Language of document : ECLI:EU:T:2011:272

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

15 ta’ Ġunju 2011

Kawża T-510/09 P

V

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità fiżika meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet — Obbligu ta’ motivazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-21 ta’ Ottubru 2009, V vs Il‑Kummissjoni (F‑33/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠabraSP p. I‑A‑1‑403 u II‑A‑1‑2159), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tal-21 ta Ottubru 2009, V vs Il‑Kummissjoni (F‑33/08) hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jiddeċiedi fuq motiv imqajjem minn V waqt is-seduta u bbażat fuq in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-President tal-Kummissjoni Medika fil-lista tal-Kunsill Mediku Belġjan. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Ir-rikors ippreżentat minn V quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑33/08 huwa miċħud. V għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza. L-ispejjeż relatati mal-proċeduri tal-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza V vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, għandhom jitħallsu skont kif stabbilit fil-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità fiżika — Irregolarità tal-opinjoni medika ta’ inkapaċità — Adozzjoni, min-naħa tal-Kumitat Mediku, tal-opinjoni medika finali abbażi tal-opinjoni irregolari — Illegalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 33)

2.      Proċedura — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Talba għall-produzzjoni ta’ dokument — Verifika tan-natura kunfidenzjali — Inapplikabbiltà fil-każ ta’ rifjut ibbażat fuq in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti fir-rigward tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 44(2))

3.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Limiti — Obbligu li tingħata deċiżjoni dwar kull allegazzjoni ta’ ksur ta’ dritt

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36, u Anness I, Artikolu 7(1))

1.      Irregolarità, fl-opinjoni medika negattiva ta’ uffiċjal mediku ta’ istituzzjoni stabbilita wara l-eżami mediku ta’ qabel l-impjieg, tista’ taffettwa kemm il-legalità tal-opinjoni finali maħruġa mill-Kumitat Mediku adit abbażi tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll id-deċiżjoni li tirrifjuta r-reklutaġġ adottata abbażi tal-imsemmija opinjoni finali.

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kumitat Mediku jista’ jagħmel eżami mill-ġdid komplet u imparzjali tas-sitwazzjoni tal-kandidat, madankollu, fin-nuqqas ta’ opinjoni medika negattiva skont ir-regoli, maħruġa mill-uffiċjal mediku, il-Kumitat Mediku ma jistax jiġi adit b’mod validu.

(ara l-punti 51 u 52)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 14 ta’ April 1994, A vs Il-Kummissjoni, T‑10/93, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑387, punt 27

2.      Skont l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa jista’ jitlob, b’digriet, il-produzzjoni ta’ dokumenti allegatament kunfidenzjali filwaqt li jobbliga ruħu li jivverifika jekk il-parti li qed tinvoka n-natura kunfidenzjali hijiex fondata li topponi l-komunikazzjoni tagħhom lill-parti l-oħra. L-unika reazzjoni possibbli ta’ qorti meta affaċċjata b’rifjut ta’ osservanza ta’ digriet hija dik li tieħu inkunsiderazzjoni dan ir-rifjut fid-deċiżjoni li ttemm il-kawża, dejjem sakemm tkun użat il-mezzi kollha disponibbli għaliha sabiex tikseb il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni.

Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li n-natura kunfidenzjali ta’ ċerta data ma tistax tiġi invokata direttament kontra t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni neċessarjament timplika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jsir jaf il-kontenut ta’ din id-data u jeżamina n-natura kunfidenzjali tagħha, sabiex jiddeċiedi jekk hija tistax tiġi kkomunikata lill-parti l-oħra.

F’dan ir-rigward, fil-każ fejn rikorrent, li jkun qed jinvoka l-protezzjoni tal-ħajja privata tiegħu, jirrifjuta li jiżvela lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kontenut ta’ dokumenti suġġetti għas-sigriet mediku u miżmuma mill-konvenut, l-imsemmi Tribunal ma jistax japplika l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-każ li fih parti tinvoka l-kunfidenzjalità kontra t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex topponi li jiġu mibgħuta lilu dokumenti li huwa jikkunsidra utli għas-soluzzjoni tal-kontroversja.

(ara l-punti 72 sa 75)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Meierhofer, T‑560/08 P, Ġabra P. II‑1739, punti 68 sa 74

3.      Għalkemm l-obbligu ta’ motivazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 u skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jimplikax li huwa għandu jirrispondi fid-dettall għall-argumenti kollha invokati mill-partijiet, b’mod partikolari meta dawn ma jkunux ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma jkunux ibbażati fuq provi ddettaljati, madankollu dan l-obbligu jimponi li l-imsemmi Tribunal, minn tal-inqas, jeżamina l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur ta’ drittijiet imressqa quddiemu. Il-motivazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tista’ għaldaqstant tkun impliċita, sakemm hija tkun tippermetti lill-persuni affettwati minn deċiżjoni ta’ dan it-Tribunal li jsiru jafu r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni u lill-qorti tal-appell li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

F’dan ir-rigward, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandha tiġi annullata sa fejn din ma tirrispondix għal motiv diskuss matul is-seduta quddiemu, motiv li kien jammonta għal motiv fuq punt ta’ liġi li kien separat u li ma kienx marbut mal-motivi invokati fl-osservazzjonijiet bil-miktub. Fil-fatt, peress li l-proċess verbali tas-seduta ma jindikax il-motiv u s-sentenza ma ssemmih imkien, ir-rikorrenti ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet li għalihom dan il-motiv twarrab mir-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 83, 85 sa 88)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra P. I‑8725, punt 72; 25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 2; 9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, C‑16/07 P, Ġabra P. I‑7469, punt 87