Language of document : ECLI:EU:T:2015:776

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali — Proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz — Att li ma jikkawżax preġudizzju — Innammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza — Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T-104/14 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Qorti Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni (F‑130/11, ĠabraSP, EU:F:2013:195), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, G. Gattinara u D. Martin, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Marco Verile, residenti f’Cadrezzate (l-Italja),

u

Anduela Gjergji, residenti fi Brussell (il-Belġju),

inizjalment irrappreżentati minn D. de Abreu Caldas, J.‑N. Louis u M. de Abreu Caldas, sussegwentement minn Louis u N. de Montigny, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, H. Kanninen u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Qorti Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni (F‑130/11, ĠabraSP, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:F:2013:195), li permezz tagħha dan annulla d-“deċiżjonijiet” tal-Kummissjoni, tad-19 u l-20 ta’ Mejju 2011, indirizzati rispettivament lil Anduela Gjergji u lil Marco Verile.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 14 sa 20 (f’dak li jirrigwarda lil M. Verile) u fil-punti 21 sa 27 (f’dak li jirrigwarda A. Gjergji) tas-sentenza appellata.

3        Fis-17 ta’ Novembru 2009, talab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa kien kiseb fil-Lussemburgu qabel ma daħal fis-servizz tal-Kummissjoni u ġie kkomunikat mis-servizzi ta’ din tal-aħħar, fil-5 ta’ Mejju 2010, bl-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Din kienet tistabbilixxi bħala seba’ snin u disa’ xhur in-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea, skont il-perijodu ta’ servizz preċedenti. Barra minn hekk, hija tipprevedi li, tirrappreżenta l-eċċess tal-kapital, li ma jistax jiġi kkonvertit fi snin ta’ servizz, jiġi rrimborsat lilu.

4        M. Verile aċċetta l-proposta msemmija hawn fuq fis-7 ta’ Settembru 2010, iżda, fl-20 ta’ Mejju 2011, ġiet ikkomunikata lilu t-tieni proposta, li tannulla u tissostitwixxi l-ewwel waħda. In-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wara li l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni msemmija f’din it-tieni proposta kienet l-istess li din tipprevedi fl-ewwel waħda, iżda l-eċċess tal-kapital li jkun irrimborsat lil M. Verile ġie mnaqqas. Ir-raġuni li ressqet il-Kummissjoni sabiex tiġġustifika din l-emenda kienet li l-ewwel proposta kienet ibbażata fuq kalkolu magħmul li jsegwi t-termini tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), adottati permezz tad-Deċiżjoni C (2004) 1588, tat-28 ta’ April 2004, ippubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 60 tad-9 ta’ Ġunju 2004 (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2004”), u kien jeħtieġ kalkolu ġdid, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1278, tat-3 ta’ Marzu 2011, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni, ippubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 17 tat-28 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2011”).

5        M. Verile aċċetta t-tieni proposta, iżda, sussegwentement huwa ppreżenta lment, li fih talab lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) li tirtiraha u titrasferixxi d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu fuq il-bażi tad-DĠI 2004. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-19 ta’ Awwissu 2011.

6        Bħalma għamel M. Verile, A. Gjergji fl-1 ta’ Lulju 2009, talbet it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li hija kisbet fil-Belġju qabel ma daħlet fis-servizz u ġiet ikkomunikata l-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Dan ġie ffissat għal ħames snin ħames xhur u jumejn bħala n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u tipprevedi, barra min hekk, li somma li tiġi rrimborsata lilu, skont l-eċċess tal-kapital li jiġi ttrasferit. Hija aċċettat din l-ewwel proposta tas-7 ta’ Settembru 2010, iżda, fid-19 ta’ Mejju 2011, hija ġiet ikkomunikata bit-tieni proposta, li tannulla u tissostitwixxi l-ewwel waħda. It-tieni proposta niżżlet għal erba’ snin, għaxar xhur u sbatax-il jum in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u ma kinitx tipprevedi iktar ir-rimbors ta’ eċċess tal-kapital li għandu jiġi ttrasferit.

7        A. Gjergji aċċettat din it-tieni proposta, iżda, sussegwentement, hija ressqet ilment minflokha. Dan l-ilment kien jinkludi fih ukoll talba bbażata fuq l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba fil-Belġju fuq il-bażi tal-ewwel proposta. Kemm l-ilment kif ukoll it-talba ġew miċħuda permezz tad-deċiżjoni tat-22 Awwissu 2011.

 Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

8        Fit-2 ta’ Diċembru 2011, M. Verile u A. Gjergji ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, irreġistrat bir-referenza F‑130/11, li fih talbu l-annullament tat-tieni proposti li ġew ikkomunikati lilhom mill-Kummissjoni kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti li huma kienu ressqu kontra dawn il-proposti.

9        Wara li kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti kienu neqsin minn portata awtonoma u li, konsegwentement, ir-rikors għandu jitqies li huwa dirett biss lejn it-tieni proposti (punti 32 u 33 tas-sentenza appellata), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea eżamina l-ammissibbiltà tar-rikors, ikkontestata mill-Kummissjoni, u hu kkonkluda li kien ammissibbli. Il-punti 37 sa 55 tas-sentenza appellata, li jittrattaw din il-kwistjoni huma fformulati hekk:

“37      L-ewwel nett għandu jitfakkar li s-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, kif prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tippermetti koordinazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali u l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, hija intiża sabiex tiffaċilita ċ-ċaqliq minn impjiegi nazzjonali, fis-settur pubbliku jew privat, u anki internazzjonali, għall-amministrazzjoni tal-Unjoni u sabiex b’hekk tiggarantixxi lill-Unjoni l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà jkollu esperjenza professjonali xierqa (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci, C‑286/09 u C‑287/09, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej b’mod partikolari waslet sabiex tikkunsidra li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz mibgħuta lill-uffiċjal sabiex jaqbel magħhom huma ‘deċiżjonijiet’ li għandhom effett doppju: minn naħa, l-effett li jikkonservaw għall-benefiċċju tal-uffiċjal ikkonċernat u fl-ordinament ġuridiku tal-oriġini l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa jkun kiseb taħt l-iskema tal-pensjoni nazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-effett li jiġi żgurat, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet supplimentari, li dawn id-drittijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, min-naħa tiegħu, diġà ddeċieda li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz jikkostitwixxu atti ta’ natura unilaterali, li ma jeħtieġu l-ebda miżura oħra min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti u li jikkawżaw preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat. F’każ kuntrarju, tali atti ma jkunux jistgħu, bħala tali, jiġu kkontestati jew, tallinqas, ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment jew ta’ rikors ħlief wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti, f’data mhux determinata u li tingħata minn awtorità li ma hijiex l-Awtorità tal-Ħatra. Din l-analiżi ma tirrispettax id-dritt tal-uffiċjali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali inerenti fir-regoli dwar it-termini stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Ottubru 2007, Pouzol vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑17/07, punti 52 u 53).

40      Finalment, din il-linja ġurisprudenzjali ġiet ikkonfermata wkoll bis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Diċembru 2012, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑122/10, li hija s-suġġett ta’ appell bħalissa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑103/13 P, punti 37 sa 39), li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat.

41      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jipproponu lill-uffiċjal sabiex dan jaqbel magħha, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva f’diversi stadji deskritta fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, hija att unilaterali li jista’ jiġi sseparat mill-qafas proċedurali li fih jaqa’ u li jiġi adottat bis-saħħa ta’ kompetenza limitata, attribwita ex lege lill-istituzzjoni, għaliex tirriżulta direttament mid-dritt individwali li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti espressament lill-uffiċjali u lil membri tal-persunal meta jidħlu fis-servizz fi ħdan.

42      Fir-realtà, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza limitata tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi proposta ta’ akkreditazzjoni li tkun ibbażata fuq l-informazzjoni rilevanti kollha li hija obbligata tikseb, mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati, preċiżament fil-kuntest ta’ koordinazzjoni mill-qrib u ta’ kooperazzjoni leali bejn dawn tal-aħħar u s-servizzi tagħha En Tali proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, konsegwentement, ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala manifestazzjoni ta’ ‘sempliċi intenzjoni’ tas-servizzi tal-istituzzjoni li jinformaw lill-uffiċjal ikkonċernat, sakemm jistennew li effettivament jirċievu l-aċċettazzjoni tiegħu kif ukoll, sussegwentement, li jirċievu l-kapital li jippermettilhom jipproċedu bl-akkreditazzjoni. Għall-kuntrarju, tali proposta tikkostitwixxi l-impenn meħtieġ mill-istituzzjoni li tipproċedi b’mod korrett għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjal li huwa jkun eżerċita meta ssottometta t-talba tiegħu għat-trasferiment. It-trasferiment tal-kapital aġġornat fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni jikkostitwixxi, minn naħa tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu distint li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali u li huwa meħtieġ sabiex tiġi kkompletata l-proċedura kollha ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

43      Ukoll, l-eżerċizzju tal-kompetenza limitata għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tuża d-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-uffiċjal li jkun għamel talba għall-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jaċċetta l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz b’għarfien sħin tal-kawża, kemm f’dak li jirrigwarda l-elementi meħtieġa għall-kalkolu li jirrigwarda d-determinazzjoni tan-numru ta’ snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw, ‘fid-data tat-talba tat-trasferiment’, il-modalitajiet ta’ dan il-kalkolu, kif jispeċifika l-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal meta jipprovdi li l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha għandha ‘tistabbilixxi’, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, fid-dawl tas-salarju bażiku, tal-età u tar-rata ta’ kambju fid-data tat-talba tat-trasferiment, ‘in-numru ta’ snin tas-servizz’ li hija għandha tikkunsidra.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal li jkun għamel talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu.

45      Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-kunsiderazzjonijiet spjegati hawn taħt.

46      Fl-ewwel lok, filwaqt li jikkonfermaw prassi preċedenti li kienet espressa fi klawżoli li kienu jinsabu fil-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, id-DĠI 2011 issa jistipulaw espressament, fl-Artikolu 8 tagħhom, li l-aċċettazzjoni li l-uffiċjal huwa mistieden li jagħti għall-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, meta tingħata, tkun ‘irrevokabbli’. Issa, in-natura irrevokabbli tal-aċċettazzjoni tal-uffiċjal, meta tingħata, hija ġġustifikata biss jekk il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tkun tat lill-persuna kkonċernata proposta li l-kontenut tagħha jkun ġie kkalkolat u ppreżentat bid-diliġenza kollha meħtieġa u li torbot lill-Kummissjoni, fis-sens li hija tkun obbligata li tkompli, fuq din il-bażi, il-proċedura ta’ trasferiment f’każ ta’ aċċettazzjoni tal-persuna kkonċernata.

47      Fit-tieni lok, il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija magħmula, fil-prinċipju, abbażi ta’ metodu ta’ kalkolu li huwa l-istess bħal dak applikat fil-mument meta l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tirċievi l-kapital kollha definittivament ittrasferit mill-fondi nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini.

48      L-iktar l-iktar, dak li jista’ jinbidel, jekk ikun il-każ, bejn id-data tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz u dik tal-ġbir tal-kapital definittivament ittrasferit huwa l-ammont tas-somma kkonċernata, peress li l-ammont tal-kapital trasferibbli aġġornat fid-data tat-talba tat-trasferiment jista’ jkun differenti mill-ammont tal-kapital fid-data meta effettivament jiġi ttrasferit minħabba xi varjazzjonijiet, pereżempju, fir-rati ta’ kambju. Anki f’dan l-aħħar każ, li barra minn hekk jista’ jikkonċerna biss it-trasferimenti ta’ kapital espressi f’muniti oħra minbarra l-euro, il-metodu tal-kalkolu applikat għal dawn iż-żewġ valuri huwa l-istess.

49      Fit-tielet lok, l-argument tal-Kummissjoni, li hija biss id-deċiżjoni tal-akkreditazzjoni adottata wara l-ġbir tal-kapital ittrasferit li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat, b’mod ċar imur kontra l-għan tal-proċedura amministrattiva ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni. Din il-proċedura għandha l-għan speċifiku li tippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-kawża u qabel ma l-kapital korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet kollha tiegħu ma jiġi definittivament ittrasferit għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, jekk għalih huwiex aħjar li jakkumula d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu preċedenti ma’ dawk li huwa jakkwista bħala uffiċjal tal-Unjoni jew, għall-kuntrarju, li jħalli dawk id-drittijiet fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (ara s-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91). Fil-fatt, l-argument tal-Kummissjoni jobbliga lill-uffiċjal ikkonċernat li jikkontesta l-metodu li permezz tiegħu s-servizzi tal-Kummissjoni kkalkolaw in-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati li għalihom huwa għandu dritt biss wara li l-fondi ta’ pensjoni nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini jkunu definittivament ittrasferew il-kapital lill-Kummissjoni, xi ħaġa li teqred fil-prattika s-sustanza stess tad-dritt mogħti lill-uffiċjal permezz tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħżel li jipproċedi bit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu jew li jżommhom fil-fondi ta’ pensjoni nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini.

50      Fl-aħħar, fir-raba’ lok, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma biss atti preparatorji minħabba l-fatt li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li n-numru tas-snin ta’ servizz għandu jiġi kkalkolat ‘fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit’.

51      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-istituzzjoni kkonċernata ‘tistabbilixxi’ in-numru tas-snin ta’ servizz l-ewwel nett ‘permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni […] wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment’, u li wara hija tikkunsidra n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli, stabbilit b’dan il-mod, fi ħdan l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni ‘fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit’.

52      Dan il-kliem huwa kkonfermat minn dak tal-Artikolu 7 tad-DĠI 2004 u tal-Artikolu 7 tad-DĠI 2011. Il-kliem ta’ dawn l-artikoli fil-fatt jipprovdi, fil-każ tat-tnejn li huma, fil-paragrafu 1 tagħhom, li n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu kkunsidrati huwa kkalkolat ‘abbażi tal-ammont trasferibbli li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba […] wara li jitnaqqas l-ammont li jirrappreżenta r-rivalutazzjoni tal-kapital bejn id-data li fiha tiġi rreġistrata t-talba tat-trasferiment u d-data tat-trasferiment effettiv’. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53      L-Artikolu 7(2) tad-DĠI 2004 kif ukoll tad-DĠI 2011 jispeċifika li n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandu jiġi kkunsidrat ‘huwa kkalkolat […] abbażi tal-ammont ittrasferit’ [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont il-formula matematika li tinsab fl-ewwel inċiż tal-istess paragrafu.

54      Mid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija għalhekk jirriżulta li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma kkalkolati abbażi tal-ammont trasferibbli fid-data meta tiġi rreġistrata t-talba, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti lis-servizzi tal-Kummissjoni, wara li jitnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont li jirrappreżenta r-rivalutazzjoni tal-kapital bejn id-data tar-reġistrazzjoni tat-talba u dik tat-trasferiment effettiv, liema differenza pekunjarja ma għandhiex, fil-fatt, tiġi sostnuta mill-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma att li jikkawża preġudizzju u li t-talbiet għall-annullament tagħhom huma għalhekk ammissibbli.”

10      Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea eżamina konġuntament l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors li bihom, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (punt 72 tas-sentenza appellata), ir-rikorrenti jissollevaw, essenzjalment, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, peress li jipprevedi l-applikazzjoni retroattiva tad-DĠI 2011 għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mressqa wara l-1 ta’ Jannar 2009, bħal dawk ta’ M. Verile u ta’ A. Gjergji.

11      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea kkonkluda li l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija hawn fuq hija fondata (punt 108 tas-sentenza appellata) u li, konsegwentement, l-ewwel proposti indirizzati lil M. Verile u lil A. Gjergji ma humiex ivvizzjati b’ebda illegalità u għalhekk ma setgħux jiġu rtirati, peress li d-DĠI 2004 huma applikabbli għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mressqa minn M. Verile u minn A. Gjergji (punti 109 u 110 tas-sentenza appellata). Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea annulla d-“deċiżjonijiet” tal-Kummissjoni tad-19 u tal-20 ta’ Mejju 2011, indirizzati rispettivament lil, A. Gjergji u lil M. Verile.

 Il-proċedura quddiem it-Tribunal u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell. Fil-5 ta’ Mejju 2014, M. Verile u A. Gjergji ppreżentaw ir-risposta tagħhom.

13      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fit-8 ta’ Settembru 2014.

14      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2014, M. Verile u A. Gjergji ppreżentaw talba motivata, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex jinstemgħu fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Permezz tad-Digriet tat-13 ta’ April 2015, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tal-Awla tal-Appell ordna li din il-kawża tingħaqad mal-Kawżi T‑103/13 P, Il-Kummissjoni vs Cocchi u Falcione, u T‑131/14 P, Teughels vs Il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

16      fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikolu 64 u 144 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 2001, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex twieġeb għal ċerti mistoqsijiet u sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Hija ssodisfat it-talbiet tagħha fit-terminu mogħti.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015.

18      Permezz tad-Digriet tat-8 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura orali, hija stiednet lill-partijiet sabiex jieħdu pożizzjoni dwar separazzjoni eventwali ta’ din il-kawża mill-Kawżi T‑103/13 P u T‑131/14 P, għall-finijiet tas-sentenza.

19      Wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ġiet isseparata mill-Kawżi T‑103/13 P u T‑131/14 P permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2015. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-Qorti Ġenerali għalqet mill-ġdid il-proċedura orali.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tordna lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell.

–        tikkundanna lil M. Verile u A. Gjergji għall-ispejjeż irrelatati mal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

21      M. Verile u A. Gjergji jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

22      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq “ksur tal-kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju” u, essenzjalment, tilmenta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea wettaq żball ta’ liġi, peress li kkunsidra ammissibbli r-rikors ippreżentat minn M. Verile u A. Gjergji. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea bbaża s-sentenza appellata fuq motiv rrilevat ex officio, li ma ġiex suġġett għal dibattitu kontradittorju. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn uffiċjal qabel ma jidħol fis-servizz. Fl-aħħar nett, ir-raba’ wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea kkunsidra li d-drittijiet ta’ M. Verile u A. Gjergji kienu diġà “kompletament ikkostitwiti” fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011.

23      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju.

24      Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li huwa wara żball ta’ liġi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea kkunsidra li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, indirizzata minn istituzzjoni lil uffiċjal jew membru tal-persunal tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Skont il-Kummissjoni, tali proposta tikkostitwixxi miżura intermedja li l-għan tagħha huwa li tipprepara d-deċiżjoni li twassal għat-trasferiment lejn skema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni, tad-drittijiet miksuba mill-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ skema oħra. Minn dan isegwi li att li jwassal għall-irtirar tal-proposta ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju u ma jistax ikun is-suġġett ta’ talba ta’ annullament. Il-Kummissjoni tressaq diversi argumenti sabiex tirrifjuta l-kunsiderazzjonijiet differenti miġjuba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-argument tiegħu.

25      M. Verile u A. Gjergji jikkontestaw dan l-argument. Huma jsostnu li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huwa att li jikkawża preġudizzju, peress li hija simili għal “offerta” fil-liġi nazzjonali li, mill-mument fejn hija konformi mad-dritt applikabbli, issir irrevokabbli. Skont M. Verile u A. Gjergji, tali proposta tikkostitwixxi “obbligu li jirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dritt li l-uffiċjal għandu skont ir-Regolamenti tal-Persunal”.

26      Huma jżidu li l-proposta tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjal ikkonċernat, sa fejn huwa minnha li jkunu f’qagħda li jiddeterminaw il-parametri kollha li jippermettu l-kisba ta’ kapital aġġornat u numru ta’ snin ta’ servizz korrispondenti. Fl-aħħar nett, huma jallegaw li, jekk l-argument tal-Kummissjoni jiġi aċċettat, l-uffiċjal ikkonċernat jiġi mċaħħad mid-dritt għal rimedju effettiv.

27      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kwalunkwe kawża bejn l-Unjoni u waħda mill-persuni msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal u dwar il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata.

28      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jitqiesu li jikkawżaw preġudizzju biss dawk l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jeffetwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tal-persuni kkonċernati, billi tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tagħhom (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il-Qorti tal-Awdituri, 204/85, Ġabra, EU:C:1987:21, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Ġunju 1994, Pérez Jiménez vs Il-Kummissjoni, T‑6/93, ĠabraSP, EU:T:1994:63, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, ikkomunikata lil uffiċjal jew membru tal-persunal mill-istituzzjoni tiegħu wara li jkun ressaq applikazzjoni ta’ trasferiment, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema oħra fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju skont Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

30      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fakkar, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li kien diġà ddeċieda li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz kienet att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat, huwa ma indikax l-effetti legali vinkolanti li jeffettwaw, minħabba l-formulazzjoni tal-proposta, is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

31      L-unika indikazzjoni tidher fit-tielet sentenza tal-punt 42 tas-sentenza appellata, fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz “impenn meħtieġ mill-istituzzjoni li tipproċedi b’mod korrett għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjal li huwa jkun eżerċita meta ssottometta t-talba tiegħu għat-trasferiment”.

32      Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea mfakkra fil-punt 31 hawn fuq, jekk proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tipproduċi effetti legali vinkolanti li jeffetwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju tagħha u, jekk iva, li jiġu identifikati dawn l-effetti.

33      Skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-[tal-Unjoni] wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali

jew

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu;

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Komunitajiet il-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-[Unjoni] dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati.”

34      Għandu jiġi nnotat li s-sentenza “permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni”, li tidher fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax, ovvjament, tinftiehem fis-sens li d-determinazzjoni tan-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxuti lill-persuna kkonċernata wara t-trasferiment, fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi skema oħra, hija direttament effettwata mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li kull istituzzjoni hija intitolata tadotta. Kif jindika isimhom ukoll, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jikkostitwixxu atti ta’ portata ġenerali, adottati abbażi tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

35      Għalhekk, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinftiehem fis-sens li kull istituzzjoni tiddetermina, permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, il-metodu tal-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, wara trasferiment ta’ kapital li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra minn uffiċjal. Dan il-metodu għandu jkun ibbażat fuq il-parametri indikati fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri salarju bażiku ta’ kull uffiċjal, l-età tiegħu u r-rata ta’ kambju fid-data tal-applikazzjoni tat-trasferiment.

36      In-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni konkretament għal kull uffiċjal li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt skema oħra kienu suġġetti għal trasferiment, taħt forma ta’ kapital, fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni huwa stabbilit b’att individwali, li applika l-metodu determinat fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fil-każ partikolari ta’ dan l-uffiċjal.

37      Għandu jitfakkar ukoll li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fid-digriet tagħha tal-14 ta’ Diċembru 1993, Calvo Alonso-Cortés vs Il-Kummissjoni (T‑29/93, Ġabra, EU:T:1993:115, punt 46), mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li istituzzjoni tal-Unjoni ma tistax hi stess titrasferixxi d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn uffiċjal f’pajjiżu u tista’ biss tirrikonoxxi u tiddetermina n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt is-sistema tiegħu skont il-perijodu ta’ servizz preċedenti wara li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina l-modalitajiet ta’ trasferiment.

38      Fil-fatt, kif irrikonoxxa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea stess fil-punt 42 tas-sentenza appellata, it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skema oħra “meħtieġ sabiex tiġi kkompletata l-proċedura kollha ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni”.

39      Minn naħa, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-istituzzjoni li taħtha taqa’ l-persuna kkonċernata tista’ tirrikonoxxilha s-snin ta’ servizz ta’ pensjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni biss ladarba jseħħ it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt skema oħra.

40      Min-naħa l-oħra, isegwi li dawn is-snin ta’ servizz jistgħu jiġu rrikonoxxuti lill-persuna kkonċernata biss jekk, u sa fejn, jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu previst fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottat mill-istituzzjoni inkwistjoni, li huma jikkorrispondu effettivament għall-kapital ittrasferit fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, wara li jsir it-tnaqqis, konformement għall-aħħar paragrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament ta’ dan il-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni ta’ trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv.

41      Fi kliem ieħor, l-ebda akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ma tiġi rrikonoxxuta lil persuna kkonċernata jekk hija ma tkun tikkorrispondi għall-kapital effettivament ittrasferit fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

42      B’mod partikolari, jirriżulta wkoll mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fejn, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dispożizzjonijiet ġenerali adottati bil-għan tal-eżekuzzjoni tiegħu, istituzzjoni tal-Unjoni tiddetermina konkretament in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-persuna kkonċernata fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt skema oħra, hija teżerċita kompetenza limitata u għaldaqstant ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

43      Sussegwentement, għandha ssir analiżi tal-proċedura li għandha tiġi segwita fl-ipoteżi ta’ applikazzjoni ta’ trasferiment fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi skema oħra, b’tali mod li din il-proċedura tirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet applikabbli kif ukoll kill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prassi tagħha.

44      Għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ma hijiex espressament prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni tikkontempla biss talba tal-persuna kkonċernata, li twassal għall-ħlas lill-Unjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb b’riżultat tal-attivitajiet preċedenti tiegħu u, sussegwentement għal dan il-ħlas, għad-determinazzjoni, li ssegwi l-modalitajiet previsti mill-istess dispożizzjoni, tan-numru ta’ snin ta’ servizz meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

45      Sa fejn il-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata għandhom jinftiehmu fis-sens li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti “kompetenza” lill-Kummissjoni sabiex tikkomunika proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz lill-uffiċjal li jkun ressaq applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb taħt skema oħra, għandu jiġi rrimarkat li ma jirriżulta la mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra jew minn kwalunkwe prinċipju li l-istituzzjoni li lilha l-persuna kkonċernata tkun ressqet l-applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha, hija obbligata li tibgħat lil din il-persuna, proposta li tindika r-riżultat ta’ snin ta’ servizz tal-pensjoni supplimentari li tiġi ġġenerata minn trasferiment eventwali.

46      Barra minn hekk, obbligu li tiġi kkomunikata proposta fid-dawl tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement ma tirriżulta la mid-DĠI 2004 u lanqas mid-DĠI 2011. L-ebda wieħed minn dawn it-testi, li jidhru fil-proċess tal-ewwel istanza, kkommunikat lill-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 137(2) tar-regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ma jipprevedi l-komunikazzjoni lill-uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun talab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba preċedentement, ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz.

47      Għalhekk, jidher li l-prassi li tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ tali proposta ġiet adottata b’mod volontarju mill-Kummissjoni u, skont il-każ, mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni. Evidentement, din il-prassi hija intiża li tipprovdi, lil uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun wera l-interess tiegħu f’trasferiment eventwali, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu fil-kuntest ta’ skema oħra, miksuba mill-ħidma tiegħu qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, l-informazzjoni neċessarja sabiex tippermettilu li jieħu, b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni ta’ jekk iwettaqx jew le, it-trasferiment.

48      F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, jirriżulta miġbura fil-punt 35 tas-sentenza appellata u ripetuti fid-dokumenti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema tal-Unjoni timplika, fil-prattika, ħames stadji: l-ewwel nett, il-persuna kkonċernata tressaq l-applikazzjoni f’dan is-sens; it-tieni nett, is-servizz kompetenti tal-Kummissjoni jikseb mingħand il-fond tal-pensjoni esterna kkonċernata notifika tal-ammont tal-kapital li jista’ jiġi ttrasferit u, abbażi ta’ din l-informazzjoni, jinnotifika lill-persuna kkonċernata proposta; it-tielet nett, il-persuna kkonċernata tirrifjuta jew taċċetta l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz; ir-raba’ nett, f’każ ta’ aċċettazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni titlob u tikseb it-trasferiment tal-kapital ikkonċernat lill-Unjoni; fl-aħħar, il-ħames nett, hija tadotta deċiżjoni li tiffissa d-drittijiet tal-persuna kkonċernata. Skont il-Kummissjoni, hija biss din id-deċiżjoni tal-aħħar li tista’ tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju.

49      Minn dan isegwi li, fil-prattika, il-Kummissjoni żiedet tliet stadji fil-proċedura ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (talba tal-persuna kkonċernata; trasferiment tal-kapital; determinazzjoni tan-numru ta’ snin ta’ servizz meħuda inkunsiderazzjoni) żewġ stadji oħra (Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz; aċċettazzjoni mill-persuna kkonċernata li għalhekk tagħti l-kunsens tagħha għat-trasferiment). Għalhekk, hija tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tikseb, fil-forma ta’ “proposta”, informazzjoni l-iktar preċiża possibbli fir-rigward tal-portata tad-drittijiet li jiġu rrikonoxxuti lilha f’każ ta’ trasferiment, lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet tiegħu miksuba fil-kuntest ta’ skema oħra. Hija tippermettilu wkoll, wara l-kisba ta’ din l-informazzjoni, li ttemm il-proċedura mibdija permezz tat-talba inizjali tiegħu, mingħajr ebda konsegwenza għalih. Fil-fatt, huwa biss jekk jikkonferma, wara li jirċievi l-proposta, ir-rieda tiegħu li jwettaq it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt skema oħra li jseħħ dan it-trasferiment.

50      Għandu jiġi kkonstatat li, wara l-komunikazzjoni ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata ma nbidlitx. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 39 sa 41 hawn fuq, ebda akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ma tista’ tiġi rrikonoxxuta lill-persuna kkonċernata sakemm il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt skema oħra ma tkunx ġiet ittrasferita għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Madankollu, fil-mument tat-trażmissjoni lill-persuna kkonċernata tal-proposta, dan it-trasferiment ikun għadu ma seħħx. Huwa biss wara li l-persuna kkonċernata, li tkun irċeviet il-proposta, tagħti l-kunsens tagħha għat-tkomplija tal-proċedura ta’ trasferiment li l-Kummissjoni titlob it-trasferiment, lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata mal-fond tal-pensjoni estern ikkonċernat.

51      Il-klassifikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni bħala “impenn”, kif għamel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-punt 42 tas-sentenza appellata, ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. Skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tikkostitwixxi “l-impenn meħtieġ mill-istituzzjoni li tipproċedi b’mod korrett għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjal li huwa jkun eżerċita meta ssottometta t-talba tiegħu għat-trasferiment”.

52      Madankollu, kif ġustament argumentat il-Kummissjoni, l-obbligu, tal-istituzzjoni kkonċernata, li tipproċedi korrettament għall-implementazzjoni tad-dritt ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta direttament mit-test ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Anki jekk il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz għandha tiġi interpretata bħala “impenn” fis-sens evokat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni kkonċernata hija impenjata sempliċement li tapplika korrettament għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni. Iżda dan l-obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, anki fin-nuqqas ta’ impenn espliċitu. Għaldaqstant, minn dan l-impenn la jirriżulta obbligu ġdid impost fuq l-istituzzjoni inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, bidla tas-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

53      Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, peress li din timplika favur din tal-aħħar dritt ta’ rikonoxximent, taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, in-numru ta’ snin ta’ servizz indikati f’din il-proposta jekk din tagħti l-kunsens tagħha għat-trasferiment, lejn din is-sistema, tad-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb taħt skema oħra. Tali dritt jimplika obbligu korrispondenti, għall-istituzzjoni li minnha toriġina l-proposta, ladarba t-trasferiment awtomatikament jirrikonoxxi lill-persuna kkonċernata, in-numru ta’ snin ta’ servizz indikati fil-proposta.

54      Din il-klassifikazzjoni tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz u tal-effetti legali li jirriżultaw minnha, ma hijiex, barra minn hekk, konċiljabbli mal-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

55      L-ewwel nett, din id-dispożizzjoni tirreferi, għall-“għażla” ta’ uffiċjal li jsib ruħu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija “li jittrasferixxi fl-Unjoni, il-valur kapitali, […] tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba ta’ għall-ħidma tiegħu preċedenti. Sussegwentement, hija tirrileva, li [f’]tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, […] għandha tistabbilixxi […] n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”.

56      Minn dan jirriżulta li, konformement għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni effettiva tan-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxuti lill-uffiċjal li jkun talab it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema oħra sseħħ neċessarjament wara t-twettiq konkret tat-trasferiment, “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li proposta ta’ ffissar ta’ snin ta’ servizz li, min-natura tagħha stess, hija kkomunikata preċedentement għal dan it-trasferiment, tista’ twettaq din id-determinazzjoni.

57      Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 hawn fuq u l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 42 hawn fuq jikkonfermaw din il-konklużjoni.

58      Fil-fatt, in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu rrikonoxxuti jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ konverżjoni fi snin ta’ servizz tal-kapital li jirrappreżentaw id-drittijiet preċedenti, previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-istituzzjoni inkwistjoni konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

59      Anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni hija obbligata li tirrikonoxxi, fil-każijiet kollha, lil uffiċjal in-numru ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni indikat fil-proposta, dan jista’ jwassal, f’ċerti każijiet, għar-rikonoxximent ta’ numru ta’ snin ta’ servizz differenti minn dak li jirriżulta bl-applikazzjoni korretta tal-metodu previst fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni rilevanti. Ir-raġunijiet li jispjegaw id-diskrepanza bejn in-numru ta’ snin ta’ servizz indikat fil-proposta u dak li jirriżulta bl-applikazzjoni tal-metodu msemmi iktar ’il fuq, jekk dawn isegwu d-differenza bejn, minn naħa, il-valur tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba mill-persuna kkonċernata taħt skema ta’ pensjoni oħra, bħal dik innotifikata lill-Kummissjoni minn dawk responsabbli ta’ din is-sistema u li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-preparazzjoni tal-proposta, u, min-naħa l-oħra, il-valur (tnaqqis magħmul ta’ apprezzament eventwali bejn id-data tal-applikazzjoni u d-data tat-trasferiment effettiv) tal-kapital effettivament ittrasferit, jew għal applikazzjoni żbaljata tal-metodu ta’ kalkolu tas-snin ta’ servizz matul il-preparazzjoni tal-proposta, huma indifferenti. Dak li huwa importanti, huwa li, konformement għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 42 hawn fuq, il-Kummissjoni ma tistax tirrikonoxxi lill-persuna kkonċernata numru ta’ snin ta’ servizz differenti minn dak li jikkorrispondi, b’applikazzjoni tal-metodu ta’ konverżjoni previst fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, għall-kapital effettivament ittrasferit fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

60      Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea esposti fil-punti 47, 48 u 50 sa 54 tas-sentenza appellata ma jwasslux għal konklużjoni differenti. Essenzjalment, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea titlaq mill-premessa li l-valur tal-kapital meħud inkunsiderazzjoni għall-preparazzjoni tal-proposta ser tkun l-istess bħal dik qabel ma għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-trasferiment imwettaq, sa fejn, konformement mat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l-] ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment [effettiv]” ma jitteħidx inkunsiderazzjoni matul id-determinazzjoni tan-numru ta’ snin ta’ servizz li għandu jiġi rikonoxxut il-persuna kkonċernata fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

61      Iżda, indipendentement mill-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ma ħax inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ żbalji, jew ta’ dawk responsabbli tal-iskema ta’ pensjoni li taħtha l-persuna kkonċernata kienet preċedentement affiljata, jew tal-Kummissjoni nfisha, li jistgħu jeffetwaw il-kontenut tal-proposta kkomunikata lill-persuna kkonċernata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet inkwistjoni, b’mod definittiv, ma jbiddlu xejn mill-fatt li, konformement għall-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni tas-snin ta’ servizz irikonoxxut lill-persuna kkonċernata skont id-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba taħt skema oħra tista’ sseħħ biss wara li jseħħ it-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tal-kapital li jirrappreżenta dawn id-drittijiet.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, bħal dawk imsemmija fir-rikors ta’ M. Verile u ta’ A. Gjergji quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ma jipproduċix l-effetti legali vinkolanti li jeffetwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju tagħha, billi tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, skont Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjonijiet l-oħra tas-sentenza appellata.

64      Fl-ewwel lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, jibbaża ruħu fuq il-fatt li, fis-sentenza tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette (T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra, EU:T:2008:605, punt 91), il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala “deċiżjonijiet” żewġ proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz li ġew ikkomunikati mill-Kummissjoni lill-uffiċjal ikkonċernat f’din il-kawża.

65      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma analizzatx, la fis-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq (EU:T:2008:605), u lanqas f’xi sentenza oħra, il-kwistjoni tan-natura, jew le, ta’ att li jikkawża preġudizzju, skont Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz u li hija ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni ta’ jekk tali proposta tipproduċix, fir-rigward tad-destinatarju tagħha, effetti legali vinkolanti billi tispeċifika, skont il-każ, liema huma dawn l-effetti.

66      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ f’dan il-każ, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq (EU:T:2008:605), l-uffiċjal ikkonċernat li jkun aċċetta l-proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz li jkunu ġew indirizzati lilu u d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba, qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Kummissjoni fi ħdan l-iskema ta’ pensjoni Belġjana, kienet diġà suġġetta għal trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, qabel il-preżentata tar-rikors tiegħu (is-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2008:605, punt 12).

67      Barra minn hekk, ir-rikors tiegħu ma jirrigwardax il-legalità tad-deċiżjoni adottata sussegwentement għal dan it-trasferiment, li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fi ħdan l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. L-atti tal-Kummissjoni msemmija fir-rikors f’din il-kawża ġew li ċaħdu talba tal-persuna kkonċernata, imressqa wara t-twettiq tat-trasferiment, li permezz tagħha hija titlob l-awtorizzazzjoni li tirtira t-talba preċedenti tagħha għal trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha, imressqa abbażi ta’ liġi Belġjana li ġiet sussegwentement imħassra, u li tkun tista’ tressaq talba ġdida, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn liġi Belġjana ġdida li hija tqis iktar favorevoli għaliha (is-sentenza Il-Belġju u l-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2008:605, punti 12 u 92).

68      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-talba miċħuda mill-atti kkontestati hija bbażata fuq kontestazzjoni tal-applikazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani, tal-leġiżlazzjoni rilevanti Belġjana. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kontestazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-atti kkontestati f’din il-kawża ma jikkawżawx preġudizzju lill-persuna kkonċernata u, wara l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli (is-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2008:605, punti 79 u 93 sa 108).

69      Minn dan jirriżulta li s-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq (EU:T:2008:605), tirrigwarda kwistjoni distinta li damet sejra għal żmien twil wara t-trasferiment, lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-Belġju mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, fil-mument tal-preżentata tar-rikors f’din il-kawża, dan it-trasferiment seħħ effettivament u la l-legalità tiegħu u lanqas in-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju jew le tal-atti adottati bil-għan tat-twettiq tiegħu ma huma kkontestati f’din il-kawża.

70      Minn dan isegwi li ma hemm ebda insenjament utli għall-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża fis-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq (EU:T:2008:605).

71      Fit-tieni lok, sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha skont liema proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea rrefera għad-dritt tal-uffiċjali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali “inerenti fir-regoli dwar it-termini stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal” (punt 39 tas-sentenza appellata), għall-“għan tal-proċedura amministrattiva ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni” kif ukoll għas-“sustanza stess tad-dritt mogħti lill-uffiċjal permezz tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħżel li jipproċedi bit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu jew li jżommhom fil-fondi ta’ pensjoni nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini”, li “t[inqe]red”, jekk l-uffiċjal ikkonċernat jiġi obbligat jikkontesta “l-metodu li permezz tiegħu s-servizzi tal-Kummissjoni kkalkolaw in-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati li għalihom huwa għandu dritt” biss wara t-twettiq tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba preċedentement (punt 49 tas-sentenza appellata).

72      L-ewwel nett, fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jinkisru, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-istess artikolu.

73      Sa fejn, kif ġie diġà rrilevat hawn fuq, proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jeffetwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju tagħha, billi tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tagħha, hija ma tiksirx id-drittijiet tagħha, b’mod li ma tkunx kwistjoni ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva bħala tali att.

74      Fi kwalunkwe każ, hija d-deċiżjoni li ser tiġi adottata ladarba jkun twettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul tagħha fis-servizz li tista’ tikser id-drittijiet tagħha. Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ta’ annullament konformement mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex id-dritt tal-persuna kkonċernata għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġi rrispettat b’mod sħiħ.

75      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea naqas milli jispjega kif ir-“rekwiżiti ta’ ċertezza legali inerenti fir-regoli dwar it-termini stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal” ser jinkisru kieku jiġi aċċettat il-fatt li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ma hijiex att li jikkawża preġudizzju lid-destinatarju tagħha.

76      It-tielet nett, fir-rigward tal-finalità tal-“proċedura amministrattiva ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni” u tas-“sustanza” tad-dritt mogħtija lil kull uffiċjal mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, evokati fil-punt 49 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat, mill-bidu nett, li, fil-punt 91 tas-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq (EU:T:2008:605), iċċitata fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata, essenzjalment, li applikazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lok għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kemm tal-awtoritajiet ġestjonarji tal-iskema ta’ pensjoni li taħtha l-persuna kkonċernata tkun affiljata qabel id-dħul tagħha fis-servizz kif ukoll tal-istituzzjoni tal-Unjoni li taqa’ taħtha. Il-konsegwenzi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jidher li ġibed mill-punt 91 tas-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq (EU:T:2008:605), ma jirriżulta bl-ebda mod minn din is-sentenza.

77      Sussegwentement, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 tas-sentenza appellata, is-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, kif previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li tippermetti koordinazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali u l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, hija intiża li tiffaċilita t-tranżizzjoni minn impjieg nazzjonali fi Stat Membru għal impjieg fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Unjoni u li hekk tiżgura lill-Unjoni l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà għandu esperjenza professjonali adegwata (ara d-digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci u Pisaneschi, C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għalhekk, din id-dispożizzjoni, hija intiża sabiex tippermetti li d-drittijiet miksuba mill-uffiċjali tal-Unjoni fi Stat Membru, minkejja n-natura possibbilment limitata, jew anki kondizzjonali jew futura tagħhom, jew l-insuffiċjenza tagħhom li jippermettu l-għoti immedjat ta’ pensjoni, ikunu jistgħu jinżammu għall-benefiċċju tal-uffiċjal ikkonċernat u jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-iskema tal-pensjoni li huwa jkun affiljat magħha fi tmiem il-karriera professjonali tiegħu, f’dan il-każ l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni (is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 137/80, Ġabra, EU:C:1981:237, punti 12 u 13, u Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2008:605, punti 89 u 90).

79      Madankollu, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi wkoll li għandha tiġi ggarantita lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, qabel tiddeċiedi jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha ta’ trasferiment fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba taħt skema oħra, li tkun taf b’mod definittiv in-numru ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li ser ikunulha rrikonoxxuti wara dan it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni ma teżiġix li kull eventwali tilwima bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tagħha, li tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tiġi deċiża mill-qorti tal-Unjoni anki qabel ma l-persuna kkonċernata tkun iddeċidiet jekk tixtieqx jew le li titrasferixxi fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni d-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba fis-sistema l-oħra.

80      Ċertament, il-possibbiltà li l-qorti tal-Unjoni tieħu pożizzjoni fuq l-effeti preżunti ta’ trasferiment ipotetiku, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet miksuba, fi skema oħra, minn uffiċjal li jkun għadu ma tax il-kunsens tiegħu għal tali tarsferiment jista’ jippreżenta interess ċert għall-uffiċjal inkwistjoni.

81      Madankollu għandu jitfakkar li l-Artikolu 270 TFUE ma jagħtix lill-qorti tal-Unjoni l-kompetenza li tagħti opinjonijiet konsultattivi, iżda biss dak li tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

82      Madankollu, huma preċiżament ir-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedu, fl-Artikolu 91(1) tagħhom li rikors għal annullament, bħal dak ippreżentat minn M. Verile u minn A. Gjergji f’dan il-każ, jista’ biss jirrigwarda att li jikkawża preġudizzju. Jekk l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat ir-rikors ma jkunx jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, ir-rikors ikun inammissibbli. L-interess eventwali tar-rikorrent li tiġi deċiża fuq il-mertu l-kwistjoni mressqa permezz tar-rikors tiegħu hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

83      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa impossibbli, għall-persuna kkonċernata, li tkun taf il-parametri kollha rilevanti, fil-mument meta hija tagħżel jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha li titrasferixxi għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni d-drittijiet għall-pensjoni li hija tkun kisbet taħt skema oħra. Fil-fatt, hija ma tistax tkun taf b’ċertezza l-evoluzzjoni futura la tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u lanqas ta’ dik li magħha kienet preċedentement affiljata. Neċessarjament, hija għandha tagħmel l-għażla tagħha billi parzjalment tibbaża ruħha fuq ipoteżijiet u previżjonijiet li jistgħu jkunu jseħħu, kompletament jew parzjalment, b’mod mhux komplut, mhux definittivi jew ineżatti.

84      Fit-tielet lok, l-argument li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tad-DĠI 2011 (punt 46 tas-sentenza appellata) ma wassalx għal konklużjoni differenti.

85      Din id-dispożizzjoni tipprevedi hekk:

“Id-deċiżjonijiet kollha ffirmati, meħuda minn persunal, li jawtorizzaw it-trasferiment għall-Unjoni […]l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni huma, min-natura tagħhom, irrevokabbli.”

86      Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, ikkomunikata mill-istituzzjoni kkonċernata lill-uffiċjal ikkonċernat minn eventwali trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt skema oħra lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 46 hawn fuq, il-komunikazzjoni ta’ tali proposta ma hijiex prevista mill-DĠI 2011.

87      L-Artikolu 8(5) tad-DĠI 2011 jirreferi għad-“deċiżjoni” tal-persuna kkonċernata “li jawtorizzaw it-trasferiment għall-Unjoni […] tal-kapital li jirrappreżenta d‑drittijiet għal pensjoni”. Fi kliem ieħor, jirrigwarda l-kunsens definittiv tal-persuna kkonċernata għat-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni li tkun kisbet taħt is-sistema l-oħra.

88      Huwa minħabba l-prassi stabbilita mill-Kummissjoni nfisha li din t-talba definittiva tieħu l-forma tal-kunsens tal-persuna kkonċernata għat-trasferiment tad-drittijiet tagħha miksuba preċedentement, mogħti b’risposta għall-proposta ta’ ffissar ta’ snin ta’ servizz li tkun ġiet ikkomunikata b’risposta għat-talba inizjali tagħha. It-testi applikabbli ma jobbligawx lill-Kummissjoni li tadotta din il-prassi, li tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tiddeċiedi, wara li tirċievi l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, dwar il-proċeduri implementati wara li t-talba inizjali tagħha ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li l-kunsens tal-persuna kkonċernata għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda l-proċedura tat-trasferiment u mhux il-kontenut tal-proposta. Fi kliem ieħor, billi tagħti l-kunsens tagħha wara li tiġi kkomunikata l-proposta, kif titlobha l-Kummissjoni, tkun qed tesprimi sempliċement il-volontà tagħha li twettaq it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba preċedentement taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Mill-kunsiderazzjoni kollha esposti hawn fuq jirriżulta li n-numru ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni addizzjonali li dan it-trasferiment jiġġenera favur il-persuna kkonċernata jiġi ddeterminat biss ladarba t-trasferiment effettivament iseħħ u li l-persuna kkonċernata tkun tista’, jekk ikun il-każ, jikkontesta d-deċiżjoni adottata f’dan ir-rigward quddiem il-korpi amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti.

90      Barra minn hekk, għandu jiġi rrimarkat li l-Artikolu 8(5) tad-DĠI 2011 jiddikjara sempliċement b’mod espress dak li jirriżulta, fi kwalunkwe każ, mit-test tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, jekk uffiċjal jew membru tal-persunal, b’applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, jittrasferixxi lejn l-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba preċedentement fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra, din l-operazzjoni, li timplika t-telf tad-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ din is-sistema l-oħra, inkambju ta’ żieda tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni meħuda inkunsiderazzjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, huwa, bħala prinċipju, irriversibbli. Trasferiment ġdid tad-drittijiet għall-pensjoni, tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni lejn skema oħra, tista’ sseħħ biss fl-ipoteżi stabbilita fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, li jippreżumi t-tmiem tal-funzjonijiet kollha tal-persuna kkonċernata.

91      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(5) tad-DĠI 2011 hija mingħajr rilevanza għall-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża, jiġifieri dik tan-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju jew le ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz.

92      L-argumenti mressqa minn M. Verile u minn A. Gjergji wkoll ma jistgħux iwasslu għal konklużjoni differenti.

93      Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument skont liema l-proposta tixbah lil “offerta” fil-liġi nazzjonali (ara punt 25 hawn fuq).

94      Skont il-ġurisprudenza, ir-rabta legali bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali (is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra, EU:C:1975:46, punt 4, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra, EU:C:2008:767, punt 60). Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li r-relazzjonijiet legali li huma direttament irregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal, f’dan il-każ, dawk li jirrigwardaw l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, ma humiex ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, il-kunċetti li jaqgħu taħt id-dritt privat tal-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti, bħal dawk ta’ “offerta”, ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

95      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument skont liema l-komunikazzjoni ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tikkostitwixxi “implementazzjoni ta’ dritt li l-uffiċjal għandu skont ir-Regolamenti tal-Persunal”.

96      Fil-fatt, diġà ġie rrilevat fil-punti 44 sa 46 hawn fuq li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-DĠI 2004 jew tad-DĠI 2011 ma tipprevedi l-komunikazzjoni ta’ din il-proposta.

97      Fit-tielet lok, M. Verile u A. Gjergji jargumentaw li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, sa fejn “[huwa minn din id-] deċiżjoni li tittieħed biex jiddetermina dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli u, għaldaqstant, il-parametri kollha ta’ kalkolu li jippermetti l-kisba ta’ kapital aġġornat u numru ta’ snin ta’ servizz li jikkorrispondi”.

98      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, bħalma jfakkru M. Verile u A. Gjergji stess, id-DĠI 2011 japplikaw, skont l-Artikolu 9 tagħhom, għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni rreġistrati mill-Kummissjoni wara l-1 ta’ Jannar 2009.

99      Huwa għaldaqstant, fuq id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, u mhux fuq dik tal-komunikazzjoni ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li għandha tkun il-bażi li fuqha ssir id-determinazzjoni ta’ jekk id-DĠI 2004 jew id-DĠI 2011 huma applikabbli.

100    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ma jistax jirnexxi l-argument ta’ M. Verile u ta’ A. Gjergji skont liema, essenzjalment, il-Kummissjoni twieġeb fuq il-mertu għal ilmenti kontra proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, mingħajr ma targumenta li dawn jirrigwardaw att li ma jikkawżax preġudizzju.

101    Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u l-qorti tal-Unjoni għandha, jekk ikun il-każ, teżaminahom ex officio u, f’dan il-kuntest, tiċħad bħala inammissibbli r-rikors, jekk l-att intiż minnu ma jkunx att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1990, B. vs Il-Kummissjoni, T‑130/89, Ġabra, EU:T:1990:78, punti 13 u 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li l-Kummissjoni, għal raġunijiet marbuta mal-politika tagħha fir-rigward tal-persunal, tirrispondi fuq il-mertu għal ilment minflok tiċħdu bħala inammissibbli ma għandux iwassal għal konklużjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza B. vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:1990:78, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea wettaq żball ta’ liġi billi kkunsidra li t-tieni proposti kkomunikati mill-Kummissjoni lil M. Verile u lil A. Gjergji jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

103    Għaldaqstant, mingħajr ma jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-Kummissjoni, għandu jintlaqa’ l-appell u għandha tiġi annullata s-sentenza appellata.

 Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

104    Mill-Artikolu 13(1) tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, jekk tkun fi stat li tiġi deċiża.

105    F’dan il-każ, peress li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv.

 Fuq l-ammissibbiltà

106    Fl-ewwel lok għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors, li hija kkontestata mill-Kummissjoni.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors promotur għandu b’mod partikolari jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi t-talbiet tar-rikorrent. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, it-talbiet għandhom jiġu esposti b’mod preċiż u inekwivoku, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, hemm mir-riskju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi infra jew ultra petita u li d-drittijiet tal-konvenut jiġu ppreġudikati (ara d-digriet tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni, T‑320/09, Ġabra, EU:T:2011:172, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Madankollu, l-identifikazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tirriżulta b’mod impliċitu minn dikjarazzjonijiet magħmula fir-rikors u mill-argumentazzjoni kollha tiegħu. Ġie deċiż ukoll li rikors ippreżentat formalment kontra att li jifforma parti minn għadd ta’ atti li jifformaw totalità jista’ jitqies li huwa ppreżentat ukoll, sa fejn dan ikun meħtieġ, kontra l-oħra (ara d-digriet Planet vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, EU:T:2011:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikors ippreżentat minn M. Verile u minn A. Gjergji quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jirrigwarda t-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz li ġew ikkomunikati lilhom mill-Kummissjoni. Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni jirriżulta li dawn il-proposti ma jikkostitwixxux atti li jikkawżaw preġudizzju, li jistgħu jkunu s-suġġett tar-rikors ta’ annullament. Għaldaqstant, il-kapi tat-talbiet għall-annullament ta’ dawn il-proposti huma inammissibbli.

110    Madankollu, huwa stabbilit bejn il-partijiet li M. Verile u A. Gjergji taw il-kunsens tagħhom sabiex tinbeda l-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul tagħhom fis-servizz, billi mmarkat il-ftehim tagħhom, kif mitlub mill-Kummissjoni, ma’ dawn it-tieni proposti.

111    Mir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali u mid-dokumenti li hija pproduċiet fuq talba tiegħu jirriżulta li l-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni preċedenti ta’ M. Verile u A. Gjergji ġiet effettivament segwita u li rnexxiet.

112    Għalhekk, il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn M. Verile mal-fond għall-pensjoni Lussemburgiża ġiet riċevuta mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2011. Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll nota, mingħajr data, indirizzata lil M. Verile li tinformah li l-akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li rrikonoxxietlu skont dan it-trasferiment, kien ta’ tmien snin u disa’ xhur, kif kienu jipprevedu l-ewwel u t-tieni proposti li ġew ikkomunikati lilu (ara punti 3 u 4 hawn fuq). Hija pproduċiet ukoll dokumenti li jindikaw li hija kienet ħallsitu, bħala eċċess tal-kapital ittrasferit, somma li teċċedi bi ftit is-somma indikata fit-tieni proposta, iżda li kienet ferm inqas minn dik indikata fl-ewwel proposta.

113    Fir-rigward ta’ A. Gjergji, il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn fond ta’ pensjoni Belġjan ġie riċevut mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Diċembru 2011. Fis-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtitlu nota li permezz tagħha hija informatu li l-akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li ġiet irrikonoxxuta lilu skont dan it-trasferiment kienet ta’ erba’ snin, għaxar xhur u sbatax-il jum, li jikkorrispondu għal dak indikat fit-tieni proposta li ġiet ikkomunikata lilu (ara punt 6 hawn fuq).

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikors ippreżentat minn M. Verile u minn A. Gjergji quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, formalment dirett kontra t-tieni proposti, jistax jitqies, fir-realtà, li qed jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz adottati fir-rigward tagħhom wara t-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement.

115    Waqt l-interrogazzjoni mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, M. Verile u A. Gjergji wieġbu fl-affermattiv għal domanda dwar il-possibbiltà ta’ tali klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kap ta’ talbiet tal-annullament tar-rikors tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li tali klassifikazzjoni mill-ġdid ma kinitx iġġustifikata, sa fejn il-kap ta’ konklużjonijiet għal annullament tar-rikors kien jirrigwarda b’mod ċar it-tieni proposti.

116    Fil-każ ta’ A. Gjergji, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba preċedentement għad-dħul tagħha fis-servizz għandu neċessarjament jiġi kkunsidrat bħala adottat wara d-data (2 ta’ Diċembru 2011) tal-preżentata tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

117    Fil-fatt, din id-deċiżjoni tista’ tiġi adottata biss wara li, l-Kummissjoni tirċievi, l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn A. Gjergji fl-iskema ta’ pensjoni belġjana. Madankollu, huwa biss fid-9 ta’ Diċembru 2011 li l-Kummissjoni rċeviet dan il-kapital.

118    Konsegwentement, fil-każ ta’ A. Gjergji, fil-mument tal-preżentata tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ma kienet teżisti ebda deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata b’rikors għal annullament. L-adozzjoni, fil-mori tal-kawża, ta’ tali deċiżjoni hija, f’dan ir-rigward, mingħajr rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra, EU:T:1990:42, punt 69, u d-digriet tat-2 ta’ Mejju 1997, Peugeot vs Il-Kummissjoni, T‑90/96, Ġabra, EU:T:1997:63, punt 38).

119    Minn dan isegwi li r-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li ġie ppreżentat minn A. Gjergji.

120    Fir-rigward ta’ M. Verile, għandu jiġi kkonstatat li d-data eżatta tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz bħala t-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba fi ħdan is-sistema Lussemburgiża, ma tirriżultax mir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti Ġenerali jew mid-dokumenti prodotti minnha.

121    Barra minn hekk, l-ebda kopja ta’ din id-deċiżjoni ma ġiet prodotta mill-Kummissjoni. Għalhekk, ma huwiex ċert jekk teżistix f’forma miktuba.

122    Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, madankollu, li din id-deċiżjoni ġiet adottata preċedentement għall-preżentata tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

123    Fil-fatt, Minn naħa, il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn M. Verile taħt l-iskema ta’ pensjoni Lussemburgiża ġiet riċevuta mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2011. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe allegazzjoni jew indikazzjoni ta’ natura li tiġġustifika ritard fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni wara dan it-trasferiment, jidher raġonevoli li jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni ġiet adottata ftit wara dan it-trasferiment.

124    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li timbru li jsemmi “visa u data” li tqiegħed fuq in-nota għall-attenzjoni ta’ M. Verile, imsemmija fil-punt 112 hawn fuq. Dan it-timbru jinkludi t-timbru tal-“Ġestjonarju” tal-kawża, bl-indikazzjoni tad-data tat-28 ta’ Novembru 2011, kif ukoll dak ta’ “Kontroll 1”, bl-indikazzjoni tad-data tal-1 ta’ Diċembru 2011. Każ tal-istess timbru li jsemmi “Kontroll 2” inqata’, dan jindika, evidentement, li ma kienx previst it-tieni kontroll. Għalhekk, huwa possibbli li jiġi konkluż li l-preparazzjoni ta’ din in-nota twettqet mhux iktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2011.

125    Barra minn hekk, in-nota inkwistjoni tinforma lil M. Verile li perijodu ta’ seba’ snin u disa’ xhur “ingħata favur[ieh]” fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, wara li ġie riċevut il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu taħt l-iskema ta’ pensjoni Lussemburgiża. Għalhekk, mit-termini użati jirriżulta li d-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fir-rigward ta’ M. Verile kienet diġà ġiet adottata fil-mument tar-redazzjoni ta’ din in-nota.

126    Minn dan isegwi li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, kienet diġà teżisti fir-rigward ta’ M. Verile, deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

127    B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-talbiet għal annullament tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati sa fejn ġew ippreżentati minn M. Verile, intiżi li jannullaw id-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni fir-rigward tiegħu, wara t-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tiegħu miksuba taħt is-sistema Lussemburgiża.

128    Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-kontenut tar-rikors u tal-argument kollha żviluppati fih, jirriżulta b’mod definittiv li, M. Verile ried jikkontesta l-evalwazzjoni, tal-Kummissjoni, tal-konsegwenzi li jimplika għalih it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt is-sistema Lussemburgiża.

129    B’mod partikolari, M. Verile kkunsidra li l-kalkolu tal-akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz li kienu ser jiġu rrikonoxxuti lilu skont dan it-trasferiment kellha ssir b’applikazzjoni tad-DĠI 2004, li kienu iktar favorevoli għalih, peress li jimplikaw li titħallas lilu, bħala eċċess tal-kapital ittrasferit, somma ogħla. F’dan il-kuntest, huwa jeċċepixxi l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tad-DĠI 2011, li jipprevedu l-applikazzjoni tad-DĠI 2011 fl-applikazzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mressqa wara l-1 ta’ Jannar 2009. Evidentement, dan l-argument huwa rilevanti, fir-rigward ta’ talba għal annullament tad-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni.

130    It-tieni nett, il-kliem tat-tieni proposta indirizzata lil M. Verile huma kważi identiċi għal dawk tad-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, adottata wara li seħħ it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt Lussemburgiża. Teżisti biss differenza żgħira ħafna bejn is-somom tal-eċċess tal-kapital imsemmi fil-proposta u dik li tħallset effettivament lilu. Bla dubju, din id-differenza tista’ tiġi spjegata, bid-differenza bejn is-somma meħuda inkunsiderazzjoni għall-preparazzjoni tal-proposta u dik effettivament ittrasferita, kif dawn huma evidenti mill-proċess tal-kawża.

131    Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat li l-proposta u d-deċiżjoni adottata wara li seħħ it-trasferiment jifformaw assjem, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 hawn fuq, b’tali mod li appell formali kontra l-ewwel jista’ jitqies li jinkludi wkoll lit-tieni.

132    Din l-interpretazzjoni tar-rikors hija iktar u iktar iġġustifikata li, kif jirriżulta mill-punti 65 sa 70 hawn fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali s’issa għadha ma ddistingwietx b’mod ċar bejn proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li ma hijiex att li jikkawża preġudizzju, u d-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni, li tikkostitwixxi tali att u tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

133    It-tielet nett, għandu jitfakkar ukoll li l-aġir adottat mill-Awtorità tal-Ħatra kkontribwixxa għall-fatt li M. Verile jikkunsidra li kellu jidderiġi r-rikors tiegħu kontra t-tieni proposta, u mhux kontra d-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, adottata wara l-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta u li seħħ it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba preċedentement.

134    Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra ma indikatx lil M. Verile li l-ilment li huwa ressaq kontra t-tieni proposta ma jirrigwardax att li jikkawża preġudizzju (li hu biss jista’ jkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) u li kellu jistenna l-adozzjoni ta’ tali att sabiex jikkontestah permezz ta’ lment. Għall-kuntrarju, l-Awtorità tal-Ħatra eżaminat u ċaħdet fuq il-mertu l-ilment ta’ M. Verile (ara punt 5 hawn fuq), fatt li setgħet biss tikkostitwixxi, għalih, indikazzjoni addizzjonali ta’ dak li l-kap tat-talbiet tiegħu għal annullament fir‑rikors tiegħu kellu formalment isemmi t-tieni proposta, li kien ikkontesta permezz tal-ilment tiegħu.

135    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rekwiżiti tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, skont liema rikors għal annullament kontra att li jikkawża preġudizzju huwa ammissibbli biss jekk skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikun tressaq preliminarjament ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, kontra dan l-att u dan l-ilment ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda, ġew suffiċjentement issodisfatti f’dan il-każ.

136    Huwa, ċertament, minnu li l-ilment ta’ M. Verile jirrigwarda t-tieni proposta u ġie mressaq u miċħud qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, bħala d-drittijiet għall-pensjoni preċedenti tiegħu ttrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

137    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, kif jirriżulta min-nota msemmija fil-punt 112 hawn fuq u minn dokumenti oħra prodotti mill-Kummissjoni, huwa kważi l-istess għal dak tat-tieni proposta, kopert mill-ilment; it-tieni nett, li, għal din ir-raġuni, il-motivi u l-ilmenti mressqa minn M. Verile, kemm fl-ilment kif ukoll fir-rikors tiegħu, kontra t-tieni proposta, huma intiżi wkoll għad-deċiżjoni; it-tielet nett, li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra eżaminat u ċaħdet dawn l-ilmenti, huwa dan li jippermetti li jiġi konkluż li r-risposta tagħha għal tieni lment ipotetiku, dirett kontra d-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, kien ikun eżattament l-istess; ir-raba’ nett, fl-aħħar nett, li l-Awtorità tal-Ħatra ma ċaħditx l-ilment ta’ M. Verile bħala inammissibbli, minħabba li hija ma kkonstatatx att li jikkawża preġudizzju, iżda eżaminatu u ċaħditu abbażi tal-mertu.

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa eċċessiv u kontra l-bona fide li l-Kummissjoni teżiġi li M. Verile jressaq ilment ġdid kontra d-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, qabel ma jippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

139    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta r-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ġie ppreżentat minn M. Verile u peress li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent, favurih, ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli u li jista’ jiġi eżaminat fir rigward tal-mertu.

 Fuq il-mertu

140    Tressqu tliet motivi insostenn tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. Huma bbażati, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi u l-ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll, essenzjalment, tar-rispett tad-drittijiet miksuba, it-tieni, fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet, ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

141    Permezz ta’ dawn il-motivi kollha, M. Verile, essenzjalment, eċċepixxa l-illegalità tal-applikazzjoni tad-DĠI 2011 għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skema oħra, imressqa mill-1 ta’ Jannar 2009, fi kliem ieħor, għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment imressqa qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ stess tad-DĠI 2011.

142    L-applikazzjoni tad-DĠI 2011 għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment imressqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom hija prevista fit-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 9. L-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011 jipprevedi li d-DĠI 2004 jibqgħu applikabbli “għad-dossiers tal-aġenti li t-talba għat-trasferiment tagħhom skont l-Artikolu 11(2) u (3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ġiet irreġistrata qabel l-[1 ta’ Jannar 2009]”. L-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-istess artikolu tipprevedi, fir-rigward tagħha li “[...]l-koeffiċjenti tal-konverżjoni (TrCoeffx) previsti fl-Anness I huma applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009”. Għalhekk, minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li t-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata taħt skema oħra taħt skema oħra, iseħħ, jekk l-applikazzjoni ta’ trasferiment tkun tressqet wara l-1 ta’ Jannar 2009, konformement għad-dispożizzjonijiet tad-DĠI 2011, u mhux konformement ma’ dawk tad-DĠI 2004, li jibqgħu applikabbli għat-talbiet imressqa qabel din id-data.

 Fuq l-ewwel motiv

143    Sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tad-DĠI 2011 għal-trasferimenti ta’ drittijiet għall-pensjoni mitluba qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, il-Kummissjoni invokat, kemm fir-risposta tagħha għal-ilment ta’ M. Verile kif ukoll, fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1324/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jaġġusta mill-1 ta’ Lulju 2008 r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 345, p. 17).

144    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008, mill-1 ta’ Jannar 2009, ir-rata fl-Artikoli 4(1) u 8 ta’ Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 u fl-Artikolu 110(3) rispettivament tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra, għall-kalkolu tal-imgħax kompost għandha tkun 3.1 %.

145    It-teżi tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mir-risposta tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, hija għaldaqstant li, peress li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma “direttament relatati” mar-rata ta’ interess stipulata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-bidla ta’ din ir-rata, stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2009 bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, kienet ġabet magħha “neċessarjament”, fl-istess data, il-bidla tal-imsemmija koeffiċjenti ta’ konverżjoni. Il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fid-DĠI 2004 kienu għalhekk “skaduti” u “mingħajr bażi legali” fl-1 ta’ Jannar 2009 u dan indipendentement mit-tħassir komplet u formali tad-DĠI 2004 (ara punt 67 tas-sentenza appellata).

146    M. Verile jargumenta li din it-teżi hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li r-rata ta’ interess ikkonċernata mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni għat-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

147    Dan l-argument għandu jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi unikament, għall-modalitajiet ta’ konverżjoni, fi snin ta’ servizz ta’ pensjoni, tal-kapital ittrasferit, għad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati minn kull istituzzjoni tal-Unjoni u ma jagħmel ebda riferiment għar-rata ta’ interess indikata fir-Regolament Nru 1324/2008.

148    Anki l-kunsiderazzjoni ta’ din ir-rata ta’ interess għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tidher loġika, huwa anki neċessarju biex jinżamm il-bilanċ attwarjali tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, dan jista’ jkun biss ir-riżultat ta’ emenda mill-istituzzjoni kkonċernata, tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Ma jistax jiġi allegat li, fin-nuqqas ta’ tali modifika, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1324/2008 hija biżżejjed sabiex tirrendi skaduti d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni diġà fis-seħħ u tostakola l-applikazzjoni tagħhom.

149    Għal dawn ir-raġunijiet u għal dawk esposti fil-punti 72 sa 97 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali taċċetta li, għandha tiġi miċħuda t-teżi tal-Kummissjoni miġbura fil-punt 145 hawn fuq.

150    Madankollu, kuntrarjament għal dak li jargumenta M. Verile, ma huwiex aċċettat li, billi tipprevedi fl-Artikolu 9 tad-DĠI 2011 l-applikazzjoni tagħhom għall-applikazzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mill-1 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet miksuba minn dawk, bħal M. Verile, li qabel l-adozzjoni tad-DĠI 2011 ressqu tali talba, li kienet għadha ma wasslitx għal trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tagħhom miksuba taħt skema oħra.

151    Fil-fatt, kif ġie espost hawn fuq, fl-analiżi tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, la l-komunikazzjoni, lill-uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun ressaq din it-talba, ta’ din il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni u lanqas, inqas u inqas, is-sempliċi tressiq ta’ talba bħal din ma jbiddlu s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u ma jipproduċux effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, ma jeżistux, għal uffiċjal jew membru tal-persunal fis-sitwazzjoni ta’ M. Verile, drittijiet miksuba li jistgħu jinkisru bl-applikazzjoni, fil-każ tiegħu, tad-DĠI 2011.

152    Għandu jitfakkar li l-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, salv f’każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt il-liġi l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt jitqies li huwa miksub biss meta l-fatt li jiġġenerah ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt fejn il-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata (ara s-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:2008:767, punti 61 sa 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Madankollu, f’dan il-każ, mill-punti 39 sa 41 hawn fuq jirriżulta li l-persuna kkonċernata tikseb dritt li jiġi rrikonoxxut lilha akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz biss ladarba jiġi ttrasferit għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tagħha miksuba taħt skema oħra. Għaldaqstant, sa fejn la proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, trażmessa lil uffiċjal jew membru tal-persunal mill-istituzzjoni tiegħu wara applikazzjoni ta’ trasferiment għas-sistema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb fil-kuntest ta’ skema oħra, u lanqas a fortiori s-sempliċi tressiq ta’ talba, ma jipproduċu effetti legali vinkolanti, sakemm it-trasferiment mitlub ma jkunx seħħ, tqum il-kwistjoni, f’tali ipoteżi, ta’ “sitwazzjoni li se tinbet” jew, l-iktar l-iktar “sitwazzjoni li nibtet iżda li ma hijiex madankollu kkostitwita b’mod sħiħ”, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 152 hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ sitwazzjoni li nħolqot u li seħħet b’mod definittiv imwettqa taħt il-liġi preċedenti (f’dan il-każ id-DĠI 2004), u li joħolqu drittijiet miksuba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 62).

154    Minn dan isegwi li, l-applikazzjoni tad-DĠI 2011 f’dak li jirrigwarda trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra, bħal dak ta’ M. Verile, mitluba qabel l-adozzjoni tad-DĠI 2011, iżda li seħħ wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li ma jiksirx id-drittijiet miksuba tal-persuna kkonċernata.

155    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

156    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

157    Insostenn ta’ dan l-aggravju, M. Verile invoka l-fatt li l-ewwel proposta ta’ snin ta’ servizz li ġiet ikkomunikata lilu ġiet rtirata mill-Kummissjoni sena wara li aċċettaha, li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji tat-terminu raġonevoli u taċ-ċertezza legali.

158    Il-prinċipju ta’ ċertezza japplika għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni biss meta r-regoli tal-Unjoni huma intiżi għal sitwazzjonijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom li ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra, EU:T:2007:218, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    Fir-rigward tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, għandu jitfakkar li M. Verile talab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt is-sistema Lussemburgiża s-17 ta’ Novembru 2009, iżda li dan seħħ biss finalment fis-16 ta’ Settembru 2011, bir-riċevuta, mill-Kummissjoni, tal-kapital ittrasferit mill-fond Lussemburgiż. L-ebda prova ma tindika li l-fond Lussemburgiż huwa responsabbli għal dan ir-ritard kunsiderevoli (kważi sentejn), lanqas M. Verile nnifsu.

160    Madankollu, anki jekk ir-ritard fl-ipproċessar tal-applikazzjoni ta’ M. Verile tikkostitwixxi ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, dan il-ksur ma jiġġustifikax l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ M. Verile, tad-DĠI 2004 minflok id-DĠI 2011, kif qiegħed essenzjalment jitlob hu. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li pproċessar iktar rapidu, mill-Kummissjoni, tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mressqa minn M. Verile kienet twassal għall-applikazzjoni, fil-każ tiegħu, tad-DĠI 2004, ladarba l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt is-sistema Lussemburgiża ġie ttrasferit għas-sistema tal-Unjoni.

161    Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-kopja, li tidher fil-proċess tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ta’ avviż maħruġ, fis-17 ta’ Settembru 2010, indirizzat lill-persunal kollu tal-Kummissjoni fuq is-sit tal-internet tagħha, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati kollha dwar il-fatt li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li għandhom jiġu adottati huma applikabbli għal kull applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mressqa mill-1 ta’ Jannar 2009. Hija indikat ukoll lill-persuni kkonċernati li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda, ser jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tar-rata ta’ interess prevista mir-Regolament Nru 1324/2008.

162    Minn dan l-avviż jirriżulta wkoll li numru sinjifikattiv biżżejjed, iktar minn 10,000 applikazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni ġew irreġistrati mill-Kummissjoni fix-xahar preċedenti għall-ħruġ ta’ dan l-avviż, li jista’ jispjega t-tul ta’ żmien li ddekorra bejn it-tressiq tal-applikazzjoni ta’ trasferiment ta’ M. Verile (17 ta’ Novembru 2009) u l-komunikazzjoni, lilu tal-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz (5 ta’ Mejju 2010).

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li pproċessar iktar rapidu tat-talba ta’ M. Verile u ta’ xi 10,000 talbiet oħra ppreżentati matul l-istess perijodu, kienu, l-iktar l-iktar, iwasslu lill-Kummissjoni tieħu konjizzjoni tan-neċessità li temenda d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1324/2008 u, għalhekk, sabiex toħroġ l-avviż imsemmi fil-punt 161 hawn fuq f’data preċedenti u, jekk ikun il-każ, li tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni ġodda f’data preċedenti. Min-naħa l-oħra, ma kienx iwassal għall-adozzjoni, fir-rigward ta’ M. Verile, ta’ deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li tapplika, fil-każ tiegħu, id-dispożizzjonijiet tad-DĠI 2004.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur allegat tat-terminu raġonevoli, jekk ikun stabbilit, huwa mingħajr rilevanza għar-rikors ta’ M. Verile.

165    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi tipprovdilu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkondizzjonali u konkordanti, li jemanaw minn sorsi awtorizzati u kredibbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, EU:C:2008:767, punti 96 u 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    M. Verile argumenta li l-ewwel proposta li ntbagħtet lilu kienet tindika li, jekk kellhom isiru emendi għall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, “[in-numru ta’ snin ta’ servizz] mogħti wara [t‑]trasferiment mhux se [jiġi] mnaqqas” (punt 88 tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea).

167    Madankollu, minbarra l-fatt li din l-ewwel proposta ġiet irtirata qabel li t-trasferiment seħħ u li s-sitwazzjoni legali ta’ M. Verile ma nbidlitx, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza invokata minn par M. Verile ma għandhiex tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tapplika DĠI 2004 għat-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ M. Verile. Din tfisser, sempliċement, li, ladarba t-trasferiment iseħħ, emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkollhiex ebda konsegwenza fuq in-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxut lill-persuna kkonċernata wara t-trasferiment.

168    Fil-kuntest tas-sunt ta’ dan l-aggravju mogħti fir-rikors, M. Verile jsemmi l-garanziji li ngħataw lil uffiċjal ieħor li kien ukoll ressaq applikazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni matul l-istess perijodu bħalu, skont liema d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda ma kienu ser jinċidu bl-ebda mod fuq is-sitwazzjoni tiegħu.

169    Barra minn hekk, fin-nota msemmija fil-punt 161 hawn fuq, sar riferiment għal “komunikazzjoni mhux mixtieqa […] f’Mejju 2010”. Din l-aħħar komunikazzjoni ġiet prodotta wkoll mill-Kummissjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, fuq talba ta’ dan tal-aħħar. Hija ġġib id-data tal-5 ta’ Mejju 2010 u tindika, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni “aġġornati jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-pubblikazzjoni tagħhom fl-Informazzjoni amministrattiva” u li “[j]applikaw biss għal applikazzjonijiet ta’ trasferiment ġodda rreġistrati […] minn din id-data”.

170    Madankollu, anki jekk jiġu kkunsidrati dawn l-indikazzjonijiet bħala garanziji speċifiċi li jistgħu joħolqu fid-destinatarji tagħhom aspettattivi leġittimi, għandu jiġi eskluż li M. Verile jista’ juża dan l-argument biex jikkontesta l-legalità tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, li jipprevedi l-applikazzjoni tagħhom fil-każ tiegħu. Fil-fatt, l-individwi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw il-legalità tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, b’mod partikolari f’qasam bħal f’dan il-każ fejn il-leġiżlatur kellu setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:2008:767, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Minn dan jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq it-tielet motiv

172    Insostenn tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, M. Verile argumenta, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, li hija biss id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni applikabbli. Fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-data, bħala prova oġġettiva, id-destin irriżervat lil applikazzjoni ta’ trasferiment u l-parametri applikabbli jiddependu fuq ċelerità ikbar jew inqas tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernat fl-ipproċessar tal-applikazzjoni inkwistjoni.

173    Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-Qorti Ġenerali għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, M. Verile ġie mistoqsi fuq il-punt ta’ jekk meta mqabbel ma’ dik il-kategorija ta’ uffiċjali jikkunsidrax ruħu vittma ta’ diskriminazzjoni, kif qed jallega fit-tielet aggravju.

174    Huwa wieġeb li jqis ruħu ddiskriminat meta mqabbel mal-uffiċjali u l-membri tal-persunal li ressqu applikazzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom matul l-istess perijodu tiegħu li matulu huwa ressaq talba u li minħabba ċ-ċelerità ikbar, tal-korpi nazzjonali ta’ pensjoni tagħhom meta jiġu biex jipproċessaw il-fajl tagħhom, it-trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt is-sistema nazzjonali, ikun seħħ diġà “fil-mument fejn il-Kummissjoni tkun ħadet id-deċiżjoni li tibblokka l-proċeduri kollha ta’ trasferiment”.

175    Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonfermat, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, li, għal inqas minn 300 applikazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni mressqa wara l-1 ta’ Jannar 2009, il-kapital kien diġà tħallas mill-fond nazzjonali kkonċernat u li d-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz kienet diġà ġiet adottata, abbażi tad-DĠI 2004, meta rrealizzat il-ħtieġa li jiġu applikati għal dawn it-talbiet il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata prevista mir-Regolament Nru 1324/2008. Hija kkunsidrat li dawn id-deċiżjonijiet kienu definittivi u irrevokabbli.

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, meta żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tagħhom ma jkollhom l-ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti u meta dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Il-leġiżlatur huwa marbut, matul l-adozzjoni tar-regoli applikabbli b’mod partikolari fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, bl-osservanza tal-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali (ara s-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:2008:767, punti 76 u 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, billi adottat it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, li minnu jirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li kellhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksub taħt skema oħra ttrasferit għas-sistema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011, ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li t-trattament differenti jaffettwa uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:2008:767, punti 79 sa 81).

178    Fil-fatt, M. Verile u l-uffiċjali l-oħra li fir-rigward tagħhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra ma ġewx ittrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011 ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali tal-uffiċjali li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul tagħhom fis-servizz kienu diġà, f’din id-data, ġew ittrasferiti, taħt il-forma ta’ kapital, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom ġiet adottata deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni f’din l-aħħar sistema. Tal-ewwel għad għandhom drittijiet għall-pensjoni fi skema oħra filwaqt li, għat-tieni, diġà seħħ it-trasferiment tal-kapital għandu bħala riżultat l-estinzjoni ta’ dawn id-drittijiet u r-rikonoxximent li tikkorrispondi għal akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

179    Barra minn hekk, din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq element oġġettiv u indipendenti mill-volontà tal-Kummissjoni, jiġifieri ċ-ċelerità ta’ trattament, mill-iskema ta’ pensjoni esterna kkonċernata, tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tal-kapital tal-persuna kkonċernata.

180    Fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li ma għandu ebda relazzjoni mal-argumenti miġbura fil-punt 172 hawn fuq. Peress li M. Verile ma ressaq l-ebda argument ieħor, ma jistax jiġi konkluż li l-imsemmi prinċipju ġie f’dan il-każ.

181    Minn dan isegwi li, it-tielet motiv tar-rikors quddiem il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea għandu wkoll jiġi miċħud fl-intier tiegħu, sa fejn ippreżentat minn M. Verile.

 Fuq l-ispejjeż

182    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 211(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta appell huwa fondat u l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

183    Skont l-Artikolu 134(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 211(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

184    Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 211(3) tal-istess Regoli fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

185    F’dan il-każ, peress li l-appell tal-Kummissjoni ġie deċiż fondat u r-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi miċħud, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea (Qorti Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni (F‑130/11), hija annullata.

2)      Ir-rikors ippreżentata minn Marco Verile u minn Anduela Gjergji quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża F‑130/11 huwa miċħud.

3)      M. Verile u A. Gjergji, minn naħa, u l-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Jaeger

Kanninen

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.