Language of document : ECLI:EU:T:2020:435

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

23 ta’ Settembru 2020 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali essenzjali – Awtentikazzjoni tad-deċiżjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

Fil-Kawża T‑411/17,

Landesbank Baden-Württemberg, stabbilita fi Stuttgart (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger u K. Rübsamen, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn A. Martin-Ehlers, S. Raes, T. Van Dyck u A. Kopp, avocats,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05), inkwantu din tikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva, R. Barents, J. Passer (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, li jikkonċerna l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). L-istabbiliment tas-SRM għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro u li jagħżlu li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”).

2        B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tikkonċerna l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) stabbilit mill-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-SRF huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet riċevuti fil-livell nazzjonali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 67(4) tal-istess regolament. Skont il-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ istituzzjoni jirreferi għal istituzzjoni ta’ kreditu jew għal ditta ta’ investiment koperta minn superviżjoni kkonsolidata skont l-Artikolu 2(c) tal-istess regolament. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrasferiti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea skont il-ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF, iffirmat fi Brussell (il-Belġju) fil-21 ta’ Mejju 2014.

3        L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, intitolat “Kontribuzzjonijiet ex ante”, jipprovdi:

“1.      Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.      Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali [l-kontribuzzjonijiet individwali] biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

a)      kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

b)      kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta’ banek.

Fi kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ikkalkolat skont il-punti (a) u (b), ma għandux jaqbeż annwalment it-12,5 % tal-livell fil-mira.

[…]

6.      L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandhom jiġu applikati.

7.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, fil-qafas tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6, jadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, u b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)      l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali;

b)      il-modalitajiet prattiċi għall-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta’ riskju speċifikati fl-att delegat.”

4        Ir-Regolament Nru 806/2014 ġie ssupplimentat, fir-rigward tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ex ante, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (ĠU 2015, L 15, p. 1).

5        Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jagħmlu riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu f’żewġ atti oħra:

–        minn naħa, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190);

–        min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

6        Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) ġie stabbilit bħala aġenzija tal-Unjoni (Artikolu 42 tar-Regolament Nru 806/2014). Dan jinkludi, b’mod partikolari, sessjoni plenarja u sessjoni eżekuttiva (Artikolu 43(5) tar-Regolament Nru 806/2014). Is-SRB f’sessjoni eżekuttiva jieħu d-deċiżjonijiet kollha sabiex jiġi implimentat ir-Regolament Nru 806/2014, sakemm dan ir-regolament ma jistipulax mod ieħor (Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 806/2014).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrenti, Landesbank Baden-Württemberg, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja. Din hija marbuta mas-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali (iktar ’il quddiem is-“SPI”) tal-iSparkassen-Finanzgruppe (il-grupp finanzjarju tal-banek ta’ tfaddil, il-Ġermanja).

8        Fis-26 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti bagħtet lill-Awtorità ta’ Riżoluzzjoni Ġermaniża, il-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (l-Uffiċċju Federali ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“FMSA”), id-dikjarazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2017.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2017/05; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), is-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, skont l-Artikolu 54(1)(b) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 iddeċieda dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, fosthom ir-rikorrenti, għall-2017.

10      Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal-21 ta’ April 2017, riċevut fl-24 ta’ April 2017, il-FMSA informa lir-rikorrenti li s-SRB kien stabbilixxa l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2017 għas-SRF u indikalha l-ammont li għandu jitħallas lir-Restrukturierungsfonds (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“avviż għall-ħlas”). Il-FMSA hemeż żewġ dokumenti mal-avviż għall-ħlas, jiġifieri verżjoni Ġermaniża tat-test tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr l-anness imsemmi minn dan it-test, u dokument intitolat “Dettalji tal-kalkolu (aġġustat skont ir-riskju): Kontribuzzjonijiet ex ante għas-[SRF] għall-2017” (iktar ’il quddiem id-“dokument intitolat ‘Dettalji tal-kalkolu’”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tas-SRB.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali (kompożizzjoni preċedenti) laqa’ t-talba għal intervent tal-Kummissjoni.

14      Fuq proposta tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali (kompożizzjoni preċedenti), din tal-aħħar iddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

15      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata fit-12 ta’ Frar 2019 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ewwel nett il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB jipproduċi, minn naħa, il-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż l-anness tagħha, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet intermedji kollha meħuda minnu u li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2017. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB jiddeskrivi l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan filwaqt li jipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn. It-tielet nett, is-SRB kien mistieden jippreċiża, fir-rigward tal-informazzjoni tat-tabella dwar l-intervalli għall-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju u ppubblikat fuq is-sit internet tiegħu, imsemmija fil-punt 154 tar-risposta u fil-punt 102 tal-kontroreplika, id-data tal-ewwel pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni. Ir-raba’ nett, is-SRB ġie mistieden jindika l-valuri tal-multiplikatur għall-indikatur SPI u dawk tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju applikati, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ tal-istituzzjonijiet l-oħra msemmija fl-Anness A.12 tar-rikors.

16      Permezz ta’ att tal-20 ta’ Marzu 2019, is-SRB wieġeb għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fir-rigward tat-talba għal produzzjoni ta’ dokument, huwa essenzjalment indika li ma jistax jipproduċi d-dokumenti, u dan għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Għal din ir-raġuni, huwa talab lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura struttorja.

17      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali, abbażi ta’, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3) kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, ordnat lis-SRB jipproduċi, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, il-kopji sħaħ tal-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż l-anness tagħha, tad-dokumenti intermedji adottati minnu u li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2017, tad-dokumenti ta’ sostenn kollha relattivi għall-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u l-valuri tal-multiplikaturi msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq.

18      Permezz ta’ att tat-3 ta’ Mejju 2019, is-SRB wieġeb għad-digriet tal-10 ta’ April 2019. Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li l-anness tagħha kien ġie adottat fil-format XLSX. Madankollu, id-dokument prodott quddiem il-Qorti Ġenerali kien fil-format PDF. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet intermedji, is-SRB ipproduċa, minn naħa, deċiżjonijet dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 u, min-naħa l-oħra, abbozzi ta’ deċiżjonijiet u noti ta’ sinteżi (cover notes). Fl-aħħar nett, is-SRB ta ċerti indikazzjonijiet dwar il-valuri tal-multiplikaturi msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq.

19      Sabiex is-SRB ikun jista’ jikkompleta r-risposta msemmija fil-punt 18 hawn fuq, fid-9 ta’ Settembru 2019 il-Qorti Ġenerali adottat it-tieni digriet b’miżuri struttorji.

20      Permezz ta’ att tas-26 ta’ Settembru 2019, is-SRB wieġeb għad-digriet tad-9 ta’ Settembru 2019 u pproduċa, minn naħa, kopja fil-format PDF tat-test tad-deċiżjoni kkontestata u, fir-rigward tal-anness tagħha, USB stick li tinkludi, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, fajl fil-format XLSX. Min-naħa l-oħra, is-SRB ipproduċa, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, ħdax‑il dokument li jiddeskrivu l-proċedura ta’ approvazzjoni mis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ sinteżi msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq jew annessi magħhom. Fl-aħħar nett huwa pproduċa tabella anonimizzata tal-valuri tal-multiplikaturi msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq.

21      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ottubru 2019, wara l-eżami previst fl- Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-proċess id-dokumenti kollha prodotti mis-SRB f’verżjoni kunfidenzjali b’risposta għad-digrieti b’miżuri struttorji tal-10 ta’ April u tad-9 ta’ Settembru 2019 u qieset li l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tan-noti ta’ sinteżi msemmija fil-punt 18 hawn fuq kienu jinkludu siltiet moħbija li kienu sew rilevanti għat-tilwima kif ukoll mhux kunfidenzjali. Konsegwentement, hija ordnat lis-SRB jipproduċi verżjonijiet mhux kunfidenzjali ġodda tal-imsemmija noti.

22      Permezz ta’ att tat-18 ta’ Ottubru 2019, is-SRB osserva dan id-digriet.

23      Permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-risposti tas-SRB għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Frar 2019, għad-digrieti b’miżuri struttorji tal-10 ta’ April u tad-9 ta’ Settembru 2019 u għad-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2019.

24      Ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

25      Is-SRB essenzjalment jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew bħala infondat;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tanulla d-deċiżjoni kkontestata, jiddifferixxi l-effetti tal-annullament b’sitt xhur wara li s-sentenza ssir definittiva;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni ma ppreżentatx noti ta’ intervent fit-terminu mogħti.

 Fuq id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

27      Fin-noti tiegħu, is-SRB essenzjalment ikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti sabiex tressaq kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u dan billi invoka li hija ma kinitx ikkonċernata direttament u individwalment minnha u li huwa biss l-avviż għall-ħlas li seta’ jkollu effett fuq is-sitwazzjoni tagħha.

28      Għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca (C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 65), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li, minkejja li, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF huma l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”), l-istituzzjonijiet debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huma bla ebda dubju ikkonċernati direttament u individwalment minn dawn id-deċiżjonijiet.

29      Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha locus standi sabiex tressaq kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u s-SRB irrikonoxxa dan waqt is-seduta u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

30      Fir-rigward tal-argument tas-SRB li r-rikors huwa “indirizzat direttament […] kontra r-regolamenti u d-direttivi li jikkonċernaw is-sistema ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante” u għal din ir-raġuni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss. Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma huwiex is-suġġett ta’ talba għal annullament, iżda jikkostitwixxi l-att ta’ portata ġenerali li fir-rigward tiegħu ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità.

31      F’dan ir-rigward għandu jiżdied li, skont l-Artikolu 277 TFUE, minkejja l-iskadenza tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, f’kawża fejn ikun involut att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, kwalunkwe parti tista’ tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-qrati tal-Unjoni.

32      Konsegwentement, sa fejn dan ir-rikors huwa dirett kontra deċiżjoni tas-SRB, adottata abbażi ta’ att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, dan ir-rikors ma jistax jitqies bħala inammissibbli, fl-intier tiegħu jew parzjalment, għas-sempliċi raġuni li fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti qiegħda tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att skont l-Artikolu 277 TFUE.

33      Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu tiġi invokata għandu jkun japplika, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tiċċita r-Regolament ta’ Delega 2015/63 – li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità f’dak li jikkoċerna l-Artikoli 4 sa 7 u 9 tiegħu kif ukoll l-Anness I tiegħu (ara l-punt 35 iktar ’il quddiem) – bħala waħda mill-bażijiet legali tagħha. Barra minn hekk mill-proċess jirriżulta li l-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-2017 ġiet ikkalkolata skont il-metodu msejjaħ “aġġustat skont ir-riskju”, u għaldaqstant preċiżament b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 iċċitati iktar ’il fuq.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli kemm f’dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti.

 Fuq il-mertu

35      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata;

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta minħabba li hija ma nstemgħetx;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 47(1) tal-Karta minħabba n-natura mhux verifikabbli tad-deċiżjoni kkontestata;

–        ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59, tal-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68 u fil-ĠU 2013, L 321, p. 6), tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni tal-multiplikatur għall-indikatur SPI;

–        il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju;

–        is-sitt wieħed, fuq illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kif ukoll tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

36      Qabelxejn għandu jiġi eżaminat il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-rekwiżiti formali essenzjali li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, EU:C:2000:170, punt 114; tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 143, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali jkopri, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40 u 41) u l-assenza jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑279/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:461, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn din l-aħħar kwistjoni hija s-suġġett tal-ewwel motiv ta’ annullament, li għandu jiġi eżaminat flimkien mat-tielet u s-sitt motiv.

 Fuq l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

38      Għandu jitfakkar li, peress li l-element intellettwali u l-element formali jikkostitwixxu ħaġa waħda inseparabbli, it-tqegħid bil-miktub tal-att huwa l-espressjoni neċessarja tar-rieda tal-awtorità li tadottah (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 70; tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 38, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 74).

39      L-awtentikazzjoni tal-att għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tikkristallizza t-test adottat mill-awtur tal-att u tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76; tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40 u 41, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 75).

40      Ġie diġà deċiż ukoll li l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit, barra minn hekk, li l-att huwa affettwat minn difett ieħor jew li l-assenza ta’ awtentikazzjoni kkawżat dannu lil dak li jinvokaha (sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 42, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 76).

41      L-istħarriġ tal-osservanza tal-formalità tal-awtentikazzjoni u, b’hekk, tan-natura ċerta tal-att huwa prerekwiżit għal kull stħarriġ ieħor bħal dak tal-kompetenza tal-awtur tal-att, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità jew inkella dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti (sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 46, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 77).

42      Jekk fl-eżami tal-att ippreżentat quddiemha l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li dan tal-aħħar ma ġiex regolarment awtentikat, hija jkollha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jikkonsisti f’nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari u konsegwentement tannulla l-att ivvizzjat b’tali difett (sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 51, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 78).

43      Ftit jimporta, f’dan ir-rigward, li l-assenza ta’ awtentikazzjoni ma kkawżat l-ebda dannu lil waħda mill-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, l-awtentikazzjoni tal-atti hija rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, essenzjali għaċ-ċertezza legali, li l-ksur tiegħu jwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu (sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 52, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punt 47).

44      F’dan il-każ, fir-risposta tiegħu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fit-12 ta’ Frar 2019, is-SRB jindika li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub, konformement mal-Artikolu 7(5) u mal-Artikolu 9 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SRB f’sessjoni eżekuttiva, kif adottati permezz tad-deċiżjoni tas-SRB f’sessjoni plenarja, tad-29 ta’ April 2015 (SRB/PS/2015/8), imnedija billi, permezz ta’ posta elettronika, intbagħtu lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB żewġ dokumenti li, b’mod partikolari, jinkludu dokument fil-format DOC li jikkorrispondi għall-abbozz ta’ test tad-deċiżjoni kkontestata u dokument fil-format XLSX li jikkorrispondi għall-abbozz tal-anness li għalih jirreferi t-test tad-deċiżjoni kkontestata.

45      F’dan ir-rigward, mir-risposta tas-SRB għad-digriet tal-10 ta’ April 2019 jirriżulta li, fil-11 ta’ April 2017, wara l-approvazzjoni, ukoll permezz ta’ posta elettronika, taż-żewġ dokumenti msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, kif emendati matul il-proċedura mill-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva, is-Segretarjat tas-SRB stampa d-dokument fil-format DOC (test tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr l-anness tagħha) u l-President tas-SRB iffirmat dan id-dokument kif ukoll l-iskeda tal-progress relatata mall-fajl. Il-verżjoni ffirmata tal-imsemmi dokument tinsab miżmuma fil-bini tas-SRB.

46      Fir-risposta tiegħu għad-digriet tal-10 ta’ April 2019, is-SRB ipproduċa kopja ta’ din il-verżjoni ffirmata tat-test tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll kopja tal-imsemmija skeda tal-progress.

47      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-SRB ma ressaq ebda prova tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, liema anness huwa dokument elettroniku fil-format XLSX li jinkludi l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante u għaldaqstant jikkostitwixxi element essenzjali ta’ din id-deċiżjoni.

48      Fil-fatt, is-SRB ma pproduċa ebda verżjoni tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata li tinkludi firma elettronika, minkejja li l-imsemmi anness bl-ebda mod ma huwa marbut b’mod inseparabbli mat-test tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Fir-rigward tal-iskeda tal-progress imsemmija fil-punt 45 hawn fuq, li t-taqsima tagħha “Attachment(s): 2” [Dokument(i) mehmuż(a): 2] fit-teorija għandha tfisser li, waqt il-firma bl-id mill-President tas-SRB, din l-iskeda kienet akkumpanjata minn żewġ dokumenti mehmuża, jiġifieri t-test tad-deċiżjoni kkontestata u verżjoni stampata tal-anness, għandu jiġi kkonstatat li, fil-verità, hija ma tistabbilixxix il-preżenza ta’ żewġ dokumenti mehmuża, li, barra minn hekk, hija lanqas biss ma tidentifika.

50      Barra minn hekk, waqt is-seduta s-SRB indika li ma stampax l-anness li, kif diġà ġie indikat, huwa dokument fil-format XLSX, jiġifieri dokument elettroniku. B’hekk, il-firma tiegħu setgħet tkun biss waħda elettronika u għaldaqstant dan id-dokument ma setax jiġi mehmuż fiżikament ma’ skeda tal-progress stabbilita f’forma kartaċea.

51      Issa, is-SRB isemmi firma biss f’dak li jikkonċerna t-test tad-deċiżjoni kkontestata. Is-SRB ma jindikax li l-President tas-SRB iffirmat dan l-anness b’mod elettroniku.

52      Fir-rigward tal-argument imressaq mis-SRB waqt is-seduta li l-anness kien disponibbli f’sistema ta’ dokumentazzjoni msejħa ARES (Advanced Records System) fil-mument tal-iffirmar tal-iskeda tal-progress, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa wieħed ġdid u, għaldaqstant inammissibbli, kif ukoll, fi kwalunkwe każ, mhux issostanzjat.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-iskeda tal-progess ma tinkludi ebda element li jagħti prova ta’ din l-allegazzjoni u inqas u inqas ma tagħti element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta inseparabbli bejn l-imsemmija skeda, iffirmata bl-id mill-President tas-SRB, u dokument allegatament preżenti f’ARES, li jikkorrispondi għall-anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif prodott quddiem il-Qorti Ġenerali.

54      Finalment, il-firma bl-id ta’ skeda tal-progress li ssemmi żewġ dokumenti mehmuża mingħajr ma tidentifikahom, u mingħajr ma lanqas tiġi sussegwentement marbuta magħhom b’mod inseparabbli, u dan filwaqt li fil-verità kien hemm biss dokument wieħed mehmuż ma’ din l-iskeda, ma tistax tawtentifika dokument ieħor – l-anness fil-format XLSX – allegatament preżenti f’ARES.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex issodisfatt.

56      Il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa opportun li tingħata deċiżjoni anki dwar l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, dwar it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u dwar is-sitt motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li dawn id-diversi motivi huma meħuda flimkien.

 Fuq l-ewwel, it-tielet u s-sitt motiv, meħuda flimkien, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, rispettivament

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni li teħtieġ il-ħlas ta’ oneru hija motivata bl-intensità meħtieġa bil-għan tal-istħarriġ ġudizzjarju biss meta din tkun fiha rendikont eżatt u ddettaljat tal-elementi tad-debitu li tiegħu hija tikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv.

59      F’din il-kawża, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni barra minn hekk huma għolja minħabba l-kumplessità tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, minħabba l-kobor tal-oneru finanzjarju impost u minħabba l-marġni ta’ diskrezzjoni li allegatament għandu s-SRB.

60      Issa, l-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti lir-rikorrenti fl-anness tal-avviż għall-ħlas ma għandu l-indikazzjonijiet li għandha bżonn sabiex tevalwa l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħha, u dan kemm fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika kif ukoll fir-rigward tal-aġġustament ta’ din il-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju.

61      Is-sempliċi riproduzzjoni tad-data li tikkonċerna lir-rikorrenti biss hija manifestament insuffiċjenti.

62      Ir-rikorrenti żżid li s-SRB ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni permezz tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità tad-data li tikkonċerna l-istituzzjonijiet l-oħra, liema data hija indispensabbli għall-istħarriġ tal-kalkolu. Hija tirreferi għall-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59 u għall-obbligi ta’ żvelar tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu previsti mill-Artikoli 431 et seq. tar-Regolament Nru 575/2013.

63      Għaldaqstant is-SRB allegatament kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni b’mod sostanzjali u b’modi varji, u dan għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-motivazzjoni pprovduta la tippermetti lill-istituzzjonijiet u lanqas lill-FMSA li jivverifikaw u jistħarrġu l-kalkolu tal-kontribuzzjoni. Anki għall-Qorti Ġenerali jkun impossibbli li tistħarreġ id-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, li hija stess tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sentenza li hija tasal sabiex tagħti ikollha bilfors tikser il-garanzija tad-dritt għal smigħ xieraq sanċit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

64      Skont ir-rikorrenti, id-diversi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni juru l-possibbiltà ta’ lakuni fil-mertu mhux konstatabbli fin-nuqqas, preċiżament, ta’ motivazzjoni sħiħa.

65      Għall-istess raġunijiet, is-SRB allegatament kiser ukoll id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, fl-assenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiżgura ruħha li din hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, u lanqas ma tista’ tevalwa x-xebh astratt tad-data u tal-valuri kif ukoll tal-istadji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni kontenzjuża.

66      Fl-aħħar nett, filwaqt li tinvoka l-Artikolu 277 TFUE, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata anki minħabba li l-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kif ukoll l-Anness I tiegħu jiksru huma stess il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkwantu huma joħolqu sistema kumplessa ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li hija kkaratterizzata minn numru kbir ta’ marġni ta’ diskrezzjoni kif ukoll natura totalment opaka u fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha s-SRB ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi motivazzjoni verifikabbli u li tista’ tiġi mstħarrġa tal-oneru individwali impost fuq l-istituzzjonijiet.

67      Is-SRB, sostnut essenzjalment mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

68      Qabel xejn, is-SRB isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti mhux biss fir-rigward tal-ANR sabiex jifhmu r-raġunijiet tal-kalkolu, iżda wkoll b’mod ġenerali.

69      Sussegwentement, is-SRB jinvoka diversi elementi tal-kuntest li, fil-fehma tiegħu, jistgħu jkollhom impatt fuq il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

70      L-ewwel nett, sew il-FMSA kif ukoll l-istituzzjonijiet allegatament kienu involuti fil-proċess tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

71      It-tieni nett, il-metodoloġija li għandha tiġi applikata għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante allegatament hija esposta b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari fl-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll fit-Taqsima 2 u fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

72      It-tielet nett, mill-ġurisprudenza allegatament jirriżulta li deċiżjoni li tkun tifforma parti minn prassi deċiżjonali stabbilita tista’ tkun motivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ riferiment għal din il-prassi.

73      Barra minn hekk, is-SRB isostni li l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti – kuntrarjament għal dak li hija ssostni – ma għandux portata tali li għandha tippermettilha tevalwa bi preċiżjoni jekk il-kalkoli humiex korretti jew le. Dan huwa dedott mill-ġurisprudenza relatata ma’ oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak tad-dritt tal-kompetizzjoni.

74      F’dan il-kuntest, is-SRB jenfasizza l-fatt li l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-(madwar) 3,500 istituzzjoni huma marbuta bejniethom, inkwantu t-total tal-kontribuzzjonijiet kollha għandu jikkorrispondi mal-livell annwali fil-mira u li, konsegwentement, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti ma huwiex biss ibbażat fuq l-informazzjoni mgħoddija minn din tal-aħħar, iżda wkoll fuq dik mgħoddija mit-3,500 istituzzjoni oħra u marbuta mal-ispeċifiċitajiet tal-attività ta’ dawn l-istituzzjonijiet, mar-responsabbiltajiet tagħhom u mar-riskji tagħhom, li, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata s-SRB jevalwa fil-forma ta’ klassifikazzjoni relattiva tal-istituzzjonijiet. Din l-informazzjoni hija kunfidenzjali. L-obbligu ta’ motivazzjoni għaldaqstant għandu jkun ibbilanċjat mal-obbligu li jiġi protett is-sigriet professjonali tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, impost fuq is-SRB.

75      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tista’ wkoll tiġi limitata minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom.

76      Fl-aħħar nett, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti ma’ kull ANR imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

77      Konsegwentement, il-livell ta’ dettall magħżul għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa suffiċjenti.

78      Sa fejn ir-rikorrenti tissuġġerixxi li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva teħtieġ li l-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni tikkalkola mill-ġdid il-kontribuzzjoni, is-SRB isostni li din l-interpretazzjoni tal-istħarriġ ta’ legalità hija wisq estensiva u ma tikkorrispondix mal-ġurisprudenza eżistenti dwar is-suġġett. Fil-fatt, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-bilanċ instituzzjonali stabbilit bir-Regolament Nru 806/2014 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Is-SRB huwa inkarigat mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Konsegwentement, ir-rwol tal-Qorti Ġenerali ma għandux ikun li tissostitwixxi d-deċiżjoni tas-SRB b’dik tagħha billi tikkalkola l-kontribuzzjoni mill-ġdid. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku rilevanti. Konsegwentement, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex miksur.

79      Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha l-Qorti Ġenerali tista’ titlob li tiġi prodotta informazzjoni jew provi rilevanti għal tali stħarriġ, filwaqt li tibbilanċja l-osservanza tal-kunfidenzjalità mal-bżonn li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’hekk tirrimedja għal kull nuqqas eventwali ta’ informazzjoni li jista’ jqiegħed dan id-dritt f’periklu.

80      Għall-istess raġunijiet, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 hija infondata.

81      Fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrenti allegatament ma pprovdiet ebda prova dwar l-allegat twettiq ta’ żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante 2017, dan il-kalkolu jibqa’ validu fil-prinċipju. Għaldaqstant, hija ma għandha ebda interess leġittimu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

82      Fir-risposta tiegħu għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, is-SRB ppreċiża li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59, imsemmija mir-rikorrenti (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), u fl-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ta’ żvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali f’forma sommarja jew forma kollettiva b’tali mod li l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu identifikati ma tistax tiġi kkunsidrata f’din il-kawża. Huwa pprovda lir-rikorrenti l-massimu ta’ data permess mis-sistema eżistenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati kif ukoll l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Acino vs Il-Kummissjoni, T‑539/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:110, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika, u b’mod partikolari ma għandhiex ikollha kontradizzjoni interna li tostakola l-fehim tajjeb tar-raġunijiet wara dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Group vs Il-Kummissjoni, T‑462/12, EU:T:2015:508, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Barra minn hekk, teżisti relazzjoni mill-qrib bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Housieaux, C‑186/04, EU:C:2005:70, punt 32).

87      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, kemm biex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk huwiex utli li tadixxi l-qorti kompetenti, kif ukoll biex din tal-aħħar titqiegħed b’mod sħiħ f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni li hija għandha twettaq skont it-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services, C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Marzu 2019, AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑666/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:196, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante huma nnotifikati lill-ANR, l-istituzzjonijet debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, huma individwalment u direttament ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

89      Għaldaqstant, l-interess li dawn l-istituzzjonijiet jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punt 176, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 164).

90      Barra minn hekk, huwa s-SRB li jikkalkola u jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante. Id-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet huma indirizzati biss lill-ANR (Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81) u huma l-ANR li għandhom jikkomunikawhom lill-istituzzjonijiet (Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81) u li jiġbru l-kontribuzzjonijiet mingħand l-istituzzjonijiet abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet (Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014) (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punt 204, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 179).

91      B’hekk, meta s-SRB jaġixxi skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa jadotta deċiżjonijiet li għandhom natura definittiva u li jikkonċernaw, individwalment u direttament, l-istituzzjonijiet (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punt 205, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 180).

92      Konsegwentement, huwa s-SRB, l-awtur ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li għandu jimmotivahom. Dan l-obbligu ma jistax jiġi ddelegat lill-ANR, u lanqas il-ksur tiegħu ma jista’ jiġi rrimedjat minnhom, u jekk dan iseħħ wieħed imur kontra l-kwalità tas-SRB bħala awtur tal-imsemmija deċiżjonijiet u r-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, u, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-ANR, jinbet riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament tal-istituzzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tas-SRB (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punt 206, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 181).

93      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna t-test tad-deċiżjoni kkontestata, il-motivi jiċċitaw ir-Regolament Nru 806/2014, id-Direttiva 2014/59, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 u l-ftehim intergovernattiv imsemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq bħala bażijiet legali u jinkludu diversi indikazzjonijiet relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante riċevuti għas-snin 2015 u 2016. Isegwu d-dispożittiv prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata (“[Is-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu] japprova l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-[SRF] għall-2017 bħalma jidhru fl-anness”) u ħdax-il punt li, f’termini ġenerali, jesponu l-proċedura tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fl-aħħar nett, il-punt 12 jippreċiża li “[d-deċżjoni kkontestata] għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha”.

94      Fir-rigward tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif prodott mis-SRB fir-risposta tiegħu għad-digriet tad-9 ta’ Settembru 2019, huwa jinkludi tabella li, għal kull istituzzjoni kkonċernata, tindika l-Istat Membru parteċipanti fejn din hija awtorizzata, it-tip ta’ metodu użat għall-kalkolu tas-sehem “Ewropew” tal-kontribuzzjoni ex ante għall-2017, l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni u, fil-kolonna intitolata “Fattur ta’ aġġustament skont ir-riskju (EA)”, l-ammont tal-multiplikatur “Ewropew” tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju (ara l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81), applikat fil-każ tagħha.

95      Huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata, lil hinn mill-ispjegazzjonijiet ġenerali li jinsabu fit-test tagħha, ma fiha kważi ebda element tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tipprovdi biss it-tip ta’ metodu u l-ammont tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju applikati għar-rikorrenti sabiex jiġi kkalkolat is-sehem “Ewropew” tal-kontribuzzjoni tagħha.

96      Wieħed għandu jżid li mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jirriżulta li s-sehem tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni mwettaq mis-SRB b’riferiment għall-kuntest Ewropew fl-2017 jammonta għal 60 % biss tal-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni, filwaqt li s-sehem nazzjonali jammonta għal 40 %.

97      Fir-rigward tad-dokument intitolat “Dettalji tal-kalkolu” (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), jekk wieħed jippreżupponi li dan joriġina effettivament mis-SRB bħalma dan tal-aħħar sostna waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm minbarra l-elementi msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq, jindika t-tip ta’ metodu għall-kalkolu tas-sehem “nazzjonali” tal-kontribuzzjoni u l-ammont tal-multiplikatur “nazzjonali” tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju kif ukoll elementi oħra ta’ kalkolu, madankollu huwa ma jinkludi ebda element suffiċjenti sabiex l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tiġi vverifikata.

98      B’mod partikolari, dan id-dokument ma jinkludi ebda element ta’ kalkolu għal kull waħda mill-(madwar) 3,500 istituzzjoni l-oħra, minkejja li, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti jimplika, minn naħa, kalkolu pro rata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti) mal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji u depożiti koperti) tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha u, min-naħa l-oħra, evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju tagħha b’rabta mal-profili ta’ riskju ta’ dawn l-istituzzjonijiet l-oħra skont l-indikaturi previsti.

99      Sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ dawn l-elementi, is-SRB essenzjalment isostni li l-elementi relatati mal-istituzzjonijiet l-oħra huma kunfidenzjali.

100    Il-Qorti Ġenerali ma tikkontestax in-natura kunfidenzjali tad-data tal-(madwar) 3,500 istituzzjoni l-oħra, iżda tirrileva li, sa fejn huwa bbażat b’mod interdipendenti fuq din id-data, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti jirriżulta intrinsikament opak.

101    Ir-rikorrenti tista’ ċertament teżamina l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni u espost fit-test tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tista’, jekk ikun il-każ, tikkontesta ċerti aspetti tiegħu u l-applikazzjoni tagħhom fir-rigward tagħha, bħal pereżempju l-evalwazzjoni, mis-SRB, tad-data tagħha skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

102    Madankollu, minbarra tali kontestazzjonijiet fil-mira, peress li l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti hija kkalkolata b’mod interdipendenti u fuq bażijiet li ma jistgħux jiġu kkomunikati, il-metodu ta’ kalkolu jippreġudika l-possibbiltà tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata b’mod utli.

103    Inċidentalment, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mis-SRB fil-kuntest tar-risposta tiegħu għar-raba’ u l-ħames motiv. F’dawn il-motivi, ir-rikorrenti tikkontesta elementi preċiżi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħha, u dan billi tinvoka, b’mod partikolari, l-allegat profil ta’ riskju tajjeb tagħha li jirriżulta minn paragun, imwettaq minnha, tad-data finanzjarja tagħha ma’ data ta’ istituzzjonijiet oħra. Is-SRB jinjora dan il-paragun peress li ma huwiex ekwivalenti għall-analiżi eżawrjenti mwettqa minnu konformement mal-leġiżlazzjoni. Issa, fid-dawl ta’ din ir-risposta tas-SRB, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata li effettivament huwa impossibbli għar-rikorrenti li taċċedi għad-data preċiza u eżawrjenti li tippermettilha twettaq tali analiżi.

104    Barra minn hekk, sa fejn, fil-kuntest tar-risposta tiegħu għall-ħames motiv is-SRB jinsisti fuq il-fatt li l-ammonti tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, applikati fil-każ tar-rikorrenti, “jaq[għu] fil-limiti preskritti mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Delega [2015/63], jiġifieri bejn 0.8 u 1.5”, għandu jiġi rrilevat li din l-insistenza ma tneħħix it-tħassib tar-rikorrenti. Dan it-tħassib ma huwiex dwar jekk il-multiplikatur baqax fil-limiti msemmija hawn fuq, li l-motivazzjoni pprovduta tippermetti li wieħed jikkonsata, iżda dwar jekk dan il-multiplikatur fihx żball fi ħdan dawn il-limiti, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni li, skont ma huwa indikat fid-dokument intitolat “Dettalji tal-kalkolu”, il-marġni prevista fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tirrappreżenta, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, differenza ta’ [kunfidenzjali] (1).

105    F’dak li jikkonċerna t-tabella ppubblikata mis-SRB fuq is-sit Internet tiegħu u msemmija minnu anki fir-risposta tiegħu għall-ħames motiv, din ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward. Din it-tabella tindika n-numru ta’ istituzzjonijiet li fir-rigward tagħhom ġew applikati l-ammonti tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro fil-marġni bejn 0.8 u 0.9, bejn 0.9 u 1, eċċ. sa bejn 1.4 u 1.5. Bħall-anness tad-deċiżjoni kkontestata, din it-tabella tipprovdi biss informazzjoni parzjali dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, peress li din tikkonċerna biss il-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest Ewropew. Din it-tabella – ippubblikata, barra minn hekk, wara l-preżentata ta’ din l-azzjoni – ma tippermettix li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-imsemmi multiplikatur fil-każ tar-rikorrenti u, konsegwentement, tal-kontribuzzjoni tagħha.

106    Barra minn hekk, il-fatt li istituzzjoni bħar-rikorrenti ma tistax tkun taf għaliex il-kontribuzzjoni tagħha żżid, tonqos jew tibqa’ l-istess minn sena għall-oħra, peress li dawn il-varjazzjonijiet jew dak in-nuqqas ta’ ċaqliq jirriżultaw minn pożizzjoni relattiva li, mid-definizzjoni tagħha stess, hija ma tkunx taf it-termini tagħha, ma huwiex ikkontestat mis-SRB. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni ta’ istituzzjoni tista’ tiżdied minkejja li l-profil ta’ riskju tagħha jkun naqas, u viċe-versa, mingħajr ma jkollha elementi ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ elementi kunfidenzjali.

107    Issa, mill-Artikolu 296 TFUE jirriżulta li l-atti ġuridiċi għandhom ikunu motivati, u l-ġurisprudenza tfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni japplika għal kull att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 42).

108    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat mill-obbligu li jiġi osservat is-sigriet professjonali. L-obbligu li jiġu osservati s-sigrieti tan-negozju ma jistax jiġi interpretat b’mod tant estensiv li jċaħħad ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan il-każ, il-motivazzjoni pprovduta lir-rikorrenti ma tippermettilhiex li tivverifika l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha, liema ammont madanakollu jikkostitiwixxi l-element essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha. Hija tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni fejn hija ma tistax tkun taf jekk dan l-ammont ġiex ikkalkolat b’mod korrett jew jekk hija għandhiex tikkontestah quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma jkollha, kif hija minkejja kollox obbligata twettaq f’azzjoni ġudizzjarja, tidentifika, fir-rigward tal-imsemmi ammont, l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, tifformula lmenti f’dan ir-rigward u tipproduċi provi li jistgħu jkunu magħmula minn indizji serji li juru li l-ilmenti tagħha huma fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 132).

110    Minn dan isegwi li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni.

111    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mis-SRB.

112    Fir-rigward tar-riferiment għall-involviment tar-rikorrenti fil-proċess deċiżjonali, għandu jiġi rrilevat li dan l-involviment huwa limitat għall-provvista ta’ informazzjoni mill-istituzzjoni lis-SRB, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u skont il-formati u r-rappreżentazzjonijiet iddefiniti mis-SRB b’applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Dan ma jagħti lill-istituzzjoni l-ebda mod ta’ kif tivverifika l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tagħha.

113    L-istess jgħodd, għar-raġunijiet indikati fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq, għar-riferiment mis-SRB għall-fatt li l-metodu ta’ kalkolu huwa espost fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

114    Fir-rigward tal-argument tas-SRB ibbażat fuq il-ġurisprudenza dwar id-deċiżjonijiet li jkunu jifformaw parti minn prassi deċiżjonali stabbilita u jistgħu jkunu motivati b’mod sommarju, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

115    Din il-ġurisprudenza hija rrilevanti inkwantu ma tikkonċernax il-kwistjoni, imqajma f’din il-kawża, tal-ommissjoni ta’ data minħabba n-natura kunfidenzjali tagħha.

116    Barra minn hekk, sa fejn mill-proċess jirriżulta li s-SRB juża t-teknoloġiji tal-informazzjoni (fajls XLSX u posta elettronika) għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar dawn il-kontribuzzjonijiet, li jippermetti t-tfassil u t-tixrid komdi u rapidi ta’ numru kbir ta’ informazzjoni, ma jistax jiġi allegat li kunsiderazzjonijiet materjali, tekniċi jew ta’ żmien, kultant invokati sabiex tiġi ġġustifikata motivazzjoni sommarja, jistgħu jiġu applikati f’din il-kawża.

117    Fl-aħħar nett u fi kwalunkwe każ, f’din il-kawża ma hijiex kwistjoni ta’ prassi deċiżjonali stabbilita. Hekk kif tosserva r-rikorrenti, hija biss it-tieni darba li, fl-2017, is-SRB stabbilixxa l-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF għall-2016 ġiet annullata (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2019, Banco Cooperativo Español vs SRB, T‑323/16, EU:T:2019:822; tat-28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824).

118    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ġurisprudenza dwar il-motivazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa minnu li hija ġurisprudenza stabbilita f’dan il-qasam li r-rekwiżiti tal-motivazzjoni ma jimponux fuq il-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni tagħha, tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tkunx tista’, bl-użu esklużiv u mekkaniku ta’ formuli aritmetiċi, tiċċaħħad mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Li kieku l-Kummissjoni kellha l-obbligu li fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, dan ikun jippreġudika l-effett dissważiv tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑182/99 P, EU:C:2003:526, punt 75; tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punti 335 u 336, u tat-28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punt 198 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu trasposti għall-kawża ineżami.

121    Minn naħa, il-każ ineżami ma jidħolx fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni li tinkludi l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet li wieħed jiggwida l-aġir tal-impriżi, iżda fil-kuntest ta’ kalkolu oġġettiv li, bħala prinċipju, ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni ta’ din in-natura lill-awtur tal-imsemmi kalkolu.

122    Min-naħa l-oħra, il-każ ineżami ma jaqax fi proċess ta’ sanzjoni li jiġġustifika l-preżervazzjoni ta’ natura dissważiva, iżda joħroġ minn proċess paragunabbli għal dak ta’ tasazzjoni. F’dan il-kuntest, ma hemm l-ebda motiv sabiex id-debitur jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jivverifika l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, ir-rikorrenti kellha raġun tinvoka s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité (9/56, EU:C:1958:7, p. 30 u 31), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, li timponi tassazzjoni ex officio, kienet teħtieġ ir-rendikont eżatt u ddettaljat tal-elementi tad-debitu li tiegħu hija kienet tifforma titolu eżekuttiv, li tali rendikont biss seta’ jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju u li, fl-assenza ta’ tali elementi, din id-deċiżjoni ma kinitx motivata biżżejjed (ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1963, Macchiorlati Dalmas vs Haute Autorité, 1/63, EU:C:1963:58, p. 636).

123    Fir-rigward tar-riferiment imwettaq mis-SRB għad-digriet tat-22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il-Kunsill (T‑383/03, EU:T:2005:57, punt 35), dan huwa manifestament irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, dan id-digriet ma kienx jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att, iżda biss l-obbligu ta’ parti, li tressaq talba għal kunfidenzjalità fi proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li timmotiva t-talba tagħha.

124    Fir-rigward tar-riferimenti mwettqa mis-SRB għal kawżi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-għajnuna mill-Istat, fil-kawżi inkwistjoni l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ommissjoni tad-data ekonomika fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx xekklet lir-rikorrenti milli jifhmu r-raġunament segwit mill-Kummissjoni, la tellfet mill-possibbiltà tagħhom li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas ma kienet ostakolat lill-Qorti Ġenerali milli twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest tal-azzjoni inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Jannar 2015, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1, punti 73 sa 77), u li r-rikorrenti kellhom għarfien suffiċjenti tal-vantaġġi relatati mal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2015, European Dynamics Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, T‑536/11, EU:T:2015:476, punt 47 u punt 50 in fine).

125    F’dan il-każ, għall-kuntrarju, u hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punti 93 sa 106 u 109 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni pprovduta lir-rikorrenti, anki b’teħid kont tad-dokument intitolat “Dettalji tal-kalkolu” (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), ma tippermettilhiex tivverifika jekk l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli u, għaldaqstant, tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti kompetenti u b’liema termini.

126    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mis-SRB għall-ġurisprudenza li taqa’ fil-qasam li jirrigwarda l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li taċċetta li kunsiderazzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 81), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-suġġett tal-Unjoni Bankarja bl-ebda mod ma jikkonċerna temi li jixbhu lill-ġlieda kontra t-terroriżmu.

127    Fl-aħħar nett, u kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li titolbu jipproduċi informazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ, ma tistax temenda l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u lanqas ma tista’ tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

128    Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha tkun suffiċjentement motivata fid-data tal-adozzjoni tagħha u, fi kwalunkwe każ, qabel il-preżentata tar-rikors għal annullament. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax ikun rimedjat wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari wara miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri struttorji adottati minn din tal-aħħar.

129    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti, għandu jitwarrab l–argument imqajjem mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li jgħid li hija ma tistax tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħha, ibbażat fuq l-interdipendenza tal-kontribuzzjonijiet u l-użu ta’ data kunfidenzjali, ma jirriżultax tant mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 daqs kemm jirriżulta mir-Regolament Nru 806/2014 u mid-Direttiva 2014/59, li fir-rigward tagħhom hija ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’l isfel, il-fatt li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti ma jkunx ċar u, għaldaqstant, din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza tiegħu jirriżulta, tal-inqas parzjalment, mill-metodu ta’ kalkolu ddefinit mill-Kummissjoni stess, jiġifieri mingħajr ma dan ikun ġie impost mir-Regolament Nru 806/2014 jew mid-Direttiva 2014/59, fir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

130    B’applikazzjoni tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, kontribuzzjoni ex ante ta’ istituzzjoni hija essenzjalment ikkalkolata f’żewġ stadji.

131    L-ewwel tiġi kkalkolata “kontribuzzjoni fissa” (fil-verità, għall-istituzzjonijet l-iktar importanti, fosthom ir-rikorrenti, “kontribuzzjoni annwali bażika” fis-sens tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ara l-premessa 5 tiegħu), li hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, meta mqabbel mat-total tal-obbligazzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti.

132    Il-“kontribuzzjoni annwali bażika” sussegwentement tiġi aġġustata skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjoni.

133    Il-kriterji ta’ dan l-aġġustament huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega 2015/63, adottat mill-Kummissjoni abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) u l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u applikabbli fil-kuntest tar-Regolament Nru 806/2014 bis-saħħa tal-Artikolu 70(6) tiegħu.

134    Madankollu, mill-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li huwa l-bażi legali tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ma jirriżultax li l-aġġustament skont il-profil ta’ riskju għandu neċessarjament jagħmel użu minn mod ta’ kalkolu interdipendenti u bbażat fuq data kunfidenzjali ta’ terzi.

135    Fil-fatt, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-aġġustament skont il-profil tar-riskju, li l-Artikolu 103(7) imsemmi iktar ’il fuq jagħti l-lista tagħhom, kollha kemm huma jirrigwardaw esklużivament l-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri, l-ewwel nett, l-espożizzjoni għar-riskju tal-istituzzjoni, inkluż l-importanza tal-attivitajiet tal-kummerċ tagħha, l-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tagħha u l-grad ta’ dejn tagħha, it-tieni nett, l-istabbilità u d-diversità tas-sorsi ta’ finanzjament tal-istituzzjoni u tal-attivi tagħha mhux gravati li huma likwidi ħafna, it-tielet nett, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni, ir-raba’ nett, il-probabbiltà li din tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, il-ħames nett, il-miżura sa fejn hija diġà bbenefikat minn għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, is-sitt nett, il-kumplessità tal-istruttura tagħha u tar-riżolvabbiltà tagħha, is-seba’ nett, l-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew tal-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi Stati Membri jew tal-Unjoni u, it-tmien nett, l-appartenenza għal sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali.

136    Fir-rigward tal-argument li l-interdipendenza u l-użu tad-data kunfidenzjali tal-istituzzjonijiet l-oħra jirriżultaw mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 li, permezz ta’ livell fil-mira, jistabbilixxi livell ta’ finanzjament għas-SRF li għandu jintlaħaq sa tmiem il-perijodu inizjali, u mill-Artikolu 70(2) tal-istess regolament, li jipprevedi li l-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet ma għandux jaqbeż, annwalment, it-12.5 % tal-imsemmi livell fil-mira, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, permezz tal-livelli li huma jistabbilixxu, ma jimponux sistema ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju mhux ċara għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrenti.

137    L-ewwel nett, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jiddefinixxix il-livell fil-mira bħala livell eżatt ta’ finanzjament li għandu jiġi ssodisfatt sal-aħħar ċenteżmu, iżda biss bħala minimu (“mill-inqas 1 %”).

138    It-tieni nett, dan il-livell fil-mira huwa ddefinit b’riferiment għall-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha kkonċernati fi tmiem il-perijodu msejjaħ inizjali, u għaldaqstant ammont li tista’ tingħatalu ċifra biss fi tmiem l-2023.

139    It-tielet nett, għalkemm l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jeħtieġ li l-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura għas-sena inkwistjoni ma jaqbżux it-12.5% tal-imsemmi livell fil-mira, madankollu dan ma jirriżultax f’neċessità assoluta li kull sena jiġi stabbilit ammont preċiż li għandu susegwentement jinqasam, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, bejn l-istituzzjonijiet kollha kkonċernati. Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-rata ta’ 12.5 % titqabbel fiha nnifisha mal-livell fil-mira ddefinit bħala minimu u b’riferiment għal ammont li ma tistax tingħatalu ċifra qabel tmiem l-2023, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix kumulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante li eventwalment, għas-sena inkwistjoni, titla’ sa inqas minn 12.5 % tal-imsemmi livell fil-mira.

140    Minn dan isegwi li, peress li, minn naħa, id-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014 ma kinux jimponu li l-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, tadotta metodu ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju mhux ċar għar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni aċċettat li, minn perspettiva ekonomika, kien possibbli li jiġi evalwat il-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni abbażi tad-data tagħha biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 156), il-fatt li r-rikorrenti llimitat l-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħha għar-Regolament ta’ Delega 2015/63 biss bl-ebda mod ma jostakola l-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-illegalità tal-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-parti ta’ dan il-metodu relatata mal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, stabbilit f’dan ir-Regolament ta’ Delega.

141    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kkonstatat f’din il-kawża fil-punt 110 iktar ’il fuq joriġina, għall-parti tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante relatata mal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, mill-illegalità, invokata permezz ta’ eċċezzjoni, tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 u tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

142    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, peress li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni suffiċjentement preċiża tal-atti, sanċit fl-Artikolu 296 TFUE, jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat mill-qorti, jekk hemm bżonn billi tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dan l-obbligu (ara l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq), u peress li, bi ksur ta’ dan l-obbligu, ir-rikorrenti ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tivverifika l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tagħha, is-SRB ma jistax jirrimedja tali ksur permezz tal-invokazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt sekondarju.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq hemm lok li jiġi konkluż, wara li ntlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni, li d-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr il-bżonn li teżamina l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

144    Is-SRB essenzjalment isostni li jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ikun jaqbel li l-effetti tal-annullament jiġu ddifferiti b’sitt xhur minn meta s-sentenza ssir definittiva.

145    Ir-rikorrenti ma esprimietx ruħha dwar dan il-punt.

146    Is-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, effett immedjat, fis-sens li l-att annullat jiġi eliminat b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista. Jibqa’ l-fatt li, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ żżomm l-effetti ta’ deċiżjoni annullata, u dan b’mod provviżorju (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2014, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑133/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:176, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Fil-kawża ineżami, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB ma jistax jissostiwixxi d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jikser, mill-ġdid, l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, qabel ma l-kuntest ġuridiku, u b’mod partikolari r-Regolament ta’ Delega 2015/63, jinbidel.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mat-talbiet tas-SRB hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu għal sitt xhur sa mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

 Fuq l-ispejjeż

149    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

150    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05), hija annullata inkwantu din tikkonċerna lil-Landesbank Baden-Württemberg.

2)      L-effetti tad-deċiżjoni SRB/ES/SRF/2017/05 huma miżmuma inkwantu tikkonċerna lil-Landesbank Baden-Württemberg, għal sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza preżenti ssir definittiva.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mil-Landesbank Baden-Württemberg.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Collins

Kancheva

Barents

Passer

 

      De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 Data kunfidenzjali ommessa