Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Jannar 2011 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-54/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7700, tas-16 ta' Novembru 2010, li tnaqqas l-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-Programa Operativo Integrado objetivo 1 de Andalucía (programm operattiv integrat għan 1 ta' Andalucía) (2000-2006) Nru CCI 2000.ES.16.1.PO.003, inkwantu din timponi korrezzjoni finanzjarja ta' 100 % tal-ispejjeż iffinanzjati mill-FEŻR fir-rigward tal-kuntratti Nri 2075/2003 u 2120/2005.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' Spanja jressaq żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), inkwantu l-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta' tliet xhur sabiex tagħti d-deċiżjoni kkontestata, li jibda jiddekorri mis-seduta, jew jekk ikun il-każ, mill-għoti tal-informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Spanjoli.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur, minħabba applikazzjoni indebita, tal-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 iċċitat iktar 'il fuq, peress li l-Kummissjoni tapplika korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tal-kuntratti Nri 2075/2003 u 2120/2005, minħabba l-eżistenza ta' irregolaritajiet preżunti fil-proċedura segwita għall-għoti ta' dawn il-kuntratti, filwaqt li l-applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubbliċità kienet perfettament legali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110).

____________