Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Novembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione - l-Italja) – Istituto nazionale della previdenza sociale vs VR

(Kawża C-303/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/109/KE – Status taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Artikolu 11 – Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tal-familja, lill-membri tal-familja tar-resident fit-tul li ma jirrisjedux fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Istituto nazionale della previdenza sociale

Konvenut: VR

Dispożittiv

L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja tar-resident fit-tul, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, li ma jirrisjedux fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda f’pajjiż terz, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-imsemmi Stat Membru li jirrisjedu f’pajjiż terz, meta dan l-istess Stat Membru ma esprimiex l-intenzjoni tiegħu li jinvoka d-deroga mill-ugwaljanza fit-trattament permessa mill-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva meta huwa ttrasponiha fid-dritt nazzjonali.

____________

1     ĠU C 288, 26.8.2019.