Language of document : ECLI:EU:T:2013:571

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

5 ta’ Novembru 2013 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina — Adeżjoni tal-Armenja mad-WTO — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 — Kompatibbiltà mal-ftehim antidumping — Artikolu 277 TFUE”

Fil-Kawża T‑512/09,

Rusal Armenal ZAO, stabbilita f’Erevan (l-Armenja), irrappreżentata minn B. Evtimov, avukat,

rikorrenti,

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u G. Wolf, avukati, sussegwentement minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġent, assistiti minn G. Berrisch, u fl-aħħar nett minn J.‑P. Hix u B. Driessen

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u C. Clyne, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska‑Białecka, M. Prek u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Rusal Armenal ZAO, hija kumpannija li tipproduċi u li tesporta prodotti tal-aluminju stabbilita fl-2000 fl-Armenja. Fil-5 ta’ Frar 2003, ir-Repubblika tal-Armenja aderixxiet mal-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

2        Wara lment imressaq fit-28 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura antidumping relatata mal-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2008 (ĠU C 177, p. 13).

3        Permezz ta’ ittri tal-25 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti b’mod partikolari kkontestat l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku” [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22)], fid-dawl, l-ewwel nett, tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Armenja mad-WTO mill-2003, it-tieni nett, tal-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI (1) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (GATT) ma kinux sodisfatti u, it-tielet nett, tal-fatt li l-istrumenti ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Armenja mad-WTO ma kinux jipprovdu għal possibbiltà ta’ deroga mir-regoli tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi relatata mat-tnaqqis tal-prezzijiet jew mat-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ referenza, ir-rikorrenti rreferiet għan-nuqqasijiet relatati mal-prodotti tagħha, kwistjoni li fir-rigward tagħha hija pprovdiet informazzjoni addizzjonali f’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2008.

4        Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet li jingħatalha l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq jew, fin-nuqqas ta’ dan, trattament individwali (iktar ’il quddiem it-“talba SES/TI”). F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom hija kkonkludiet li l-kriterji relatati mal-kontabbiltà u mal-ispejjeż tal-produzzjoni msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku [issa t-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009] ma kinux sodisfatti. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti tenniet l-ilmenti tagħha kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku fir-rigward tal-Armenja u kkontestat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-kriterji li din tal-aħħar qieset li ma kinux sodisfatti. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni wieġbet għal din l-aħħar ittra billi tat, b’mod partikolari, spjegazzjonijiet addizzjonali relatati mal-istatus tal-Armenja bħala ekonomija tas-suq. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni elementi addizzjonali relatati mat-talba SES/IT tagħha.

 Ir-regolament provviżorju u r-regolament ikkontestat

5        Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 287/2009 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, il-Brażil u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 94, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”). Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 14(2) u 20(1) tar-regolament bażiku (li saru l-Artikoli 14(2) u 20(1) tar-Regolament Nru 1225/2009), ikkomunikat lir-rikorrenti r-regolament provviżorju flimkien mal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u ta’ dannu applikabbli għar-rikorrenti.

6        It-Turkija ġiet indikata bħala pajjiż analogu għall-finijiet tal-kalkolu ta’ valur normali għall-produtturi-esportaturi li ma jingħatawx l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Produttur Tork tal-prodott simili wieġeb għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni (premessi 10, 12 u 52 tar-regolament provviżorju).

7        Skont il-premessa 13 tar-regolament provviżorju, l-investigazzjoni relatata mad-dumping u mad-dannu kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008. L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2008.

8        Skont il-premessa 19 tar-regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat jikkonsisti f’folji tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0.018 mm, u ta’ mhux iktar minn 0.018 mm, mhux immuntati, sempliċement imgerrba, ippreżentati f’rombli ta’ wisa’ ta’ mhux iktar minn 650 mm u ta’ piż ta’ iktar minn 10 kg, li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex 7607 11 19, Fir-rigward tal-prodott simili, il-premessa 20 tar-regolament provviżorju tipprovdi li l-folji tal-aluminju prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fil-Komunità, il-folji tal-aluminju prodotti u mibjugħa fis-swieq interni tal-Armenja, tal-Brażil u taċ-Ċina u l-folji tal-aluminju importati fil-Komunità minn dawn il-pajjiżi kif ukoll dawk prodotti u mibjugħa fit-Turkija essenzjalment għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u huma intiżi għall-istess użu bażiku finali.

9        Fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkonkludiet li l-Armenja ma setgħetx titqies li hija ekonomija tas-suq, peress li hija msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/09]. Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterji relatati mal-kontabbiltà u mal-ispejjeż tal-produzzjoni msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-kontijiet tar-rikorrenti għas-sena finanzjarja 2006 kien fihom opinjoni negattiva mill-awdituri, filwaqt li r-rikorrenti ma pprovdietx kontijiet debitament ivverifikati għas-sena finanzjarja 2007. It-tieni nett, il-prezz imħallas lill-Istat tal-Armenja għax-xiri ta’ ishma fl-impriża li kienet qed topera fis-sit il-qadim ta’ produzzjoni kien bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għal terz tal-valur nominali tagħhom u, barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet kisbet l-użu tal-proprjetajiet immobbli b’xejn (premessi 24, 25 u 27 sa 31 tar-regolament provviżorju).

10      Fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Kummissjoni indikat, f’anness għall-ittra tagħha tat-8 ta’ April 2009 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikseb trattament individwali. Barra minn hekk, il-paragun bejn il-valuri normali medji peżati ta’ kull tip ta’ prodott inkwistjoni esportat lejn il-Komunità u li joriġina mill-produttur Tork li wieġeb għall-kwestjonarju relatat u l-prezzijiet tal-esportazzjoni medji peżati korrispondenti tar-rikorrenti kien irriżulta f’marġni ta’ dumping ta’ 37 %. Dawn il-fatti huma inklużi fil-premessi 42, 74 u 77 tar-regolament provviżorju.

11      Peress li l-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet relatati mad-dannu, mar-rabta kawżali u mal-interess tal-Unjoni kienu sodisfatti, hija imponiet dazju antidumping provviżorju relatat mal-livell tat-tneħħija tad-dannu billi ħadet inkunsiderazzjoni prezz mhux dannuż li l-industrija Komunitarja kellha tikseb. Għaldaqstant, id-dazju antidumping provviżorju ġie stabbilit għal 20 % fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti (premessi 91 sa 94, 119 sa 138 u 164 sa 170 tar-regolament provviżorju.

12      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 20(2) sa (4) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 20(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1225/2009), bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet proposta l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha l-kummenti tagħha fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni sas-30 ta’ Lulju 2009.

13      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni u offriet li timpenja ruħha fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1225/2009).

14      Fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

15      Fir-rigward tat-talba SES/TI tar-rikorrenti, fil-premessi 18 sa 26 u 32 tar-regolament ikkontestat il-Kunsill ikkonferma l-evalwazzjonijiet magħmula fir-regolament provviżorju relatati mal-istatus tal-Armenja, mal-kriterji li l-Kummissjoni qieset li ma kinux sodisfatti mir-rikorrenti kif ukoll mal-għoti ta’ trattament individwali lill-istess rikorrenti (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq). F’dawn il-kundizzjonijiet, il-marġni ta’ dumping applikabbli għar-rikorrenti ġie stabbilit għal 33.4 % (punt 4.4 tar-regolament ikkontestat). Barra minn hekk, fil-premessi 55 u 56 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-regolament provviżorju relatati mal-evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati. Fl-aħħar, il-Kunsill ikkonferma wkoll l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-regolament provviżorju relatati mad-dannu u mal-interess tal-Komunità u stabbilixxa l-livell tat-tneħħija fir-rigward tad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet tal-prodotti tar-rikorrenti għal 13.4 %.

16      F’dawn il-kundizzjonijiet, skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv ta’ 13.4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-25 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

19      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Mejju 2010, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent imressqa mill-Kummissjoni, li ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-21 ta’ Ġunju 2010. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din in-nota fit-23 ta’ Awwissu 2010.

20      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2012, il-Qorti Ġenerali rrinvijat il-kawża lit-Tieni Awla Estiża.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati:

–        fuq ksur tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Nru 1225/2009) kif ukoll tal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping;

–        fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku;

–        fuq ksur tal-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 1225/2009) u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

26      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli fir-rigward tagħha sa fejn din id-dispożizzjoni kkostitwixxiet il-bażi ġuridika għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq fir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija skont l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku fir-rigward tar-rikorrenti f’dan il-każ jikser l-Artikoli 22.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping kif ukoll l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku, sa fejn dan huwa rilevanti għal dan il-każ, għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrenti skont l-Artikolu 277 TFUE u, għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat.

27      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, skont is-sistema stabbilita bil-ftehim antidumping fir-rigward tal-valur normali, dan il-valur għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-Artikoli 2.1 u 2.2 ta’ dan il-ftehim b’żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel eċċezzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 2.7 tal-ftehim antidumping, tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT. It-tieni eċċezzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ strumenti ta’ adeżjoni ta’ ċerti pajjiżi mal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO li jinkludu regoli speċjali f’dan ir-rigward.

28      Peress li r-rikorrenti, bħala impriża li għandha s-sede tagħha fl-Armenja, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT u peress li, kuntrarjament għall-każijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, id-dokumenti relatati mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Armenja mal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO ma jipprovdux għal derogi mill-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jipprekludu, minn wara din l-adeżjoni, l-applikazzjoni, fir-rigward tal-esportazzjonijiet tar-rikorrenti, tal-metodu tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku, kemm jekk b’riferiment għan-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Artikolu 2(7)(a), kif introdotta bir-Regolament tal-Kunsill(KE) Nru 905/98, tas-27 ta’ April 1998, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 111), kif ukoll jekk permezz ta’ xi provvediment ieħor f’din l-istess dispożizzjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-GATT imsemmija iktar ’il fuq u tal-ftehim antidumping ma jħallux marġni għall-ħolqien ta’ kategoriji “intermedji” bejn il-pajjiżi fejn l-Istat jagħmel kummerċ u l-pajjiżi b’ekonomija tas-suq, u, barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Armenja qatt ma tat il-kunsens tagħha għal tali status. Minn dan jirriżulta li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jistabbilixxu l-valur normali fir-rigward tar-rikorrenti billi jsegwu l-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, hekk kif finalment ġiet applikata, f’dan il-każ, abbażi tal-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet marru lil hinn mill-kuntest legali stabbilit mill-ftehim antidumping flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju bħall-Artikolu 216(2) TFUE u l-ġurisprudenza relatata mal-applikazzjoni tar-regolament bażiku fid-dawl tal-ftehim antidumping. Għaldaqstant, l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli f’dan il-każ u r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat minħabba ksur tal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping u tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku. Tali eżerċizzju bl-ebda mod ma jikkomprometti l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala negozjatriċi fil-kuntest tad-WTO.

29      Il-Kunsill l-ewwel nett isostni li l-inklużjoni tal-Armenja fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku, teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) fir-rigward tal-esportazzjonijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, din il-pożizzjoni ma tistax tiġi rrimedjata permezz ta’ interpretazzjoni kompatibbli mal-GATT jew mal-ftehim antidumping. Madankollu, hemm lok li jiġi rrikonoxxut, minn naħa, li l-ġurisprudenza hija limitata għall-użu tal-mezzi offruti mill-interpretazzjoni u, min-naħa l-oħra, li r-regolament bażiku ma kienx intiż sabiex jimplementa xi obbligu li jiġu applikati l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Armenja. Il-Kunsill iżid li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku ma jippermettix li jingħata l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lil impriża li ma tissodisfax il-kriterji li jinsabu fil-Artikolu 2(7)(ċ).

30      Sostnut mill-Kummissjoni, il-Kunsill isostni li, f’kull każ, la l-GATT u lanqas il-ftehim antidumping ma jeħtieġu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jittrattaw lill-Armenja bħala ekonomija tas-suq għall-finijiet tal-investigazzjonijiet fil-qasam tad-dumping. Barra minn hekk, il-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq huwa gradwali u jista’ jeħtieġ tibdiliet u adattazzjonijiet li jestendu fuq perijodu twil. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Armenja la nnegozjat din il-kwistjoni fil-mument tal-adeżjoni tagħha mad-WTO u lanqas talbet dan it-trattament fit-talbiet tagħha għal bidla ta’ status fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regolament bażiku. Fl-aħħar, il-Kunsill jenfasizza l-iżvantaġġi għall-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati multilaterali li jistgħu jirriżultaw jekk ikun possibbli li tiġi kkontestata l-legalità tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku fid-dawl tar-regoli tad-WTO. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jindika li hemm ukoll membri oħra tad-WTO li ma jittrattawx lill-Armenja bħala ekonomija tas-suq u li, kuntrarjament għall-każijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u għar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika tal-Armenja ma nnegozjatx data ta’ limitu li minn warajha l-membri l-oħra tad-WTO jkunu obbligati jittrattawha bħala ekonomija tas-suq.

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Hekk kif ir-rikorrenti indikat diversi drabi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan il-motiv iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jistax, f’dan il-każ, validament jikkostitwixxi bażi għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti tar-rikorrenti koperti mill-investigazzjoni antidumping inkwistjoni.

32      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tar-regoli relatati mal-kalkolu tal-valur normali li jifformaw parti mill-ftehim antidumping u tar-regoli tal-GATT li għalihom jirreferi dan tal-aħħar ftehim, l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli abbażi tal-Artikolu 277 TFUE sa fejn l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq dan l-artikolu, f’dan il-każ, sabiex japplikaw il-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

33      Sabiex tiġi analizzata l-fondatezza tal-argumenti li r-rikorrenti tressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv, hemm lok, l-ewwel nett, li jitfakkar il-mod li bih l-istituzzjonijiet applikaw l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku f’dan il-każ.

34      F’dan ir-rigward, mill-premessi 22 sa 25 tar-regolament provviżorju u 19 u 20 tar-regolament ikkontestat kif ukoll mill-ewwel paġna tal-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2009 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq l-inklużjoni tal-Armenja fil-lista ta’ pajjiżi inkluża fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku. L-istituzzjonijiet sussegwentement qiesu li, peress li r-Repubblika tal-Armenja kienet barra minn hekk, membru tad-WTO fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni, l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku kien applikabbli, b’mod li r-rikorrenti tkun tista’ tinvoka l-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan l-istess regolament biss jekk il-Kummissjoni tilqa’ talba min-naħa tagħha għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward, mill-premessi 27 sa 31 u 43 sa 52 tar-regolament provviżorju kif ukoll mill-premessi 21 sa 26 u 35 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li t-talba għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet ġiet miċħuda. Barra minn hekk mill-istess premessi jirriżulta li, skont l-aħħar frażi tal-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, il-valur normali ġie finalment stabbilit b’riferiment għad-data mit-Turkija, li tqieset bħala pajjiż terz analogu b’ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament.

35      F’dan il-kuntest, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk u f’liema ċirkustanzi l-istituzzjonijiet jistgħu jqisu li pajjiż membru tad-WTO jikkostitwixxi pajjiż li ma huwiex ekonomija tas-suq u, għaldaqstant, japplikaw metodoloġija għall-kalkolu tal-valur normali bħal dak deskritt fil-punt preċedenti. Dan l-eżami jeħtieġ li tiġi mfakkra l-pożizzjoni tal-ftehim antidumping fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jeħtieġ ukoll li dan il-ftehim jiġi interpretat, sa fejn dan jagħti lill-membri tad-WTO l-possibbiltà, li jidderogaw mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tiegħu.

36      Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-ftehim antidumping fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hemm lok li l-ewwel nett jitfakkar li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO u l-ftehimiet u l-memorandums inklużi fl-annessi tiegħu ma jinsabux, bħala regola ġenerali, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, fil-każ li l-Komunità riedet teżegwixxi impenn partikolari meħud fil-kuntest tad-WTO, jew fil-każ li l-att Komunitarju jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet u tal-memorandums li jinsabu fl-annessi tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO. F’dan ir-rigward, mill-preambolu tar-regolament bażiku, u b’mod iktar preċiż mill-ħames premessa tiegħu, jirriżulta li dan ir-regolament huwa, b’mod partikolari, intiż sabiex jittrasponi fid-dritt Komunitarju r-regoli ġodda u ddettaljati li jinsabu fil-ftehim antidumping, li jinkludu, b’mod partikolari, dawk relatati mal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, u dan sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni tajba u trasparenti ta’ dawn ir-regoli. Huwa għaldaqstant paċifiku li l-Komunità adottat ir-regolament bażiku sabiex tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha li jirriżultaw mill-ftehim antidumping (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica, C‑76/00 P, Ġabra p. I-79, punti 53 sa 56, u l-ġurisprudenza ċċitata), u dan b’implementazzjoni tal-Artikolu 18(4) ta’ dan il-ftehim (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 160). Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament intitolat “Tistabbilixxi [Determinazzjoni tal-eżistenza ta’] dumping”, il-Komunità riedet timplementa l-obbligi speċifiċi li jirriżultaw mill-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim, li wkoll jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping.

37      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE sa fejn, f’dan il-każ, huwa kien il-bażi għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq bir-riżultat li l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping ġew miksura. Fil-fatt, din il-metodoloġija tikkonsisti fl-istabbiliment tal-valur normali abbażi tad-data minn impriżi li jinsabu f’pajjiż terz, anki fil-każ ta’ importazzjonijiet minn membri tad-WTO, bħar-Repubblika tal-Armenja, li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti mit-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT.

 Is-sistema stabbilita permezz tal-ftehim antidumping u permezz tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT

38      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ftehim antidumping, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Kunsill fid-difiża tiegħu, ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li la l-GATT u la l-ftehim antidumping ma joħolqu l-obbligu speċifiku li l-Armenja tiġi ttrattata bħala ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, fuq il-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq, li barra minn hekk jiżviluppa iktar l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 2009 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), huma bbażati fuq komprensjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-GATT u tal-ftehim antidumping relatati mal-kalkolu tal-valur normali.

39      B’mod partikolari, l-ewwel nett, skont l-Artikolu VI(1) tal-GATT “prodott esportat minn pajjiż lejn pajjiż ieħor għandu jitqies bħala li huwa introdott fit-territorju ta’ pajjiż importatur bi prezz inqas mill-valur normali tiegħu, jekk il-prezz ta’ dan il-prodott huwa: (a) inqas mill-prezz paragunabbli pprattikat fi tranżazzjonijiet kummerċjali fil-pajjiż esportatur; (b) jew, fl-assenza ta’ dan il-prezz fis-suq intern ta’ dan l-aħħar pajjiż, jekk il-prezz tal-prodott esportat huwa (i) inqas mill-ogħla prezz paragunabbli għall-esportazzjoni ta’ prodott simili lejn pajjiż terz fi tranżazzjonjiet kummerċjali normali, (ii) jew inqas mill-ispiża ta’ produzzjoni ta’ dan il-prodott fil-pajjiż ta’ oriġini, flimkien ma’ suppliment raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ u l-profitt”.

40      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-valur normali jikkonsisti jew fil-prezz paragunabbli pprattikat fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għal prodott simili, intiż għall-konsum fil-pajjiż esportatur, jew fl-ogħla prezz paragunabbli għall-esportazzjoni ta’ prodott simili lejn pajjiż terz fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, jew fl-ispiża ta’ produzzjoni ta’ dan il-prodott fil-pajjiż ta’ oriġini, flimkien ma’ suppliment raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ u l-profitt.

41      Dawn ir-regoli huma implementati, fil-livell tad-WTO, permezz tal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping, li jistabbilixxu regoli iktar iddettaljati, filwaqt li jibqgħu dejjem fil-kuntest ta’ dawn it-tliet possibbiltajiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu VI tal-GATT.

42      Sussegwentement, skont l-Artikolu 2.7 tal-ftehim antidumping, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tiegħu hija bla ħsara għat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT. Skont din l-aħħar dispożizzjoni “huwa rrikonoxxut li, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li l-kummerċ tiegħu huwa s-suġġġett ta’ monopolju totali jew kważi totali u fejn il-prezzijiet interni kollha huma ffissati mill-Istat, id-determinazzjoni tal-paragunabbiltà tal-prezzijiet għall-finijiet tal-paragrafu [1] tista’ tippreżenta xi diffikultajiet speċjali u li, f’tali każijiet, il-partijiet kontraenti importaturi jistgħu jqisu neċessarju li jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li paragun eżatt mal-prezzijiet interni ta’ dan il-pajjiż ma jkunx dejjem adatt”.

43      Kuntrarjament għal dak li jqisu l-istituzzjonijiet, l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping, minn naħa, u l-Artikolu 2.7 tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT, min-naħa l-oħra, ma jirrappreżentawx żewġ każijiet estremi (pajjiż b’ekonomija tas-suq kontra monopolju tal-kummerċ mill-Istat) li bejniethom tista’ tiġi prevista serje ta’ sitwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-ftehim antidumping jagħti lill-membri tad-WTO l-libertà li jistabbilixxu r-regoli li huma jqisu adatti fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali, bħall-istabbiliment tal-valur normali abbażi ta’ data li toriġina minn impriżi li jinsabu f’pajjiż terz, jekk il-produttur ikkonċernat ma jasalx sabiex juri li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu f’dak li jirrigwarda l-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili min-naħa tiegħu.

44      Fil-fatt, fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tiegħu, il-ftehim antidumping jistabbilixxi regoli relatati mal-kalkolu tal-valur normali filwaqt li b’ebda mod ma jipprevedi li dawn ir-regoli għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi “b’ekonomija tas-suq”. B’mod partikolari, hekk kif il-Kunsill aċċetta waqt is-seduta, ebda riferiment ma jsir fil-ftehim antidumping jew fl-Artikolu VI tal-GATT għall-kunċett ta’ “ekonomija tas-suq” bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping u tal-Artikolu VI tal-GATT.

45      Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-istrumenti ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Armenja mad-WTO ma jistabbilixxu ebda eċċezzjoni li teżenta lill-membri tad-WTO mill-obbligu li japplikaw regoli kompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping meta jkun qiegħed jiġi kkalkolat il-valur normali tal-prodotti li joriġinaw minn dan il-pajjiż.

46      Il-pożizzjoni tal-Kunsill, li skontha l-inklużjoni, fl-istrumenti ta’ adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam mad-WTO, ta’ eċċezzjonijiet għall-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping flimkien ma’ dati ta’ limitu ta’ applikazzjoni tirrappreżenta biss intenzjoni li jiġi limitat ratione temporis id-dritt tal-membri tad-WTO li ma japplikawx, fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali, regoli kompatibbli ma’ dawn l-artikoli, ma tikkorrispondix mar-realtà tal-fatti.

47      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-punt 15 tal-Parti I tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mad-WTO, jipprovdi espressament għall-possibbiltà li l-membri l-oħra tad-WTO ma japplikawx l-Artikolu 2 tal-ftehim antidumping meta l-produttur(i) kkonċernat(i) ma jurux li huma joperaw taħt kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura, tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili. L-istess japplika fir-rigward tal-punt 3 tal-Parti I tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam mad-WTO, li, b’riferiment għall-punti 527 u 255 tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma relatat mal-adeżjoni ta’ dan il-pajjiż, jistabbilixxi eċċezzjoni identika. Hemm lok li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, l-eċċezzjonijiet inkwistjoni ma ntalbux miż-żewġ pajjiżi kandidati għall-adeżjoni inkambju għall-iffissar ta’ terminu li warajh dawn ikunu abrogati. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 150 tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma relatat mal-adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-punt 254 tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma relatat mal-adeżjoni tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, kienu l-membri tad-WTO li qajmu l-kwistjoni ta’ paragunabbiltà tal-prezzijiet fil-pajjiżi kandidati u kisbu l-impenji msemmija iktar ’il fuq mingħandhom, flimkien ma’ data ta’ limitu li fiha dawn l-impenji jiskadu. Issa, jekk l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping u t-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT kellhom jiġu interpretati bil-mod issuġġerit mill-istituzzjonijiet, l-eċċezzjonijiet maħluqa, fil-forma ta’ “impenn” minn naħa tal-pajjiż ta’ adeżjoni, skont il-Protokolli ta’ adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ma jkollhom ebda għan, peress li l-kuntest ġuridiku eżistenti jkun diġà jippermetti dak li dawn l-eċċezzjonijiet jipprevedu.

48      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping dwar il-valur normali, li jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu VI(1) tal-GATT (ara l-punti 39 u 40 iktar ’il fuq) huma applikabbli ħlief jekk eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli huma previsti fil-ftehim antidumping innifsu, fil-GATT, bħat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT, jew fl-istrumenti ta’ adeżjoni mad-WTO ta’ membru ta’ din l-organizzazzjoni.

49      Għaldaqstant, membru tad-WTO huwa, fid-dawl tal-Artikolu VI tal-GATT u tal-ftehim antidumping, intitolat japplika fir-rigward tal-importazzjonijiet minn membru ieħor tad-WTO metodu għall-kalkolu tal-valur normali differenti mill-metodi previsti fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping, biss billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 2.7 tal-istess ftehim u, għaldaqstant, fuq it-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT jew, skont il-każ, fuq dispożizzjoni partikolari għal dan il-għan li tinsab fl-istrumenti ta’ adeżjoni ta’ dan l-aħħar membru mad-WTO.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax taċċetta l-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet li skontha l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jippermettilhom, mingħajr ma jiksru l-ftehim antidumping, ma japplikawx regoli għall-kalkolu tal-valur normali kompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 ta’ dan il-ftehim anki meta t-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT ma hijiex applikabbli u meta l-istrumenti ta’ adeżjoni mad-WTO tal-pajjiż esportatur ma jipprevedux tali possibbiltà. Mill-analiżi preċedenti jirriżulta wkoll li l-argument tal-istituzzjonijiet li skontu la l-ftehim antidumping u lanqas il-GATT ma joħolqu obbligu speċifiku li l-Armenja tiġi ttrattata bħala ekonomija tas-suq huwa irrilevanti, peress li l-obbligu li jirriżulta minn dawn il-ftehimiet jikkonsisti fl-applikazzjoni, fir-rigward ta’ membri oħra tad-WTO, bħar-Repubblika tal-Armenja, ta’ regoli kompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping bl-eċċezzjonijiet indikati fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-artikoli jinkludu numru ta’ regoli ċari, preċiżi u ddettaljati li jistabbilixxu l-metodi għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) mingħajr ma jżidu magħhom kundizzjonijiet li jħallu l-applikazzjoni tagħhom għad-diskrezzjoni tal-membri tad-WTO. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ deroga minn dawn ir-regoli abbażi tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT, li għaliha jirreferi l-Artikolu 2.7 tal-ftehim antidumping, hija ddefinita b’mod preċiż. B’mod partikolari, il-“pajjiżi li l-kummerċ tagħhom huwa s-suġġett ta’ monopolju totali jew kważi totali u fejn il-prezzijiet kollha huma ffissati mill-Istat” jaqgħu taħt il-kamp ta applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni legali hija ċara f’dak li jikkonċerna l-estent tas-sitwazzjonijiet li hija tkopri, b’mod li tippermetti kemm lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jevalwaw jekk membru tad-WTO jissodisfax id-deskrizzjoni korrispondenti kif ukoll lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ din l-evalwazzjoni u tislet, fejn ikun rilevanti, il-konsegwenzi neċessarji skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 36 iktar ’il fuq.

51      Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kunsill, magħmula insostenn tal-interpretazzjoni tiegħu tal-ftehim antidumping, li skontha l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada qiesu lill-Armenja bħala li hija pajjiż li ma huwiex ekonomija tas-suq anki wara l-adeżjoni tagħha mad-WTO, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kunsill ma ddubitax il-konfutazzjonijiet iddettaljati tar-rikorrenti, sostnuti b’riferimenti għal-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, anki jekk, f’kull każ, din l-istituzzjoni ma tatx prova tal-eżattezza materjali tal-affermazzjoni tagħha.

 Ir-regoli stabbiliti permezz tar-regolament bażiku u l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni

52      F’kuntest bħal dak indikat fil-punti 39 sa 50 iktar ’il fuq, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta dispożizzjonijiet relatati ma’ pajjiżi “li ma humiex ekonomija tas-suq” applikabbli għal membru tad-WTO li jinsab fuq lista ta’ tali pajjiżi, bħal-lista li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku, dan l-eżerċizzju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT u għalhekk jeħtieġ evalwazzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk dan il-membru tad-WTO jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni inkwistjoni.

53      Barra minn hekk hemm lok li jitfakkar li t-tħejjija ta’ lista ta’ pajjiżi meqjusa bħala li ma humiex ekonomija tas-suq saret permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1681/79, tal-1 ta’ Awwissu 1979, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 459/68 dwar il-protezzjoni kontra l-prattiki ta’ “dumping”, premiums jew sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 196, p. 1). Skont is-sitt premessa tar-Regolament Nru 1681/79, it-tħejjija ta’ din il-lista tikkostitwixxi kodifikazzjoni tal-prattika żviluppata sa dak iż-żmien taħt l-Artikolu 3(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 459/68, tal-5 ta’ April 1968, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, ta’ premiums jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 93, p. 1). Issa, din l-aħħar dispożizzjoni essenzjalment irriproduċiet id-definizzjoni tal-pajjiżi li ma humiex ekonomija tas-suq ipprovduta mit-tieni dispożizzjoni addizzjoni għall-Artikolu VI(1) tal-GATT [ara, fir-rigward tal-prattika żviluppata f’dan ir-rigward taħt ir-Regolament Nru 459/68, is-sitt premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 955/79, tal-15 ta’ Mejju 1979, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq ċerta erbiċida li toriġina mir-Rumanija (ĠU L 121, p. 5)].

54      Il-prattika leġiżlattiva li tikkonsisti fit-tħejjija ta’ lista ta’ pajjiżi meqjusa bħala li ma humiex ekonomija tas-suq permezz ta’ riferiment għal-lista ta’ pajjiżi annessa mar-regolamenti dwar is-sistema komuni applikabbli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi fejn l-Istat jagħmel kummerċ ġiet kostantement segwita mill-Kunsill, kif muri mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3017/79, tal-20 ta’ Diċembru 1979, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ “dumping” jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 339, p. 1), mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2176/84, tat-23 ta’ Lulju 1984, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 201, p. 1), mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1), mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 349, p. 1), u mill-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku, fil-verżjoni inizjali tiegħu.

55      Barra minn hekk, skont il-punti 4 u 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [COM(97)677 finali], tat-12 ta’ Diċembru 1997, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew huma l-istess kunsiderazzjonijiet relatati mal-affidabbiltà tal-prezzijiet fi ħdan ekonomiji ċentralizzati li taw lok kemm għall-adozzjoni mill-Komunità tad-dispożizzjonijiet analogi għall-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kif ukoll għall-adozzjoni tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT.

56      Għaldaqstant, għalkemm il-fatt li tiġi stabbilita lista ta’ pajjiżi meqjusa bħala li ma humiex ta’ ekonomija tas-suq, u li fir-rigward tagħhom il-valur normali huwa kkalkolat abbażi tal-metodi li ma humiex dawk stabbiliti mill-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping, fih innifsu ma jiksirx dan il-ftehim, iż-żamma f’din il-lista ta’ pajjiż li biż-żmien aderixxa mad-WTO għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet validi li juru li huwa jissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT.

57      Madankollu, f’dan il-każ, la r-regolament ikkontestat u lanqas l-argumenti tal-Kunsill ma għandhom it-tendenza li jsostnu li l-Armenja tissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-tieni dispożizzjoni addizzjoni għall-Artikolu VI(1) tal-GATT.

58      B’mod partikolari, hekk kif ġie indikat fil-punt 34 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet immotivaw l-applikazzjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq prevista fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku bir-riferiment biss għall-fatt li l-Armenja hija msemmija fin-nota ta qiegħ il-paġna inkluża f’din id-dispożizzjoni, li finalment ġiet applikata skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, wara ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Barra minn hekk mill-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2009 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) jirriżulta li din l-istituzzjoni qieset li l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kienet konformi f’dan il-każ mal-ftehim antidumping minħabba li l-Artikoli 2.1 u 2.2 ta’ dan il-ftehim, minn naħa, u t-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT, min-naħa l-oħra, kienu jippreżentaw żewġ każijiet estremi li bejniethom setgħu jeżistu sitwazzjonijiet differenti, bħas-sitwazzjoni ta’ membru tad-WTO li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ din l-aħħar dispożizzjoni filwaqt li jista’ jitqies bħala li ma huwiex ekonomija tas-suq. Issa, minn natura tiegħu, l-argument li skontu l-Armenja hija ekonomija fi tranżizzjoni li tinsab bejn ekonomija tas-suq u monopolju mill-Istat kif deskritt fit-tieni dispożizzjonijiet addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT huwa bbażat fuq il-premessa li skontha l-Armenja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

59      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Armenja mad-WTO, l-inklużjoni ta’ dan il-pajjiż fil-lista li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku ma hijiex iktar kompatibbli mas-sistema ta’ regoli stabbilita mill-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping u mit-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI tal-GATT, sa fejn tali inklużjoni għandha bħala effett li tirrendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku dipendenti fuq l-aċċettazzjoni minn qabel ta’ talba għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq imressqa mill-impriża kkonċernata u, fil-każ ta’ ċaħda ta’ din it-talba, twassal għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

60      Għaldaqstant, kif issostni r-rikorrenti, fl-assenza ta’ prova li l-Armenja tista’ titqies li hija tissodisfa l-kriterji stabbiliti mit-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT u fid-dawl tal-fatt li, skont l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, l-Armenja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), ir-riferiment għall-Armenja fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku ma jikkostitwixxix bażi valida għall-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tal-istess regolament u għandu, għal dan il-għan, jiġi ddikjarat inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE. Għaldaqstant l-istituzzjonijiet ma setgħux jirrendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku dipendenti fuq l-aċċettazzjoni ta’ talba għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq li r-rikorrenti kellha, skonthom, tressaq għal dan il-għan skont l-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan l-istess regolament u lanqas japplikaw, sussegwentement għaċ-ċaħda ta’ din it-talba, il-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi bbaża ruħu fuq ir-riferiment għall-Armenja fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku u billi applika, wara ċ-ċaħda tat-talba għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, imressqa mir-rikorrenti skont l-Artikolu 2(7)(b) tal-istess regolament, il-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, ir-regolament ikkontestat implementa metodu għall-kalkolu tal-valur normali inkompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping u mat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT filwaqt li kiser ukoll l-Aritkolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku.

62      Għaldaqstant hemm lok, li jiġi kkonstatat li l-ewwel motiv huwa fondat u li r-regolament ikkontestat jiġi annullat mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa insostenn tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

64      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa annullat fir-rigward ta’ Rusal Armenal ZAO.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż ta’ Rusal Armenal.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Prek

 

       Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Novembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.