Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-2 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Specializat Cluj - ir-Rumanija) – AU vs Reliantco Investments LTD, Reliantco Investments LTD Limassol Sucursala Bucureşti

(Kawża C-500/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2004/39/KE – Kunċetti ta’ ‘klijent tax-xiri bl-imnut’ u ta’ ‘konsumatur’ – Kundizzjonijiet sabiex tiġi invokata l-kwalità ta’ konsumatur – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tat-talba)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Specializat Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AU

Konvenuti: Reliantco Investments LTD, Reliantco Investments LTD Limassol Sucursala Bucureşti

Dispożittiv

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li, skont kuntratt bħal kuntratt finanzjarju għad-differenzi konkluż ma’ kumpannija finanzjarja, twettaq tranżazzjonijiet finanzjarji permezz ta’ din il-kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ma taqax taħt l-attività professjonali ta’ din il-persuna, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, minn naħa, fatturi bħall-fatt li l-imsemmija persuna wettqet numru għoli ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir jew li hija investiet somom kbar f’dawn it-tranżazzjonijiet huma, inkwantu tali, bħala prinċipju irrilevanti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-istess persuna hija “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, huwa, inkwantu tali, bħala prinċipju mingħajr effett.

Ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, azzjoni għal responsabbiltà ċivili delittwali mressqa minn konsumatur taqa’ taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jekk din tkun indissoċjabbilment marbuta ma’ kuntratt effettivament konkluż bejn dan tal-aħħar u l-professjonist, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

____________

1     ĠU C 381, 22.10.2018.