandhom jeżiġu li jiġu mħarsa dawn il-prinċipji gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.”

6.        L-Artikolu 123(1) TFUE jipprevedi, minn naħa tiegħu, il-projbizzjoni fir-rigward tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri f’dawn it-termini:

“1.      Faċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘banek ċentrali nazzjonali’) favur istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali jew awtoritajiet lokali jew pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri, għandhom ikunu pprojbiti kif għandu ukoll ikun pprojbit ix-xiri dirett mingħand dawn ta’ strumenti ta’ debitu mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali.”

7.        L-għanijiet u l-missjonijiet fundamentali tal-BĊE huma stabbiliti fl-Artikolu 127 TFUE kif ġej:

“1.      L-għan primarju tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘SEBĊ’ għandu jkun li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-għan ta’ stabbiltà fil-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġa l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-oġġettivi ta’ l-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SEBĊ għandha tagixxi skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 119.

2.      Il-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu:

–        li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta’ l-Unjoni;

–        li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 219;

–        li jinżammu in depositu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta’ l-Istati Membri;

–        li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas.

[…]”

B.      Il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE

8.        Il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jelenka l-istrumenti ta’ politika monetarja li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-BĊE. Fost dawn l-istrumenti jidhru l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta’ kreditu. Dawn huma ddefiniti f’dawn it-termini fl-Artikolu 18.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

–        joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) jew taħt ftehim ta’ rkupru u b’titoli ta’ self, ta’ kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f’euro jew f’muniti oħra, kif ukoll f’metalli prezzjużi;

–        imexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji kollaterali adegwati.”

C.      Id-Deċiżjoni 2015/774

1.      It-test ikkonsolidat tad-Deċiżjoni 2015/774

9.        Id-deċiżjoni tal-BĊE fiċ-ċentru tad-domandi preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjoni Federali) hija d-Deċiżjoni 2015/774. Sa mill-adozzjoni tagħha fl-4 ta’ Marzu 2015, din id-deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet 2015/2101, 2015/2464, 2016/702, kif ukoll bid-Deċiżjoni 2017/100.

10.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/774, intitolat “Stabbiliment u kamp ta’ applikazzjoni tal-PSPP”, jiddisponi:

“L-Eurosistema bil-preżenti qiegħda tistabblixxi l-PSPP li bis-saħħa tiegħu l-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jixtru titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 3, fi swieq sekondarji, minn kontropartijiet eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 7, taħt kundizzjonijiet speċifiċi.”

11.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/774, intitolat “Kriterji ta’ eliġibbiltà għal titoli ta’ dejn negozjabbli”, jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3, titoli ta’ dejn negozjabbli ddenominati f’euro maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru li l-valuta tagħhom hija l-euro, aġenziji rikonoxxuti li jinsabu fiż-żona tal-euro, organizzazzjonijiet internazzjonali li jinsabu fiż-żona tal-euro u banek multilaterali tal-iżvilupp li jinsabu fiż-żona tal-euro għandhom ikunu eliġibbli għal xiri mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-PSPP. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn l-ammont ta’ xiri previst ma jistax jintlaħaq, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li jixtri titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġin minn entitajiet oħrajn li jinsabu fiż-żona tal-euro [...]

2.      Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta’ dejn negozjabbli għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema skont il-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60), bla ħsara għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      l-emittent jew il-garanti tat-titoli ta’ dejn negozjabbli għandu jkollu valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-inqas tal-Livell 3 ta’ Kwalità ta’ Kreditu fl-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema [...]

[...]

(d)      jekk il-valutazzjoni ta’ kreditu pprovduta minn [istituzzjoni esterna ta’ valutazzjoni tal-kreditu] aċċettat għall-emittent, il-garanti jew il-ħruġ ma tikkonformax ma’ tal-inqas il-Livell 3 ta’ Kwalità ta’ Kreditu fl-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, it-titoli ta’ dejn negozjabbli għandhom ikunu eliġibbli biss jekk jinħarġu jew ikunu ggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta’ assistenza finanzjarja u li fir-rigward tiegħu l-applikazzjoni tal-limitu tal-kwalità ta’ kreditu tal-Eurosistema jiġi sospiż mill-Kunsill Governattiv bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31;

(e)      fil-każ ta’ reviżjoni ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja li jkun għaddej, l-eliġibbiltà għal xiri PSPP għandha tiġi sospiża u għandha tkompli biss fil-każ li jkun hemm eżitu pożittiv tar-reviżjoni.

3.      Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta’ dejn, fit-tifsira tal-paragrafi 1 sa 2, għandu jkollhom maturità rimanenti minima ta’ sena u maturità rimanenti massima ta’ 30 sena meta jinxtraw mill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti. [...]

[...]

5.      Huma permessi xirjiet ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b’rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) ’il fuq mir-rata tal-faċilità ta’ depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b’rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu.”

12.      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/774, intitolat “Limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta’ xiri”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Biex tiġi permessa l-formazzjoni ta’ prezz tas-suq għal titoli eliġibbli, ma għandux jiġi permess xiri f’titolu maħruġ ġdid jew maħruġ fuq medda ta’ żmien bi prezz fiss (tap issue) kif ukoll l-istrumenti tad-dejn negozjabbli b’maturità li jifdal li huma qrib fiż-żmien, qabel jew wara, il-maturità tal-istrumenti ta’ dejn negozjabbli li għandhom jinħarġu, matul perijodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Kunsill Governattiv (‘perijodu ta’ black-out’). Għal sindakati, il-perijodu ta’ black-out inkwistjoni għandu jiġi rrispettat fuq bażi tal-aħjar sforz qabel il-ħruġ.”

13.      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/774, intitolat “Limiti tax-xiri”, jipprovdi kif ġej fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Bla ħsara għall-Artikolu 3, limitu ta’ ħruġ ta’ ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta’ titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt il-PSPP għal titoli ta’ dejn negozjabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma għandu jkun skont kif ġej:

(a)      50 % għal kull ISIN għal titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali ta’ żvilupp;

(b)      33 % għal kull ISIN għal titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli oħrajn; [...]

2.      Kull titolu ta’ dejn negozjabbli eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP u li jkollu l-maturitajiet rimanenti speċifikati fl-Artikolu 3 għandhom ikunui soġġetti għal limitu aggregat, wara l-konsolidazzjoni ta’ parteċipazzjonijiet fil-portafolji kollha tal-banek ċentrali tal-EUrosistema, ta’:

(a)      50 % tat-titoli pendenti ta’ emittent li jkun organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta’ żvilupp; jew

(b)      33 % tat-titoli pendenti ta’ emittent li ma jkunx organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta’ żvilupp.”

14.      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2015/774, intitolat “Allokazzjoni tal-portafolli”, jippreċiża:

“1.      Mill-valur nominali totali ta’ xierjiet ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP, 10 % għandhom jinxtraw f’titoli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali tal-iżvilupp, u 90 % ta’ dak il-valur nominali għandhom jinxtraw f’titoli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti [...] Din l-allokazzjoni hija suġġetta għal reviżjoni mill-Kunsill Governattiv. Xirjiet ta’ titoli ta’ dejn maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp u gvernijiet reġjonali u lokali eliġibbli għandhom isiru biss mill-[Banek ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro (BĊNi)].

2.      Is-sehem tal-BĊNi tal-valur nominali totali ta’ xierjiet ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP għandu jkun ta’ 90 %, u l-10 % li jifdal għandhom jinxtraw mill-BĊE. It-tqassim tax-xirjiet bejn il-ġurisdizzjonijiet għandu jkun skont l-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ.

3.      Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom japplikaw skema ta’ speċjalizzazzjoni għall-allokazzjoni ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli li għandhom jinxtraw taħt il-PSPP. Il-Kunsill Governattiv għandu jippermetti għal devjazzjonijiet ad hoc mill-iskema ta’ speċjalizzazzjoni jekk kunsiderazzjonijiet oġġettivi jostakolaw li din l-iskema tintlaħaq jew altrimenti dawk id-devjazzjonijiet isiru rakkomandabbli fl-interess li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika monetarja inġenerali tal-PSPP. B’mod partikolari, kull BĊN għandu jixtri titoli eliġibbli tal-emittenti tal-ġurisdizzjoni tiegħu stess. Titoli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp eliġibbli jistgħu jinxtraw mill-BĊNi kollha. Il-BĊE għandu jixtri titoli maħruġin minn gvernijiet ċentrali u aġenziji rikonoxxuti tal-ġurisdizzjonijiet kollha.”

15.      Skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2015/774, intitolat “Trasparenza”:

“1.      L-Eurosistema għandha tippubblika fuq bażi ta’ kull ġimgħa l-valur kontabbli aggregat tat-titoli miżmumin taħt il-PSPP fil-kummentarju dwar ir-rapport finanzjarju konsolidat tagħha ta’ kull ġimgħa.

2.      L-Eurosistema għandha tippubblika fuq bażi ta’ kull xahar il-maturità reżidwa medja ppeżata skont ir-residenza ta’ emittent, billi jiġu sseparati l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-banek multilaterali tal-iżvilupp minn emittenti oħrajn, tal-investimenti PSPP tagħha.

3.      Il-valur kontabbli ta’ titoli miżmumin taħt il-PSPP għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE fit-taqsima dwar l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ fuq bażi ta’ kull ġimgħa.”

2.      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/774 u tad-deċiżjonijiet li emendawha:

a)      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/774

16.      Il-premessi 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2015/774 huma redatti hekk:

“(2)      Fl-4 ta’ Settembru 2014, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibda t-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds koperti (iktar ’il quddiem is-‘CBPP3’) u programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP). Flimkien mal-operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fit-tul introdotti f’Settembru 2014, dawn il-programmi ta’ xiri ta’ assi huma mmirati biex itejbu iktar it-trażmissjoni tal-politika monetarja, jiffaċilita l-għoti ta’ kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, jittaffew il-kundizzjonijiet tas-self tal-unitajiet domestiċi u ditti u l-kontribuzzjoni sabiex ir-rati ta’ inflazzjoni jiġu lura għal livelli eqreb lejn it-2 %, li jkun konsistenti mal-għan primarju tal-BĊE li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(3)      Fit-22 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li x-xiri ta’ assi għandu jiġi estiż biex jinkludi programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (iktar ’il quddiem il-‘PSPP’). Skont il-PSPP, il-BĊNi, fi proporzjonijiet li jirriflettu l-ishma rispettivi tagħhom fl-iskema kapitali tal-BĊE, u l-BĊE jistgħu jixtru direttament titoli ta’ dejn negozjabbli minn kontropartijiet eliġibbli fis-swieq sekondarji. Din id-deċiżjoni ttieħdet bħala parti mill-politika monetarja unika fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi li materjalment żiedu r-riskju ta’ tnaqqis fil-valur fil-prospetti matul perijodu ta’ żmien medju fir-rigward ta’ żviluppi fil-prezzijiet, biex b’hekk jitpoġġa f’perikolu li jintlaħaq l-għan primarju tal-BĊE li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Dawn il-fatturi jinkludu anqas stimolu monetarju milli mistenni minn miżuri ta’ politika monetarja adottata, xejra ’l isfel fil-maġġoranza tal-indikaturi tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro attwali u mistennija — kemm miżuri komplessivi (headline) kif ukoll miżuri li jeskludu l-impatt ta’ komponenti volatili, bħall-enerġija u l-ikel — lejn livelli baxxi storiċi, u l-potenzjal miżjud ta’ effetti tat-tieni ċiklu fuq l-iffissar ta’ pagi u prezzijiet ġejjin minn tnaqqis sinjifikanti tal-prezzijiet taż-żejt.

(4)      Il-PSPP hija miżura proporzjonata għal mitigazzjoni tar-riskji għall-prospetti dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet, billi tkompli ttaffi iżjed il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-unitajiet domestiċi, biex b’hekk jiġu appoġġati l-konsum aggregat u l-infiq fl-investiment fiż-żona tal-euro biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata kontribut għar-ritorn lejn rati ta’ inflazzjoni inqas minn imma qrib it-2 % matul perijodu ta’ żmien medju. F’ambjent fejn ir-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE qegħdin fl-iktar livelli baxxi, u programmi ta’ xiri li jiffukaw fuq assi tas-settur privat qed jitqiesu li pprovdew spazju konsiderevoli, imma insuffiċjenti, biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ tnaqqis fil-valur kurrenti għall-istabbiltà tal-prezzijiet, hemm bżonn li jiżdied il-PSPP mal-miżuri tal-politika monetarja tal-Eurosistema, bħala strument li huwa kkaratterizzat minn potenzjal għoli ta’ trażmissjoni lill-ekonomija reali. Bis-saħħa tal-effett tiegħu ta’ riekwilibriju tal-portafoll, il-volum imdaqqas ta’ xiri tal-PSPP se jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-politika monetarja sottostanti li jwassal lill-intermedjarji finanzjarji biex iżidu l-provvista tagħhom ta’ likwidità lis-suq interbankarju u kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro.”

b)      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/2101

17.      Il-premessi 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2015/2101 jipprovdu kif ġej:

“(2)      Fit-3 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fil-prinċipju li jżid il-limitu ta’ ħruġ ta’ ishma tal-PSPP minn 25 % għal 33 % għal kull ISIN, soġġett għal verifika fuq bażi ta’ każ b’każ li parteċipazzjoni ta’ 33 % għal kull ISIN mhux ser twassal lill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jilħqu parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw ristrutturar ordnat ta’ dejn.

(3)      Iż-żieda prevista tal-limitu ta’ ħruġ ta’ ishma tal-PSPP hija mmirata li tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-PSPP, waqt li fl-istess ħin tippermetti l-operat bla xkiel tas-swieq f’titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli u tevita t-tfixkil ta’ ristrutturar ordnat ta’ dejn.”

c)      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2015/2464

18.      Il-premessi 2 sa 5 tad-Deċiżjoni 2015/2464 jistabbilixxu:

“(2)      Fit-3 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b’mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabilità tal-prezzijiet, li jirreċevi [jirrevedi] wħud mill-karatteristiċi tad-disinn tal-PSPP, sabiex jiġi żgurat aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni lejn livelli li huma taħt, iżda qrib it-2 %, fuq medda ta’ żmien medju. Ir-reviżjoniiet huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv u jirriflettu kif suppost kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju.

(3)      Għaldaqstant, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-PSPP, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-orizzont maħsub tax-xirjiet taħt il-PSPP sat-tmiem ta’ Marzu 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta’ inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta’ żmien medju. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-orizzont maħsub tax-xirjiet taħt is-CBPP3 u l-ABSPP, kif meħtieġ.

(4)      Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li, sabiex itejjeb il-flessibbiltà tal-PSPP u b’hekk jappoġġa l-issuktar tal-implimentazzjoni mingħajr xkiel tax-xirjiet ta’ mill-inqas sad-data tat-tmiem maħsuba tiegħu, strumenti ta’ dejn negozjabbli ddenominati f’euro maħruġa minn gvernijiet reġjonali u lokali stabbiliti fiż-żona tal-euro għandhom ikunu eliġibbli għal xirjiet regolari taħt il-PSPP mill-banek ċentrali nazzjonali tal-ġurisdizzjoni fejn tkun tinsab l-entità emittenti.

(5)      Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali tat-titoli mixtrija taħt l-APP hekk kif jimmaturaw it-titoli sottostanti, sakemm dan ikun meħtieġ, biex b’hekk jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u għal pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.”

d)      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2016/702

19.      Il-premessi 2 sa 5 tad-Deċiżjoni 2016/702 jippreċiżaw:

“(2)      B’mod konformi mal-mandat tal-Kunsill Governattiv biex jiżgura l-istabilità tal-prezzijiet, ċerti karatteristiċi tal-PSPP għandhom jiġu mmodifikati sabiex jiġi żgurat aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni lejn livelli li huma taħt, iżda qrib it-2 %, fuq medda ta’ żmien medju. Il-bidliet huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv u jirriflettu kif suppost kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju.

(3)      B’mod aktar speċifiku, sabiex tikseb l-objettivi tal-PSPP, il-likwidità pprovduta lis-suq permezz tax-xiri kkombinat ta’ kull xahar taħt l-APP għandha tiżdied għal EUR 80 biljun.

(4)      Barra minn hekk, għandhom jiżdiedu l-limiti ta’ ishma għall-emittent u l-ħarġa għal titoli negozjabbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali tal- iżvilupp. Il-limitu minimu ġdid kien iddeterminat sabiex jiġi żgurat li x-xirjiet previsti jkomplu jkunu proporzjonati mal-għanijiet tal-PSPP, ukoll meta jitqies li r-riskju ta’ xkiel għal ristrutturar tad-dejn ordnat huwa limitat.

(5)      B’bidu f’April 2016, l-allokazzjoni bejn xirjiet ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp u xirjiet ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli oħrajn taħt il-PSPP għandhom jiġu mmodifikati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-PSPP u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu bla xkiel għat-tul kollu tal-PSPP u l-volum ta’ xiri miżjud tiegħu.”

e)      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2017/100

20.      Il-premessi 3 sa 6 tad-Deċiżjoni 2017/100 jgħidu kif ġej:

“(3)      Fit-8 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b’mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, li ċerti parametri tal-APP għandhom jiġu aġġustati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-APP. L-aġġustamenti huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv, jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt it-Trattati u jirriflettu debitament kunsiderazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.

(4)      B’mod aktar speċifiku, l-orizzont maħsub ta’ xirjiet taħt l-APP għandu jiġi estiż sat-tmiem ta’ Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta’ inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta’ żmien medju.

(5)      Il-likwidità provduta lis-suq permezz tax-xirjiet ikkombinati fix-xahar taħt l-APP għandha tkompli tammonta għal EUR 80 biljun sa tmiem Marzu 2017. Minn April 2017, ix-xirjiet fix-xahar ikkombinati taħt l-APP għandhom jipproċedu b’ritmu ta’ EUR 60 biljun sat-tmiem ta’ Diċembru 2017, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-mira tiegħu ta’ inflazzjoni. Jekk, sadanittant, il-prospettiva ssir anqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti ma’ progress ulterjuri lejn aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv beħsiebu jżid il-programm f’termini ta’ daqs u/jew durazzjoni.

(6)      Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa mingħajr skossi tax-xirjiet taħt l-APP matul l-orizzont maħsub, il-medda ta’ maturità tal-PSPP għandha titwessa’ billi titnaqqas il-maturità minima li jifdal għal titoli eliġibbli minn sentejn sa sena. Barra minn hekk, ix-xirjiet ta’ titoli taħt l-APP b’rendiment għall-maturità li tkun taħt ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu tal-BĊE għandhom jiġu permessi sal-grad meħtieġ.”

III. Il-fatti tal-kawżi prinċipali

A.      Il-karatteristiċi prinċipali tal-PSPP

21.      Id-Deċiżjoni 2015/774, li fuqha huma s-suġġett tad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi l-formalizzazzjoni ġuridika tal-PSPP. Dan tal-aħħar jikkostitwixxi wieħed mill-erba’ subprogrammi tal-programm ta’ xiri ta’ assi estiż (“Expanded Asset Purchase Programme”, iktar ’il quddiem l-“APP”) imħabbar mill-BĊE fit-22 ta’ Jannar 2015.

22.      Għaldaqstant, l-APP jipprevedi, flimkien mas-subprogrammi eżistenti għax-xiri ta’ bonds tas-settur privat (6), ix-xiri ta’ bonds tas-settur pubbliku mis-swieq sekondarji. Dan it-tip ta’ programm huwa ġeneralment ikklassifikat bħala “rilassament kwantitattiv” (“quantitative easing”) minħabba ż-żieda fil-volum ta’ flus tal-bank ċentrali li tirriżulta mix-xiri f’kwantità kbira tal-bonds. Dan il-programm kien ġie deċiż mill-BĊE, f’Jannar 2015, bħala reazzjoni għall-pressjoni qawwija ’l isfel fuq l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro.

23.      Il-karatteristiċi prinċipali tal-PSPP, kif previsti fil-verżjoni attwalment fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2015/774, jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

–        Il-bonds eliġibbli għax-xiri fil-kuntest tal-PSPP huma t-titoli ta’ dejn negozjabbli ddenominati f’euro u maħruġin mill-amministrazzjoni ċentrali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru li l-valuta tagħhom hija l-euro, minn aġenziji rrikonoxxuti li jinsabu fiż-żona tal-euro, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn banek multilaterali tal-iżvilupp li jinsabu fiż-żona tal-euro (7). Il-bonds eliġibbli għandu jkollhom maturità rimanenti minima ta’ sena u maturità rimanenti massima ta’ 30 sena meta jinxtraw mis-swieq sekondarji (8).

–        Għal kull bond jeżisti limitu ta’ xiri stabbilit, bħala prinċipju, bħala 33 % għal mull ħruġ sakemm l-Eurosistema ma tistax tikseb b’hekk parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw il-proċeduri ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn li jimplikaw il-“klawżoli ta’ azzjoni kollettiva”. Barra minn hekk, l-Eurosistema ma tista’ fl-ebda każ iżżomm iktar minn 33 % tal-bonds pendenti ta’ emittent (9).

–        L-emittenti (jew il-garanti) tat-titoli ta’ dejn negozjabbli għandu jkollhom mill-inqas nota korrispondenti għal-livell 3 ta’ kwalità ta’ kreditu fl-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema sabiex it-titoli jkunu eliġibbli abbażi tal-PSPP (10).

–        Ix-xiri abbażi tal-PSPP jitwettaq abbażi ta’ ċerti sistemi ta’ allokazzjoni ddefiniti fid-Deċiżjoni PSPP. Fl-ewwel lok, ix-xiri għandu jkun komposta minn 10 % f’bonds maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew minn banek multilaterali tal-iżvilupp u minn 90 % f’bonds maħruġin mill-amministrazzjonijiet ċentrali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri u minn aġenziji rrikonoxxuti. Is-sehem tal-banek ċentrali nazzjonali tal-valur nominali tax-xiri ta’ bonds eliġibbli taħt il-PSPP għandu jkun ta’ 90 % (mqassma bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro permezz tas-sistema ta’ allokazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE) u l-BĊE jixtri s-sehem li jifdal, jiġifieri 10 %. Barra l-bonds internazzjonali, kull bank ċentrali nazzjonali ma jixtrix għajr il-bonds maħruġa minn emittenti fil-pajjiż tiegħu stess (11).

–        Ir-riskju u t-telf jinqasmu bejn il-banek ċentrali nazzjonali sa 20 % tax-xiri totali (kompost minn 10 % tax-xiri tal-BĊE stess u 10 % tax-xiri tal-bonds ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali mixtrija mill-banek ċentrali nazzjonali) filwaqt li l-ebda tqassim tar-riskju u tat-telf ma huwa previst għat-80 % li jibqa’, fejn kull bank ċentrali nazzjonali jġarrab ir-riskji tiegħu stess (12).

–        Fl-aħħar, diversi garanziji, bħalma huwa l-perijodu ta’ black-out minimu (magħruf ukoll bħala “perijodu ta’ embargo” jew “blackout period”), huma ppreċiżati fil-Linji gwida (mhux ippubblikati) tal-4 ta’ Marzu 2015 dwar programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku fis-swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BCE/2015/NP3) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida PSPP”).

B.      Il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-deċiżjoni tar-rinviju

24.      Diversi gruppi ta’ individwi ppreżentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, diversi rikorsi kostituzzjonali dwar diversi deċiżjonijiet tal-BĊE dwar l-APP, dwar l-għajnuna mogħtija mid-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja) għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet jew dwar l-allegat nuqqas tagħha li taġixxi fil-konfront tal-imsemmija deċiżjonijiet, kif ukoll dwar l-allegat nuqqas tal-Gvern Federali u tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament Federali li jaġixxu fil-konfront ta’ din l-għajnuna u tal-istess deċiżjonijiet.

25.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-PSPP jikser il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 123 TFUE u l-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 119 u 127 TFUE. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar il-PSPP jiksru l-prinċipju ta’ demokrazija stabbilit fil-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali Ġermaniża) u jistgħu jippreġudikaw, minnħabba dan, l-identità kostituzzjonali Ġermaniża.

26.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk id-Deċiżjoni 2015/774 tikser l-Artikolu 123 TFUE jew tmur lil hinn mill-mandat tal-BĊE, hija jkollha tikkonstata eċċess manifest u strutturalment sinjifikattiv tal-kompetenzi tal-BĊE u, bħala konsegwenza, tilqa’ r-rikorsi prinċipali. Dan ikun il-każ ukoll jekk is-sistema ta’ tqassim ta’ telf li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2015/774 affettwat is-setgħa baġitarja tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament Federali.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      B’deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2017, li wasslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Awwissu 2017, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) għaldaqstant iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Deċiżjoni […] 2015/774 […] fil-verżjoni […] tad-Deċiżjoni 2016/1041 […] jew il-mod kif hija implementata, tikser l-Artikolu 123(1) TFUE?

Jeżisti ksur tal-Artikolu 123(1) TFUE jekk, fil-kuntest tal-[PSPP],

a)      dettalji rigward ix-xiri jiġu kkomunikati b’mod li jnissel fis-swieq iċ-ċertezza fattwali li l-Eurosistema ser tixtri parti mill-bonds li ser jinħarġu mill-Istati Membri?

b)      anki a posteriori, l-ebda dettall rigward l-osservanza ta’ termini minimi bejn il-ħruġ ta’ strument ta’ dejn fis-suq primarju u x-xiri tiegħu fis-suq sekondarju ma jiġi kkomunikat, b’tali mod li l-ebda stħarriġ ġudizzjarju ma huwa possibbli f’dan ir-rigward?

c)      it-totalità tal-bonds akkwistati ma tinbiegħx mill-ġdid, iżda tinżamm sad-data tal-maturità u għaldaqstant tiġi rtirata mis-suq?

d)      l-Eurosistema takkwista strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b’rata ta’ rendiment negattiv fid-data tal-maturità?

2)      Id-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] tikser f’kull każ l-Artikolu 123 TFUE jekk, minħabba tibdil fil-kundizzjonijiet fis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari minħabba l-iskarsezza tal-istrumenti ta’ dejn li jistgħu jinxtraw, it-tkomplija tal-implementazzjoni tagħha titlob li r-regoli ta’ xiri applikabbli inizjalment isiru kontinwament iktar flessibbli u jekk il-limiti ffissati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal programm ta’ xiri ta’ bonds, bħall-PSPP, jitilfu l-effett tagħhom?

3)      Id-Deċiżjoni […] 2015/774 […] imsemmija [fl-ewwel domanda], fil-verżjoni attwali tagħha, tikser l-Artikoli 119 u 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar [is-SEBĊ u l-BĊE], għaliex tmur lil hinn mill-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-politika monetarja, hekk kif jirregolawh dawn id-dispożizzjonijiet, u tinterferixxi għaldaqstant fil-kompetenza tal-Istati Membri?

B’mod partikolari, jinqabeż il-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew għaliex:

a)      id-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] għandha influwenza kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-ġdid tal-Istati Membri minħabba l-volum tal-PSPP, li fit-12 ta’ Mejju 2017, kien jammonta għal EUR 1 534,8 biljun?

b)      fid-dawl tat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-ġdid tal-Istati Membri msemmija fil-punt (a) hawn fuq u tal-effetti ta’ dan fuq il-banek kummerċjali, mhux biss id-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] għandha konsegwenzi indiretti fil-qasam tal-politika ekonomika, iżda wkoll, l-effetti oġġettivament determinabbli tagħha jagħtu l-impressjoni li, minbarra l-għan ta’ politika monetarja, il-programm isegwi, mill-inqas bl-istess prijorità, għan ta’ politika ekonomika?

c)      minħabba l-effetti importanti tagħha fil-qasam tal-politika ekonomika, id-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità?

d)      fl-assenza ta’ motivazzjoni speċifika, sa minn meta d-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] hija fil-kors ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri sa minn iktar minn sentejn, huwa impossibbli li jiġi eżaminat jekk hija għadhiex neċessarja u proporzjonata?

4)      Id-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] tikser f’kull każ l-Artikoli 119 u 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar [is-SEBĊ u l-BĊE], għaliex il-volum u l-perijodu ta’ eżekuzzjoni tagħha ta’ iktar minn sentejn, kif ukoll l-effetti fil-qasam tal-politika ekonomika li jirriżultaw minnha, jagħtu lok sabiex tinbidel l-evalwazzjoni rigward in-neċessità u l-proporzjonalità tal-PSPP u għaliex, b’dan il-mod, minn ċertu mument, hija tmur lil hinn mill-mandat ta’ politika monetarja tal-[BĊE]?

5)      It-tqassim illimitat tar-riskji bejn il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-bonds mill-gvernijiet ċentrali u mill-emittenti ekwivalenti tagħhom, li għandu mnejn ġie stabbilit mid-deċiżjoni msemmija [fl-ewwel domanda] jikser l-Artikoli 123 u 125 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 4(2) TUE, jekk dan jista’ jirrendi neċessarja r-rikapitalizzazzjoni ta’ banek ċentrali nazzjonali b’riżorsi baġitarji?”

29.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn H. Weiss et, minn B. Lucke et, minn J. von Stein et, mill-BĊE, mid-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja), mill-Gvern Ġermaniż, Grieg, Franċiż, Taljan, Portugiż u Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Finlandiż, dawn instemgħu kollha waqt is-seduta li nżammet fl-10 ta’ Lulju 2018. P. Gauweiler ukoll ressaq l-argumenti tiegħu f’din l-okkażjoni.

V.      Analiżi

A.      Kummenti preliminari fuq il-verżjoni tad-Deċiżjoni 2015/774 rilevanti

30.      Permezz tad-domandi tagħha, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2015/774. Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din tikkonċerna d-Deċiżjoni 2015/774 hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/2101 u bid-Deċiżjoni 2016/702, kif ukoll bid-Deċiżjoni tal-BĊE (UE) 2016/1041 tat-22 ta’ Ġunju 2016 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18) (13).

31.      Għalkemm id-Deċiżjoni 2016/1041 hija bbażata fuq id-Deċiżjoni 2015/774, hija ma emendathiex. Bil-kontra, id-Deċiżjoni 2015/774 ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2015/2464 kif ukoll bid-Deċiżjoni 2017/100. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tagħmilx riferiment espliċitu għal dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, inqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domandi mressqa.

32.      Fil-fatt, fl-ewwel domanda tagħha, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) tirreferi għad-Deċiżjoni 2015/774 “jew il-mod kif hija implementata”. Issa, fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, id-Deċiżjonijiet 2015/2464 u 2017/100 kienu diġà ġew adottati. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tagħha kienet titwettaq, neċessarjament, fuq il-bażi tal-erba’ deċiżjonijiet li emendaw it-test inizjali tagħha. Barra minn hekk, fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Deċiżjoni 2015/774 “imsemmija [fl-ewwel domanda] fil-verżjoni attwali tagħha”, jiġifieri fit-18 ta’ Lulju 2017. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni proposta mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, tidher li hija ffondata hija stess, f’ċerti aspetti, fuq l-aħħar verżjoni tad-Deċiżjoni 2015/774.

33.      Għaldaqstant, ningħaqad mal-opinjoni tal-Kummissjoni fis-sens li jkun iktar prudenti li tiġi evalwata l-validità tad-Deċiżjoni 2015/774 fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, bil-karatteristiċi kollha li kienu tagħha f’dak iż-żmien.

B.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

34.      Il-Gvern Taljan isostni qabel kollox l-inammissibbiltà tat-totalità tad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju. Bl-eċċezzjoni tal-ħames domanda, jiena nqis madankollu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

35.      Fil-fatt, nosserva li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda, mingħajr kontestazzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, kif kellha l-okkażjoni tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), dan jimplika li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha konsegwenzi konkreti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li s-sentenza li ser tingħata, bħal kull sentenza mogħtija fuq talba għal deċiżjoni preliminari, ser torbot lill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-validità tal-atti tal-BĊE inkwistjoni, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (14).

36.      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-qorti nazzjonali hija adita b’kawża reali li fiha tqajmet, b’mod inċidentali, il-kwistjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli bħala prinċipju (15).

37.      Huwa minnu li, għalkemm l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi jirrigwardaw il-validità tad-Deċiżjoni 2015/774 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikoli 119, 123 u 127 TFUE, f’dawn id-domandi l-qorti tesprimi dubji li ġejjin pjuttost mill-eżekuzzjoni tagħha iktar milli mid-deċiżjoni nnifisha. Issa, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att, u ma tistax tiddependi b’mod partikolari minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effettività ta’ dan l-att (16). Bħalma diġà kellha l-opportunità tippreċiża l-Qorti tal-Ġustizzja, dan ifisser li, “[b’]analoġija, l-evalwazzjoni tal-validità ta’ att, li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha normalment tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni li teżisti meta jiġi adottat l-att” (17).

38.      Madankollu, mis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), jirriżulta li, meta l-BĊE jakkwista bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji, l-intervent tiegħu għandu jsir flimkien ma’ garanziji suffiċjenti sabiex dan jiġi kkonċiljat mal-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju li tirriżulta mill-Artikolu 123(1) TFUE (18). Barra minn hekk, il-programm li jawtorizza tali akkwist jista’ jiġi adottat u implimentat b’mod validu biss jekk il-miżuri inklużi fih ikunu proporzjonati mal-għanijiet tal-politika monetarja, konformement mal-Artikolu 119(2) u mal-Artikolu 127(1) TFUE (19).

39.      Issa, l-elementi evokati mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha jittrattaw il-garanziji li jistgħu jikkundizzjonaw il-validità tad-Deċiżjoni 2015/774. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, dan jidhirli li huwa l-każ ukoll tat-tieni domanda preliminari li tikkonċerna l-“limiti ffissati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal programm ta’ xiri ta’ bonds, bħall-PSPP”.

40.      Ċertament, din it-tieni domanda tqajjem elementi ta’ inċertezza peress li tipprevedi l-eventwali rilassament tar-regoli applikabbli fil-każ ta’ emenda fis-sitwazzjoni fuq is-swieq finanzjarji. Madankollu, hija tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwim li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju (20) peress li tirrigwarda, essenzjalment, il-garanziji li għandu jkollu l-PSPP sabiex ma jiksirx l-Artikolu 123 TFUE. Konsegwentement, hija tidhirli li hija ammissibbli u tista’ tiġi ttrattata flimkien mal-ewwel domanda preliminari.

41.      F’dak li jikkonċerna r-raba’ domanda preliminari, din tirrigwarda, essenzjalment, ir-rabta tal-PSPP mal-politika monetarja u l-eżami ta’ proporzjonalità li għalih id-Deċiżjoni 2015/774 għandha tiġi suġġetta. Għaldaqstant, jidhirli li huwa possibbli li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli u li tingħata risposta utli għaliha billi tiġi eżaminata flimkien mat-tielet domanda li tirrigwarda l-istess problematika.

42.      Bil-kontra, ser inkun iktar prudenti fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ħames domanda preliminari. Fil-fatt, għalkemm id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, din il-preżunzjoni għandha titwarrab jekk “jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha” (21).

43.      Bħall-BĊE, il-Gvern Grieg, Franċiż, Taljan, Portugiż, Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni, nikkonstata li l-ħames domanda preliminari tirrigwarda evoluzzjoni li hija inċerta, u dan minn żewġ lati. Minn naħa, il-punt ta’ tluq ta’ din il-ħames domanda huwa tqassim illimitat tar-riskji bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro fil-każ ta’ nuqqas li jikkonċerna l-obbligi tal-gvernijiet ċentrali u ta’ emittenti ekwivalenti “li għandu mnejn ġie stabbilit mid-Deċiżjoni [2015/774]” (22). Issa, tali tqassim illimitat ma jeżistix, fl-istat attwali tat-testijiet applikabbli, fil-kuntest tal-PSPP. Bil-kontra, ir-rieda li jiġi llimitat b’mod strett it-tqassim tat-telf bejn banek ċentrali ilha stabbilita sa mit-tħabbir tal-programm fit-22 ta’ Marzu 2015 (23).

44.      Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li tali tqassim illimitat huwa stabbilit, il-possibbiltà ta’ kontradizzjoni mal-Artikoli 123 u 125 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 4(2) TUE, tirriżulta biss, kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju stess fil-kliem tad-domanda tagħha, “jekk [dan it-tqassim illimitat tar-riskji] jista’ jirrendi neċessarja r-rikapitalizzazzjoni ta’ banek ċentrali nazzjonali b’riżorsi baġitarji” (24). Din hija, għaldaqstant, sempliċi ipoteżi li l-possibbiltà li sseħħ għadha, sal-lum, ma ntweriet bl-ebda mod. Huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi żieda sostanzjali fil-provvedimenti għar-riskji tad-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja) waqt is-sena finanzjarja 2016. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din id-deċiżjoni kienet ġiet iġġustifikata mill-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE sabiex jestendi l-APA għall-PSPP, meħuda matul is-sena finanzjarja 2016, kienu wasslu għal riskji addizzjonali. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet dwar il-PSPP ma jipprevedu tqassim illimitat tar-riskji. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ elementi addizzjonali dwar ir-raġunijiet li wasslu għaż-żieda fil-provvediment tar-riskji tad-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja) ma jippermettix li tiġi kkonkretizzata l-ipoteżi purament teoretika ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fil-każ ta’ inadempiment maġġuri dovut lill-PSPP.

45.      Għaldaqstant, il-problema mqajma mill-ħames domanda preliminari jidher li hija sempliċement ta’ natura ipotetika peress li la l-kuntest ġuridiku u lanqas il-kuntest fattwali li jagħmlu neċessarja risposta għal din id-domanda ma jikkorrispondu għas-sitwazzjoni attwali u peress li l-probabbiltà li jseħħu ma ntwerietx b’ċertezza suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, jekk jiġi kkunsidrat li tqassim illimitat tar-riskji hija sitwazzjoni li l-probabbiltà tagħha ġiet ipprovata suffiċjentement, quod non, huwa inkontestabbli li dan it-tqassim tar-riskji la għadu ġie stabbilit f’regola tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas ma tħabbar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tista’ l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità ta’ regola li għadha ma teżistix?

46.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra għaldaqstant li din il-ħames domanda hija, f’dan il-kuntest u sal-lum, inammissibbli.

C.      Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

1.      Il-kuntest tal-analiżi ddefinit fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400)

47.      L-ewwel żewġ domandi preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-osservanza tal-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju tad-dejn sovran imposta fl-Artikolu 123(1) TFUE.

48.      Is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400) ipprovdiet, f’dan ir-rigward, il-kuntest tal-analiżi rilevanti. Fil-fatt, minkejja d-differenza li jiddistingwu lill-PSPP mill-OMT, dawn huma żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji. Issa, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-limiti li għandhom ikunu osservati mill-BĊE meta timplimenta programm ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura preżenti jaqblu ma’ din il-perspettiva ta’ analiżi.

49.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 123(1) TFUE jipprojbixxi kull assistenza finanzjarja mis-SEBĊ lil Stat Membru mingħajr ma jeskludi l-possibbiltà għas-SEBĊ li takkwista bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji (25).

50.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet din il-possibbiltà ma’ żewġ limiti:

–        Fl-ewwel lok, “is-SEBĊ ma tistax takkwista b’mod validu bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji taħt kundizzjonijiet li fil-prattika jagħtu lill-intervent tagħha effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Istati Membri” (26). Dan ikun il-każ jekk il-operaturi li jistgħu jakkwistaw bonds nazzjonali fis-suq primarju jkollhom iċ-ċertezza li s-SEBĊ ser tixtri mill-ġdid dawn il-bonds f’terminu u taħt kundizzjonijiet li jippermettu lil dawn l-operaturi jaġixxu, de facto, bħala intermedjarji tas-SEBĊ għall-akkwist dirett tal-imsemmija bonds mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat.

–        Fit-tieni lok, il-programm tal-BĊE li jawtorizza x-xiri tal-bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji ma għandux ikun ta’ natura li jelimina l-inkoraġġiment għall-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija. “Fil-fatt, peress li mill-Artikoli 119(2) TFUE, 127(1) TFUE u 282(2) TFUE jirriżulta li, bla ħsara għall-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ issostni lill-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, l-azzjonijiet imwettqa mis-SEBĊ fuq il-bażi tal-Artikolu 123 TFUE ma jistgħux ikunu tali li jmorru kontra l-effettività ta’ dawn il-politiki billi jeliminaw l-inkoraġġiment lill-Istati Membri kkonċernati li jmexxu politika baġitarja għaqlija” (27).

51.      Minn dawn iż-żewġ limiti jirriżulta li, meta l-BĊE jakkwista bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji, l-intervent tiegħu għandu jsir flimkien ma garanziji suffiċjenti sabiex dan jiġi kkonċiljat mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju li tirriżulta mill-Artikolu 123(1) TFUE u min-naħa li huma intiżi sabiex jillimitaw l-effetti tal-programm tal-BĊE fuq l-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija (28).

2.      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji għall-PSPP

52.      Il-legalità fuq livell ta’ prinċipju ta’ operazzjoni ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji mis-SEBC ma hijiex diskutibbli (29). Hija ssib sostenn fl-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE li “jippermetti lis-SEBĊ, tilħaq l-għanijiet tagħha u twettaq il-kompiti tagħha, tintervjeni fis-swieq finanzjarji, fost oħrajn, billi tixtri u tbigħ fil-mument titoli negozjabbli, li minnhom jagħmlu parti l-bonds nazzjonali, mingħajr ma jissuġġetta din l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet partikolari ħlief li tinjora n-natura stess tal-operazzjonijiet ta’ suq miftuħ” (30), kif ukoll fir-Regolament tal-Kunsill Nru 3603/93 tat-13 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat [li saru l-Artikoli 123 TFUE u 125(1) TFUE] (31). Fil-fatt, skont is-seba’ premessa ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali hija espliċitament prevista peress li huwa indikat li “l-akkwisti fis-suq sekondarju m’għandhomx jintużaw biex jinħarab l-iskop ta’ dan [l-Artikolu 123 TFUE]”.

53.      Il-validità ta’ programm bħalma huwa l-PSPP tiddependi għaldaqstant mill-garanziji li jkollu miegħu. B’mod konkret, għandha tiġi vverifikata l-kapaċità tiegħu, minn naħa, sabiex jostakola lill-operaturi attivi fis-swieq tal-bonds nazzjonali milli jkunu jistgħu jaġixxu de facto bħala intermedjarji tas-SEBĊ għall-akkwist dirett ta’ bonds mill-awtoritajiet u mill-korpi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, sabiex ma jeliminax l-inċentiv għall-Istati Membri li jħaddnu politika baġitarja għaqlija.

a)      Fuq in-nuqqas ta’ ċertezza tal-operaturi

54.      Bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li esprimew ruħhom huma kollha tal-opinjoni li l-PSPP joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi ostakolat li l-akkwist ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji jkollu effett ekwivalenti għal dak ta’ akkwist dirett ta’ tali bonds fis-swieq primarji. Jien naqbel ma’ din l-analiżi.

1)      Fuq l-adegwatezza tal-garanziji previsti mid-Deċiżjoni 2015/774 (l-ewwel domanda preliminari, inklużi l-punti (a) u (b) tagħha)

55.      Fl-ewwel lok, il-fatt li l-Kunsill Governattiv għandu jkollu kompetenza jiddeċiedi dwar il-portata, il-bidu, is-segwitu u s-sospensjoni tal-interventi fis-swieq sekondarji previsti mill-PSPP ma huwiex insinjifikattiv. Dan huwa element li ttieħed inkunsiderazzjoni espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tal-validità tal-programm OMT (32). Issa, b’mod partikolari mill-minuti tal-laqgħat ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE jirriżulta li l-PSPP huwa kontinwament evalwat u adattat, b’mod indipendenti, fil-limiti neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat (33).

56.      Fit-tieni lok, il-PSPP huwa biss wieħed mill-erba’ subprogrammi tal-APP. Issa, ix-xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji li huwa jawtorizza huwa sussidjarju fil-konfront tat-tliet programmi l-oħra li jikkonċernaw ix-xiri ta’ bonds privati (34). Il-fatt li l-volum ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali awtorizzat huwa ddeterminat, kull xahar, fuq il-bażi tal-prevedibbiltà tax-xiri fit-tliet subprogrammi l-oħra huwa element li jikkontribwixxi sabiex tiġi evitata ċ-ċertezza ta’ xiri mill-ġdid tal-bonds nazzjonali akkwistati fis-suq primarju.

57.      Fit-tielet lok, in-nuqqas ta’ natura selettiva tal-PSPP jgħin ukoll sabiex jiżgura l-imprevedibbiltà tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni konkreta ta’ dan il-programm. Fil-fatt, bil-kontra tal-OMT, il-PSPP ma jipprevedix l-akkwist tal-obbligi b’mod selettiv iżda b’mod rappreżentattiv tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Konformement mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2015/774, ix-xiri jitqassam bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskema għat-tqassim tas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE prevista fl-Artikolu 29 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE (35).

58.      Fir-raba’ lok, ma jistax ikun hemm ċertezza ta’ xiri mill-ġdid f’moħħ l-operaturi attivi fis-swieq prinċipali peress li l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/774 jissuġġetta x-xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji għal żewġ limiti – wara l-konsolidazzjoni tal-investimenti tal-portafolli kollha tal-banek ċentrali tas-SEBĊ – li jipprevedu, minn naħa, il-ħruġ ta’ titoli u, min-naħa l-oħra, l-emittent. Bħala prinċipju, l-ewwel limitu jawtorizza ż-żamma ta’ bonds sa 33 % minn ħruġ uniku (36); it-tieni wieħed jipprojbixxi ż-żamma mis-SEBĊ ta’ iktar minn 33 % tal-bonds pendenti ta’ emittent wieħed waqt il-perijodu kollu tal-PSPP (37). Apparti mill-fatt li dawn huma limiti massimi u mhux obbligi ta’ xiri ta’ bonds nazzjonali f’dawn il-proporzjonijiet, il-limiti previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/774 għandhom bħala konsegwenza li d-detentur ta’ bonds nazzjonali ma jistax ikollu ċ-ċertezza li s-SEBĊ tista’ terġa’ tixtri l-bonds jew li, bil-kontra, dan ix-xiri mill-ġdid ikun impossibbli minħabba l-fatt li jintlaħaq wieħed minn dawn il-limiti ċċitati iktar ’il fuq. Il-kontroll ta’ kuljum ta’ dawn il-limiti mill-kumitat tal-ġestjoni tar-riskji tas-SEBĊ huwa ta’ natura li jiżgura l-effettività ta’ din il-garanzija (38).

59.      Fil-ħames lok, l-eżistenza ta’ terminu minimu bejn il-ħruġ ta’ titolu fis-suq primarju u x-xiri mill-ġdid tiegħu fis-swieq sekondarji tgħin ukoll sabiex il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ bonds nazzjonali ma jinbidlux miċ-ċertezza li dawn il-bonds jinxtraw mill-ġdid mis-SEBĊ wara li jinħarġu (39). Dan it-terminu huwa neċessarju sabiex tiġi permessa l-formazzjoni ta’ prezz tas-suq. Issa, tali perijodu ta’ black out huwa espliċitament previst fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2015/774 u ppreċiżat fl-Artikolu 15 tal-Linji gwida tal-PSPP.

60.      In-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża dwar dan il-perijodu huwa kundizzjoni sine qua non tal-effettività tiegħu. L-iżvelar tat-tul tal-perijodu ta’ black out jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-prevedibbiltà tax-xiri u l-formazzjoni tal-prezzijiet. Sa fejn il-konformità tat-tranżazzjonijiet bil-prezz tas-suq hija kkontrollata mill-kumitat ta’ ġestjoni tar-riskji tas-SEBĊ (40), l-informazzjoni li tipprovdi li t-terminu minimu bejn il-ħruġ ta’ bonds nazzjonali fuq is-suq primarju u x-xiri tagħhom fuq is-swieq sekondarji huwa kkalkolat fi ġranet pjuttost milli f’ġimgħat jidhirli li hija suffiċjenti sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-konformità tad-Deċiżjoni 2015/774 mal-Artikolu 123 TFUE (41). Minn naħa, il-kumitat ta’ ġestjoni tar-riskji tas-SEBĊ jinsab f’pożizzjoni aħjar minn qorti f’termini tal-kompetenzi u tal-perizja neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq u, konsegwentement, dwar l-adegwatezza tal-perijodu ta’ black out intiż sabiex jiżgura tali formazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li l-iżvelar b’mod preċiż tal-perijodu ta’ black out, anki a posteriori, iwassal għal attentati min-naħa tal-operaturi attivi fis-swieq sabiex jevitaw il-formazzjoni ta’ prezz tas-suq.

61.      Fis-sitt lok, l-ekwilibriju bejn it-tip ta’ informazzjoni kkomunikata u l-grad ta’ preċiżjoni tal-elementi żvelati jippermetti li tiġi żgurata l-effettività tal-PSPP filwaqt li jostakola lill-operaturi attivi fuq is-swieq primarji milli jkollhom iċ-ċertezza ta’ xiri mill-ġdid ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji.

62.      Il-modalitajiet prinċipali tal-PSPP, bħall-volum ta’ xiri ta’ kull xahar, it-tul previżjonali tal-APP jew ukoll il-kriterju ta’ allokazzjoni ta’ xiri tal-bonds nazzjonali bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro jew it-tqassim tar-riskji potenzjali, kienu ġew ikkomunikati sa mit-22 ta’ Jannar 2015 mill-President tal-BĊE (42). Din id-dikjarazzjoni tgħin l-effettività tal-APP peress li hija intiża sabiex issaħħaħ l-effetti mfittxija mix-xiri ta’ bonds tal-qasam privat u pubbliku implimentati minn dan il-programm. Permezz ta’ din il-komunikazzjoni, il-BĊE afferma l-impenn tiegħu sabiex jirreżisti t-tendenzi deflazzjonarji billi spjega b’mod kredibbli l-azzjoni li ttieħdet għal dan il-għan. Dan huwa mezz li permezz tiegħu l-BĊE jikkomunika lill-ekonomija reali r-rilassament tal-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji maħluqa mill-PSPP. Dan huwa dak li jissejjaħ fl-ekonomija bħala “mezz ta’ sinjalazzjoni”. Jippermetti li jiġu msaħħa effettivament l-effetti mfittxija minn programm ta’ rilassament kwantitattiv (43).

63.      Madankollu, hekk kif innota l-BĊE fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din il-komunikazzjoni topera biss fuq livell makroekonomiku. L-informazzjoni mogħtija ma tippermettix lill-operaturi li jistgħu jakkwistaw bonds nazzjonali fuq is-suq primarju li jkollhom iċ-ċertezza li s-SEBĊ ser tipproċedi għax-xiri mill-ġdid ta’ dawn il-bonds f’terminu u taħt kundizzjonijiet li jippermettulhom jaġixxu, de facto, bħala intermedjarji tas-SEBĊ għall-akkwist dirett tal-imsemmija bonds mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat. Waqt is-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018, id-direttur tas-servizz legali tad-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja) ikkonferma li għalkemm kien hemm ċerta prevedibbiltà minħabba l-avviżi tal-BĊE – partikolarment minħabba l-fatt li terz tal-bonds nazzjonali jistgħu jiġu akkwistati fil-kuntest tal-PSPP – dan ma jgħoddx fuq livell mikroekonomiku.

64.      Fil-fatt, il-modalitajiet tal-PSPP ikkomunikati mill-BĊE jibqgħu ta’ natura ġenerali. L-ammont ta’ akkwisti ta’ kull xahar mill-programm APP huwa element ta’ informazzjoni indikattiv li ma huwiex iddettaljat iktar, la fir-rigward tad-data tax-xiri u lanqas fir-rigward tal-maturità. Barra minn hekk, il-grad tal-użu tal-limiti ta’ xiri, fil-konfront tal-ħruġ u tal-emittent lanqas ma huwa ppubblikat. Fl-aħħar, għalkemm il-portafoll tal-bonds tal-PSPP jiġi ppubblikat kull ġimgħa, dan isir biss b’mod aggregat (44), filwaqt li l-maturità reżidwa tiġi ppubblikat kull xahar, skont ir-residenza tal-emittent, fuq bażi medja ppeżata (45). Kif ġie spjegat fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018 mill-BĊE, l-informazzjoni kkomunikata fuq is-sit internet tal-BĊE għandha tkun suffiċjenti sabiex l-operaturi attivi fis-swieq ikunu jafu bit-titoli għad-dispożizzjoni tas-SEBĊ, iżda mhux il-prattika konkreta tax-xiri.

65.      Dawn il-garanziji differenti jidhruli adattati sabiex jevitaw li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ bonds nazzjonali jinbidlu miċ-ċertezza li l-bonds jinxtraw mill-ġdid mis-SEBĊ wara l-ħruġ tagħhom. Għaldaqstant dawn jippermettu li jiġi eskluż li l-implimentazzjoni ta’ programm bħalma huwa l-PSPP ikollha, prattikament, effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett tal-bonds nazzjonali mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istati Membri.

2)      Fuq in-nuqqas ta’ riperkussjonijiet fuq iż-żamma tal-bonds sal-maturità tagħhom u fuq ix-xiri tal-bonds b’rendiment negattiv (id-domanda preliminari 1(c) u 1(d))

66.      Fl-iżvilupp tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-riperkussjonijiet li jistgħu jkollhom fuq il-legalità tal-PSPP fir-rigward tal-Artikolu 123(1) TFUE, minn naħa, iż-żamma tat-totalità tal-bonds mixtrija sal-maturità tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-akkwist ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b’rendiment negattiv sal-maturità. Ma nikkunsidrax li dawn l-elementi jistgħu jrendu invalida d-Deċiżjoni 2015/774.

i)      Fuq iż-żamma tal-bonds sal-maturità tagħhom

67.      F’dak li jikkonċerna ż-żamma tal-bonds sal-maturità tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), li l-possibbiltà li l-bonds akkwistati jinżammu sal-maturità tagħhom ma għandhiex rwol determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-validità tal-OMT “peress li din il-possibbiltà [kienet] suġġetta għan-neċessità ta’ tali azzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u li hija ma [ppermettietx], fi kwalunkwe każ, lill-operaturi involuti li jkollhom iċ-ċertezza li s-SEBĊ ser tuża din il-possibbiltà” (46). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE bl-ebda mod ma jeskludi lil din il-prattika, li ma timplika ebda rinunzja għall-ħlas, mill-Istat Membru emittenti, tad-dejn tiegħu ladarba jiskadi t-terminu tal-bond (47).

68.      Nikkonstata li l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jipprevedi espliċitament il-possibbiltà li jinxtraw u jinbiegħu fil-maturità titoli negozjabbli fis-swieq finanzjarji mingħajr ma tiġi imposta l-ebda riżerva fuq din il-possibbiltà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ riperkussjonijiet taż-żamma ta’ bond sal-maturità tiegħu fuq il-legalità ta’ programm bħal PSPP ma jidhirlix li huwa suġġett għan-natura eċċezzjonali tat-tranżazzjoni. Bil-kontra, huwa meħtieġ li din iż-żamma tissodisfa l-għan tal-programm inkwistjoni.

69.      Dan jidhirli li huwa l-każ fil-kawża preżenti. Qabel kollox, nikkonstata li l-Linji gwida PSPP jikkonfermaw li s-SEBĊ tista’ tbigħ it-titoli akkwistati fil-kuntest ta’ dan il-programm fi kwalunkwe mument minħabba raġunijiet ta’ politika monetarja (48). Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2015/774 jawtorizza l-akkwist ta’ titoli li għandhom maturità reżidwa minn sena sa 30 sena u 364 ġurnata. Permezz ta’ tali flessibbiltà fl-allokazzjoni tat-titoli, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ikunu ċerti li s-SEBĊ ser iżżomm l-obbligi kollha sal-maturità tagħhom.

70.      Qabel kollox, jidhirli li ż-żamma tat-titoli mixtrija sal-maturità tagħhom tista’ tissodisfa l-għan tal-PSPP. Fil-fatt, il-PSPP jipprevedi ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. B’mod iktar preċiż, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/774 iżżid li, “[b]is-saħħa tal-effett tiegħu ta’ riekwilibriju tal-portafoll, il-volum imdaqqas ta’ xiri tal-PSPP se jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-politika monetarja sottostanti li jwassal lill-intermedjarji finanzjarji biex iżidu l-provvista tagħhom ta’ likwidità lis-suq interbankarju u kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro”.

71.      Fid-dawl ta’ dan l-għan partikolari, naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż fis-sens li jidher plawżibbli li l-assi akkwistati ma jiġux mibjugħa mill-ġdid ħlief meta l-effett tax-xiri fuq il-politika monetarja ma jiġix kompromess (49). Issa, tali effett jeħtieġ żieda suffiċjenti fil-likwidità fis-suq sabiex iwassal għal bilanċ mill-ġdid tal-portafoll u, bħala konsegwenza, in-nuqqas ta’ bejgħ mill-ġdid prematur tat-titoli akkwistati. Iż-żamma tal-bonds nazzjonali, jew tal-maġġoranza tagħhom, sal-maturità tagħhom, jidhirli li hija għaldaqstant konformi mal-għan segwit mill-PSPP.

ii)    Fuq ix-xiri ta’ bonds b’rendiment negattiv

72.      L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 2015/774 jawtorizza x-xiri ta’ dejn negozjabbli nominali b’rendiment fil-maturità negattiv ogħla minn jew daqs ir-rata ta’ interessi tal-faċilità ta’ depożitu. Din il-possibbiltà ma tidhirlix li twassal sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju li tirriżulta mill-Artikolu 123(1) TFUE.

73.      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-operazzjonijiet fis-suq miftuħ li l-BĊE huwa meħtieġ iwettaq jinvolvu inevitabbilment riskju ta’ telf għalih, u dan indipendentement mir-rendiment imħabbar (50). Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna il-PSPP, il-BCE indika espliċitament li l-prijorità għandha tingħata lix-xiri ta’ titoli li għandhom rata ta’ rendiment pożittiva (51).

74.      Sussegwentement, peress li l-bonds ta’ ċerti Stati Membri fiż-żona tal-euro jinħarġu b’rata negattiva minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq, il-projbizzjoni tax-xiri tat-titoli tagħhom tmur kontra l-prinċipju ta’ suq miftuħ li għandu jirregola l-azzjoni tas-SEBĊ fis-swieq finanzjarji abbażi tal-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE (52). Kif jenfasizzaw il-BĊE u l-Kummissjoni, l-esklużjoni ta’ xiri ta’ bonds ta’ rendiment negattiv tal-PSPP tkun kuntrarja għall-prinċipju tan-newtralità tas-suq, li huwa parti mill-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera li jikkundizzjona l-azzjoni tas-SEBĊ abbażi tal-Artikolu 127(1) TFUE (53).

75.      Fl-aħħar, kif innota b’mod rilevanti ħafna l-Gvern Ġermaniż, ir-rinunzja tax-xiri ta’ bonds nazzjonali maħruġa b’rata negattiva tikkontradixxi element essenzjali tal-PSPP li jipprevedi l-akkwist ta’ obbligi nazzjonali tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, li jiżgura s-segwitu tal-għan tal-politika monetarja.

76.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-xiri ta’ bonds nazzjonali b’rendiment negattiva ma jidhirlix kuntrarju għall-Artikolu 123(1) TFUE.

3)      Fuq in-nuqqas ta’ riperkussjonijiet tal-allegata identifikazzjoni tat-titoli li ser jinxtraw fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2015/774 (il-punt (a) tal-ewwel d-domanda preliminari u t-tieni domanda preliminari)

77.      Skont il-qorti tar-rinviju, ikkunsidrati flimkien, il-volum globali stabbilit mill-APP, it-tqassim skont il-kriterju ta’ allokazzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE u l-parti kostanti okkupata mix-xiri tal-bonds nazzjonali fl-APP, jippermettu li jiġi ddeterminat minn qabel il-volum ta’ xiri ta’ kull xahar tal-bonds maħruġa mis-settur pubbliku ta’ Stat Membru partikolari. F’dan il-kuntest, l-iskarsezza tal-bonds nazzjonali li jistgħu jinxtraw, fir-rigward tar-relazzjoni mill-qrib tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jirrigwardaw il-maturità reżidwa u r-rendiment, kif ukoll ir-regola li tillimita l-akkwisti tas-SEBĊ għal 33 % tal-volum ta’ ħruġ, jippermettu lill-operaturi sabiex fil-fatt ikollhom ċertezza fir-rigward tat-titoli konkreti li ser jinxtraw fil-kuntest tal-PSPP.

78.      Din il-possibbiltà ta’ ċertezza, li ma hijiex ġuridika iżda fattwali, ibbażata fuq il-modalitajiet stabbiliti mill-BĊE flimkien mal-prattika tax-xiri ta’ titoli osservata mid-dħul fis-seħħ tal-PSPP ma jidhirlix li hija ta’ natura li tinvalida d-Deċiżjoni 2015/774.

79.      Qabel kollox, għalkemm hemm ċertezza fuq ix-xiri tal-bonds nazzjonali, dawn ikunu ta’ natura makroekonomika u mhux mikroekonomika (54). Barra minn hekk, l-analiżi li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-inqas mhux suffiċjentement, il-fatt li parti mix-xiri mwettaq abbażi tal-PSPP jikkonċerna l-bonds li ma nħarġux mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri (55).

80.      Sussegwentement, din l-allegata ċertezza ma tkunx possibbli ħlief minħabba l-iskarsezza tat-titoli disponibbli. Issa, jekk jitqies li din l-iskarsezza ssir realtà (56) u jekk jintwera li dan jippermetti li jiġi dedott, b’ċertezza, ix-xiri tal-bonds nazzjonali speċifiċi, dawn il-konstatazzjonijiet iwasslu sabiex tiġi evalwata l-effettività tal-garanziji previsti mid-Deċiżjoni 2015/774 fuq il-bażi ta’ elementi sussegwenti għall-adozzjoni tagħha. Issa, kif diġà fakkart waqt l-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fih ġie adottat, u ma tistax, b’mod partikolari, dipendenti minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-grad ta’ effettività ta’ dan l-att (57).

81.      Peress li l-effetti ta’ miżura ma jistgħux jiġu previsti b’eżattezza fil-mument tal-adozzjoni tagħha, l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti ma tistax tiġi ċċensurata ħlief meta tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (58). Fil-kawża preżenti, id-Deċiżjoni 2015/774 ma jidhirlix li hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni “manifestament żbaljata”. Bil-kontra, ma huwiex ikkontestat li, kif jindika l-preambolu tad-Deċiżjoni 2015/774, din ġiet adottata “[f’]ambjent fejn ir-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE [kienu] fl-iktar livelli baxxi, u programmi ta’ xiri li jiffukaw fuq assi tas-settur privat [tqiesu] li pprovdew spazju konsiderevoli, imma insuffiċjenti, biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ tnaqqis fil-valur kurrenti għall-istabbiltà tal-prezzijiet” (59). F’dawn iċ-ċirkustanzi, seta’ leġittimament ikun hemm “bżonn li jiżdied il-PSPP mal-miżuri tal-politika monetarja tal-Eurosistema, bħala strument li huwa kkaratterizzat minn potenzjal għoli ta’ trażmissjoni lill-ekonomija reali” (60). Il-garanziji li huwa mdawwar bihom il-PSPP isaħħu l-konvinzjoni tiegħi ta’ evalwazzjoni meqjusa u fil-fond min-naħa tal-BĊE fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/774.

82.      Ċertament, napprezza l-ipoteżi reċentement sostnuta mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Confédération paysanne et (C-528/16, EU:C:2018:20) li tipprovdi li kull evoluzzjoni ma hijiex mingħajr rilevanza sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni (61). Għaldaqstant, jeżisti dover li tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni li tista’, “f’każijiet estremi ta’ nuqqas ta’ rispons tekniku jew soċjali”, twassal għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (62).

83.      Madankollu, ma ninsabux f’din is-sitwazzjoni peress li d-Deċiżjoni 2015/774 kienet is-suġġett ta’ diversi emendi suċċessivi li, possibbilment, irrilassaw ir-regoli ta’ xiri previsti inizjalment iżda li, ukoll, għenu sabiex imantnu l-effettività tal-garanziji neċessarji għall-validità tagħha. Naħseb, b’mod partikolari, fiż-żieda tal-limitu ta’ żamma ta’ titoli ta’ kull ħruġ (63) jew fl-inklużjoni tal-bonds tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fil-lista ta’ assi eliġibbli (64). Dawn il-miżuri huma, teoretikament, ta’ natura li jostakolaw, jew, mill-inqas, li jnaqqsu l-iskarsezza tal-bonds disponibbli. Barra minn hekk, din kienet ir-raġuni mressqa espliċitament insostenn tat-tieni emenda ċċitata. Fil-fatt, skont il-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 2015, “[ġ]ie stmat li [l-inklużjoni tal-bonds tal-amminisstrazzjonijiet lokali u reġjonali fil-lista ta’ assi eliġibbli] tikkontribwixxi sabiex tiġi evitata kull problema li tista’ tirriżulta fid-disponibbiltà tat-titoli” (65).

b)      Fuq l-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija

84.      F’din il-fażi tal-analiżi tiegħi, fl-opinjoni tiegħi, ix-xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji awtorizzat mill-PSPP ma għandux effett ekwivalenti għal dak ta’ akkwist dirett ta’ dan it-tip ta’ bonds mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istati Membri. Madankollu, sabiex il-PSPP ma jkunx kuntrarju għall-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju stabbilita fl-Artikolu 123(1) TFUE, il-garanziji marbuta miegħu għandhom jillimitaw ukoll l-effetti tiegħu fuq l-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija.

85.      Apparti mill-fatt li l-effetti ta’ programm bħalma huwa l-PSPP fuq l-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija huma diġà llimitati mill-possibbiltà għas-SEBĊ li terġa’ tbigħ il-bonds akkwistati fi kwalunkwe mument(66) jew li tiddeċiedi li ttemm il-programm, tliet karatteristiċi ta’ dan il-programm jidhruli li huma essenzjali.

86.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 3(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/774 jimponi li l-emittent jew il-garanti tat-titoli ta’ dejn negozjabbli, fil-kuntest tal-PSPP, għandu jkollu evalwazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-inqas tal-Livell 3 ta’ Kwalità ta’ Kreditu fl-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema. Fin-nuqqas ta’ dan, l-Artikolu 3(2)(d) tad-Deċiżjoni 2015/774 jippreċiża li t-titoli ta’ dejn negozjabbli għandhom ikunu eliġibbli biss jekk jinħarġu jew ikunu ggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta’ assistenza finanzjarja u jekk fir-rigward tagħhom l-applikazzjoni tal-limitu tal-kwalità ta’ kreditu ġie sospiż mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE konformement mal-Artikolu 9 tal-Linja Gwida tal-BĊE BĊE/2014/31 tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (67).

87.      Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi garanzija importanti fir-rigward tal-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija. Fil-fatt, jekk emittent ta’ bonds nazzjonali ma jibqax imexxi politika baġitarja għaqlija, il-bonds maħruġa jirriskjaw li jitilfu din il-klassifikazzjoni ta’ kwalità ta’ kreditu. Issa, dan it-telf iwassal awtomatikament għat-tmiem tax-xiri ta’ dawn il-bonds (68).

88.      Fit-tieni lok, ix-xiri bejn l-emittenti pubbliċi tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro huwa mqassam skont kriterju oġġettiv u indipendenti mis-sitwazzjoni ekonomika jew mill-politika baġitarja tagħhom, jiġifieri l-kriterju ta’ tqassim tal-kapital tal-BĊE. Bħala konsegwenza, il-PSPP ma jistax jiġi interpretat bħala mekkaniżmu li jista’ jgħin lill-Istati li qegħdin f’diffikultà ta’ finanzjament. Il-limitu globali għal kull emittent impost fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/774 ikompli jsaħħaħ din il-garanzija billi jġiegħel lill-Istati Membri taż-żona tal-euro sabiex jiddependu fuq id-domanda, għall-maġġoranza tal-bonds li joħorġu, min-naħa tal-investituri privati.

89.      Fit-tielet lok, il-limitazzjoni tat-tqassim tar-riskji għax-xiri mwettaq mill-BĊE stess u għax-xiri ta’ bonds ta’ korpi internazzjonali, jiġifieri 20 % tal-PSPP, tikkontribwixxi wkoll għall-preżervazzjoni tal-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija. Fil-fatt, kif jinnota d-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja) fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għal 80 % tax-xiri mwettaq abbażi tal-PSPP, ikunu l-persuni taxxabbli lokali jew il-kredituri l-oħra ta’ dejn pubbliku li jkollhom isostnu t-telf eventwali u l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-bank ċentrali inkwistjoni. Issa, dan huwa “parametru ewlieni” tal-PSPP (69).

90.      Ċertament, dan it-tqassim tar-riskji ma jidhirx espliċitament fid-Deċiżjoni 2015/774. Madankollu, huwa msemmi espliċitament fid-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015 kif ukoll fl-istqarrijiet għall-istampa tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015 u tal-10 ta’ Marzu 2016. Barra minn hekk, skont il-BĊE, it-tqassim bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema tat-telf li jista’ jirriżulta mill-akkwist ta’ bonds ta’ korpi internazzjonali u ta’ banek ta’ żvilupp multilaterali li s-sede tagħhom hija stabbilita fiż-żona tal-Euro, huwa rifless fid-deċiżjoni mhux ippubblikata tal-BĊE tad-19 ta’ Novembru 2015 li tikkonċerna t-tqassim tat-telf li jirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ politika monetarja (verżjoni rriveduta) (BĊE/2015/NP29), ibbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(4) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. It-tqassim tat-telf tal-BĊE li jista’ jirriżulta mill-akkwist ta’ bonds tal-Istati Membri taż-żona tal-euro jiġi ttrattat, min-naħa tiegħu, skont l-Artikolu 33(2) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. B’hekk, it-telf possibbli jnaqqas il-bilanċ favorevoli annwali li l-BĊE jista’ jħallas lill-banek ċentrali tal-Eurosistema jew jirriżulta f’trasferiment ta’ telf.

91.      Dawn il-karatteristiċi differenti jidhruli suffiċjenti sabiex jipprevjenu li programm bħalma huwa l-PSPP iwassal sabiex jitnaqqas l-inkoraġġiment tal-Istati Membri li jmexxu politika baġitarja għaqlija. Jista’ barra minn hekk jiġi kkonstatat li, peress li l-Kunsill kien iddeċieda, fit-22 ta’ Ġunju 2018, li jagħlaq il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fir-rigward ta’ Franza (70), fadal biss Stat Membru wieħed taħt proċedura għal deficit eċċessiv, filwaqt li fl-2011 kien hemm erbgħa u għoxrin (71). Din is-sitwazzjoni oġġettiva turi s-segwiment ta’ politika baġitarja għaqlija mill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

3.      Konklużjoni fuq l-ewwel u t-tieni domanda

92.      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta, minn naħa, li l-PSPP ma jagħtix lill-intervent tas-SEBĊ effett ekwivalenti għal dak tal-akkwist dirett ta’ bonds nazzjonali mingħand awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li l-PSPP ma huwiex ta’ natura li jnaqqas għall-Istati Membri l-inkoraġġiment li jmexxu politika baġitarja għaqlija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni 2015/774 ma tidhirlix li hija kuntrarja għall-Artikolu 123(1) TFUE.

D.      Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

93.      It-tielet u r-raba’ domandi jirrigwardaw, essenzjalment, ir-rabta tal-PSPP mal-politika monetarja – li tillimita l-mandat tal-BĊE – u l-eżami ta’ proporzjonalità li għandha tiġi suġġetta għalih id-Deċiżjoni 2015/774 sabiex tiġi mistħarrġa l-konformità tagħha mal-Artikolu 119 TFUE u mal-Artikolu 127(1) u (2) TFUE (kif ukoll mal-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-PSPP jistax jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-mandat tal-BĊE fir-rigward tal-volum tiegħu, tat-tul tal-perijodu tal-applikazzjoni tiegħu u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnu.

94.      Skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, is-SEBĊ għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mid-dritt primarju. Għaldaqstant, is-SEBĊ ma tistax tadotta jew timplimenta b’mod validu programm li jmur lil hinn mill-qasam mogħti lill-politika monetarja mid-dritt primarju. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, l-atti tas-SEBĊ huma suġġetti, taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja (72).

95.      Il-parametri neċessarji sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi ġew stabbiliti fis-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756) u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400)

1.      Il-kuntest ta’ analiżi ddefinit fis-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400)

a)      Fuq id-definizzjoni tal-politika monetarja

96.      Għalkemm it-Trattat TFUE ma jiddefinixxix b’mod preċiż il-politika monetarja, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat li dan it-trattat jiddefinixxi l-għanijiet tal-politika monetarja u li huwa possibbli li jiġu identifikati l-mezzi li għandha s-SEBĊ sabiex timplimenta din il-politika (73).

97.      F’dan ir-rigward, għalkemm is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), juru ċerta evoluzzjoni fl-espressjoni tagħhom, ma jidhirlix li din l-evoluzzjoni hija sinjifikattiva. Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattat FUE jagħmel riferiment, fid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-politika monetarja, “għall-għanijiet tagħha pjuttost milli għall-istrumenti tagħha” (74). Issa, din il-ġerarkija tisparixxi fit-tieni sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattat FUE “jiddefinixxi kemm l-għanijiet tal-politika monetarja kif ukoll il-mezzi li għandha s-SEBĊ sabiex timplementa din il-politika” (75). Madankollu, minkejja din id-differenza lessikali, meta jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-politika monetarja, huwa żgur li għandu jsir riferiment għall-għanijiet segwiti u għall-mezzi implimentati (76).

98.      Huwa importanti wkoll li jitfakkar li miżura ta’ politika monetarja ma tistax tixxebbah ma’ miżura ta’ politika ekonomika minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro (77). Fil-fatt, effetti indiretti possibbli ma jistgħux jimplikaw li programm tal-BĊE għandu jiġi mqabbel neċessarjament ma’ miżura ta’ politika ekonomika peress li jirriżulta mit-Trattat stess, b’mod partikolari mill-Artikolu 119(2) TFUE u mill-Artikolu 282(2) TFUE, li, bla ħsara għall-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ għandha ssostni lill-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni (78).

b)      Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju marbut miegħu

99.      Għalkemm jidher li programm tal-BĊE jaqa’ taħt il-politika monetarja, mill-Artikolu 119(2) TFUE u mill-Artikolu 127(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(4) TUE, jirriżulta li programm ta’ akkwist ta’ bonds bħalma huwa l-PSPP jista’ jiġi adottat u implimentat b’mod validu biss jekk il-miżuri inklużi fih ikunu proporzjonati mal-għanijiet ta’ din il-politika (79). Dan ifisser konkretament li l-PSPP, bħal kull att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, għandu jkun adattat sabiex jilħaq l-għanijiet leġittimi li jsegwi, għandu jkun neċessarju, u ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu.

100. Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġurisdizzjonali tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-istess riżerva bħal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet imponiet fir-rigward tal-OMT fil-punt 68 tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), hija imposta fil-konfront tal-PSPP. Fil-fatt, meta tfassal u timplimenta programm ta’ operazzjonijiet ta’ suq miftuħ bħalma huwa l-PSPP, is-SEBĊ hija meħtieġa wkoll li tagħmel għażliet ta’ natura teknika u li twettaq previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi. F’dan il-kuntest, hemm għaldaqstant lok li setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiġi rrikonoxxuta lilha.

101. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’dawn il-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jieħu importanza fundamentali u li, fost dawn il-garanziji, hemm “l-obbligu tas-SEBĊ li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħha” (80).

2.      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-PSPP

a)      Fuq l-osservanza tal-mandat tal-BĊE

1)      Fuq l-għan u l-istrumenti li jintużaw mill-PSPP

102. Skont il-kliem tal-Artikolu 119(2) TFUE u tal-Artikolu 127(1) TFUE, l-għan prinċipali tas-SEBĊ huwa li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Issa, l-għan tal-PSPP – u b’mod iktar ġenerali tal-APP li tiegħu huwa wieħed mill-erba’ subprogrammi – huwa li jikkontribwixxi għal din l-istabbiltà tal-prezzijiet billi jiġġieled kontra t-tnaqqis fl-inflazzjoni li ilu osservat mill-2013 u li aggrava ħafna fl-2014.

103. Dan l-għan huwa espliċitament previst fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/774. F’din il-premessa, il-BĊE jikkonstata li “[il-PSPP] ttaffi iżjed il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-unitajiet domestiċi, biex b’hekk jiġu appoġġati l-konsum aggregat u l-infiq fl-investiment fiż-żona tal-euro biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata kontribut għar-ritorn lejn rati ta’ inflazzjoni inqas minn imma qrib it-2 % matul perijodu ta’ żmien medju”, u li “[f’]ambjent fejn ir-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE qegħdin fl-iktar livelli baxxi”. Dan l-għan iggwida wkoll kull waħda mill-adattamenti tal-PSPP (81).

104. Fid-dikjarazzjoni introduttorja tiegħu tat-22 ta’ Jannar 2015, il-President tal-BĊE kkonferma barra minn hekk li x-xiri mwettaq abbażi tal-APP kien ser jitwettaq sakemm il-Kunsill Governattiv josserva “aġġustament sostnut fit-traġettorja tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta’ inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta’ żmien medju”. Peress li dan l-għan kien ser jintlaħaq, il-BĊE ppreveda barra minn hekk, waqt laqgħa tal-Kunsill Governattiv, tal-14 ta’ Ġunju 2018, li r-ritmu ta’ kull xahar ta’ xiri nett tal-assi mwettaq fil-kuntest tal-APP kien ser jitnaqqas, bħala prinċipju, għal EUR 15 il-biljun fix-xahar ta’ Ottubru 2018, sat-tmiem tax-xahar ta’ Diċembru 2018, id-data li fiha x-xiri nett kellu jintemm (82).

105. Ir-relazzjonijiet tal-PSPP mal-istabbiltà tal-prezzijiet u, bħala konsegwenza, mal-mandat ta’ politika monetarja tal-BĊE jidhru għaldaqstant inkontestabbli, bħall-ħtieġa għal reazzjoni fil-konfront tar-riskji ta’ deflazzjoni oġġettivament ikkonstatati waqt l-adozzjoni tal-PSPP (83). Barra minn hekk, hekk kif enfasizzaw b’mod partikolari l-Gvern Taljan u l-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-għan tal-politika monetarja tal-programm huwa sostnut min-nuqqas ta’ selettività tal-PSPP (84).

106. Il-mezzi li jintużaw huma wkoll strumenti ta’ politika monetarja peress li jikkonċernaw, konformement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/774, l-awtorizzazzjoni ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn tas-settur pubbliku fis-swieq sekondarji. Issa, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 54 tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), “mill-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li jinsab taħt il-Kapitolu IV tiegħu, jirriżulta ċarament li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u jitwettqu l-kompiti tagħha, kif jirriżultaw mid-dritt primarju, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu, bħala prinċipju, jintervjenu fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbigħu fil-mument titoli negozzjabbli f’euro”.

107. Il-qorti tar-rinviju stess tikkunsidra li l-għan tal-PSPP u l-mezzi li jintużaw jikkostitwixxu konkretizzazzjoni, bħala prinċipju legali, tal-missjoni tal-BĊE li tikkostitwixxi fil-garanzija tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-fatt, peress li r-rata ta’ inflazzjoni tiddependi b’mod deċiżiv fuq il-konsum domestiku u l-ekonomija reali, iż-żieda fil-likwidità li jiddisponu minnha l-banek kummerċjali u l-klijenti tagħhom – li jipprevedi l-PSPP – tista’ tiġi kkunsidrata bħala għan intermedjarju adattat fit-triq li twassal għall-azzjoni fuq iż-żieda tal-prezzijiet (85).

2)      Fuq l-effetti indiretti tal-PSPP

108. Il-volum għoli ta’ xiri awtorizzat mid-Deċiżjoni 2015/774 u t-tul tal-PSPP iqajmu madankollu xi dubji għall-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) li tistaqsi, għaldaqstant, fuq ir-riperkussjonijiet li jistgħu jkollhom l-effetti tal-PSPP f’termini ta’ politika ekonomika fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2015/774.

109. Fl-ewwel lok, il-volum tal-PSPP iwassal neċessarjament għal orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika ekonomika. Il-fatt li l-banek jistgħu, minħabba l-PSPP, ibigħu lis-SEBĊ numru sinjifikattiv ħafna ta’ titoli riskjużi li ma setgħux jeħilsu minnhom mingħajr il-PSPP (jew biss billi jġarrbu telf) jirrifletti għan ta’ politika ekonomika minħabba li l-PSPP itejjeb b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ekonomika tal-banek u jżid is-solvenza tagħhom. Fit-tieni lok, il-PSPP itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-Istati Membri li jistgħu jissellfu taħt kundizzjonijiet sinjifikattivament iktar favorevoli fuq is-suq tal-kapital milli kien ikun il-każ fin-nuqqas tal-PSPP. Minħabba l-volum partikolarment kbir tal-PSPP, dan jista’ jwassal sabiex dan il-programm jitqies, fuq livell kwalitattiv, bħala li jaqa’ prinċipalment taħt il-politika ekonomika.

i)      Riflessjonijiet teoretiċi fuq ir-rabta bejn il-politika monetarja u l-politika ekonomika u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

110. Huwa inevitabbli li l-implimentazzjoni tal-PSPP twassal għal konsegwenzi fuq il-politika ekonomika mmexxija mill-Istati Membri, u dan iktar u iktar meta, abbażi tal-Artikolu 119(2) TFUE, tal-Artikolu 127(1) TFUE u tal-Artikolu 282(2) TFUE, l-għan sekondarju tal-BĊE huwa li jsostni l-politiki ekonomiċi tal-Unjoni (86). Huwa għalhekk, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 59), li effetti indiretti ma jistgħux jimplikaw li programm tal-BĊE li jipprova jilħaq għan ta’ politika monetarja u li juża għal dan il-għan strumenti adattati għal din il-politika għandu jixxebbah ma’ miżura ta’ politika ekonomika.

111. Għaldaqstant, id-diffikultà tinsab fid-delimitazzjoni tal-“effetti indiretti” ta’ miżura ta’ politika monetarja. Skont il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), dan il-kunċett ma jistax ikopri konsegwenza ċerta u prevedibbli tal-miżura kkontestata iżda biss l-effetti marbuta ma’ fażijiet intermedjarji oħra tiegħu. Jien ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni.

112. Qabel kollox, nosserva li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx il-kunċett ta’ “effetti indiretti” fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), l-effetti eżaminati fil-kuntest ta’ din il-kawża ma kinux marbut ma’ fażi “intermedjarja” tal-OMT iżda, bil-kontra, ma’ kundizzjoni sine qua non għall-applikabbiltà tiegħu – jiġifieri l-issuġġettar tal-implimentazzjoni tal-programm għall-osservanza totali tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku tal-EFSF jew tal-MES. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, b’din il-kundizzjoni, ma kienx eskluż li l-OMT jista’ jsaħħaħ, “b’mod inċidentali”, l-inkoraġġiment sabiex jiġu osservati dawn il-programmi ta’ aġġustament u jiffavorixxi b’hekk, sa ċertu punt, it-twettiq tal-għanijiet ta’ politika ekonomika li dawn iridu jilħqu. Madankollu, tali effetti, li huwa probabbli ħafna li jseħħu u li jinsabu f’rabta immedjata mal-programm inkwistjoni, ġew ikkunsidrati bħala indiretti (87).

113. Sussegwentement, ħlief billi jiġi żnaturat is-sens tal-aġġettiv li ntuża mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “effett indirett” ma jistax jixxebbah ma’ effett li huwa biss “limitat”, “anċillari” jew ukoll “marġinali”. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tmur kontra l-kliem tat-Trattat TFUE. Fil-fatt, dan jgħaqqad mal-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet is-sostenn tal-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni mingħajr ma jillimita l-portata ta’ tali sostenn. Bil-kontra, l-Artikolu 127(1) TFUE jħeġġeġ lis-SEBĊ sabiex taġixxi f’dan is-sens peress li, filwaqt li huwa miktub bil-preżent indikattiv, jiddikjara li “is-SEBĊ għandha tappoġġa l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-oġġettivi ta’ l-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. L-uniku limitu ta’ dan is-sostenn huwa li ma jippreġudikax l-għan tal-politika monetarja.

114. Fl-aħħar, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod lura milli twettaq stħarriġ tal-opportunità peress li s-SEBĊ għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa “meta telabora u timplementa programm ta’ operazzjonijiet ta’ suq miftuħ” (88), u dan minħabba għażliet ta’ natura teknika li hija twettaq kif ukoll minħabba l-previżjonijiet u l-evalwazzjonijiet kumplessi li għandhom jitwettqu.

115. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, jekk ikun ġie kkonstatat li l-għanijiet tal-programm inkwistjoni u l-istrumenti magħżula għall-eżekuzzjoni tiegħu jaqgħu taħt il-politika monetarja, huwa neċessarju, iżda jkun suffiċjenti, li l-korp ġudizzjarju jikkonstata l-eżistenza ta’ garanziji teoretikament suffiċjenti sabiex jiġi ostakolat li dan il-programm ma jsegwix, fir-realtà, l-għan prevalenti tal-politika ekonomika jew ma jippreġudikax l-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

116. Dan jidhirli li jikkorrispondi għar-rwol tal-qorti li, meta jiġi ammess li l-awtur tan-norma jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba elementi fattwali ta’ ordni ekonomika, xjentifika jew teknikament kumplessi ħafna, ikollha tillimita ruħha sabiex teżamina jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter, jew ukoll jekk l-awtur tan-norma ma marx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (89). “F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura [ekonomika,] xjentifika u teknika ma’ dik tal-[istituzzjoni li lilha] t-trattat ta dan il-kompitu” (90).

117. Tali stħarriġ jista’ jidher limitat, u anki formalità. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja – jew qorti oħra – ma tistax tiġi kkritikata meta tipproċedi b’dan il-mod peress li analiżi iktar fil-fond ma tibqax ġuridika iżda, f’dan il-każ, ekonomika, li ma taqax taħt il-kompetenza teknika tal-qorti (91). Issa, il-kwistjoni tal-perizja jkollha neċessarjament tiddaħħal inkunsiderazzjoni f’riflessjoni fuq is-separazzjoni tal-poteri u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ ordni kostituzzjonali (92). Bħall-korpi tal-BĊE, il-qrati msejħa sabiex jistħarrġu l-validità tad-deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni ma humiex eletti. It-tnejn li huma jiksbu l-leġittimità tagħhom mhux biss permezz tal-indipendenza tagħhom – li ma tfissirx impunità – iżda wkoll permezz tal-perizja tagħhom, li tippermetti li jiġu ddeterminati l-limiti tal-mandat tagħhom.

ii)    Fuq il-garanziji tal-PSPP li jillimitaw l-effetti tiegħu fir-rigward tal-politika ekonomika

118. L-ewwel effett tal-PSPP iddenunzjat mill-qorti tar-rinviju peress li jkollu għan ta’ politika ekonomika huwa t-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika tal-banek u ż-żieda fis-solvenza tagħhom minħabba l-bejgħ lis-SEBĊ ta’ volum importanti ta’ titoli riskjużi li ma setgħux jeħilsu minnhom mingħajr il-PSPP (mingħajr ma jġarrbu telf).

119. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ kwalità tal-kreditu imposta fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/774 jikkostitwixxi mhux biss garanzija li tikkontribwixxi għar-rispett tal-inkoraġġiment li titmexxa politika baġitarja għaqlija iżda turi wkoll li l-għan tal-PSPP ma huwiex li jippermetti lill-banek kummerċjali jeħilsu mit-titoli riskjużi li qegħdin fil-pussess tagħhom.

120. It-tieni effett indirett evokat mill-qorti tar-rinviju huwa t-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-Istati Membri li jkunu jistgħu jissellfu taħt kundizzjonijiet notevolment iktar favorevoli fis-suq tal-kapital, li ma kienx ikun il-każ fin-nuqqas tal-programm PSPP. Minħabba l-volum partikolarment importanti tal-PSPP, dan jista’ jwassal sabiex, fuq pjan kwalitattiv, dan il-programm jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ prinċipalment taħt il-politika ekonomika.

121. Kif diġà ddeċidiet b’mod rilevanti l-Qorti tal-Ġustizzja, it-tmexxija tal-politika monetarja tinvolvi, b’mod permanenti, aġir fuq ir-rati tal-interessi u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-banek, u dan neċessarjament għandu konsegwenzi fuq il-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-iżbilanċ pubbliku tal-Istati Membri (93). Madankollu, l-azzjoni tal-BĊE ma tistax tkun ekwivalenti għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stat Membru peress li tali miżura ma taqax, b’mod evidenti, taħt il-politika monetarja (94).

122. F’dan ir-rigward, ċerti garanziji li jilleġittimizzaw lill-PSPP fil-konfront tal-Artikolu 123 TFUE jippermettu wkoll li jiġi żgurat li ma jsegwix, prinċipalment, għan ta’ politika ekonomika. Barra l-issuġġettar tax-xiri ta’ bonds nazzjonali għall-kwalità tal-kreditu (95), tliet garanziji jidhruli li huma essenzjali. Fl-ewwel lok, ix-xiri ta’ bonds nazzjonali abbażi tal-PSPP huwa sussidjarju fil-konfront tal-azzjonijiet awtorizzati mit-tliet programmi l-oħra tal-APP li jikkonċernaw kollha x-xiri ta’ bonds privati (96). Fit-tieni lok, ix-xiri awtorizzat mill-PSPP huwa maqsum bejn l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro skont skema ta’ tqassim li hija iffissata, oġġettiva u indipendenti mis-sitwazzjoni ekonomika individwali ta’ dawn l-Istati. Fit-tielet lok, it-tqassim tar-riskji huwa limitat għal 20 % tax-xiri mwettaq abbażi tal-PSPP. Dawn il-karatteristiċi, li jikkundizzjonaw u jinkwadraw l-implimentazzjoni tal-PSPP, jostakolaw li dan il-programm jixxebbah mal-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stat Membru.

123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirlix għaldaqstant li l-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-għan tal-programm u lanqas fl-għażla tal-istrumenti li għandhom jiġu implimentati. Huwa lanqas ma wettaq użu ħażin ta’ porter (97) u lanqas ma mar manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Madankollu, għalkemm il-PSPP isegwi għan ta’ politika monetarja permezz ta’ strumenti li jaqgħu taħt din l-istess politika, xorta waħda huwa meħtieġ li l-miżuri marbuta miegħu jkunu proporzjonati għall-għan iddikjarat.

b)      Fuq il-proporzjonalità tal-PSPP

124. Mill-Artikolu 119(2) TFUE u mill-Artikolu 127(1) TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 5(4) TUE, jirriżulta li programm ta’ akkwisti ta’ bonds li jaqa’ taħt il-politika monetarja jista’ jiġi adottat u implimentat b’mod validu biss sakemm il-miżuri inklużi fih ikunu proporzjonati mal-għanijiet ta’ din il-politika (98).

125. Kif diġà għidt diversi drabi f’dawn il-konklużjonijiet, is-SEBĊ kellha, madankollu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa peress li kienet meħtieġa, meta fasslet u implimentat programm ta’ operazzjonijiet fis-suq miftuħ bħalma huwa l-PSPP, twettaq għażliet ta’ natura teknika u twettaq previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi (99). F’dan il-kuntest “l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jieħu importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu tas-SEBĊ li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħha” (100).

1)      Fuq in-natura adegwata tal-PSPP sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-SEBĊ u n-neċessità tiegħu

126. Skont il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/774, il-PSPP jirrappreżenta miżura adattata għal mitigazzjoni tar-riskji għall-prospetti dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet, peress li, “tkompli ttaffi iżjed il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ self tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-unitajiet domestiċi, biex b’hekk jiġu appoġġati l-konsum aggregat u l-infiq fl-investiment fiż-żona tal-euro biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata kontribut għar-ritorn lejn rati ta’ inflazzjoni inqas minn imma qrib it-2 % matul perijodu ta’ żmien medju”. Dejjem fl-istess premessa, din il-miżura hija ġġustifikata peress li, “[f’]ambjent fejn ir-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE qegħdin fl-iktar livelli baxxi, u programmi ta’ xiri li jiffukaw fuq assi tas-settur privat qed jitqiesu li pprovdew spazju konsiderevoli, imma insuffiċjenti, biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ tnaqqis fil-valur kurrenti għall-istabbiltà tal-prezzijiet, hemm bżonn li jiżdied il-PSPP mal-miżuri tal-politika monetarja tal-Eurosistema, bħala strument li huwa kkaratterizzat minn potenzjal għoli ta’ trażmissjoni lill-ekonomija reali. Bis-saħħa tal-effett tiegħu ta’ riekwilibriju tal-portafoll, il-volum imdaqqas ta’ xiri tal-PSPP se jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-politika monetarja sottostanti li jwassal lill-intermedjarji finanzjarji biex iżidu l-provvista tagħhom ta’ likwidità lis-suq interbankarju u kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro”.

127. Ir-riskju ta’ deflazzjoni, fil-mument li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 2015/774 ma huwiex ikkontestat (101). Il-kuntest deflazzjonarju li fih jaqa’ l-PSPP huwa, barra minn hekk, deskritt fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2015/774. Fil-fatt, skont il-kliem ta’ din il-premessa, il-BĊE kkonstata li din id-deċiżjoni ttieħdet “fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi li materjalment żiedu r-riskju ta’ tnaqqis fil-valur fil-prospetti matul perijodu ta’ żmien medju fir-rigward ta’ żviluppi fil-prezzijiet, biex b’hekk jitpoġġa f’perikolu li jintlaħaq l-għan primarju tal-BĊE li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Dawn il-fatturi jinkludu anqas stimolu monetarju milli mistenni minn miżuri ta’ politika monetarja adottata, xejra ’l isfel fil-maġġoranza tal-indikaturi tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro attwali u mistennija — kemm miżuri komplessivi (headline) kif ukoll miżuri li jeskludu l-impatt ta’ komponenti volatili, bħall-enerġija u l-ikel — lejn livelli baxxi storiċi, u l-potenzjal miżjud ta’ effetti tat-tieni ċiklu fuq l-iffissar ta’ pagi u prezzijiet ġejjin minn tnaqqis sinjifikanti tal-prezzijiet taż-żejt”.

128. Issa, kif irrikonoxxiet il-qorti tar-rinviju, ir-rata ta’ inflazzjoni tiddependi b’mod deċiżiv mill-konsum domestiku u mill-ekonomija reali. F’dan ir-rigward, iż-żieda fil-likwidità li jiddisponu minnha l-banek kummerċjali u l-klijenti tagħhom tista’ tiġi kkunsidrata bħala għan intermedjarju adattat fit-triq li twassal sabiex tinfluwenza ż-żieda fil-prezzijiet (102).

129. Id-duttrina ekonomika invokata mill-BĊE tidher li tikkonferma li programm ta’ rilassament kwantitattiv huwa adattat sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet minħabba l-impatt sinjifikattiv u persistenti tiegħu fuq l-ekonomika. Fil-fatt, xiri sinjifikattiv ta’ titoli, inklużi bonds tas-settur pubbliku, jikkawża rilassament tal-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji li jippermetti lill-impriżi u lill-familji sabiex jiksbu finanzjament bi prezzijiet iktar vantaġġjużi. Bħala prinċipju, dan ikollu bħala konsegwenza li jistimula l-investimenti u l-konsum, li jikkontribwixxu għar-ritorn tar-rati ta’ inflazzjoni għal livell li huwa anqas, iżda viċin, ta’ 2 %.

130. Bħalma jispjega l-BĊE b’mod konvinċenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-Deċiżjoni 2015/774 hija adattata sabiex tilħaq l-għan tagħha permess tal-mobilizzazzjoni ta’ tliet kanali ta’ influwenza differenti: il-kanal ta’ sinjalazzjoni, il-kanal ta’ tul u l-kanal tat-tqassim mill-ġdid tal-portafoll. L-ewwel nett, il-PSPP jissinjalizza r-rieda tal-BĊE sabiex jirreżisti t-tendenzi tad-deflazzjoni u għalhekk jikkonsolida l-kredibbiltà tal-komunikazzjoni fuq l-evoluzzjoni fil-futur tar-rati ta’ imgħax ewlenin. It-tieni nett, il-PSPP għandu bħala effett li jnaqqas il-primjum ta’ riskju marbut mal-iskadenza meħtieġ mill-atturi fis-suq, li huwa marbut mat-teħid tar-riskju tar-rati ta’ imgħax. Fl-aħħar nett, it-tnaqqis tar-rendiment tal-bonds tas-settur pubbliku minħabba t-tnaqqis tal-offerta jinkoraġġixxi lill-investituri privati sabiex jinfirxu mill-ġdid il-portafoll tagħhom f’oqsma oħra tas-suq, partikolarment permezz tax-xiri ta’ bonds ta’ impriżi, jew, fil-każ tal-banek, permezz ta’ żieda fl-għoti ta’ kreditu domestiku u lill-impriżi privati.

131. Barra minn hekk, il-PSPP kien neċessarju peress li l-BĊE kien diġà eżawrixxa l-mezzi l-oħra ta’ politika monetarja li kienu effettivi wkoll. L-unika kategorija ta’ titoli li kienet adattata sabiex tipprovdi l-volum ta’ xiri neċessarju sabiex jelimina d-diskrepanza ta’ inflazzjoni, minħabba l-volum tas-suq eżistenti tiegħu, kienet dik tal-bonds tas-settur pubbliku.

132. Dawn il-karatteristiċi ta’ miżura ta’ rilassament kwantitattiv u l-kuntest li fih taqa’ d-Deċiżjoni 2015/774 kienu ġew deskritti mill-President tal-BĊE waqt id-dikjarazzjoni introduttorja tiegħu tat-22 ta’ Jannar 2015 u, sussegwentement, fil-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, li fiha ġie deċiż il-PSPP. Issa, għalkemm tali obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq il-BĊE huwa importanti, l-osservanza tiegħu għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (103). Id-dikjarazzjonijiet introduttorji tal-President tal-BĊE u l-minuti tal-laqgħat ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma parti, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, mid-dokumenti li jistgħu jirrappreżentaw lil dan il-“kuntest”.

133. Id-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE hija element ewlieni ta’ motivazzjoni utli. Fil-fatt, dan jispjega b’lingwa ċara u aċċessibbli li “[id-]deċiżjoni ta’ politika ta’ din il-ġurnata tikkonċerna x-xiri ta’ assi supplementarji u ttieħdet sabiex jiġu kkonfrontati żewġ evoluzzjonijiet sfavorevoli. Fl-ewwel lok, id-dinamika tal-inflazzjoni għadha iktar dgħajfa milli mistenni. Għalkemm it-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet taż-żejt f’dawn l-aħħar xhur jibqa’ l-fattur prinċipali li jiddetermina l-inflazzjoni globali attwali, ir-riskji ta’ effetti sekondarji fuq il-formazzjoni tal-pagi u tal-prezzijiet żdiedu u jistgħu jaffettwaw negattivament l-evoluzzjoni fil-prezzijiet fuq medda ta’ żmien medja. Din l-evalwazzjoni hija sostnuta minn iktar tnaqqis fil-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni bbażati fuq is-swieq orizzontali kollha u mill-biċċa l-kbira tal-indikaturi tal-inflazzjoni attwali jew mistennija, li laħqu, jew huma viċin ħafna, tal-agħar livelli storiċi tagħhom. Fl-istess ħin, in-nuqqas qawwi ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fiż-żona tal-euro jippersisti u l-evoluzzjoni tal-flus u tal-kreditu tibqa’ baxxa. Fit-tieni lok, il-miżuri ta’ politika monetarja adottati bejn Ġunju u Settembru 2014 wasslu għal titjib nett tal-prezzijiet fis-swieq finanzjarji, iżda dan ma kienx l-istess għar-riżultati kwantitattivi. Konsegwentement, in-natura akkomodanti tal-politika monetarja ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġieled b’mod adegwat iż-żieda fir-riskji f’perijodu estiż ta’ inflazzjoni dgħajfa. Peress li r-rati ta’ imgħax ewlenin tal-BĊE qegħdin fl-iktar livelli baxxi tagħhom, l-adozzjoni, illum, ta’ miżuri ta’ bilanċ saret neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tagħna ta’ stabbilità fil-prezzijiet”.

134. Il-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015 huma saħansitra iktar kompleti. Huwa b’hekk, b’mod partikolari, li l-perspettivi tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro huma kklassifikati bħala “diffiċli”, iż-żieda annwali tal-indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (IAPK) kienet stabbilita għal -0.2 % f’Diċembru 2014 “minħabba essenzjalment tnaqqis fir-rata annwali ta’ varjazzjoni tal-komponent tal-enerġija iżda wkoll tal-komponent tal-prodotti tal-ikel” (104). Taħt it-titolu “Riflessjonijiet u għażliet possibbli ta’ politika monetarja” tal-punt 1, “Eżami tal-evoluzzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u monetarji u l-għażliet possibli”, titqajjem espliċitament il-kwistjoni ta’ jekk “l-istimolu monetarju diġa mibdi [għadux] adattat sabiex jintlaħqu rati ta’ inflazzjoni inqas minn, iżda viċin ta’ 2 % fuq medda ta’ żmien medja jew jekk programm estiż ta’ xiri ta’ assi jsir neċessarju sabiex jiġi ssodisfat il-mandat tal-istabbilità tal-prezzijiet tal-BĊE”, u dan filwaqt li “ir-riskji makroekonomiċi marbuta ma’ perijodu estiż ħafna ta’ inflazzjoni dgħajfa kibru u r-riskji ta’ effetti sekondarji żdiedu” (105). Huwa kkonstatat ukoll li l-element “kwantitattiv” tal-miżuri meħuda preċedentement mill-Kunsill Governattiv ma ssodisfawx l-aspettattivi inizjali.

135. Huwa f’dan il-kuntest li P. Praet, membru tad-Direttorat tal-BĊE, issuġġerixxa li żewġ għażliet ta’ politika monetarja setgħu jiġu kkunsidrati, jiġifieri ż-żieda immedjata tal-orjentazzjoni monetarja akkomodanti – fejn żewġ varjanti ġew esposti – jiġifieri approċċ fejn wieħed jistenna, peress li ġie ppreċiżat li “li jkun neċessarju li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-riskji li jirriżultaw mid-deċiżjoni li ma tittieħidx azzjoni waqt din il-laqgħa, li jistgħu jkunu iktar importanti mir-riskji marbuta mat-twettiq ta’ miżuri” (106). Il-kwistjoni ta’ tqassim ta’ riskji ġiet esposta wkoll f’din l-okkażjoni, kif ukoll id-diversi formoli possibbli (107). Id-dettalji operazzjonali ta’ programm ta’ xiri ta’ titoli tas-suq pubbliku eventwali ġew, sussegwentement, żviluppati minn B. Coeuré, membru ieħor tad-Direttorat tal-BĊE.

136. Il-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015 juru diskussjoni reali fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet – li ma turix sitwazzjoni ta’ deflazzjoni iżda tippreżenta madankollu riskju ta’ effetti sekondarji li kellu jiġi kkunsidrat serjament ħafna. Huwa fuq dawn il-bażijiet ta’ diskussjoni li ttieħdu d-deċiżjonijiet abbażi tal-politika monetarja. Il-minuti jiddikjaraw espliċitament li “[d]iversi elementi favur iż-żamma ta’ orjentazzjoni ta’ stennija waqt din il-laqgħa tressqu wkoll minn ċerti membri, li ddeċidew li l-evalwazzjoni spejjeż-vantaġġi tal-miżuri proposti ma kinitx favorevoli” (108). Dawn l-elementi huma ddettaljati fil-kumplament tal-minuti, kif ukoll is-soluzzjonijiet alternattivi proposti.

137. Madankollu, “ġie meqjus b’mod ġenerali li, minħabba l-livell attwali tar-rendiment tal-bonds tas-settur privat u d-daqs tas-suq ta’ dawn il-bonds, ix-xiri ta’ dawn it-tipi ta’ titoli kellu potenzjal relattivament dgħajjef li jagħmel iktar flessibbli l-kreditu u konsegwentement kien joffri biss possibbiltà limitata li jipprovdi l-orjentazzjoni akkomodanti neċessarja f’din il-fażi” (109). Għaldaqstant, huwa abbażi ta’ diskussjoni miftuħa u argumentata li “[i]x-xiri ta’ dejn nazzjonali deher bħala l-uniku strument disponibbli li offra livell suffiċjenti sabiex jipprovdi l-istimolu neċessarju għall-osservanza tal-għan tal-BĊE f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet” (110). It-tqassim tar-riskji, il-volum tal-programm u l-karatteristiċi tekniċi tal-PSPP ġew sussegwentement diskussi u deċiżi.

138. Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunament u d-deċiżjonijiet tas-SEBĊ jidhru b’mod ċar u inekwivoku, jew direttament mill-premessi tad-Deċiżjoni 2015/774, iċċarati permezz tad-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015, jew mill-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2015/774 tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni imposti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, peress li l-partijiet interessati jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

139. Barra minn hekk, minn dawn l-elementi ta’ motivazzjoni jirriżulta li s-SEBĊ eżaminat b’kura u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni u li l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni ekonomika ma dehritx, fid-data tat-tħabbir tal-programm u tad-Deċiżjoni 2015/774, ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2)      Fuq il-proporzjonalità stricto sensu tal-PSPP

140. Għalkemm il-PSPP huwa adattat sabiex jilħaq l-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet imfittex minnu, huwa xorta meħtieġ li ma jmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

141. F’dan ir-rigward, il-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni 2015/774 jippreċiżaw, minn naħa, li “[il-]PSPP fih numru ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li x-xiri previst ikun proporzjonat mal-għanijiet tiegħu, u li r-riskji finanzjarji relatati jkunu ġew ikkunsidrati debitament fid-disinn tiegħu u jkunu ġew ikkontenuti permezz tal-ġestjoni tar-riskju” u, min-naħa l-oħra li, “[f’]termini tad-daqs tal-PSPP, tal-ABSPP u tas-CBPP3, il-likwidità li tiġi pprovduta lis-suq mix-xiri ta’ kull xahar ikkombinat se tammonta għal EUR 60 biljun. Ix-xiri huwa intiż li jsir sal-aħħar ta’ Settembru 2016 u, fi kwalunkwe każ, se jsir sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fit-triq tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li jilħaq rati ta’ inflazzjoni inqas minn, imma qrib it-2 % matul perijodu ta’ żmien medju”.

142. Qabel kollox, l-ammont ta’ EUR 60 biljun ma jidhirx li mar lil hinn minn dak li kien neċessarju. Fil-fatt, mill-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015 jirriżulta li programm ta’ volum “ta’ valur ta’ EUR 50 biljun li seħħ bejn Marzu 2015 sat-tmiem tal-2016” kien meqjus “neċessarju sabiex jikkumpensa d-dgħjufija tal-prospetti tal-inflazzjoni flimkien ma’ stimulu monetarju iktar moderat milli kien mistenni”. Madankollu, huwa “[s]abiex jiġi aċċellerat l-impatt [tal-PSPP] li ngħata sostenn kbir favur ċerta antiċipazzjoni billi żdied il-volum ta’ kull xahar tax-xiri għal EUR 60 biljun, minn Marzu 2015 sat-tmiem ta’ Settembru 2016, filwaqt li ma ġiex emendat b’mod sinjifikattiv il-volum globali tax-xiri previst” (111).

143. Sussegwentement, kienu l-evoluzzjonijiet sfavorevoli osservati matul is-snin 2015 u 2016 li ġġustifikaw l-emendi tad-Deċiżjoni 2015/774, partikolarment fir-rigward tat-tul u tal-volum tal-PSPP.

144. Huwa b’hekk, b’mod partikolari, li l-estensjoni tal-PSPP, deċiża fit-3 ta’ Diċembru 2015, ġiet adottata wara diskussjoni argumentata fuq il-bażi ta’ diversi elementi ta’ data li kkonfermaw li l-aġġustament tal-inflazzjoni lejn rata iktar viċin ta’ 2 % kien ser jieħu iktar żmien milli previst fix-xahar ta’ Marzu 2015 (112). Ma huwiex dubjuż li twettaq bilanċ tal-interessi eżistenti. Fil-fatt, il-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 2015 jinnotaw, partikolarment, li “ġie argumentat li r-riskju assoċjat man-nuqqas ta’ azzjoni kien nettament ogħla minn dak tal-azzjoni” iżda wkoll li ċerti membri tal-Kunsill Governattiv “qiesu insuffiċjenti l-provi mressqa fir-rigward ta’ rikalibrazzjoni tal-politika monetarja waqt din il-laqgħa”, jew ukoll li “inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li d-deċiżjoni fuq in-neċessità ta’ azzjoni ma setgħetx tiġi sseparata min-natura tal-istrumenti disponibbli li fadal” u li “l-effettività tal-miżuri ta’ politika monetarja supplementari kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-ispejjeż u tal-effetti sekondarji potenzjali tagħhom”. Huwa b’hekk li, għalkemm il-proposta ta’ estensjoni tal-APP mix-xahar ta’ Settembru 2016 sax-xahar ta’ Marzu 2017 ibbenefikat minn sostenn importanti fejn kien hemm kunsens wiesa’ fuq il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika ma kinitx tiġġustifika għażliet oħra bħal estensjoni itwal tal-programm jew l-estensjoni tal-volum ta’ kull xahar tal-akkwisti (113).

145. Id-deċiżjoni li jiżdied il-volum ta’ xiri ta’ kull xahar abbażi tal-APP sa EUR 80 biljun fit-8 ta’ Diċembru 2016 ittieħdet wara dibattitu simili, u dan wara li deterjorazzjoni ġdida tal-perspettivi ta’ aġġustament sostenibbli tal-inflazzjoni kienet ġiet ikkonstatata minħabba, prinċipalment, degradazzjoni tal-kundizzjonijiet esterni (114). Kif ġie rrelatat – u ddettaljat – fil-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tad-9 u tal-10 ta’ Marzu 2016, “numru ta’ opinjonijiet differenti ġew espressi fir-rigward tal-komponeneti differenti tal-miżuri proposti” (115). Huwa b’hekk, b’mod partikolari, li l-ispejjeż u r-riskji ta’ impenn ikbar fix-xiri tal-assi tas-settur pubbliku ġew evokati minn uħud (116) jew ukoll li l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ eżenzjoni minn rata ta’ imgħax applikabbli għar-riżervi eċċessivi miżmuma mill-banek ma ġietx ikkunsidrata bħala ġġustifikata (117).

146. Id-deċiżjoni li l-APP jiġi estiż sax-xahar ta’ Diċembru 2017 tirrispondi wkoll għal analiżi serja tal-perspettivi tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet. Huwa b’hekk li, mingħajr ma ħeba l-irkupru tal-inflazzjoni, P. Praet ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, waqt ir-rapport tiegħu fuq l-ambjent internazzjonali u l-evoluzzjoni ekonomika u monetarja fiż-żona Euro, għall-fatt li l-inflazzjoni sottostanti kienet għada ma wrietx tendenza ta’ żieda konvinċenti. Huwa fir-rigward tal-parametri kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-BĊE li P. Praet qies li l-estensjoni tal-programm tax-xiri ta’ assi lil hinn mix-xahar ta’ Marzu 2017 kien jidher iġġustifikat, peress li l-progress lejn aġġustament sostenibbli tal-evoluzzjoni tal-inflazzjoni kien għadu mhux suffiċjenti (118). Għaldaqstant ġew proposti żewġ għażliet lill-Kunsill Governattiv: li jitkompla x-xiri bir-ritmu ta’ kull xahar ta’ EUR 80 biljun waqt sitt xhur jew li jiġi estiż il-programm ta’ disa’ xhur b’ritmu ta’ kull xahar ta’ EUR 60 biljun. Kemm P. Praet u kemm B. Cœuré – wara li esponew il-kwistjonijiet li qajmet l-implimentazzjoni taż-żewġ għażliet – esprimew ruħhom favur it-tieni għażla (119).

147. Dawn l-għażliet kienu s-suġġett ta’ dibattitu reali fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Fil-fatt, mill-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2016 jirriżulta li l-argumenti favur perijodu ta’ xiri iqsar jew itwal ġew esposti, fejn membri oħrajn ma sostnew l-ebda waħda mill-għażliet proposti (120). L-estensjoni ta’ xiri fuq perijodu ta’ disa’ xhur b’ritmu ta’ EUR 60 biljun tqieset, fl-aħħar mill-aħħar, li kienet l-għażla li kienet ser “tiżgura l-ekwilibriju ġust bejn il-komunikazzjoni ta’ sinjal ta’ fiduċja u n-neċessità li tiġi ppreżervata l-istabbiltà f’ambjent inċert, filwaqt li jiġi ppreżentat il-benefiċċju tal-flessibbiltà fil-konfront ta’ ċirkustanzi sfavorevoli u filwaqt li tinżamm il-fattibbiltà operazzjonali” (121).

148. L-emendi differenti tal-PSPP, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul u tal-volum, huma għaldaqstant tassew ir-riżultat ta’ bbilanċjar tal-interessi preżenti. F’dan ir-rigward, il-prattika tal-BĊE li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li fihom jittieħdu id-deċiżjonijiet dwar il-PSPP tiżgura motivazzjoni speċifika u suffiċjenti li tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Imħabbra fl-istqarriji għall-istampa tal-BĊE u msemmija fil-premessi tad-deċiżjonijiet tal-BĊE li jemendaw id-Deċiżjoni 2015/774, is-saħħa vinkolanti tal-volumi ta’ kull xahar tax-xiri u t-tul tal-applikazzjoni tal-APP fil-konfront tas-SEBĊ ma jistgħux jiġu kkontestati, jekk xejn minħabba l-prinċipju patere legem quam ipse fecisti. Barra minn hekk, skont il-BĊE l-emendi wasslu għall-emenda tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 3 tal-Linji gwida PSPP sabiex jiġu implimentati l-emendi tal-volum ta’ xiri ta’ kull xahar tal-APP kif ukoll l-estensjonijiet tat-tul tal-applikazzjoni tagħhom.

149. Barra minn hekk, lil hinn mis-suġġettar tal-PSPP għall-għan li jikseb, fuq medda ta’ żmien medja, rata ta’ inflazzjoni inqas minn, iżda viċin ta’ 2 % – li jikkundizzjona t-tul tiegħu kif ukoll il-volum tiegħu – il-portata potenzjali tal-PSPP hija limitata f’diversi aspetti mid-Deċiżjoni 2015/774.

150. Dawn il-limitazzjonijiet jikkorrispondu għal uħud mill-garanziji li jostakolaw li l-operaturi attivi fuq is-swieq tal-bonds nazzjonali jkunu jistgħu jaġixxu, de facto, bħala intermedjarji tas-SEBĊ għall-akkwist dirett ta’ bonds mingħand l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant sejjer sempliċement infakkarhom:

–        fl-ewwel lok, il-PSPP huwa biss wieħed minn erba’ subprogrammi tal-APP u x-xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji li jawtorizza huwa sussidjarju fil-konfront tat-tliet programmi l-oħra li jikkonċernaw ix-xiri tal-bonds privati (122);

–        fit-tieni lok, mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2015/774 jirriżulta li x-xiri awtorizzat huwa mqassam bejn l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro fuq il-bażi ta’ skema ta’ tqassim għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE prevista fl-Artikolu 29 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, u

–        fit-tielet lok, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/774 jissuġġetta x-xiri ta’ bonds nazzjonali fis-swieq sekondarji għal żewġ limiti li jirrigwardaw, minn naħa, il-ħruġ tat-titoli u, min-naħa l-oħra, l-emittent.

151. Għaldaqstant, mill-karatteristiċi tal-PSPP hekk kif ġew stabbiliti mid-Deċiżjoni 2015/774 jidher li s-SEBĊ ibbilanċjat l-interessi differenti preżenti b’mod li tevita li jistgħu jirriżultaw, waqt l-implimentazzjoni tal-programm ikkunsidrat, inkonvenjenti manifestament sproporzjonati fil-konfront tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

152. Il-konklużjoni tiegħi ma hijiex ċaħda tal-kontroversji marbuta mal-effettività tal-PSPP. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza b’mod rilevanti, “fid-dawl tan-natura kontroversjali li għandhom normalment il-kwistjonijiet ta’ politika monetarja u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tas-SEBĊ, ma jistax jintalab ukoll minn din l-użu tal-għarfien ekonomiku tagħha u tal-mezzi tekniċi neċessarji li hija għandha sabiex twettaq l-istess analiżi bid-diliġenza u l-preċiżjoni kollha” (123). Issa, il-minuti tal-laqgħat ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar id-Deċiżjoni 2015/774 juru suffiċjentement din id-diliġenza

3.      Konklużjoni fuq it-tielet u r-raba’ domanda

153. Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-BĊE, meta adotta d-Deċiżjoni 2015/774, ma marx lil hinn mill-mandat tiegħu hekk kif iddefinit fl-Artikolu 119 TFUE u fl-Artikolu 127(1) u (2) TFUE u li l-PSPP ġie deċiż u implimentat b’osservanza tal-prinċipji ta’ attribuzzjoni u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (4) TUE.

VI.    Konklużjoni

154. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-eżami tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/774 tal-4 ta’ Marzu 2015 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/2101 tal-5 ta’ Novembru 2015, bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2016/702 tat-18 ta’ April 2016, bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/2464 tas-16 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2017/100 tal-11 ta’ Jannar 2017, ma identifika l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tagħha.”


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2015, L 121, p. 20.


3      ĠU 2015, L 303, p. 106.


4      ĠU 2016, L 121, p. 24. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tirreferix għaliha fid-domandi tagħha, id-Deċiżjoni 2015/774 ukoll ġiet emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2015/2464 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 344, p. 1), kif ukoll bid-Deċiżjoni (UE) 2017/100 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Jannar 2017 (ĠU 2017, L 16, p. 51).


5      ĠU 2012, C 326, p. 230.


6      Jiġifieri l-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti b’assi (“asset-backed securities purchase programme” jew “ABSPP”) u t-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (“covered bond purchase programme” jew “CBPP 3”). Ir-raba’ subprogramm, il-programm ta’ xiri ta’ titoli mis-suq korporattiv (“corporate sector purchase programme” jew “CSPP”), ġie deċiż fl-10 ta’ Marzu 2016 (ara d-Deċiżjoni tal-BĊE (UE) 2016/948 tal-1 ta’ Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-suq korporattiv (BĊE/2016/16), ĠU 2016, L 157, p. 28).


7      Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/774.


8      Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2015/774.


9      Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/774. Il-limiti ta’ xiri jitilgħu sa’ 50 % għall-bonds ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ banek multilaterali tal-iżvilupp.


10      Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2015/774. Regoli speċjali japplikaw għall-bonds ta’ Stati Membri suġġetti għal programm ta’ assistenza finanzjarja.


11      Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2015/774.


12      Ara d-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015 u l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-istess ġurnata kif ukoll l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar iż-żieda tal-CSPP mal-APP u l-emendi tal-APP.


13      ĠU 2016, L 169, p. 14.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punti 14 u 16).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punt 40), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 29).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union (C-241/01, EU:C:2002:604, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf (C-248/95 u C-249/95, EU:C:1997:377, punt 46). Ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement (C-247/08, EU:C:2009:600, punt 49).


18      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 102).


19      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 66).


20      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, EU:C:1995:463, punt 65), kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 28).


21      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 14). Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 29), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 25).


22      Enfasi miżjuda minni.


23      Il-pożizzjoni tal-BĊE favur tqassim tat-telf bejn il-banek ċentrali nazzjonali limitat għal 12 % tax-xiri mwettaq tħabbret fid-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015 u ġiet ippubblikata fi stqarrija għall-istampa tal-istess ġurnata. Dan it-tqassim ġie wkoll imnaqqas sussegwentement għal 10 % minħabba l-iżvilupp fit-tqassim tax-xiri (ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-10 ta’ Marzu 2016 u l-emenda mwettqa fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2015/774 mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2016/702).


24      Enfasi miżjuda minni.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 95).


26      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 97).


27      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 109).


28      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punti 102 u 115).


29      Ara, f’dan is-sens, Wilsher, D., “Ready to Do Whatever it Takes? The Legal Mandate of the European Central Bank and the Economic Crisis”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, vol. 15, 2012-2013, p. 510 sa 536, speċjalment p. 514.


30      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 96).


31      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 27.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 106).


33      B’hekk, mill-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015 jirriżulta li l-APP “ser jibda f’Marzu 2015 u ser jirrigwarda ix-xiri ta’ kull xahar sa EUR 60 biljun u dan sa tmiem Settembru 2016 u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi aġġustament sostenibbli tal-inflazzjoni li huwa konformi mal-għan tiegħu ta’ taxxa inqas minn, iżda viċin ta’ 2 % (p. 21 tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża; ara wkoll, l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015). Il-minuti li nħarġu sussegwentement jikkonfermaw “[i]r-rieda u [l]-kapaċità li jaġixxi [tal-Kunsill Governattiv], jekk ikun neċessarju, billi juża l-istrumenti disponnibbli kollha fil-kuntest tal-mandat tiegħu, b’mod partikolari l-flessibbiltà tal-programmi ta’ xiri ta’ assi fir-rigward tal-aġġustament tad-dimensjoni, il-kompożizzjoni u d-dewmien tagħhom” (minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Settembru 2015, p. 19 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza; enfasi miżjuda minni). Ara wkoll il-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 2015, speċjalment, p. 18 sa 20 fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza; jew ukoll il-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2016 li fihom nistgħu naqraw li “huwa importanti li jiġi affermat mill-ġdid li minħabba xi inċertezzi attwali, il-Kunsill Governattiv ser ikompli isegwi b’attenzjoni l-evoluzzjoni tal-perspettivi fir-rigward tal-istabbiltà tal-prezzijiet u li, jekk dan ikun neċessarju sabiex jilħaq l-għan tiegħu, ser jaġixxi billi juża l-istrumenti kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest tal-mandat tiegħu” (p. 15 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza).


34      Artikolu 2(2) tal-Linji gwida PSPP.


35      Bla ħsara għall-esklużjoni tal-Greċja minħabba rekwiżiti ta’ kwalità tal-kreditu. Fuq il-bażi ta’ dawn il-garanziji, il-banek ċentrali fl-Eurosistema ma xtrawx bonds Griegi fil-qasam pubbliku fil-kuntest tal-PSPP (ara d-Deċiżjoni 2016/1041). Fuq dawn il-kundizzjonijiet, ara l-punti 86 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Eċċezzjonalment, dan il-limitu huwa limitat għal 25 % (Artikolu 5(1)(b) tad-Deċiżjoni 2015/774). Barra minn hekk, dan jitla’ għal 50 % għall-bonds maħruġa mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-banek multilaterali għall-iżvilupp (Artikolu 5(1)(a) tad-Deċiżjoni 2015/774).


37      Il-limitu għall-emittenti jitla sa 50 % għall-emittenti li huma korpi internazzjonali jew banek multilaterali tal-iżvilupp (Artikolu 5(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/774).


38      Artikolu 4(3) tal-Linji gwida PSPP, moqri flimkien mal-punt 5 tal-anness tagħhom.


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punti 106 u 107).


40      Artikolu 9 tal-Linji gwida PSPP, moqri flimkien mal-punt 6 tal-anness tagħhom.


41      L-informazzjoni ngħatat mill-BĊE fil-kuntest tar-rinviju preliminari (punt 89 tal-osservazzjonijiet tal-BĊE). Barra minn hekk, nosserva li l-BĊE ppreċiża wkoll li t-terminu li kien jiddekorri realment bejn il-ħruġ ta’ bonds fuq is-suq primarju u x-xiri tagħhom fuq is-swieq sekondarji kien ġeneralment itwal minn dak impost mill-perijodu ta’ black out. Din l-estensjoni “ta’ fatt” tal-perijodu ta’ black out iżżid l-inċertezza tal-operaturi fuq il-bejgħ mill-ġdid tal-bonds tal-qasam pubbliku akkwistati fuq is-suq primarju u l-formazzjoni ta’ prezz korrispondenti għal dak tas-suq.


42      Ara d-dikjarazzjoni introduttorja tal-President tal-BĊE tat-22 ta’ Jannar 2015 u l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-istess ġurnata. L-adattamenti għall-PSPP ġew ikkomunikati b’mod regolari wkoll (ara, b’mod partikolari, l-istqarriji għall-istampa tal-BĊE tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar id-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja u dwar il-bidliet imwettqa fl-APP, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2016 dwar id-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja).


43      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, Krishnamurthy A., u Vissing-Jorgensen, A., “The Effects of Quantitative Easing on Interest Rates: Channels and Implications for Policy”, Brookings Papers on Economic Activity, 2011, p. 215 sa 287; Bauer, M. D., u Rudebusch, Gl. D., “The Signaling Channel for Federal Reserve Bond Purchases”, International Journal of Central Banking, 2014, p. 233 sa 289.


44      Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2015/774.


45      Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2015/774.


46      Punt 118 ta’ din is-sentenza.


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 118).


48      Artikolu 12(2) tal-Linji gwida PSPP.


49      Punt 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 125).


51      Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar id-dettalji fuq ix-xiri tal-assi tal-APP b’rendiment ta’ inqas mir-rata tal-faċilità ta’ depożitu.


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 96).


53      Ara wkoll l-Artikolu 119(2) TFUE. Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/774 tagħmel riferiment espliċitu għall-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.


54      Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Skont il-BĊE dan jirrappreżenta wieħed minn tmienja tal-volum tal-bonds fiċ-ċirkulazzjoni fil-kuntest tal-PSPP.


56      L-affermazzjoni ġiet ikkontestata formalment minn diversi Stati Membri bi tweġiba għal mistoqsija mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, id-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja) afferma, fit-tweġibiet bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, għalkemm l-eżistenza ta’ indizji ta’ skarsezza fuq is-suq tal-bonds nazzjonali Ġermaniżi setgħet tiġi kkonstatata fl-2016, il-bonds nazzjonali Ġermaniżi baqgħu madankollu disponibbli fi kwantità suffiċjenti.


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union (C-241/01, EU:C:2002:604, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C-133/93, C-300/93 u C-362/93, EU:C:1994:364, punt 43), u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, EU:C:2001:420, punt 84).


59      Premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/774.


60      Premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/774.


61      Ara l-punti 131 sa 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Coman et (C-673/16, EU:C:2018:2, nota ta’ qiegħ il-paġna 25).


62      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Confédération paysanne et (C-528/16, EU:C:2018:20, punt 140).


63      Ara d-Deċiżjoni 2015/2101.


64      Ara d-Deċiżjoni 2015/2464.


65      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 2015, p. 18 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


66      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-OMT, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 117).


67      ĠU 2014, L 240, p. 28.


68      L-esklużjoni tal-bonds Griegi mill-PSPP tikkonferma l-effettività ta’ din il-garanzija (ara d-Deċiżjoni 2016/1041).


69      Ara, f’dan is-sens, id-dikjarazzjoni ta’ B. Cœuré (minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tad-9 u tal-10 ta’ Marzu 2016, p. 8 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza).


70      Konformement mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Mejju 2018, li titħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/414/CE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fi Franza (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COM (2018) 433 final).


71      Dan l-Istat Membru huwa Spanja.


72      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 41).


73      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756, punt 53), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 42).


74      Enfasi miżjuda minni.


75      Enfasi miżjuda minni.


76      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756, punt 55), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 46).


77      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756, punt 56), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 52).


78      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 59).


79      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 66).


80      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 69).


81      Huwa b’hekk li l-BĊE ppreċiża, fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2015/2464, li “[f]it-3 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b’mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabilità tal-prezzijiet, li jirreċevi wħud mill-karatteristiċi tad-disinn tal-PSPP, sabiex jiġi żgurat aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni lejn livelli li huma taħt, iżda qrib it-2 %”. Ara wkoll il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2016/702, kif ukoll il-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2017/100. Skont deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li ttieħdet fil-1998, l-istabbiltà tal-prezzijiet kienet iddefinita bħala progressjoni fuq sena tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur inqas minn 2 %. Filwaqt li kkonferma din id-definizzjoni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, fit-8 ta’ Mejju 2003, li, fil-kuntest li jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà ta’ prezzijiet, huwa ppreveda li jżomm ir-rata ta’ inflazzjoni għal livelli viċin ta’ 2 % matul perijodu ta’ żmien medju. Billi għamel dan, il-BĊE kellu l-intenzjoni jipprovdi marġni ta’ sigurtà suffiċjenti sabiex jissalvagwardja ruħu kontra r-riskji ta’ deflazzjoni (ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar strateġija ta’ politika monetarja tal-BĊE).


82      Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-14 ta’ Ġunju 2018 dwar id-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja.


83      Ara, f’dan is-sens, Antonin, C., Blot, Chr., Le Bayon, St., Péléraux, H., Rifflart, Chr., et al., “Banques centrales dernier rempart contre la déflation : Perspectives économique 2014-2015 pour l’économie mondiale”, Revue de l’OFCE – Analyse et prévision, 2014, p. 11 sa 51.


84      Fuq ir-rabta bejn il-politika monetarja u l-uniċità tal-applikazzjoni tal-PSPP fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-Euro, ara Adamski, D., “Economic Constitution of the Euro Area After the Gauweiler Preliminary Ruling”, Common Market Law Review, vol. 52, 2015, p. 1451 sa 1490, speċjalment, p. 1488, nota ta’ qiegħ il-paġna 122. Fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sempliċi fatt li l-OMT jillimita ruħu speċifikament għall-bonds nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri ma kienx ta’ natura li jimplika, bħala tali, li l-istrumenti użati mis-SEBĊ ma jaqgħux taħt il-politika monetarja (punt 55). Huwa hekk, a fortiori, meta tali selettività tkun nieqsa.


85      Ara l-punt 117 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


86      Ara, f’dan is-sens, Martucci, Fr., “La Cour de justice face à la politique monétaire en temps de crise de dettes souveraines: l’arrêt Gauweiler entre droit et marché”, Cahiers de droit européen, 2015, p. 493 sa 534, speċjalment p. 513 u 514. L-awtur jitkellem fuq “porożità” bejn, minn naħa, l-oqsma tal-kompetenza fir-rigward tal-politika monetarja u, min-naħa l-oħra, il-qasam tal-politika ekonomika.


87      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punti 56 sa 59).


88      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 68, enfasi miżjuda minni).


89      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-istħarriġ tal-attività tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam ekonomiku, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill (C-128/15, EU:C:2017:3, punt 46) jew, dwar il-qasam xjentifiku, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-5/16, EU:C:2018:483, punt 150).


90      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-5/16, EU:C:2018:483, punt 150). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill (C-301/97, EU:C:2001:621, punt 135), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, EU:C:2010:419, punt 28).


91      Ara, f’dan is-sens, Martucci, Fr., “La Cour de justice face à la politique monétaire en temps de crise de dettes souveraines : l’arrêt Gauweiler entre droit et marché”, Cahiers de droit européen, 2015, p. 493 sa 534, speċjalment p. 509; Classen, Cl. D., “Funktionsadäquate checks and balances statt richterliche Vollkontrolle unter demokratischem Vorwand”, Europarecht, 2015, vol. 4, p. 477 sa 486; Herrmann, Chr., u Dornacher, C., “Grünes Licht vom EuGH für EZB-Staatsanleihenkäufe – ein Lob der Sachlichkeit!”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2015, p. 579 sa 583, kif ukoll Hinarejos, A., “Gauweiler and the Outright Monetary Transactions Programme: The Mandate of the European Central Bank and the Changing Nature of Economic and Monetary Union”, European Constitutional Law Review, vol. 11, 2015, p. 563-576, speċjalment, p. 575. Uħud minn dawn l-awturi jibbażaw ruħhom ukoll fuq l-indipendenza neċessarja tal-BĊE sabiex jiġġustifikaw in-natura limitata tal-istħarriġ li jkollha twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja.


92      Ara, f’dan ir-rigward, Halberstam, D., “Constitutional Heterarchy: The Centrality of Conflict in the European Union and the United States”, in Dunoff, J., u Trachtman, J., (edituri.), Ruling the World? Constitutionalism, International Law and Global Government, Cambridge University Press, 2009, p. 326 sa 355. Ara wkoll, għal applikazzjoni tat-teorija ta’ D. Halberstam fuq id-deċiżjonijiet tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-kriżi finanzjarja, Fabbrini, F., “The Euro-Crisis and the Courts: Judicial Review and the Political Process in Comparative Perspective”, Berkeley Journal of International Law, vol. 32:1, 2014, p. 64 sa 123, speċjalment p. 116 et seq.


93      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 110).


94      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756, punt 57).


95      Fuq din il-kundizzjoni, ara l-punti 86 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


96      Artikolu 2(2) tal-Linji gwida PSPP.


97      Biex infakkru, att jista’ jkun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter, “jekk ikun jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li jkun ġie adottat bl-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet li ma humiex dawk eċċepiti jew li jevitaw proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi inkwistjoni” (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C-301/97, EU:C:2001:621, punt 153).


98      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 66).


99      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 68).


100      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 69).


101      Ara, b’mod partikolari, Antonin, C., Blot, Chr., Le Bayon, St., Péléraux, H., Rifflart, Chr., et. al., “Banques centrales dernier rempart contre la déflation : Perspectives économiques 2014-2015 pour l’économie mondiale”, Revue de l’OFCE – Analyse et prévision, 2014, p. 11 sa 51.


102      Ara l-punt 117 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


103      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 70).


104      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 4 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


105      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 7 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


106      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 8 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


107      Ara l-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 9 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


108      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 16 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


109      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 17 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


110      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 17 u 18 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


111      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-21 u tat-22 ta’ Jannar 2015, p. 19 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-BĊE ppreċiża li rrikorra għal diversi mudelli ekonometriċi sabiex jistma l-volum ta’ xiri approssimattiv neċessarju sabiex tintlaħaq ir-rata ta’ inflazzjoni prevista (ara l-punt 22 tal-imsemmija osservazzjonijiet).


112      Ara, f’dan ir-rigward, is-sunt ta’ P. Praet u d-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv fuq dan is-suġġett fil-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 2015, speċjalment, p. 6, 11 u 12 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


113      Ara l-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 2015, speċjalment p. 15 sa 17 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


114      Partikolarment it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u l-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju. Ara l-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tad-9 u tal-10 ta’ Marzu 2016, speċjalment, p. 12 u 22 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


115      B’mod partikolari p. 15 tal-imsemmija minuti fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


116      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tad-9 u tal-10 ta’ Marzu 2016, speċjalment, p. 17 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


117      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tad-9 u tal-10 ta’ Marzu 2016, speċjalment, p. 19 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


118      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-progress imwettaq u l-insuffiċjenza tiegħu, ara wkoll id-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2016, speċjalment p. 9 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza).


119      Minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2016, speċjalment, p. 6 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


120      B’mod partikolari p. 13 u 14 tal-imsemmija minuti fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


121      Ara l-minuti tal-laqgħa ta’ politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2016, p. 12 fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, disponibbli fuq is-sit internet tal-Bank ta’ Franza.


122      Artikolu 2(2) tal-Linji gwida PSPP.


123      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 75).