Language of document : ECLI:EU:T:2015:776

Kawża T‑104/14 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Marco Verile u Anduela Gjergji

“Appell – Appell inċidentali – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tat-13 ta’ Ottubru 2015

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrikonoxxi s-snin ta’ servizz adottata wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Dritt tal-persuna kkonċernata li tkun taf definittivament, qabel it-trasferiment, in-numru ta’ snin ta’ pensjoni rrikonoxxuti – Dritt li wieħed jitlob lill-qorti tal-Unjoni tieħu pożizzjoni minn qabel – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni – Opinjoni konsultattiva – Esklużjoni

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

4.      Uffiċjali – Natura statutorja tar-rabta bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni – Skema ta’ pensjoni – Natura statutorja u mhux kuntrattwali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida lill-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-antika – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni lit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mituba qabel l-adozzjoni tar-regola l-ġdida imma mwettqa wara d-dħul tagħha fis-seħħ – Ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

6.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Differenza fit-trattament bejn uffiċjali li ttrasferixxew il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom lejn l-iskema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.      Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, ikkomunikata lil uffiċjal fid-dawl tat-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema oħra, ma tipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw immedjatament is-sitwazzjoni ġuridika tad-destinatarju tagħha, billi tbiddel, b’mod suffiċjentement ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni effettiva tan-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxuti lill-uffiċjal li jkun talab it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema oħra sseħħ neċessarjament wara t-twettiq konkret tat-trasferiment, “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li proposta ta’ ffissar ta’ snin ta’ servizz li, min-natura tagħha stess, hija kkomunikata preċedentement għal dan it-trasferiment, tista’ twettaq din id-determinazzjoni.

In-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu rrikonoxxuti jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ konverżjoni fi snin ta’ servizz tal-kapital li jirrappreżentaw id-drittijiet preċedenti, previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-istituzzjoni inkwistjoni konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, hija d-deċiżjoni li ser tiġi adottata ladarba jkun twettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul tagħha fis-servizz li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ta’ annullament konformement mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 56, 58, 62, 74)

2.      L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix li għandha tiġi ggarantita lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, qabel tiddeċiedi jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha ta’ trasferiment fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba taħt skema oħra, li tkun taf b’mod definittiv in-numru ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li ser ikunulha rrikonoxxuti wara dan it-trasferiment.

Din id-dispożizzjoni ma teżiġix li kull tilwima eventwali bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tagħha, li tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tiġi deċiża mill-qorti tal-Unjoni anki qabel ma l-persuna kkonċernata tkun iddeċidiet jekk tixtieqx jew le tittrasferixxi lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni d-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba fis-sistema l-oħra.

(ara l-punt 79)

3.      L-Artikolu 270 TFUE ma jagħtix lill-qorti tal-Unjoni l-kompetenza li tagħti opinjonijiet konsultattivi, iżda biss dik li taqta’ kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

Issa, huma preċiżament ir-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedu, fl-Artikolu 91(1) tagħhom, li rikors għal annullament jista’ biss jirrigwarda att li jikkawża preġudizzju. Jekk l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat ir-rikors ma jkunx jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, ir-rikors ikun inammissibbli. L-interess eventwali tar-rikorrent li tiġi deċiża fuq il-mertu l-kwistjoni mressqa permezz tar-rikors tiegħu hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

(ara l-punti 81, 82)

4.      Ir-rabta legali bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali. Minn dan jirriżulta li r-relazzjonijiet legali li huma direttament irregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal dawk li jirrigwardaw l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, ma humiex ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, il-kunċetti li jaqgħu taħt id-dritt privat tal-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti, bħal dawk ta’ “offerta”, ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 94)

5.      Il-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt il-liġi l-antika. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt jitqies li huwa miksub biss meta l-fatt li jiġġenerah ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt fejn il-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata.

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra, mitluba qabel l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda li seħħ wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata tikseb dritt li jiġi rrikonoxxut lilha akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz biss ladarba jiġi ttrasferit lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tagħha miksuba taħt skema oħra. Għaldaqstant, sa fejn la proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, trażmessa lil uffiċjal jew membru tal-persunal mill-istituzzjoni tiegħu wara applikazzjoni ta’ trasferiment għas-sistema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb fil-kuntest ta’ skema oħra, u lanqas a fortiori s-sempliċi tressiq ta’ talba, ma jipproduċu effetti legali vinkolanti, sakemm it-trasferiment mitlub ma jkunx seħħ, tqum il-kwistjoni, f’tali ipoteżi, ta’ “sitwazzjoni li se tinbet” jew, l-iktar l-iktar “sitwazzjoni li nibtet iżda li ma hijiex madankollu kkostitwita b’mod sħiħ”. Fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ sitwazzjoni li nħolqot u li seħħet b’mod definittiv imwettqa taħt il-liġi preċedenti.

Barra minn hekk, anki jekk jiġu kkunsidrati dawn l-indikazzjonijiet bħala garanziji speċifiċi li jistgħu joħolqu fid-destinatarji tagħhom aspettattivi leġittimi, l-individwi ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, speċjalment f’qasam li fih il-leġiżlatur jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

(ara l-punti 152-154, 170)

6.      L-istituzzjoni, billi tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali l-ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnu jirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li kellhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksub taħt skema oħra ttrasferit lejn is-sistema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li t-trattament differenti jaffettwa uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika.

Fil-fatt, l-uffiċjali li fir-rigward tagħhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra ma jkunux ġew ittrasferiti lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali tal-uffiċjali li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul tagħhom fis-servizz kienu diġà, f’din id-data, ġew ittrasferiti, taħt il-forma ta’ kapital, lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni f’din l-aħħar sistema. Tal-ewwel għad għandhom drittijiet għall-pensjoni fi skema oħra filwaqt li, għat-tieni, ikun diġà seħħ it-trasferiment tal-kapital li għandu bħala riżultat l-estinzjoni ta’ dawn id-drittijiet u r-rikonoxximent li tikkorrispondi għal akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

Din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq element oġġettiv u indipendenti mir-rieda tal-Kummissjoni, jiġifieri l-ħeffa ta’ trattament, mill-iskema ta’ pensjoni esterna kkonċernata, tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tal-kapital tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 177-179)