Language of document : ECLI:EU:C:2024:435

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Fornituri ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online – Direttiva 2000/31/KE – Qasam ikkoordinat – Prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini – Derogi – Kunċett ta’ ‘miżuri meħuda fil-konfront ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Regolament (UE) 2019/1150 – Għan”

Fil-Kawża C‑665/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

Amazon Services Europe

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Amazon Services Europe Sàrl, minn F. Angeloni, M. Berliri, S. Borocci, G. Gelera u F. Moretti, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Delbono u R. Guizzi, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Escobar Gómez, S. L. Kalėda u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57), tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Amazon Services Europe Sàrl (iktar ’il quddiem “Amazon”), kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż, u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Garanti fil-Qasam tal-Komunikazzjoni, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) dwar miżuri adottati minn din tal-aħħar fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament 2019/1150

3        Il-premessi 3, 7 u 51 tar-Regolament 2019/1150 jistipulaw:

“(3)      Il-konsumaturi laqgħu tajjeb l-użu tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online. Huwa essenzjali li jkun hemm ekosistema online li tkun kompetittiva, ġusta u trasparenti, li fiha l-kumpaniji jġibu ruħhom bmod responsabbli, għal finijiet tal-benesseri tal-konsumaturi. L-iżgurar tat-trasparenza ta u l-fiduċja fl-ekonomija tal-pjattaformi online frelazzjonijiet bejn negozju u ieħor, jista wkoll jgħin bmod indirett biex titjieb il-fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija tal-pjattaformi online. Madankollu, l-impatti diretti tal-iżvilupp tal-ekonomija tal-pjattaformi online fuq il-konsumaturi huma indirizzati minn liġi oħra tal-Unjoni, speċjalment l-acquis tal-konsumatur.

[…]

(7)      Jenħtieġ li jiġu stabbiliti sett ta regoli obbligatorji fil-livell ta Unjoni [Ewropea] biex jiżguraw ambjent ta negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fis-suq intern. Bmod partikolari, l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ li jkollhom it-trasparenza xierqa, kif ukoll il-possibbiltajiet ta rimedju effettiv, mal-Unjoni kollha sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transfruntier fi ħdan l-Unjoni u bhekk jittejjeb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni emerġenti possibbli fl-oqsma speċifiċi koperti b’dan ir-Regolament.

[…]

(51)      Minħabba li l-għan ta dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat ambjent ta’ negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fi ħdan is-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fdak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.      L-għan ta dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli li jiżguraw li l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti ta siti web korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jingħataw trasparenza xierqa, korrettezza u possibbiltajiet ta rimedju effettiv.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u tal-magni tat-tiftix online mogħtija, jew offruti biex jingħataw, lill-utenti kummerċjali u lill-utenti ta siti web korporattivi rispettivament, li l-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom ikun fl-Unjoni u li, permezz ta’ dawk is-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew permezz tal-magni tat-tiftix online, joffru prodotti jew servizzi lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tal-fornituri ta dawk is-servizzi u irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli.

[…]

5.      Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni, bmod partikolari l-liġi tal-Unjoni applikabbli fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fmaterji ċivili, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta sigrieti kummerċjali, il-ħarsien tal-konsumatur, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji.”

5        Il-punt (1) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)      ‘utent kummerċjali’ tfisser kwalunkwe individwu privat li jaġixxi fkapaċità kummerċjali jew professjonali li, jew kwalunkwe persuna ġuridika li, permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha”.

 IdDirettiva 2000/31

6        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31:

“1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:

(a)      qasam tat-tassazzjoni;

[…]”

7        Il-punt (h) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

[…]

(h)      ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

–      il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–      il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;

[…]”

8        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill‑paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)      il-miżuri għandhom ikunu:

(i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        –      strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad‑dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet.

(b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

[…]”

 IdDirettiva 2006/123

9        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

10      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]”

11      L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

(b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.”

 IdDirettiva 2015/1535

12      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

(e)      ‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

(f)      ‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

[…]”

13      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

 Iddritt Taljan

 IlLiġi Nru 249 tal31 ta’ Lulju 1997

14      L-Artikolu 1 tal-legge n. 249 – Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (il-Liġi Nru 249 li Tistabbilixxi l-Awtorità għall-Protezzjoni tal‑Komunikazzjonijiet u li Twaqqaf Standards dwar is-Sistemi ta’ Telekomunikazzjoni u tar-Radjuteleviżjoni) tal‑31 ta’ Lulju 1997 (Suppliment Ordinarju fil-GURI Nru 177 tal‑31 ta’ Lulju 1997), jipprovdi:

“[…]

29.      Il-persuni li, fil-komunikazzjonijiet mitluba mill-[AGCOM], jipprovdu data ta’ kontabbiltà jew fatti li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-attività tagħhom li ma jikkorrispondux għar-realtà huma suġġetti għall-pieni previsti fl-Artikolu 2621 tal-Kodiċi Ċivili.

30.      Il-persuni li ma jikkomunikawx, fil-ħin u skont il-modalitajiet preskritti, id-dokumenti, id-data u l-informazzjoni mitluba mill-[AGCOM] huma suġġetti għal multa amministrattiva fl-ammont ta’ miljun [lira Taljana (ITL) (madwar EUR 516) sa mitejn miljun ITL (madwar EUR 103 000)] imposta minn din l-awtorità.

[…]”

15      Il-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997, kif emendata bil-legge n. 178 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2021 e bilancio pluriennale per il triennio 2021‑2023 (il-Liġi Nru 178 - Estimi baġitarji tal-Istat għas-sena finanzjarja 2021 u baġit pluriannwali għall-perijodu ta’ tliet snin mill‑2021 sal‑2023) tat‑30 ta’ Diċembru 2020 (Suppliment Ordinarju fil-GURI Nru 322 tat‑30 ta’ Diċembru 2020) tipprevedi, fil-punt 14-bis tal-Artikolu 1(6)(c):

“Ir-responsabbiltajiet tal-[AGCOM] huma identifikati kif ġej:

[…]

c)      il-Kunsill:

[…]

14-bis) għandu jiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament [2019/1150], b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti”.

 IdDeċiżjoni Nru 397/13

16      Fil‑25 ta’ Ġunju 2013, l-AGCOM adottat id-delibera n. 397/13/CONS – Informativa economica di sistema (id-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS dwar Dikjarazzjoni Ekonomika Sistematika, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 397/13”).

17      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Nru 397/13 jelenka l-kategoriji ta’ persuni li huma obbligati jibagħtu lill-AGCOM dokument intitolat “Informativa economica di sistema” (Dikjarazzjoni ekonomika sistematika, iktar ’il quddiem l-“IES”).

18      L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“1.      Il-persuni li, għall-finijiet tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, jikkomunikaw data li ma tikkorrispondix mar-realtà huma punibbli konformement mal-Artikolu 1(29) tal-Liġi Nru [249 tal‑31 ta’ Lulju 1997].

2.      Il-persuni li ma jwettqux, fil-ħin u skont il-modalitajiet stabbiliti, l-obbligu msemmi fl-Artikolu 2 huma punibbli konformement mal-Artikolu 1(30) tal-Liġi Nru [249 tal‑31 ta’ Lulju 1997].”

 IdDeċiżjoni Nru 161/21

19      Fit‑12 ta’ Mejju 2021, l-AGCOM adottat id-delibera n. 161/21/CONS – Modifiche alla delibera n. 397/13 del 25 giugno 2013 “Informativa Economica di Sistema” (id-Deċiżjoni Nru 161/21/CONS li Temenda d-Deċiżjoni Nru 397/13 tal‑25 ta’ Ġunju 2013 “Dikjarazzjoni ekonomika sistematika”, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 161/21”).

20      Skont il-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 161/21:

“[…]

Wara li kkunsidra r‑Regolament 2019/1150 […]

Wara li kkunsidra l-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020,] […]

[…]

Billi l-[IES] hija dikjarazzjoni annwali li l-operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni għandhom [jimlew] u li tikkonċerna d-data ta’ identifikazzjoni u d-data ekonomika relatata mal-attività eżerċitata mill-persuni kkonċernati, sabiex jinġabru l-elementi neċessarji biex jiġu ssodisfatti obbligi legali preċiżi, fosthom il-valorizzazzjoni tas-Sistema integrato delle comunicazioni [(is-Sistema integrata ta’ kommunikazzjoni) (SIK)] u l-verifika tal-limiti [ta’ konċentrazzjoni] fil-qafas tagħha; l-analiżi tas-suq u ta’ eventwali pożizzjonijiet dominanti jew li fi kwalunkwe każ huma ta’ ħsara għall-pluraliżmu; ir-rapport annwali u l-investigazzjonijiet [...], kif ukoll sabiex tippermetti l-aġġornament tal-bażi statistika tal-operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Billi l-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020] tattribwixxi kompetenzi ġodda lill-[AGCOM], billi tagħtiha l-kompitu li tiżgura ‘l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament [2019/1150], b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti’;

[Billi], għalhekk, huwa neċessarju li [ċerti] obbligi ta’ komunikazzjoni tal-IES jiġu estiżi għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online sabiex kull sena tinġabar informazzjoni rilevanti u jitwettqu l-attivitajiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150 u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lill-[AGCOM] permezz tal-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020];

[…]”

21      L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni emenda l-lista li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 397/13 sabiex jestendi l-obbligu li l-IES tintbagħat lill-AGCOM għaż-żewġ kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

“[…]

h)      Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online: persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, kif iddefiniti mir-Regolament 2019/1150, lill-impriżi utenti stabbiliti jew residenti fl-Italja;

i)      Il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online: persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu magna tat-tiftix online, kif iddefinita mir-Regolament 2019/1150, fil-lingwa Taljana jew lill-utenti stabbiliti jew residenti fl-Italja.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

22      Amazon, li s‑sede tagħha tinsab il-Lussemburgu, tiġġestixxi pjattaforma online intiża sabiex tpoġġi bejjiegħa u konsumaturi f’kuntatt sabiex bejniethom jitwettqu tranżazzjonijiet għall-bejgħ ta’ prodotti.

23      Wara l-emendi tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li jirriżultaw mil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 u mid-Deċiżjoni Nru 161/21, adottati mill-awtoritajiet Taljani b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, Amazon, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, issa hija suġġetta għall-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM, dokument li fih għandha tiddaħħal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-fornitur.

24      Amazon ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 161/21.

25      Quddiem dik il-qorti, Amazon issostni li dik id-deċiżjoni, inkwantu din timponilha l-obbligu li tibgħat l-IES lill-AGCOM, hija kuntrarja għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għar-Regolament 2019/1150 u għal diversi direttivi.

26      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar, fl-ewwel lok, li, wara l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1150, il-leġiżlatur Taljan, permezz tal-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, emenda l-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997.

27      Għalhekk, l-AGCOM hija inkarigata li tiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, b’mod partikolari permezz tal-ġbir ta’ informazzjoni (punt (14-bis) tal-Artikolu 1(6)(c) tal-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997, kif emendata bil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020).

28      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesponi li, permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/21, l-AGCOM emendat id-Deċiżjoni Nru 397/13, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati mil-leġiżlatur Taljan għall-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150. Konsegwentement, l-obbligu li jintbagħat l-IES lill-AGCOM ġie estiż għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online (iktar ’il quddiem il-“fornituri tas-servizzi kkonċernati”) li joffru servizzi fl-Italja.

29      Dik il-qorti tippreċiża li t-trażmissjoni tal-IES kienet inizjalment prevista għall-ħtiġijiet tal-Garante per la radiodiffusione e l’editoria (Garanti għax-Xandir u għall-Pubblikazzjoni, l-Italja), skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi li kienu jagħtuh is-setgħa li jadotta miżuri intiżi sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ kontabbiltà u l-informazzjoni l-oħra li ċerti entitajiet kellhom jikkomunikawlu, u li l-kompetenzi ta’ dan il-garanti ġew ittrasferiti lill-AGCOM.

30      L-imsemmija qorti tqis li, permezz tad-Deċiżjoni Nru 161/21, l-AGCOM imponiet fuq il-fornituri tas-servizzi kkonċernati l-obbligu li jittrażmettulha informazzjoni importanti u speċifika dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Għalhekk, pereżempju, dawn il-fornituri jkunu obbligati jikkomunikaw id-dħul totali minn siti ta’ bejgħ online, l-ammonti miġbura bħala tariffi għall-abbonamenti u bħala spejjeż ta’ reġistrazzjoni, ta’ affiljazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni għall-użu tal-pjattaforma ta’ bejgħ online ta’ dawn il-fornituri minn utenti stabbiliti fl-Italja sabiex joffru oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi, il-kummissjonijiet fissi u varjabbli imposti fuq il-bejgħ, imwettaq permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ online, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi offruti lill-konsumaturi minn impriżi utenti ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/1150 (iktar ’il quddiem l-“utenti kummerċjali”), stabbiliti fl-Italja, il-kummissjonijiet fissi u varjabbli mħallsa mill-utenti kummerċjali stabbiliti fl-Italja għall-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi offruti lill-konsumaturi permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ online, id-dħul l-ieħor mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni, minbarra r-reklamar, ipprovduti lil utenti kummerċjali jew lil utenti oħra għajr lil dawn l-impriżi, stabbiliti fl-Italja u li joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ online.

31      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li n-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-IES lill-AGCOM jew il-komunikazzjoni ta’ data ineżatta huma punibbli bis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(29) u (30) tal-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997.

32      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, dik il-qorti tqis li l-obbligu li l-IES tintbagħat lill-AGCOM jista’, f’diversi aspetti, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mar-Regolament 2019/1150 u ma’ diversi direttivi.

33      Fir-rigward tar-Regolament 2019/1150, il-qorti tar-rinviju tqis li ma teżisti ebda relazzjoni bejn l-osservanza tal-obbligi previsti minnu u l-informazzjoni meħtieġa fl-IES, li tirrigwarda, prinċipalment, id-dħul tal-fornituri tas-servizzi kkonċernati u ma hijiex rilevanti sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-ekwità tar-relazzjonijiet bejn dawn il-fornituri u l-utenti kummerċjali. L-imsemmija qorti tqis li, permezz tal-miżuri nazzjonali skont liema l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online issa huma obbligati jibagħtu l-IES lill-AGCOM (iktar ’il quddiem il-“miżuri nazzjonali inkwistjoni”), l-awtoritajiet Taljani introduċew fl-ordinament ġuridiku tagħhom dispożizzjonijiet li jipprevedu kontroll fuq elementi inerenti għal dawn il-fornituri, li huwa totalment differenti mill-kontroll previst minn dan ir-regolament, li jirrigwarda l-osservanza minn dawn tal-aħħar tal-obbligi previsti mill-imsemmi regolament.

34      L-istess qorti tippreċiża b’mod partikolari li, fil-każ li l-informazzjoni li għandha tiddaħħal fl-IES ma tkunx ikkunsidrata rilevanti u lanqas utli għall-applikazzjoni tajba tar-Regolament 2019/1150, id-Deċiżjoni Nru 161/21 tkun invalida, inkwantu l-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 tagħti lill-AGCOM il-funzjoni li tiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva ta’ dan ir-regolament, u mhux is-setgħa li tadotta atti regolatorji oħra fis-settur ikkonċernat.

35      Fir-rigward tad-Direttiva 2015/1535, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għall-Artikoli 1 u 5 tagħha, tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi kkonċernati jibagħtu l-IES lill-AGCOM jintroduċu speċifikament rekwiżit ġenerali dwar il-provvista ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni, dawn ma jistgħux jiġu invokati kontra l-individwi.

36      Fir-rigward tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmi fl-Artikolu 56 TFUE u speċifikat fid-Direttivi 2000/31 u 2006/123, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi l-prinċipju li, fil-“qasam ikkordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tagħha, is-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni għandhom ikunu suġġetti għas-sistema legali tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur, u l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jidderogaw minn dan il-prinċipju biss b’osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, sostantivi u proċedurali, iddefiniti fl-imsemmi Artikolu 3(4). Madankollu, skont dik il-qorti, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

37      Il-qorti tar-rinviju tfakkar, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom għal rekwiżiti li ma jissodisfawx il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. Issa, skont dik il-qorti, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma sproporzjonati.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament [2019/1150] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, bil-għan speċifiku li tiġi ggarantita [l-applikazzjoni] adegwata u effettiva ta’ dan l-istess regolament, b’mod partikolari bil-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, timponi fuq fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online obbligu li jittrażmettu perjodikament informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom?

2)      Skont ir-Regolament [2019/1150], l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta [fl-IES], li tirrigwarda prinċipalment d-dħul magħmul, tista’ titqies li hija rilevanti u utli sabiex jintlaħaq l-għan imfittex [minn dan ir-]Regolament?

3)      Id-Direttiva [2015/1535] tobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online obbligu li jittrażmettu perjodikament informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?

4)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2000/31] jipprekludi l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament [2019/1150], jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor, iżda li joperaw fl-Italja, oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu li jittrażmettu dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji?

5)      Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva [2006/123] u d-Direttiva [2000/31] jipprekludu l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, bil-għan iddikjarat li tiġi żgurata [l-applikazzjoni] tar-Regolament [2019/1150], jimponu fuq operaturi stabbiliti [fi Stat Membru] ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu li jittrażmettu dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji?

6)      L-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva [2000/31] jobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online obbligu li jittrażmettu dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni importanti fuq id-dħul tagħhom, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, [din] id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà tattieni domanda

39      Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda, inkwantu l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rilevanza u l-utilità tal-informazzjoni li għandha tiddaħħal fl-IES fid-dawl tal-għan tar-Regolament 2019/1150, li jwassal lil din tal-aħħar sabiex tagħmel evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, li, barra minn hekk, naqset milli tesponi kif l-imsemmija informazzjoni ma hijiex rilevanti jew hija inutli.

40      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex tingħatalha risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li hija tqis li huma neċessarji (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta r-regoli tad-dritt intern ta’ Stat Membru, hija tista’ madankollu tagħti lill-qorti tar-rinviju l-kjarifiki mitluba fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jipprekludu l-imsemmija regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F. A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, għandu jitqies li t-tieni domanda tifforma ħaġa waħda mal-ewwel domanda u li, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-Regolament 2019/1150 fil-kuntest fattwali u ġuridiku li hija tesponi fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

43      Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel, ittieni, irraba’ u lħames domanda

44      Permezz tal-ewwel, tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 jew l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri adottati minn Stat Membru, bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150, li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament lil awtorità ta’ dak l-Istat Membru dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata ħafna informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul tal-fornitur.

45      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jsegwi mill-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2006/123, adottata abbażi tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, li l-kliem tagħhom jinsabu, essenzjalment, fl-Artikolu 53(1) TFUE u fl-Artikolu 62 TFUE, rispettivament, għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiffaċilita l-moviment liberu tas-servizzi. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2000/31, adottata abbażi tal-Artikolu 47(2) KE, tal-Artikolu 55 KE u tal-Artikolu 95 KE, li l-kliem tagħhom jinsabu, essenzjalment, fl-Artikolu 53(1) TFUE, fl-Artikolu 62 TFUE u fl-Artikolu 114 TFUE, rispettivament, għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri.

46      Peress li dawn iż-żewġ direttivi jikkonkretizzaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, jekk jiġi stabbilit li direttiva waħda jew oħra tipprekludi miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 56.

47      Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 56, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 6 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċertament, skont il-ġurisprudenza, dan huwa applikabbli għall-miżuri li jaqgħu taħt il-qasam tat-tassazzjoni, li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, skont l-Artikolu 1(5)(a) tagħha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 38). Madankollu, f’dan il-każ, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Taljan ma jsostnu li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma marbuta man-neċessità li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ obbligi fiskali.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi b’mod partikolari li, jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ dan l-att l-ieħor tipprevali u tapplika għal dawn is-setturi speċifiċi.

49      Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jikkonċerna aspetti speċifiċi tal-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-eżerċizzju ta’ din l-attività, bħalma espona, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 204 sa 207 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ li jiġi stabbilit, minn naħa, li miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar tipprekludi l-imsemmija miżuri, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda fid-dawl tad-Direttiva 2006/123.

50      Għaldaqstant, fl-ewwel lok għandu jiġi interpretat l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 3 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan l-Istat Membru li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat. L-imsemmi Artikolu 3(2) jippreċiża li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet kumulattivi, jieħdu, fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, miżuri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 83).

53      Fir-rigward tal-“qasam ikkoordinat” imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dan il-qasam bħala li jkopri r-rekwiżiti previsti fis-sistemi legali tal-Istati Membri u applikabbli għall-fornituri tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, indipendentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew jekk ikunux ġew maħsuba speċifikament għalihom. Dan il-qasam jirrigwarda rekwiżiti li l-fornitur għandu jissodisfa u li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma r-rekwiżiti fil-qasam ta’ kwalifika, ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ komunikazzjoni u l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma r-rekwiżiti li jirrigwardaw l-imġiba tal-fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz.

54      Id-Direttiva 2000/31 hija għalhekk ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ rikonoxximent reċiproku, b’tali mod li, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, is-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni huma rregolati biss fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti l-fornituri ta’ dawn is-servizzi (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et, C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 42).

55      Konsegwentement, minn naħa, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ oriġini ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, li għandu jirregola dawn is-servizzi u għandu, għal dan l-għan, jipproteġi l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31 (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et, C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 43).

56      Min-naħa l-oħra, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, li għandu ma jirrestrinġix il-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi billi jeżiġi l-osservanza ta’ obbligi addizzjonali, li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, li huwa jkun adotta (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et, C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 44).

57      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi, bla ħsara għad-derogi awtorizzati skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 3, li fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jixtieq jipprovdi dan is-servizz fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit ikun suġġett għal rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat imposti minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

58      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, sa fejn jeżiġu, taħt piena ta’ sanzjonijiet, li tintbagħat l-IES lill-AGCOM mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana, jimponu fuqhom l-obbligu li jissodisfaw kundizzjonijiet li ma humiex meħtieġa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom.

59      Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li dawn is-servizzi jaqgħu taħt is-“servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31.

60      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan isostni li l-obbligu li tintbagħat l-IES lill-AGCOM ma jaqax taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, peress li dan huwa intiż li jippermetti lill-AGCOM tikseb mill-fornituri tas-servizzi kkonċernati l-informazzjoni li tippermettilha teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ sorveljanza. Għalhekk, dan l-obbligu ma huwiex intiż sabiex il-fornituri tal-imsemmija servizzi jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jaċċedu għal attività ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jew sabiex jeżerċitaw tali attività.

61      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-obbligu li tintbagħat informazzjoni perjodikament lil awtorità ta’ Stat Membru dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża kkonċernata, taħt piena ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu, huwa impost għall-finijiet tas-superviżjoni, minn dik l-awtorità, ta’ jekk l-eżerċizzju tal-attività tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jkunx qiegħed isir b’mod regolari, bl-ebda mod ma jaffettwa l-portata ta’ dan l-obbligu, skont liema l-fornituri ta’ tali servizzi li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jipprovdu dawn is-servizzi fl-ewwel Stat Membru huma obbligati josservaw l-imsemmi obbligu. Barra minn hekk, il-fatt li fornitur jista’ de facto jibda u jkompli bil-provvista ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni mingħajr ma jissodisfa dan l-istess obbligu ma għandux effett fuq in-neċessità li jissodisfah sabiex ikun jista’ legalment jeżerċita l-attività inkwistjoni

62      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, obbligu bħal dak li tintbagħat l-IES lill-AGCOM perjodikament jikkostitwixxi rekwiżit li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni, b’tali mod li dan l-obbligu jaqa’ taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31.

63      Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi miżuri adottati minn Stat Membru skont liema, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament lil awtorità ta’ dan l-Istat Membru dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata sensiela ta’ informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul tal-fornitur, ħlief jekk l-imsemmija miżuri jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 3.

64      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Gvern Ċek li l-imsemmi Artikolu 3 jista’ ma jipprekludix tali miżuri, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 56 TFUE, li hija applikabbli b’analoġija, li tgħid li ma tmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 56 leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiġi invokata kontra l-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fil-fatt, bħalma espona, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 166 u 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, ir-rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, peress li, minnhom innifishom, huma għandhom l-għan li jirregolaw l-aċċess għall-attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll l-eżerċizzju ta’ din l-attività. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ att tad-dritt sekondarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jikkonkretizza libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat FUE billi joħloq kundizzjonijiet dejjem iktar favorevoli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern minn dawk li jirriżultaw mid-dritt primarju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 40).

66      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk miżuri nazzjonali bħal dawk imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31.

67      Għal dan l-għan, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, bħalma jsegwi mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss il-miżuri “meħuda fil-konfront ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni” li jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et (C‑376/22, EU:C:2023:835), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

69      F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom portata ġenerali u astratta, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31.

70      Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, sabiex miżuri nazzjonali jitqiesu li huma konformi mal-imsemmija dispożizzjoni, dawn għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġu żgurati l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumaturi.

71      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-miżuri nazzjonali adottati bl-għan iddikjarat li tiġi ggarantita l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2019/1150, dan huwa mingħajr ħsara għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ elettroniku.

73      Peress li, evidentement, id-Direttiva 2000/31 taqa’ taħt dan il-qasam, miżuri bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala konformi mal-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva, għar-raġuni li dawn huma intiżi li jiżguraw l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, biss jekk jiġi stabbilit li l-għan ta’ dan tal-aħħar jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

74      Issa, mill-premessi 7 u 51 tar-Regolament 2019/1150 isegwi li dan huwa intiż li jistabbilixxi sett immirat ta’ regoli vinkolanti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u li jispira fiduċja għall-operazzjonijiet kummerċjali online fi ħdan is-suq intern. B’mod partikolari, l-utenti kummerċjali għandhom jibbenefikaw minn trasparenza xierqa kif ukoll minn possibbiltajiet ta’ rimedji effikaċi fl-Unjoni kollha, sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet kummerċjali transkonfinali fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

75      L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li dan jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-imsemmi suq billi jistabbilixxi r-regoli intiżi li jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali u l-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jgawdu minn trasparenza xierqa, minn ekwità u minn possibbiltajiet ta’ rimedji effettivi.

76      Bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 186 sa 190 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk jitqies li miżuri nazzjonali bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma intiżi li jiggarantixxu l-għan tar-Regolament 2019/1150, ma teżistix rabta diretta bejn, minn naħa, dan l-għan u, min-naħa l-oħra, dawk li huma elenkati fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31, imfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

77      Fil-fatt, huwa paċifiku li l-għan tar-Regolament 2019/1150 la jikkonċerna l-ordni pubbliku, la l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u lanqas is-sigurtà pubblika.

78      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li din ma tkoprix il-protezzjoni tal-impriżi. Madankollu, ir-Regolament 2019/1150 jistabbilixxi regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali.

79      Barra minn hekk, mill-premessa 3 tar-Regolament 2019/1150 jirriżulta li r-rabta bejn it-“trasparenza ta u l-fiduċja fl-ekonomija tal-pjattaformi online frelazzjonijiet bejn negozju u ieħor” u t-“[titjib tal-]fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija tal-pjattaformi online” hija biss indiretta.

80      Fl-aħħar nett, din il-premessa 3 tippreċiża li “l-impatti diretti tal-iżvilupp tal-ekonomija tal-pjattaformi online fuq il-konsumaturi huma indirizzati minn liġi oħra tal-Unjoni, speċjalment l-acquis tal-konsumatur”.

81      Għandu jiżdied li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tal-kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, Probst, C‑119/12, EU:C:2012:748, punt 23, u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 70). Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi applikata għal miżuri li jista’, l-iktar l-iktar, ikollhom biss rabta indiretta ma’ wieħed mill-għanijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

82      Għaldaqstant, mill-fatt li miżuri nazzjonali kienu ġew adottati bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150 ma jistax jiġi dedott li dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex jiġi żgurat wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31.

83      Konsegwentement, miżuri adottati minn Stat Membru skont liema, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament, lil awtorità ta’ dan l-Istat Membru, dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata sensiela ta’ informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul tal-fornitur, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31.

84      Peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat stabbilit mid-Direttiva 2000/31 u li l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar tippermetti li tingħata risposta għall-ewwel, għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda, kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 45 sa 49 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 56 TFUE jew id-Direttiva 2006/123 jiġu interpretati wkoll.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel, għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri adottati minn Stat Membru, bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150, li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament, lil awtorità ta’ dan l-Istat Membru, dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata sensiela ta’ informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul tal-fornitur.

 Fuq ittielet u ssitt domanda

86      It-tielet u s-sitt domanda jikkonċernaw l-obbligi ta’ komunika minn qabel previsti mid-Direttivi 2000/31 u 2015/1535, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jimplika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront tal-individwi tal-miżuri li kellhom jiġu kkomunikati u li ma ġewx ikkomunikati.

87      Madankollu, fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel, għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għas-sitt domanda.

 Fuq lispejjeż

88      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi miżuri adottati minn Stat Membru, bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jibagħtu perjodikament, lil awtorità ta’ dan l-Istat Membru, dokument dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, li fih għandha tiġi ddettaljata sensiela ta’ informazzjoni dwar b’mod partikolari d-dħul tal-fornitur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.