Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2014 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fil-11 ta’ Diċembru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-130/11, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-104/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, D. Martin u G. Gattinara, aġenti)

Appellati: Marco Verile (Cadrezzate, l-Italja) u Anduela Gjergji (Brussell, il-Belġju)

Talbiet

tannulla s-sentenza tat-Tribunual għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża F-130/11, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ din l-istanza;

tikkundanna lil M. Verile u A. Gjergji għall-ispejjeż tal-istanza mibdija quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li r-rikors fl-ewwel istanza kien ammissibbli billi kklassifikah bħala att li jikkawża preġudizzju lill-proposta magħmula mill-Kummissjoni lill-partijiet ikkonċernati fuq in-numru ta’ snin ta’ servizz għall-pensjoni li għandhom jiġu kkreditati skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (li jikkonċerna l-punti 37 sa 55 tas-sentenza appellata).

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’mod illegali qajjem ex officio l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni fuq it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni adottati fl-2011. Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ma ġiex invokat espressament mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u barra minn hekk, ma ġiex suġġett għal dibattitu kontradittorju (li jikkonċerna l-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata).

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żbalji ta’ liġi mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tad-dispożizzjonijiet relatati mat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni (li jikkonċerna l-punti 74 sa 98, 106, 109 u 110 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni ssostni li, billi kkunsidra li l-kunċett ta’ “valur kapitali” imsemmi fl-Artikolu 11(2)tal-imsemmi Anness VIII huwa differenti mill-kunċett ta’ “ekwivalenti attwarju” imsemmi fl-Artikolu 11(1), u ddefinit fl-Artikolu 8 tal-imsemmi Anness VIII, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku llimita ruħu għal interpretazzjoni letterali sabiex jasal għal konklużjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal inugwaljanzi qawwija fit-trattament bejn l-uffiċjali li talbu trasferiment “in” u l-uffiċjali li talbu trasferiment “out” tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni. Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mad-dritt tal-proprjetà tal-uffiċjali li jitolbu trasferiment “in”.Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żbalji ta’ liġi meta kkunsidra li d-drittijiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-qasam tat-trasferiment tad-drittijiet tagħhom kienu diġà “kompletament ikkostitwiti” fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni fuq it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni adottati fl-2011, peress li hija biss id-deċiżjoni finali tal-ikkreditar li għandha tiddefinixxi d-drittijiet għall-pensjoni ttrasferiti (li jikkonċerna l-punti 99 sa 108 tas-sentenza appellata).