Language of document : ECLI:EU:C:2016:459

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑174/15

Vereniging Openbare Bibliotheken

vs

Stichting Leenrecht

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Direttiva 2001/29/KE – Direttiva 2006/115/KE – Kotba diġitali – Libreriji pubbliċi”





 Introduzzjoni

1.        Il-librerija hija kreazzjoni antika ħafna tal-Umanità. Hija tippreċedi b’diversi sekli l-invenzjoni tal-karta u l-ħolqien tal-ktieb kif nafuh illum. Hija kienet kapaċi tadatta ruħha għal u anki tibbenefika mill-invenzjoni, fis-seklu XV, tal-istampar, u kien għaliha li d-drittijiet tal-awtur, li nħolqu fis-seklu XVIII, kellhom jadattaw ruħhom. Bħalissa qed nassistu għal rivoluzzjoni ġdida: dik diġitali. Il-librerija ser tibqa’ teżisti f’dan it-tibdil ġdid fl-ambjent tagħha? Mingħajr ma nesaġera l-importanza ta’ din il-kawża, hija mingħajr dubju tikkostitwixxi opportunità reali sabiex tingħata għajnuna lil-libreriji mhux biss sabiex jibqgħu jeżistu, iżda sabiex jieħdu impetus ġdid.

2.        Fil-fatt, huwa magħruf sew li t-teknoloġija diġitali u l-ħolqien tal-internet bidlu radikalment diversi oqsma ta’ attività, fosthom dak tal-kreazzjoni, b’mod partikolari tal-letteratura. Il-ħolqien tal-kotba diġitali bidel b’mod qawwi kemm is-settur tal-pubblikazzjoni kif ukoll id-drawwiet tal-qarrejja, u dan jikkostitwixxi biss il-bidu tal-proċess. Għalhekk, minkejja li l-ktieb diġitali probabbilment qatt ma huwa ser jissostitwixxi l-ktieb stampat, xorta jibqa’ l-fatt li, għal ċerti kategoriji ta’ kotba u f’ċerti swieq, il-volum tal-bejgħ ta’ kotba diġitali huwa ugwali għal, u anki jaqbeż, dak tal-kotba stampati, u li ċerti kotba huma ppubblikati biss f’forma diġitali (2). Bl-istess mod, ċerti qarrejja, li huma dejjem iktar numerużi, qed jabbandunaw il-kotba stampati sabiex jaqilbu għal apparati elettroniċi għall-qari, u anki, għall-iżgħar fosthom, qatt ma kisbu d-drawwa tal-ktieb stampat.

3.        Jekk il-libreriji ma jadattawx għal dawn l-iżviluppi, huma jirriskjaw li jiġu mwarrba u li jitilfu l-kapaċità tagħhom li jaqdu l-irwol ta’ tixrid tal-kultura li ilhom iwettqu għal millenji sħaħ. L-implementazzjoni ta’ qafas regolamentari xieraq għall-modernizzazzjoni tal-funzjonament tal-libreriji kienet, għal ċertu żmien, is-suġġett ta’ dibattitu intensiv, kemm fost il-partijiet kkonċernati kif ukoll fid-duttrina (3). Il-kwistjoni dwar jekk – u fuq liema bażi legali – il-libreriji għandhomx id-dritt li jselfu kotba diġitali hija fil-qalba ta’ dan id-dibattitu. Din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal‑Ġustizzja tagħtiha risposta ġudizzjarja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29/KE

4.        L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni (4), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:

“Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

[…]

(b)      id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali”.

5.        L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom”.

6.        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett [materjal protett] ieħor”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax‑xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”.

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi s-segwenti:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid‑detentur jew bil-kunsens tiegħu”.

8.        Fl-aħħar nett l-Artikolu 5(1) u (2)(ċ) ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi li:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

[…]

(b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett [materjal protett] ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil‑każi li ġejjin:

[…]

(ċ)      rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett”.

 Id-Direttiva 2006/115/KE

9.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal‑proprjetà intellettwali (5), intitolat “L-għan ta’ l-armonizzazzjoni”, jipprovdi li:

“1.      Skond id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu [Kapitolu 1, intitolat “Dritt ta’ kiri u self”], l-Istati Membri għandhom jipprovdu, bla ħsara għall‑Artikolu 6, id-dritt ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tal-kiri jew tas-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u ta’ materja oħra [materjal ieħor] kif stipulat fl-Artikolu 3(1).

2.      Id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu eżawriti b’ebda bejgħ jew att ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u ta’ materja oħra kif stipulat fl‑Artikolu 3(1)”.

10.      L-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘self’ tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta dan isir permezz ta’ stabbilimenti li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku”.

11.      Skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Id‑detenturi tad-drittijiet u l-materja [s-suġġett] tad-dritt tal-kiri u self”:

“Id-dritt esklussiv ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tal‑kiri jew tas-self għandu jkun ta’ dawn li ġejjin:

(a)      l-awtur fir-rigward ta’ l-oriġinal u tal-kopji tax-xogħol tiegħu”.

12.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(1) u (3) ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Deroga mid-dritt esklussiv ta’ self lill-pubbliku”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklussiv previst fl‑Artikolu1 dwar is-self lill-pubbliku, sakemm ta’ l-anqas l-awturi jiksbu ħlas għal dan is-self. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali tagħhom.

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-pagament tal-ħlas imsemmi fil-paragrafi 1 u 2”.

 Id-dritt Olandiż

13.      Il-liġi dwar id-dritt tal-awtur (Auteurswet) tistabbilixxi d-dritt ta’ self fl-Artikolu 12(1)(3) u fl-Artikolu 12(3). Id-deroga għal self pubbliku hija stabbilita fl-Artikolu 15c(1) ta’ din il-liġi.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domandi preliminari

14.      Id-diskussjoni dwar is-self ta’ kotba diġitali mil-libreriji hija għaddejja f’diversi Stati Membri, inkluż fil-Pajjiżi l-Baxxi. Wara rapport ippreparat fuq talba tal-ministeru tal-informazzjoni, tal-kultura u tax-xjenzi, ġie konkluż li s-self ta’ kotba diġitali ma jaqax taħt id-dritt esklużiv ta’ self fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2006/115 fid-dritt Olandiż. Konsegwentement, is-self ta’ kotba diġitali mil-libreriji pubbliċi ma jistax jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, trasposta wkoll fid-dritt Olandiż. Abbozz ta’ liġi dwar il-libreriji, ibbażat fuq din il-premessa, ġie żviluppat mill-Gvern.

15.      Madankollu, Vereniging Openbare Bibliotheken, assoċjazzjoni li tiġbor il-libreriji pubbliċi kollha tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem “VOB”), rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Persważa li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Olandiż għandhom japplikaw ukoll għas-self diġitali, hija fetħet kawża kontra Stichting Leenrecht, fondazzjoni responsabbli mill-ġbir tar-remunerazzjoni dovuta lill-awturi skont id-deroga ta’ self pubbliku, konvenuta fil-kawża prinċipali, quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tikseb sentenza dikjaratorja li essenzjalment tiddeċiedi: l-ewwel nett, li s-self ta’ kotba diġitali jaqa’ taħt id-dritt ta’ self, it-tieni nett, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kotba diġitali għal żmien illimitat jikkostitwixxi bejgħ fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt ta’ distribuzzjoni u, it-tielet nett, li s-self ta’ kotba diġitali mil-libreriji pubbliċi inkambju għal remunerazzjoni ekwa lill-awturi ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur.

16.      VOB żżid li r-rikors tagħha jirrigwarda s-self skont il-mudell li l‑qorti tar-rinviju tikklassifika bħala “one copy one user”. F’dan il-mudell, il-ktieb diġitali li jkollha l-librerija jitniżżel mill-utent għat-tul tas-self, li matulu ma jkunx aċċessibbli għall-utenti l-oħra tal-librerija. Fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-ktieb awtomatikament ma jkunx jista’ jintuża iktar mill-utent ikkonċernat u jkun jista’ sussegwentement jissellef minn utent ieħor. Barra minn hekk, VOB iddikjarat li hija tixtieq tillimita l-portata tar-rikors tagħha għal “rumanzi, ġabriet ta’ stejjer, bijografiji, kotba tal-ivvjaġġar, kotba għat-tfal u letteratura għaż-żgħażagħ”.

17.      L-intervenjenti fil-kawża prinċipali huma Stichting Lira, organizzazzjoni għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet li tirrappreżenta lill-awturi ta’ xogħlijiet letterarji (iktar ’il quddiem “Lira”) u Stichting Pictoright, organizzazzjoni għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet li tirrapreżenta l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ arti figurattiva (iktar ’il quddiem “Pictoright”), it-tnejn insostenn tat-talbiet ta’ VOB, kif ukoll il-Vereniging Nederlands Uitgeversverbond, assoċjazzjoni tal-edituri (iktar ’il quddiem “NUV”) li ssostni l‑pożizzjoni kuntrarja.

18.      Peress li tqis li t-tweġiba għat-talbiet ta’ VOB tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 1(1), 2(1)(b) u 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ ‘self’ fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet ikopri wkoll id-disponibbiltà għall-użu ta’ rumanzi, ġabriet ta’ stejjer, bijografiji, kotba tal-ivvjaġġar, kotba għat-tfal u letteratura għaż-żgħażagħ li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett u li tkun twettqet minn stabbiliment li jkun aċċessibbli għall-pubbliku

–        billi jqiegħed kopja f’forma diġitali (riproduzzjoni A) fis-server tal-istabbiliment, u billi jagħti possibbiltà lill-utent li jirriproduċi din il-kopja billi jniżżilha fil-kompjuter tiegħu (riproduzzjoni B),

–        meta l-kopja magħmula mill-utent matul it-tniżżil (riproduzzjoni B) ma hijiex iktar utilizzabbli wara li jiskadi perijodu limitat, u

–        meta utenti oħra ma jistgħux iniżżlu l-kopja (riproduzzjoni A) fil-kompjuter tagħhom matul dan il-perijodu?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1, l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2006/115 u/jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-applikazzjoni tal‑limitazzjoni tad-dritt ta’ self imsemmi fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja tax-xogħol li tkun saret disponibbli mill-istabbiliment (riproduzzjoni A) kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ ta’ din il-kopja jew permezz tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fl-Unjoni [Ewropea] mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 2, l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2006/115 jistabbilixxi rekwiżiti oħra dwar l-oriġini tal‑kopja li l-istabbiliment għamel disponibbli (riproduzzjoni A), pereżempju r-rekwiżit li din il-kopja tkun inkisbet minn sors legali?

4)      F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2, l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ewwel bejgħ ta’ oġġett jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti disponibbiltà għall-użu, minn distanza, għal perijodu mingħajr limitu ta’ kopja diġitali permezz ta’ tniżżil online ta’ rumanzi, ġabriet ta’ stejjer, bijografiji, kotba tal-ivvjaġġar, kotba għat-tfal u letteratura għaż-żgħażagħ li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur?”

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2015. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn VOB, NUV, Lira u Pictoright, mill-Gvern Ġermaniż, Grieg, Franċiż, Taljan, Latvjan, Portugiż u tar-Renju Unit kif ukoll mill‑Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta li saret fid-9 ta’ Marzu 2016 kienu rrappreżentati VOB, NUV, Lira u Pictoright, il-Gvern Ċek, Grieg u Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni.

 Analiżi

20.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi preliminari. L-ewwel waħda għandha importanza kbira, għaliex tirrigwarda l-punt dwar jekk is-self ta’ kotba diġitali jistax jaqa’ taħt id-Direttiva 2006/115. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, l-oħrajn jitilfu r-rilevanza tagħhom. Għalhekk, ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq l-ewwel domanda. It-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li l‑kotba diġitali għandhom jissodisfaw sabiex eventwalment ikunu jistgħu jissellfu fil-kuntest tad-deroga ta’ self pubbliku. Ser nittrattahom flimkien u fil-qasir.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

21.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għal żmien limitat, ta’ kotba diġitali minn libreriji pubbliċi jaqa’ taħt id-dritt ta’ self stabbilit minn dan l-artikolu.

22.      Skont is-suġġett tal-kawża prinċipali ddefinit mir-rikors ippreżentat minn VOB, il-qorti tar-rinviju tillimita d-domanda tagħha għal “rumanzi, ġabriet ta’ stejjer, bijografiji, kotba tal-ivvjaġġar, kotba għat‑tfal u letteratura għaż-żgħażagħ”. Madankollu, għalkemm nista’ naċċetta li l-problema li għandna quddiemna f’din il-kawża tiġi limitata, fost il‑kategoriji differenti ta’ materjal protett mid-dritt ta’ self, għall-kotba diġitali biss (6), jidhirli li ser ikun diffiċli li din tiġi limitata bl-istess mod bħal ma tagħmel il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-kategorija ta’ xogħlijiet letterarji li din tal-aħħar tidentifika ma hija, fl-opinjoni tiegħi, ibbażata fuq ebda kriterju oġġettiv li jippermetti l-ġustifikazzjoni li jingħatalhom trattament legali differenti. Is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha għalhekk tapplika mingħajr distinzjoni għax-xogħlijiet li jappartjenu għall-ġeneri kollha tal-letteratura eżistenti taħt il-forma ta’ ktieb diġitali.

23.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa indispensabbli li l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2006/115 tirrispondi għall-bżonnijiet tas-soċjetà moderna, billi tirrikonċilja l-interessi differenti inkwistjoni. Fl-istess waqt, din l‑interpretazzjoni għandha tkun konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u taqa’ fil-loġika tal-atti tad-dritt tal-Unjoni l-oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Hawn taħt ser nindirizza dawn il-problemi differenti.

 Fuq il-bażi assjoloġika li tirregola interpretazzjoni tad‑Direttiva 2006/115 fid-dawl tal-kwistjonijiet kurrenti

24.      Id-Direttiva 2006/115 ma hijiex att normattiv ġdid. Fil-fatt hija kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (7), li hija waħda mill-ewwel żewġ atti tad-dritt sekondarju fil-qasam tad-drittijiet tal‑awtur (8). Għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ self, din id-direttiva qatt ma kienet is-suġġett ta’ emenda sostantiva, la meta ġiet ifformulata mill-ġdid mid‑Direttiva 2006/115 u lanqas qabel. Id-dispożizzjonijiet fuq id-dritt ta’ self fis-seħħ huma għalhekk essenzjalment dawk li ġew adottati fl‑1992.

25.      Fl-opinjoni tiegħi ma jistax jinċaħad li, f’dik l-epoka, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx ippreveda li jinkludi s-self ta’ kotba diġitali fil-kunċett ta’ self tad-Direttiva 92/100, u dan peress li t-teknoloġija tal‑kotba diġitali użati kummerċjalment f’dak iż-żmien kienet għadha fil-bidu tagħha. Barra minn hekk, meta il-Kummissjoni, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id-direttiva, eskludiet espressament li din tal-aħħar tkun tista’ tapplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet illi jitniżżlu, hija kienet qed tirreferi biss għall-fonogrammi u għall-vidjogrammi (9). Il-kwistjoni tat-tniżżil ta’ kotba lanqas ma ssemmiet hawnhekk.

26.      Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115 għandhom jibqgħu jiġu interpretati llum b’mod li jeskludi s-self tal‑kotba diġitali mill-kunċett ta’ self fis-sens ta’ din id-direttiva? Jiena naħseb li le, u dan għal tliet serje ta’ raġunijiet.

27.      L-ewwel nett, fl-opinjoni tiegħi huwa indispensabbli li l-atti ġuridiċi jingħataw interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tat‑teknoloġija, tas-suq u tal-aġir, u li dawn l-atti ma jibqgħux fil‑passat permezz ta’ interpretazzjoni riġida wisq (10).

28.      Tali interpretazzjoni, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “dinamika” jew “evoluttiva”, hija fl-opinjoni tiegħi neċessarja, b’mod partikolari fl-oqsma affetwati b’mod qawwi mill-progress teknoloġiku, bħal ma huwa l-każ tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, dan il-progress illum huwa tant mgħaġġel li jaqbeż faċilment il-proċess leġiżlattiv, u għalhekk ħafna drabi jirrendi inutili t-tentattivi li jiġu adattati dispożizzjonijiet tad-dritt b’dan il-mezz, fejn l-atti jsiru obsoleti fil‑mument stess tal-adozzjoni tagħhom jew ftit wara. Id‑Direttiva 2006/115 stess turi perfettament dan il-fenomenu. Id‑dispożizzjonijiet tagħha li jirrigwardaw il-kiri, intiżi sabiex jirregolaw is-suq tal-kiri tal-casettes, CD u DVD, illum huma obsoleti, għaliex il-kiri ta’ fonogrammi u vidjogrammi, fi kwalunkwe każ għal dak li jirrigwarda s-suq Ewropew, prattikament sparixxa minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni online (11). Dan l-anakroniżmu tar-regoli tad-dritt meta mqabbel mar‑realtà huwa ħafna drabi sors ta’ problemi ta’ interpretazzjoni, ta’ inċertezza u ta’ lakuni ġuridiċi. F’tali każijiet, hija biss interpretazzjoni ġudizzjarja adattata li tista’ tiżgura l-effikaċità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku mgħaġġel f’dan is-settur.

29.      Tali approċċ jidher li huwa konformi wkoll mal-intenzjonijiet tal‑leġiżlatur meta adotta testi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal‑awtur. Fil-fatt, il-premessa 4 tad-Direttiva 2006/115 tistabbilixxi li “[i]l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur […] għandha tadatta għal żviluppi ekonomiċi ġodda […]”. L-istess intenzjoni ta’ adattament għar‑realtà teknoloġika u ekonomika ġdida tirriżulta mill-premessi 2, 5 u 8 tad-Direttiva 2001/29, li tibqa’ l-att prinċipali tad-dritt tal-Unjoni fil‑qasam tad-drittijiet tal-awtur. Issa, kif għandu jiġi żgurat dan l‑adattament u dan l-“aġġornament” tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jekk mhux billi jingħataw interpretazzjoni xierqa?

30.      Is-self ta’ kotba diġitali huwa ekwivalenti modern tas-self ta’ kotba stampati. Jiena ma naqbilx mal-argument imqajjem fil-kuntest ta’ din il-kawża li hemm differenza fundamentali bejn il-ktieb diġitali u l‑ktieb tradizzjonali, jew bejn is-self ta’ ktieb diġitali u dak ta’ ktieb stampat. Huwa ċar li l-ktieb diġitali huwa f’forma differenti, li tista’ tkun iktar komda f’ċerti sitwazzjonijiet (iżda mhux f’oħrajn) u li tippermetti ċerti funzjonijiet, bħat-tfittxija ta’ kliem u ta’ traduzzjonijiet, li ktieb stampat ma għandux. Dawn il-karatteristiċi huma madankollu sekondarji u l-importanza tagħhom tiddependi mill‑preferenzi suġġettivi ta’ kull utent. L-istess japplika għall-argument li l-vantaġġ fundamentali jinsab fil-fatt li s-self diġitali ma jeħtieġx li l‑utent imur il-librerija, għaliex iseħħ minn distanza. Wieħed jista’ jargumenta wkoll li ċerti persuni jippreferu jmorru l-librerija sabiex jibbenefikaw minn relazzjoni umana.

31.      Madankollu, dak li fl-opinjoni tiegħi huwa deċiżiv, huwa l‑element oġġettiv: billi jissellef ktieb, tradizzjonali jew diġitali, mil‑librerija, l-utent irid jaqra l-kontenut ta’ dak il-ktieb, mingħajr ma jżomm kopja d-dar tiegħu. Issa, minn din il-perspettiva, il‑ktieb stampat u l-ktieb diġitali ma humiex differenti essenzjalment, u bl-istess mod il-modalitajiet ta’ self tagħhom.

32.      L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115 għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni din ir-realtà, billi tallinja l-qafas legali tas-self ta’ kotba diġitali ma’ dak tas-self ta’ kotba tradizzjonali.

33.      It-tieni nett, l-għan prinċipali tad-dritt tal-awtur huwa l‑protezzjoni tal-interessi tal-awturi. Issa, ma hijiex kumbinazzjoni li, fil‑kawża prinċipali, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l‑interessi tal-awturi, jiġifieri Lira u Pictoright, intervjenew insostenn tat-talbiet ta’ VOB. Dan il-fatt jista’ jidher paradossali, iżda huwa konsegwenza tal-loġika tas-suq li attwalment tipprevali fil-qasam tas-self ta’ kotba diġitali.

34.      Fil-fatt, tali suq jeżisti u l-libreriji effettivament iselfu kotba fil‑forma diġitali. Madankollu, peress li din il-forma ta’ self ma hijiex ikkunsidrata koperta mill-kunċett ta’ self fis-sens tad‑Direttiva 2006/115, hija lanqas ma tista’ tibbenefika mid-deroga għas-self pubbliku prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Is-self ta’ kotba diġitali huwa għalhekk organizzat permezz ta’ kuntratti ta’ liċenzja konklużi bejn il-libreriji u l-edituri. Dawn tal-aħħar iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-libreriji, għal prezz speċjalment innegozjat għal dan il-għan, il-kotba diġitali li dawn il-libreriji mbagħad għandhom id‑dritt iselfu lill-utenti. Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Lira u Pictoright, dawn ir-relazzjonijiet kuntrattwali jibbenefikaw prinċipalment lill‑edituri jew lill-intermedjarji l-oħra tal-kummerċ ta’ kotba diġitali, mingħajr ma l-awturi jirċievu ħlas xieraq.

35.      Għall-kuntrarju, jekk is-self diġitali jitqies li jaqa’ taħt id-Direttiva 2006/115, u għalhekk taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 6(1) tagħha, l-awturi jirċievu fid-dawl ta’ dan remunerazzjoni, skont ir-rekwiżit li jinsab f’din id-dispożizzjoni, li tiżdied ma dik li tiġi mill-bejgħ ta’ kotba u li tkun indipendenti minn kuntratti konklużi mal-edituri.

36.      Interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115 fis-sens li s-self diġitali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “self”, mhux biss ma tkunx ta’ preġudizzju għall‑interessi tal-awturi iżda, għall-kuntrarju, tippermetti l-aħjar protezzjoni għall-interessi tagħhom meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, irregolata mil-liġijiet tas-suq biss.

37.      Fl-aħħar u t-tielet nett, il-kunsiderazzjonijiet li jwassluni sabiex niddeċiedi favur interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115 li tieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp teknoloġiku huma dawk li jiena qajjimt fil‑parti introduttiva ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-libreriji sa minn dejjem selfu kotba mingħajr ma kellhom jitolbu l-awtorizzazzjoni. Uħud minnhom lanqas kellhom għaliex jixtru l-kopja tagħhom, għaliex jibbenefikaw mid-depożitu legali. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-ktieb ma huwiex ikkunsidrat bħala merkanzija ordinarja u li l-ħolqien letterarju ma huwiex attività ekonomika sempliċi. L-importanza li jirrapreżentaw il-kotba għall-konservazzjoni ta’ u għall-aċċess għall-kultura u għall‑għarfien xjentifiku dejjem ipprevala fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika.

38.      Bħalissa, fl-epoka diġitali, il-libreriji għandhom ikunu jistgħu jkomplu jgawdu l-istess rwol ta’ konservazzjoni u ta’ tixrid tal‑kultura li kienu jwettqu fl-epoka fejn il-ktieb kien jeżisti biss fil‑forma stampata. Issa, dan ma huwiex bilfors il-każ f’ambjent irregolat mil-liġijiet tas-suq biss. Minn naħa, il-libreriji, speċjalment il-libreriji pubbliċi, mhux dejjem ikollhom il-mezzi finanzjarji sabiex jakkwistaw, bi prezz għoli mitlub mill-edituri, il-kotba diġitali bid-dritt li jselfuhom. Dan jirrigwarda speċjalment il-libreriji li joperaw fiż-żoni l-iktar żvantaġġati, jiġifieri fejn ir-rwol tagħhom huwa l-iktar importanti. Min-naħa l-oħra, l-edituri u l-intermedjarji fil-kummerċ ta’ kotba diġitali, ħafna drabi jsibuha diffiċli jikkonkludu mal-libreriji kuntratti li jippermettulhom is-self diġitali. Fil-fatt, huma jibżgħu li dan is-self jippreġudika l-interessi tagħhom billi jnaqqas il-bejgħ jew billi ma jippermettilhomx li jiżviluppaw il-metodi kummerċjali tagħhom tat‑tqegħid għad-dispożizzjoni għal żmien limitat. Konsegwentement, huma jew jillimitaw permezz ta’ kuntratti l-possibbiltajiet ta’ self ta’ kotba diġitali mil-libreriji, pereżempju billi jindikaw in-numru ta’ self massimu jew perijodu wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb li matulu s-self ma jkunx possibbli, jew jirrifjutaw tali rabtiet kuntrattwali mal‑libreriji (12).

39.      Mingħajr il-benefiċċju tal-privileġġi li jirriżulta minn deroga għad-dritt esklużiv ta’ self, il-libreriji jirriskjaw għalhekk li ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jibqgħu jgawdu, fl-ambjent diġitali, ir-rwol li dejjem wettqu fi żmien il-ktieb stampat.

40.      Għar-raġunijiet hawn fuq żviluppati, jiena tal-opinjoni li l‑interpretezzjoni tal-kunċett ta’ “self” fis-sens tad-Direttiva 2006/115 ma għandhiex tkun limitata għal dak li seta’ kien l-ispirtu tal-leġiżlatur tal‑Unjoni fil-mument tal-adozzjoni oriġinali ta’ din id-direttiva (jiġifieri d-Direttiva 92/100), iżda għandha tagħti definizzjoni li tkun konformi mal-iżvilupp tat-teknoloġija u tas-suq li seħħ sa minn dakinhar. Issa għandu jiġi analizzat jekk tali interpretazzjoni tirriżultax kemm mil-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115 stess u jekk hijiex koerenti mat-testi l-oħra tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll mal-obbligi internazzjonali li għandha l‑Unjoni.

 Fuq ir-rilevanza tal-interpretazzjoni proposta fid-dawl tat-testi fis-seħħ

–       Fuq it-test u l-istruttura tad-Direttiva 2006/115

41.      Sabiex jiġi analizzat jekk l-interpretazzjoni proposta tirriżultax mit-test u mill-istruttura tad-Direttiva 2006/115, għandu, fl-ewwel lok, jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan, minn naħa, tad-dritt esklużiv ta’ self u, min-naħa l-oħra, tad-deroga ta’ dan id-dritt għas-self pubbliku. Għal dak li jirrigwarda d-dritt esklużiv ta’ self, l-għan tiegħu huwa li jiżgura lill-awturi remunerazzjoni xierqa għal din il-forma ta’ użu tax-xogħlijiet tagħhom. Peress li l-użu ta’ kotba diġitali taħt il-forma ta’ self huwa realtà, jidhirli li huwa kompletament koerenti li din il-forma ta’ self tiġi inkluża fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt esklużiv.

42.      Għal dak li jirrigwarda l-iskop tad-deroga għas-self pubbliku, jiena diġà ppreżentajt l-argumenti li jimmilitaw, fl-opinjoni tiegħi, favur il-possibbiltà li l-libreriji pubbliċi jibbenefikaw minn din id-deroga għal dak li jirrigwarda s-self ta’ kotba diġitali (13).

43.      Fit-tieni lok, għandha ssir il-mistoqsija dwar jekk il‑formulazzjoni tad-Direttiva 2006/115 tippermettix interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar is-self li tinkludi s-self ta’ kotba diġitali. Infakkar li l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “l‑Istati Membri għandhom jipprovdu […] id-dritt ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni […] tas-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur […]” (14). Għalhekk, jista’ jiġi sostnut li l-fatt li jissemmew l-oriġinali u l-kopji jillimita l-estensjoni tad-dritt ta’ self għal xogħlijiet fuq mezz materjali, li bih huma jissellfu. Dan jeskludi l-kotba diġitali, li normalment jitqiegħdu għad‑dispożizzjoni billi jitniżżlu, jiġifieri mingħajr rabta ma’ mezz materjali (15). Madankollu, ma naħsibx li tali interpretazzjoni hija korretta.

44.      Fl-opinjoni tiegħi, il-kopja ma għandhiex tiġi assimilata biss, fis‑sens tad-dispożizzjoni analizzata, mal-kopja materjali tax-xogħol. Fil-fatt, il-kopja hija biss ir-riżultat tal-att ta’ riproduzzjoni. Ix-xogħol jeżisti biss fil-forma oriġinali u fil-kopji tiegħu, li huma r-riżultat tar‑riproduzzjoni tal-oriġinal. Filwaqt li kopja tradizzjonali, fil-każ ta’ ktieb fil-forma stampata, tinsab neċessarjament fuq mezz materjali, dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda l-kopja diġitali. Barra minn hekk, huwa interessanti li jiġi nnotat li l-verżjoni Franċiża tal-proposta għad-Direttiva 92/100 ma tużax il-kelma “kopja”, iżda ġustament dik ta’ “riproduzzjoni” (16). Dikjarazzjoni li r-riproduzzjoni tax-xogħol ma tikkonsistix fil-ħolqien ta’ kopja tmur kontra l-loġika tad-drittijiet tal-awtur.

45.      Jiena lanqas ma naħseb li l-fatt li l-Artikolu 2(1)(b) tad‑Direttiva 2006/115 juża [fil-verżjoni Franċiża] l-espressjoni “prêt d’objets [self ta’ oġġetti]” jista’ jipprekludi interpretazzjoni ta’ din id-direttiva li tinkludi s-self ta’ kotba diġitali. Fil-fatt, minn naħa waħda, din iż-żieda tal-kelma “objets [oġġetti]” ma tidhirx fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha. Għall-kuntrarju, il‑parti l-kbira jużaw biss il-kelma “self” (17). Min-naħa l-oħra, id‑Direttiva 2006/115 tuża l-kelma “objets” sabiex tindika l‑materjal kollu li huwa s-suġġett tad-dritt ta’ self u ta’ kiri, elenkat fl-Artikolu 3(1) tagħha (18). Għalhekk, dan it-terminu ma għandux sinjifikat proprju, differenti minn dak, għal dak li jirrigwarda x-xogħlijiet, mogħti mill‑kliem “oriġinal” u “kopji”.

46.      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-argument imqajjem mill‑Gvern Franċiż, li l-prinċipju tal-interpretazzjoni stretta tal‑eċċezzjonijiet jipprekludi t-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑kunċett ta’ “self” għas-self ta’ kotba diġitali, għandu jiġi osservat li din hija interpretazzjoni mhux ta’ eċċezzjoni, iżda tar-regola, jiġifieri l‑estensjoni tad-dritt ta’ self previst fl-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2006/115.

47.      Barra minn hekk, fir-rigward tad-deroga prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, għandu jitfakkar li, għalkemm l-eċċezzjonijiet għad‑drittijiet tal-awtur għandhom jirċievu interpretazzjoni stretta, din l‑interpretazzjoni għandha madankollu tippermetti s-salvagwardja tal‑effett utili tal-eċċezzjoni u tosserva l-iskop tagħha (19). Madankollu, interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ self taffetwa l-effett utili u l-iskop tal-imsemmija deroga għal dak li jirrigwarda s-self ta’ kotba diġitali.

48.      Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, naħseb li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ self li tinkludi s-self ta’ kotba diġitali la ma tmur kontra l-għan u lanqas il-formulazzjoni tad-Direttiva 2006/115.

–       Fuq il-koerenza fis-sistema ta’ drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni

49.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, tqajjem minn NUV, kif ukoll mill‑Gvern Ġermaniż u dak Franċiż, li t-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “self” fis-sens tad-Direttiva 2006/115 għas‑self ta’ kotba diġitali huwa inkompatibbli mat-testi l-oħra tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, prinċiparjament mad‑Direttiva 2001/29. L-ewwel nett, hemm inkoerenza terminoloġika, billi ċerti kliem, pereżempju “kopja” u “materjal”, jintużaw b’tifsiriet inkompatibbli mal-idea ta’ self diġitali. It-tieni nett, tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ self hija f’kunflitt mad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u mad-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29. Skont dan l-argument, is-self ta’ kotba diġitali jaqa’ taħt id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li ma huwa suġġett għal ebda deroga simili għal dik prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115. Konsegwentement, l-inklużjoni tas-self diġitali fid-Direttiva 2006/115 u l-applikazzjoni ta’ din id-deroga ssir bi ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

50.      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, għandi nirrimarka li, jekk il-prinċipju tal-koerenza terminoloġika perfetta fi ħdan id-dritt tal-awtur tal-Unjoni għandu jiġi applikat b’mod inkundizzjonat, għandha allura tiġi adottata d-definizzjoni ta’ ċerti kunċetti, pereżempju dik ta’ “kopja”, ta’ “bejgħ” u ta’ “distribuzzjoni”, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Usedsoft (20). Fil-fatt, din is-sentenza, mogħtija mill-Awla Manja u li tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (21), hija sallum l-unika sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ċerti kunċetti tad-drittijiet tal-awtur fil-kuntest tal‑ambjent diġitali.

51.      Għaldaqstant, abbażi ta’ dispożizzjonijiet li essenzjalment jużaw l‑istess terminoloġija bħad-Direttiva 2001/29 (22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tniżżil bl-internet għandu l-għan ta’ kopja tax-xogħol, f’dan il-każ ta’ programm tal-kompjuter (23), u li dan it-tniżżil, flimkien ma’ liċenzja għall-użu għal perijodu indeterminat, jikkostitwixxi bejgħ tal-kopja inkwistjoni, li jirriżulta għalhekk fl-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja (24).

52.      Skont il-prinċipju ta’ koerenza terminoloġika applikat b’mod rigoruż, il-kelma “kopja” użata fid-Direttiva 2001/29 kif ukoll fid‑Direttiva 2006/115 għandha tinftiehem bħala li tinkludi kopji diġitali li ma għandhomx mezz materjali. Dan l-istess prinċipju jippermetti barra minn hekk li tissolva b’mod sempliċi l-problema, li dwarha hemm dibattitu kbir fid-duttrina u li hija preżenti wkoll f’din il-kawża, tal‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni wara bejgħ permezz ta’ tniżżil. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 huwa fformulat, essenzjalment, b’mod identiku għall-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2009/24, konsegwentement huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi interpretat ukoll b’mod identiku.

53.      Għall-kuntrarju, jekk jitqies li l-istess kliem jistgħu, fil‑kuntest tad-Direttiva 2001/29, ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Usedsoft fil-kuntest tad-Direttiva 2009/24, allura ma narax għaliex l-istess “awtonomija terminoloġika” ma tistax tipprevali fir‑relazzjoni bejn id-Direttiva 2001/29 u d-Direttiva 2006/115 (25).

54.      Għandi nżid ukoll li, fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza Art & Allposters International (26) ma tikkontestax u lanqas tillimita b’xi mod il‑konklużjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza Usedsoft. Fil-fatt, din l‑ewwel sentenza kienet tirrigwarda trasferiment ta’ xogħol bi proċess kimiku, u mhux diġitali, direttament minn mezz materjali (karta) għal mezz materjali ieħor (tila). Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li, billi stabbilixxa d-dritt ta’ distribuzzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-awturi l-kontroll fuq l-ewwel tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ kull oġġett tanġibbli li jinkorpora x‑xogħol (27), filwaqt li s-sostituzzjoni tal-mezz għandu l-konsegwenza tal-ħolqien ta’ oġġett ġdid (tanġibbli) (28), u li għalhekk ma setax ikun hemm l-eżawriment tal-imsemmi dritt ta’ distribuzzjoni (29). Għall‑kuntrarju, ebda element ta’ din il-kawża ma kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-eżawriment ta’ dan id-dritt jistax iseħħ wara t-trasferiment ta’ proprjetà ta’ kopja diġitali ta’ xogħol.

55.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument imsemmi fil-punt 49 hawn fuq, ibbażat fuq id-dritt ta’ komunikazzjoni u ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d‑Direttiva 92/100 tippreċedi d-Direttiva 2001/29 u li din tal‑aħħar, skont il-premessa 20 u l-Artikolu 1(2)(b) tagħha, ma tibdilx – u bl-ebda mod ma taffettwa – id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni fis-seħħ relatati, fost oħrajn, mad-dritt ta’ self previst fid‑Direttiva 92/100 (ikkodifikata bħala d-Direttiva 2006/115). Din l‑aħħar direttiva tikkostitwixxi għalhekk lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva 2001/29. Barra minn hekk, l-istess argument tqajjem fil-kawża li tat lok għas-sentenza Usedsof, u l-Qorti tal‑Ġustizzja wieġbet għalih b’mod analogu (30). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tas‑self ta’ kotba diġitali bħala “self” fis-sens tad-Direttiva 2006/115 ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

56.      Ġie sostnut ukoll li s-self ta’ kotba diġitali jimplika, minbarra l‑att ta’ self fis-sens proprju, atti ta’ riproduzzjoni, kemm minn naħa tal-librerija kif ukoll mill-utent, liema fatt jista’ jikser id-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxi tali riproduzzjoni, kif stabbilit fl‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.

57.      Madankollu, għal dak li jirrigwarda r-riproduzzjoni mwettqa mil‑libreriji, din hija fl-opinjoni tiegħi koperta mill-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja imsejħa “Technische Universität Darmstadt” (31). Din id-dispożizzjoni tipprovdi eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal “atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji […] li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku”. Fis-sentenza fuq imsemmija, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-eċċezzjoni tista’ tapplika sabiex tippermetti lil-libreriji jwettqu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont eċċezzjoni oħra, prevista fl-Artikolu 5(3)(n) tad‑Direttiva 2001/29 (32). B’analoġija, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(2)(ċ) ta’ din l-istess direttiva għandha tkun tista’ tiġi applikata sabiex il-libreriji jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għad-dritt ta’ self prevista fl‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115.

58.      Għal dak li jirrigwarda r-riproduzzjoni mwettqa mill-utent fuq il‑kompjuter tiegħu jew fuq kwalunkwe tagħmir ieħor ta’ qari ta’ kotba diġitali meta jniżżel il-ktieb misluf mil-librerija, din hija fl-opinjoni tiegħi koperta mill-eċċezzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Fil-fatt, din ir-riproduzzjoni hija provviżorja, peress li l‑kopja magħmula fuq it-tagħmir tal-utent titħassar jew tiġi ddiżattivata awtomatikament fi tmiem il-perijodu ta’ self. Din hija wkoll anċillari u tifforma parti integrali mill-proċess tekniku, dak tat-tniżżil. Fl-aħħar nett, l-iskop uniku tagħha huwa li tippermetti użu legali tax-xogħol, jiġifieri l-użu fil-kuntest ta’ self diġitali, u ma għandhiex rilevanza ekonomika indipendenti. Tali riproduzzjoni tissodisfa għalhekk il‑kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (33).

59.      Finalment, f’din il-kawża tressaq l-argument, b’mod partikolari mill-Gvern Franċiż, li t-trattament differenti, mill-perspettiva tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-kotba fuq mezz materjali u tal-kotba mqassma permezz tat-tniżżil, ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza (34) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (35), juri li dawn iż-żewġ tipi ta’ kotba ma humiex ekwivalenti. Għandi madankollu nosserva, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni f’din il-kawża ma hijiex dwar jekk il-kotba stampati u l-kotba diġitali humiex komparabbli bħala tali, iżda dwar jekk is-self ta’ kotba diġitali huwiex ekwivalenti għas-self ta’ kotba tradizzjonali. Issa, minn din il-perspettiva, kif ikkonstatajt fil‑punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn iż-żewġ tipi ta’ self huma fl-opinjoni tiegħi ekwivalenti għal dak li jirrigwarda l-karatteristiċi essenzjali u oġġettivament rilevanti tagħhom.

60.      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li s-soluzzjoni mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż-żewġ sentenzi hija bbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li, billi l-provvisti pprovduti b’mezzi diġitali jitqiesu bħala servizzi, ma jippermettux li tiġi applikata rata ta’ VAT imnaqqsa għal kotba li ma għandhomx mezz materjali. Issa s-self, kemm jekk jirrigwarda ktieb diġitali jew inkella ktieb stampat, dejjem jibqa’ servizz. Konsegwentement, id-distinzjoni ġurisprudenzjali invokata ma tapplikax.

61.      Barra minn hekk, din id-distinzjoni bejn kotba stampati u kotba diġitali tqajjem, mill-perspettiva ta’ tassazzjoni, kwistjonijiet serji dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju ta’ newtralità, li huwa l-espressjoni, fil-qasam fiskali, tal-prinċipju tal-ugwaljanza (36). Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ppubblikat reċentement pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT, li fih hemm espressament previst il-konformità tar-rata tal-VAT applikabbli għal kotba u għall-perijodiċi diġitali ma’ dik tal-kotba stampati (37). Dan l-approċċ jikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, imressqa wkoll fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jipprovdi li l-kotba diġitali u l-kotba stampati huma essenzjalment ekwivalenti.

62.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “self” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2006/115 li tinkludi s-self ta’ kotba diġitali u li tippermetti għalhekk l-applikazzjoni tad-deroga ta’ self prevista fl‑Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ma hijiex inkompatibbli jew inkoerenti mal-bqija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur.

–       Fuq il-konformità mal-obbligi internazzjonali

63.      L-Unjoni hija parti kontraenti f’diversi konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fit-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali dwar id-drittijiet tal‑awtur (TDA), adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 (38). L-atti ta’ dritt sekondarju għandhom għalhekk ikunu konformi – u interpretati b’mod konformi wkoll – ma’ dan it-trattat (39). Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “self” fis-sens tal‑Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115 illi tinkludi s-self ta’ kotba diġitali tistax tiġi rrikonċiljata mat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur.

64.      Dan it-trattat ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ self. L-iktar l-iktar huwa jittratta, fl-Artikolu 7 tiegħu, id-dritt ta’ kiri kummerċjali, jiġifieri kiri mwettaq bi ħlas, ta’ programmi tal-kompjuter, xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet inkorporati f’fonogrammi (40). La s-self pubbliku u lanqas il-kotba diġitali ma huma kkonċernati b’din id‑dispożizzjoni.

65.      Jekk is-self, fi kwalunkwe każ dak ta’ kotba diġitali, huwa kopert mit-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, dan huwa għaliex jikkostitwixxi forma partikolari tal-użu tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ dan it-trattat (41). Dan id-dritt huwa bħala prinċipju traspost, fid-dritt tal-Unjoni, fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, id-Direttiva 2006/115 tikkostitwixxi lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva 2001/29, inkluż l-Artikolu 3 tagħha (42).

66.      Issa, it-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi, fl-Artikolu 10(1) tiegħu, il-possibbiltà għall-partijiet kontraenti li jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet mogħtija f’dan it-trattat, bil-kundizzjoni li jaġixxu f’“ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kuntrarju għall-esplojtazzjoni normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi ta’ l-awtur”. Dawn il-kundizzjonijiet huma normalment imsejħa it-“test tat-tliet stadji”. Fl-opinjoni tiegħi, id-deroga ta’ self pubbliku prevista fl‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, fir-rigward tas-self ta’ kotba diġitali, tissodisfa dawn it-tliet kundizzjonijiet.

67.      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li l-eċċezzjoni għandha tirrigwarda ċerti każijiet speċjali, għandu jiġi osservat li d‑deroga għas-self pubbliku hija limitata fuq żewġ punti. Minn naħa, hija ma tirrigwardax il-forom kollha tal-komunikazzjoni lill‑pubbliku, iżda unikament forma partikolari, li hija s-self, jiġifieri, it‑tqegħid għad-dispożizzjoni għal żmien limitat. Min-naħa l-oħra, il‑benefiċjarji ta’ din id-deroga huma limitati biss għall-istabbilimenti (libreriji) miftuħa għal pubbliku u li ma jagħmlux profitt mill-attività ta’ self tagħhom. Barra minn hekk, id-deroga ta’ self pubbliku għandha għan leġittimu fl-interess pubbliku li huwa, bl-iktar mod ġenerali, l‑aċċess univerali għall-kultura.

68.      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li ma għandhiex tippreġudika l-użu normali tax-xogħol, ġie ddikjarat, b’mod partikolari minn NUV fl-osservazzjonijiet tagħha (43), li s-self ta’ kotba diġitali permezz ta’ tniżżil, għall-kuntrarju ta’ self tradizzjonali ta’ kotba stampati, huwa tant qrib il-forom normali ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il‑kotba li jmur kontra l-użu normali tad-drittijiet tal-awtur billi jissostitwixxi b’mod faċli wisq l-akkwist tal-ktieb fis-suq. Dan huwa dovut prinċipalment għall-fatt li s-self diġitali ma jeħtieġx ċaqliq fiżiku tal-utent għal-librerija, u jixbah għalhekk l-akkwist fuq l‑internet, u li l-ktieb diġitali misluf minn librerija, li ma jiddeterjorax bl‑użu, jippreżenta aspett identiku għal ktieb akkwistat, jiġifieri li jibqa’ dejjem “ġdid”. Barra minn hekk, il-faċilità ta’ riproduzzjoni ta’ kotba diġitali mingħajr ma tintilef il-kwalità tkabbar ir-riskju ta’ użu li jaqbeż dak li huwa permess fil-kuntest tas-self.

69.      Madankollu, dawn l-argumenti ma jieħdux inkunsiderazzjoni l‑karatteristiċi ta’ self ta’ ktieb diġitali li jiddistingwuh mill-akkwist. Fl‑ewwel lok, dan is-self huwa limitat fiż-żmien, u għalhekk jippermetti unikament il-qari tal-kontenut tal-ktieb, mingħajr ma tinżamm kopja. Barra minn hekk, il-possibbiltajiet ta’ dan is-self huma limitati min-numru ta’ kopji (jew ta’ kopji diġitali) għad-dispożizzjoni tal-librerija, u l-utent ma huwiex ċert li jista’ jissellef ktieb diġitali partikolari fil-ħin mixtieq. Fl‑aħħar nett, diversi studji juru li s-self ta’ kotba, kemm tradizzjonali kif ukoll diġitali, ma jnaqqasx il-volum ta’ bejgħ tagħhom, iżda, għall‑kuntrarju, iżiduh, billi jinkoraġġixxi d-drawwa tal-qari (44).

70.      Il-fatt biss li ċerti kummerċjanti ta’ kotba diġitali żviluppaw mudelli kummerċjali simili għal dak tal-kiri elettroniku ma jistax jikkostitwixxi waħdu ostakolu għall-applikazzjoni tad-deroga ta’ self pubbliku għall-kotba diġitali. Fil-fatt, din id-deroga għandha għan leġittimu ta’ interess pubbliku li ma jistax jiġi limitat għall-oqsma mhux koperti mill-attività ekonomika. Inkella kull attività ta’ self tkun tista’ tiġi eskluża permezz tal-kiri kummerċjali, kemm fir-rigward ta’ oġġetti materjali jew immaterjali, b’tali mod li d-deroga inkwistjoni titlef kull effett utili.

71.      Għall-kuntrarju, il-fatt li l-edituri u l-intermedjarji jipproponu liċenzji għal self diġitali għal-libreriji jew jiżviluppaw l-mudelli ta’ kiri tagħhom stess, mifhum bħala tqegħid għad-dispożizzjoni għal żmien limitat, juri li s-self diġitali bħala tali ma jippreġudikax l-użu tad‑drittijiet tal-awtur, għall-kuntrarju ta’ dak li xi drabi jiġi ddikjarat.

72.      Għal dak li jirrigwarda r-riskji marbuta mas-self ta’ kotba diġitali, għandu jiġi osservat li l-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni, li llum l‑użu tagħhom huwa universali, bħad-diżattivazzjoni awtomatika tal‑kopja wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ self, l-impossibiltà tal‑istampar jew l-imblokkar ta’ kopji addizzjonali, jippermettu limitazzjoni sostanzjali ta’ dawn ir-riskji.

73.      Fi kwalunke każ, huma fl-aħħar mill-aħħar l-Istati Membri, jekk jixtiequ jintroduċu d-deroga għas-self pubbliku ta’ kotba diġitali, li għandhom jiddefinixxu r-regoli ta’ din id-deroga b’mod li din il-forma ta’ self tkun realment tiffunzjona b’mod ekwivalenti għal dik tas-self tradizzjonali u li ma tippreġudikax l-użu normali tad-drittijiet tal-awtur. Soluzzjonijiet bħall-mudell “kopja waħda utent wieħed” inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jew l-użu obbligatorju ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni, jippermettu li jintlaħaq dan ir-riżultat.

74.      Fl-aħħar u t-tielet nett, skont l-aħħar kundizzjoni, id-deroga ma għandhiex tikkawża preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tal‑awturi. Dawn l-interessi, għal dak li jirrigwarda l-użu tad-drittijiet tal-awtur partimonjali, huma prinċipalment ta’ natura ekonomika. F’ambjent irregolat biss mil-liġijiet tas-suq, il-kapaċità tal‑awturi li jiddefendu l-interessi tagħhom tiddependi fuq kollox mis‑setgħa ta’ negozjar tagħhom fil-konfront tal-edituri. Uħud minnhom huma ċertament kapaċi jiksbu kundizzjonijiet sodisfaċenti, iżda oħrajn le, kif turi l-pożizzjoni ta’ Lira u Pictoright f’din il-kawża. Issa, l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 jipprevedi, fil-każ ta’ introduzzjoni tad-deroga għas-self pubbliku, remunerazzjoni lill-awturi. Peress li din ir-remunerazzjoni hija indipendenti min-negozjati bejn l-awtur u l-editur, hija mhux biss tippreżerva l-interessi leġittimi tal-awtur, iżda tista’ tkun ukoll iktar vantaġġuża għalihom.

75.      L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ dan l-istess trattat, ma jipprekludix għalhekk, fl‑opinjoni tiegħi, li dan il-kunċett ta’ self fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2006/115 jiġi interpretat b’mod li jinkludi s-self ta’ kotba diġitali.

76.      Jista’ jiġi oġġezzjonat ukoll li l-kliem “oriġinal” u “kopja” tad‑Direttiva 2006/115 għandhom jinftiehmu bl-istess mod bħall-kliem analogu “oriġinal” u “kopja” użat fl-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar id‑drittijiet tal-awtur. Issa, skont id-dikjarazzjoni komuni dwar dawn iż-żewġ artikoli, annessa ma’ dan it-trattat, dan il-kliem tal-aħħar “jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli” (45). Dan għalhekk jeskludi s-self ta’ kotba diġitali mill-kunċett ta’ “self ta’ oriġinali u kopji” fid-Direttiva 2006/115.

77.      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur jirrigwardaw id-dritt ta’ distribuzzjoni (Artikolu 6) u d-dritt ta’ kiri kummerċjali ta’ oġġetti li ma humiex kotba (Artikolu 7). Għalhekk ma naħsibx li din id-dikjarazzjoni komuni, applikata b’analoġija għad-Direttiva 2006/115, tista’ tipprekludi li dan il-kliem analogu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti li tirrigwarda forma ta’ użu li taqa’ taħt l-Artikolu 8 ta’ dan it-trattat.

78.      Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis‑sentenza tagħha Usedsoft (46), dwar id-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ programmi tal-kompjuter, li jaqgħu b’mod ċar fid-dikjarazzjoni komuni inkwistjoni, li d-dritt ta’ distribuzzjoni u l-prinċipju tal-eżawriment tiegħu japplikaw ukoll għall-bejgħ permezz ta’ tniżżil, allura iktar u iktar l-istess jista’ japplika fil-każ ta’ self, li ma jaqax la taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni u lanqas taħt id-dritt ta’ kiri.

 Konklużjoni fuq l-ewwel domanda preliminari

79.      Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jinġabru kif ġej. Is-self ta’ kotba diġitali mil-libreriji pubbliċi ma huwiex proġett tal-futur, u inqas u inqas xewqa bla tama. Għall-kuntrarju, dan huwa fenomenu li realment jeżisti. Madankollu, b’konsegwenza tal-interpretazzjoni restrittiva tal‑kunċett ta’ “dritt ta’ self” li tipprevali fl-Istati Membri, dan il‑fenomenu huwa suġġett għalkollox għal-liġijiet tas-suq, għall‑kuntrarju tas-self ta’ kotba tradizzjonali li jibbenefika minn leġiżlazzjoni favorevoli għal-libreriji. Għaldaqstant, interpretazzjoni adattata tal-kuntest leġiżlattiv eżistenti hija fl-opinjoni tiegħi neċessarja, sabiex il‑libreriji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet favorevoli fl-ambjent diġitali modern. Tali interpretazzjoni hija mhux biss fl-interess pubbliku tal-aċċess għax-xjenza u għall-kultura, iżda wkoll f’dak tal-awturi. Fl-istess ħin, ma hijiex bl-ebda mod kuntrarja la għall‑formulazzjoni u lanqas għall-istruttura tat-testi fis-seħħ. Għall‑kuntrarju, hija biss tali interpretazzjoni li ser tippermettilhom jaqdu l-funzjoni assenjata lilhom mil-leġiżlatur, jiġifieri dik li jadattaw id-drittijiet tal‑awtur għar-realtà tas-soċjetà tal-informazzjoni.

80.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kotba diġitali mil-libreriji għal żmien limitat jaqa’ taħt id-dritt ta’ self stabbilit minn dan l-artikolu. L-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu d-deroga prevista fl-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva dwar is-self ta’ kotba diġitali għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ dan is-self ma jippreġudikawx l-użu normali tax-xogħol u lanqas ma jikkawżaw preġudizzju mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tal-awturi.

 Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

81.      It-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari, li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu analizzati flimkien, jirrigwardaw l-eventwali rekwiżiti, dwar il-provenjenza tal-kopja mislufa mil-librerija, li l‑leġiżlatur nazzjonali għandu d-dritt li jistabbilixxi billi jintroduċi d‑deroga ta’ self prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għas‑self ta’ kotba diġitali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l‑leġiżlatur nazzjonali huwa awtorizzat jeħtieġ li l-kopja ta’ ktieb diġitali misluf mil-librerija tkun tqiegħdet f’ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew tal-ewwel trasferiment ieħor tal-proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni mid‑detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ ktieb diġitali jikkostitwixxix dan l-ewwel bejgħ jew dan l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il‑possibbiltà li jiġu introdotti rekwiżiti oħra, pereżempju dak tal‑provenjenza legali tal-kopja li hija s-suġġett tas-self.

82.      Skont id-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju stess, li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-domandi huma marbuta mal‑formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet Olandiżi attwali, li jimplikaw tali rekwiżit fil-kuntest tad-deroga għas-self pubbliku għal dak li jirrigwarda l-kotba stampati. B’hekk, billi tinvoka l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju tintroduċi f’din il-kawża l‑kwistjoni tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Madankollu naħseb li dan il-mekkaniżmu tal-eżawriment ma għandu l-ebda rabta mad-dritt ta’ self, kwistjoni li qed nittrattaw f’din il-kawża.

83.      Fil-fatt, id-dritt ta’ self, kif stabbilit fid-Direttiva 2006/115, huwa għalkollox indipendenti mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Minn naħa, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, id-drittijiet ta’ self u ta’ kiri ma jiġux eżawriti flimkien mal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Fi kliem ieħor, ma huwiex suffiċjenti li tinxtara kopja ta’ xogħol sabiex tkun tista’ ssellifha jew tikriha b’mod liberu. Barra minn hekk, għandu jinkiseb b’mod separat id-dritt ta’ self jew ta’ kiri ta’ din il‑kopja jew bil-kunsens tad-detentur tad-dritt, b’mezzi kuntrattwali, jew permezz tad-deroga għas-self pubbliku prevista fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2006/115, jekk din hija trasposta fid-dritt nazzjonali.

84.      Min-naħa l-oħra, l-akkwist ta’ dritt ta’ self jew ta’ kiri ta’ xogħol bl-ebda mod ma huwa kkundizzjonat, fid-Direttiva 2006/115, mill‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Id-dritt ta’ self jew ta’ kiri jista’ jirrigwarda, pereżempju, xogħlijiet li ma kinux intiżi għad‑distribuzzjoni pubblika, bħall-manuskritti, it-teżijiet tad-dottorat, eċċ.

85.      Jekk l-akkwist ta’ dritt ta’ self jew ta’ kiri jsir bil-kunsens tal-awtur, jista’ jiġi preżunt li l-interessi tiegħu huwa suffiċjentement protetti. Għall-kuntrarju, jekk id-dritt ta’ self jirriżulta mid-deroga, l‑applikazzjoni tiegħu għal xogħlijiet li ma humiex intiżi li jkunu ppubblikati tista’ tikkawża preġudizzju għall-interessi leġittimi, mhux biss patrimonjali, tal-awturi. Għalhekk, jidhirli li huwa ġġustifikat li l‑Istati Membri jistgħu jeħtieġu, fil-kuntest tad-deroga prevista fl‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, li l-kotba diġitali li jkunu s-suġġett ta’ self l-ewwel jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. Madankollu, huwa ċar li din il‑limitazzjoni ma għandhiex tiġi fformulata b’mod li tirrestrinġi l‑portata tad-deroga, inkluż għal dak li jirrigwarda l-format li bih ix‑xogħlijiet jistgħu jiġu mislufa.

86.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni tal-provenjenza legali tal-kopja tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal‑eċċezzjoni tal-kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li din l-eċċezzjoni ma timponix fuq id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur l-obbligu li jittolleraw ksur tad-drittijiet tagħhom li jista’ jirriżulta mill-fatt li jsiru kopji privati. B’hekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix il-każ ta’ kopji privati li joriġinaw minn sors illegali (47).

87.      Fl-opinjoni tiegħi, l-istess interpretazzjoni għandha tipprevali, b’analoġija, fil-każ ta’ deroga għad-dritt ta’ self previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għal dak li jirrigwarda l-kotba diġitali. Dan japplika iktar u iktar għaliex minn din id-deroga jibbenefikaw stabbilimenti li, fil-maġġoranza kbira tagħhom, huma stabbilimenti pubbliċi, li fir-rigward tagħhom wieħed għandu dritt jirrikjedi attenzjoni partikolari għall-osservanza tal-liġi. Jidhirli li dan il-punt ma jeħtieġx iktar argumenti.

88.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni, it-tielet u r‑raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Istat Membru, li jintroduċi d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li l-kotba diġitali li jkunu s-suġġett ta’ self skont din id-deroga l-ewwel jitqiegħdu għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni ma tkunx ifformulata b’mod li tillimita l-portata tad-deroga. L-istess dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri biss l-kotba diġitali li joriġinaw minn sorsi legali.

 Konklużjoni

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għad‑domandi magħmula mir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag):

1)      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil‑qasam tal-proprjetà intellettwali, moqri flimkien mal‑Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kotba diġitali mil-libreriji għal żmien limitat jaqa’ taħt id-dritt ta’ self stabbilit minn dan l-artikolu. L-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu d-deroga prevista fl-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva dwar is-self ta’ kotba diġitali għandhom jiżguraw li l‑kundizzjonijiet ta’ dan is-self ma jippreġudikawx l-użu normali tax-xogħol u lanqas jikkawżaw preġudizzju mhux iġġustifikat għall‑interessi leġittimi tal-awturi.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115/KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludix li l-Istat Membru, li jintroduċi d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li l-kotba diġitali li jkunu s-suġġett ta’ self skont din id-deroga l-ewwel jitqiegħdu għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku mid-detentur tad-dritt jew bil‑kunsens tiegħu, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni ma tkunx ifformulata b’mod li tillimita l-portata tad-deroga. L-istess dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri biss l-kotba diġitali li joriġinaw minn sorsi legali.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Pereżempju Riding the Bullet ta’ Stephen King (Simon & Schuster 2000) jew Starość Aksolotla (ma teżistix, sa fejn naf jien, traduzzjoni bil-Franċiż, titolu Ingliż: The Old Axolotl) ta’ Jacek Dukaj (Allegro 2015).


3 – Sabiex nagħti biss ftit eżempji, ara Davies, Ph., “Access v. contract: competing freedoms in the context of copyright limitations and exceptions for libraries”, European Intellectual Property Review, 2013/7, p. 402; Dreier, T., “Musées, bibliothèques et archives: de la nécessité d’élargir les exceptions au droit d’auteur”, Propriétés intellectuelles, 2012/43, p. 185; Dusollier, S., “A manifesto for an e-lending limitation in copyright”, Journal of Intellectual Property, Information Technology and E-Commerce Law, 2014/5(3); Matulionyte, R., “E‑lending and a public lending right: is it really a time for an update?”, European Intellectual Property Review, 2016/38(3), p. 132; Siewicz, K., “Propozycja nowelizacji prawa autorskiego w zakresie działalności bibliotek”, Zeszyty naukowe Uniwersytetu Jagiellońskiego. Prace z prawa własności intelektualnej, 2013/122, p. 54; Zollinger, A., “Les bibliothèques numériques, ou comment concilier droit à la culture et droit d’auteur”, La semaine juridique. Entreprise et affaires, 2007/25, p. 18.


4 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


5 –      ĠU 2006, L 376, p. 28.


6 –      Trattament iddifferenzjat donnu huwa awtorizzat mit-test stess tal-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2006/115, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi l-possibbiltà li jiġi applikat id‑dritt ta’ self għal fonogrammi, films u programmi tal-kompjuter, bil-kundizzjoni li jkun hemm remunerazzjoni għall-awturi. Barra minn hekk, bħall-fonogrammi (inklużi l-kotba awdjo) u l-vidjogrammi li normalment jinsabu fuq mezz fiżiku, il-fatt li dawn huma inklużi taħt din il-forma fid-dritt ta’ self ma joħloqx problema. Min-naħa l‑oħra, dan ma huwiex manifestament il-każ tal-kotba diġitali li, normalment, jiġu ddistribwiti biss billi jitniżżlu.


7 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120.


8 –      It-tieni waħda hija d-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).


9 –      COM(90) 586 finali, p. 33 sa 35. Bl-istess mod, ir-rappreżentanti tad-duttrina li kienu aċċettaw l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għas-self u għall-kiri elettroniku pprevedew tali applikazzjoni mhux għal kotba, iżda għall-fonogrammi u għall-vidjogrammi. Il-kiri “elettroniku” kien għalihom pjuttost tip ta’ “video on demand” permezz ta’ xandir televiżiv (ara Reinbothe, J., von Lewinsky, S., The EC directive on rental and lending rights and on piracy, London 1993, p. 41 u 42).


10 – Proporzjonalment, jekk il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-1787 tista’ tibqa’ tapplika llum u jekk ċerti artikoli tal-Magna Carta tal-1215 jistgħu jibqgħu jagħmlu parti mill-ordinament legali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, dan huwa għaliex l-interpretazzjoni li tingħata lilhom, ma hijiex dik li kienet prevalenti fi żmien George Washington jew Jean Sans Terre, iżda hija interpretazzjoni adattata għaż-żminijiet moderni.


11 –      Dan il-fenomenu ta’ obsolexxenza aċċellerata jolqot ukoll lid-duttrina. Għalhekk awtur ikkonstata: “Meta nħares lejn ktieb miktub […] 15-il sena ilu intitolat “L-internet u d-dritt”, il-ktieb tiegħi fuq it-televiżjoni interattiva ta’ 5 snin ilu, iżda wkoll artikolu dwar il-konservazzjoni ta’ xogħlijiet fuq l-internet ta’ 3 snin ilu, nikkonstata b’diżappunt sa liema punt dawn huma obsoleti” (Markiewicz, R., “Internet i prawo autorskie – wykaz problemów i propozycje ich rozwiązań”, Zeszyty naukowe Uniwersytetu Jagiellońskiego. Prace z prawa własności intelektualnej, 2013/121, p. 5). X’jingħad għalhekk dwar direttiva li għandha, fil-verżjoni oriġinali tagħha, kważi 25 sena?


12 –      Għal iktar informazzjoni dwar il-funzjonament tas-self diġitali, ara r-rapport ta’ Mount, D., għal Taalunie, Bibnet and Bibliotheek.nl, A Review of Public Library E-Lending Models, Diċembru 2014 (http://stichting.bibliotheek.nl), iċċitat minn Lira u Pictoright fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Ara wkoll, The European Bureau of Library, Information and Documentation Associations (EBLIDA) Position Paper The Right to E-read, Mejju 2014, www.eblida.org; Davies, Ph., op. cit.; Dusollier, S., op. cit.; Fédération Internationale des Associations de Bibliothécaires et des Bibliothèques (IFLA), IFLA 2014 eLending Background Paper, www.ifla.org; Fischman Afori, O., “The Battle Over Public E-Libraries: Taking Stock and Moving Ahead”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 2013, p. 392; Matulionyte, R., op. cit.; O’Brien, D.R., Gasser, U., Palfrey, J., E-books in Libraries, A Briefing Document developed in preparation for a Workshop on E-Lending in Libraries, Berkman Center Research Publication Nru 2012-15 (rigward is-suq Amerikan).


13 –      Ara, b’mod partikolari, il-punti 33 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14 – Enfasi miżjuda minni.


15 – Fil-fatt, dan il-mezz huwa qabelxejn is-server tal-organu li jqiegħed il-ktieb diġitali għad-dispożizzjoni, imbagħad il-kompjuter jew kull tagħmir ieħor diġitali tal-utent. Ir-rabta mal-mezz materjali hija għalhekk interrotta matul it‑trażmissjoni.


16 – COM(90) 586 finali (ĠU 1990, C 53, p. 35). Din l-analiżi hija wkoll ikkorroborata mill-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 2006/115, li tuża l-kelma “Vervielfältigungsstück”, li tfisser l-att ta’ riproduzzjoni (“Vervielfältigung” – ara l-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 2001/29, Artikolu 2). Ara, f’dan is-sens ukoll, Gautrat, Ph., “Prêt public et droit de location: l’art et la manière”, RTD Com., 2008, p. 752 (punt 16).


17 –      Ara, pereżempju, il-verżjoni lingwistika Ġermaniża, Pollakka u Ingliża.


18 –      Jiġifieri, l-oriġinali u l-kopji tax-xogħlijiet, l-iffissar tal-wirjiet, il-fonogrammi u l-films.


19 –      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 163), u tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 23).


20 –      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


21 –      ĠU 2009, L 111, p. 16.


22 –      Prinċipalment għal dak li jirrigwarda l-kliem “kopja”, “riproduzzjoni” u “bejgħ”.


23 –      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, Usedsoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, u, b’mod partikolari, il-punti 35, 37 u 47).


24 –      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, Usedsoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 47 u 48).


25 –      Jidhirli li din l-affermazzjoni ma hijiex invalidata mis-sentenza reċenti ħafna tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar allegata diverġenza ta’ interpretazzjoni, fil-ġurisprudenza tagħha, tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fil-kuntest tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u f’dak tad-Direttiva 2006/115, min-naħa l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi rrepetiet il-kliem ta’ sentenza preċedenti, li l-kunċetti użati miż-żewġ direttivi inkwistjoni għandhom l-istess sinjifikat, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima, f’kuntest leġiżlattiv speċifiku, intenzjoni differenti. Madankollu, jidhirli li l-fatt li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jiġi interpretat bl-istess mod fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ direttiva bl-ebda mod ma huwa kkontestat. Barra minn hekk, is-sunt tal-ġurisprudenza preċedenti, li jinsab fil-punti 35 sa 52 tas-sentenza Reha Training, ma wera l-ebda inkoerenza ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “kopja”, il-leġiżlatur indika b’mod ċar, fil-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29 tad-Direttiva 2001/29, il-kuntest speċifiku li fih dan il-kunċett jintuża f’din id-direttiva, jiġifieri dak tad-dritt ta’ distribuzzjoni, li l-eżawriment tiegħu ma jistax iseħħ minħabba d-distribuzzjoni online. Issa, tali limitazzjoni tal-kunċett ta’ “kopja” – li jinkludi, fl-opinjoni tiegħi, il-kopji diġitali (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet) – ma hijiex neċessarja għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ self irregolat mid-Direttiva 2006/115, għaliex, fi kwalunkwe każ, dan id-dritt ma jistax jiġi eżawrit, irrispettivament mid-definizzjoni adottata tal-kunċett ta’ “kopja”.


26 –      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015 (C‑419/13, EU:C:2015:27).


27 –      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Art & Allposters International (C‑419/13, EU:C:2015:27, punt 37).


28 –      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Art & Allposters International (C‑419/13, EU:C:2015:27, punt 43).


29 –      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Art & Allposters International (C‑419/13, EU:C:2015:27, punt 49 u d-dispożittiv).


30 –      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 51).


31 –      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196).


32 –      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196, punti 43 sa 46).


33 –      Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 161 sa 180), u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association (C‑360/13, EU:C:2014:1195, punti 22 sa 52, u, b’mod partikolari, punti 29 sa 33).


34 –      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015 (C‑479/13, EU:C:2015:141).


35 –      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015 (C‑502/13, EU:C:2015:143).


36 –      Ara t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti kostituzzjonali Pollakka fil-kawża Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑390/15), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


37 –      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tas-7 ta’ April 2016, Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu [COM(2016) 148 finali, p. 12].


38 –      Trattat approvat għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


39 –      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Art & Allposters International (C‑419/13, EU:C:2015:27, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Ara l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur.


41 – Skont dan l-artikolu, “[…] awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment”.


42 –      Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Ara wkoll Matulionyte, R., op. cit.


44 – Dusollier, S., op. cit.; EBLIDA, op. cit., p. 13 u d-dokumenti ċċitati, u Matulionyte, R., op. cit., u d-dokumenti ċċitati.


45 – Enfasi miżjuda minni.


46 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


47 – Sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punti 31 u 41).