Language of document : ECLI:EU:C:2003:513

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

30 ta’ Settembru 2003 (*)

“Trattament ugwali – Remunerazzjoni tal-professuri universitarji – Diskriminazzjoni indiretta – Allowance għat-tul fis-servizz – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilu – Ksur imputabbli lill-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C-224/01,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (l-Awstrija) fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha bejn

Gerhard Köbler

u

Republik Österreich,

u li tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) u, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C 46/93 u C 48/93, Ġabra p. I 1029), u tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C 54/96, Ġabra p. I 4961),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President ta’ l-Awla, J. P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans (Relatur), Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, P. Jann, V. Skouris, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal G. Köbler, minn A. König, avukat,

–        għal Republik Österreich, minn M. Windisch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Dittrich u W. D. Plessing, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Abraham u G. de Bergues kif ukoll minn C. Isidoro, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn D. Anderson, QC, u M. Hoskins, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Sack u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni ta’ G. Köbler, irrappreżentat minn A. König, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn E. Riedl, bħala aġent, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn A. Dittrich, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn R. Abraham, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins, assistit minn D. Anderson u M. Hoskins, kif ukoll tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. Sack u H. Kreppel, matul is-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ April 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tas-7 ta’ Mejju 2001, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2001, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien għamlet, taħt l-Artikolu 234 KE, ħames domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni, minn naħa, ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) u, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C 46/93 u C 48/93, Ġabra p. I 1029), u tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C 54/96, Ġabra p. I 4961).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża għad-danni ppreżentata minn G. Köbler kontra r-Republik Österreich (ir-Repubblika ta’ l-Awstrija) fir-rigward ta’ ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju minħabba deċiżjoni tal-Verwaltungsgerichtshof, il-qorti amministrattiva suprema.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 48(3) tal-Gehaltsgesetz 1956 (liġi dwar il-pagi tal-1956, BGBl. 1956/54), kif emendata fl-1997 (BGBl. I, 1997/109, iktar ’il quddiem il-“GG”), jipprovdi:

“Sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġu ggarantiti s-servizzi ta’ xjenzjat jew ta’ artist lokali jew barrani, il-President Federali jista’ jagħti paga bażika għola minn dik prevista fl-Artikolu 48(2) fil-kuntest tal-ħatra għal-post ta’ professur universitarju (Artikolu 21 tal-Bundesgesetz über die Organisation der Universitäten [liġi federali dwar l-organizzazzjoni tal-universitajiet], BGB1. 1993/805, iktar ’il quddiem l-‛UOG 1993’) jew ta’ professur ordinarju f’università jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni superjuri.”

4        L-Artikolu 50a(1) tal-GG jipprovdi:

“Professur universitarju (Artikolu 21 ta’ l-UOG 1993) jew professur ordinarju f’università jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni superjuri, li jkun ilu jaqdi din il-funzjoni għal 15-il sena fi ħdan l-universitajiet Awstrijaċi jew l-istabbiliment ta’ edukazzjoni superjuri u li għal erba’ snin ikun ibbenefika mill-allowance għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50(4), jista’ jitlob, minn meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, allowance speċjali għat-tul fis-servizz li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni, u li l-ammont tagħha għandu jkun jikkorrispondi għal dak ta’ l-allowance għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50(4).”

 Il-kawża prinċipali

5        G. Köbler ilu, permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, impjegat mal-Istat Awstrijak sa mill-1 ta’ Marzu 1986 bħala professur universitarju ordinarju f’Innsbruck (l-Awstrija). Meta nħatar huwa ngħata l-paga ta’ professur universitarju ordinarju fi skala għaxra, flimkien mal-allowance normali għat-tul fis-servizz.

6        B’ittra tat-28 ta’ Frar 1996, G. Köbler talab li jingħata l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz riżervata għall-professuri universitarji, skond l-Artikolu 50a tal-GG. Huwa sostna li, għalkemm kien tabilħaqq minnu li ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ tul fis-servizz ta’ ħmistax-il sena bħala professur f’universitajiet Awstrijaċi, madankollu, jekk jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul fis-servizz tiegħu fl-universitajiet ta’ Stati Membri oħra tal-Komunità, dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt. Huwa sostna li r-rekwiżit ta’ tul fis-servizz ta’ ħmistax-il sena miksub biss f’universitajiet Awstrijaċi ─ mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul fis-servizz miksub f’universitajiet ta’ Stati Membri oħra ─ jikkostitwixxi, wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija mal-Komunità, diskriminazzjoni indiretta mhux iġġustifikata taħt id-dritt Komunitarju.

7        Fil-kuntest tal-kawża li rriżultat minn din it-talba ta’ G. Köbler, il-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), b’digriet tat-22 ta’ Ottubru 1997, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C 382/97.

8        B’ittra tal-11 ta’ Marzu 1998, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-Verwaltungsgerichtshof jekk kinitx tikkunsidra li kien neċessarju li żżomm t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha fid-dawl tas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Schöning Kougebetopoulou (C 15/96, Ġabra p. I 47).

9        B’digriet tal-25 ta’ Marzu 1998, il-Verwaltungsgerichtshof, stiednet lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-mistoqsija tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li osservat, provviżorjament, li l-punt ta’ liġi li kien is-suġġett tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari in kwistjoni kien ġie deċiż favur G. Köbler.

10      B’digriet tal-24 ta’ Ġunju 1998, il-Verwaltungsgerichtshof irtirat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u, b’deċiżjoni ta’ l-istess jum, ċaħdet ir-rikors ta’ G. Köbler, għar-raġuni li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz kienet tikkostitwixxi allowance ta’ lealtà u dan kien oġġettivament jiġġustifika deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

11      Din is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1998 tipprovdi, b’mod partikolari:

“[…] Fid-digriet tagħha tat-22 ta’ Ottubru 1997, li jikkostitwixxi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari [fil-Kawża C 382/97], il-Verwaltungsgerichtshof ammettiet li ‛l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz tal-professuri universitarji ordinarji’ la għandha n-natura ta’ allowance ta’ lealtà u lanqas dik ta’ premju, iżda tifforma parti mill-paga fil-kuntest tas-sistema ta’ avvanz fl-iskala tal-paga.

Din l-interpretazzjoni legali, magħmula b’mod mhux vinkolanti fir-rigward tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva kontenzjuża, m’għadhiex applikabbli.

[…]

Dan juri li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz taħt l-Artikolu 50a tal-Gehaltsgesetz tal-1956 ma tiddependix fuq l-‛evalwazzjoni tal-valur tas-suq’ li għandha titwettaq fil-kuntest tal-proċedura tal-ħatra, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija intiża li tagħti lill-akkademiċi, li jinsabu f’suq tax-xogħol mobbli ħafna, inċentiv pożittiv sabiex jiżviluppaw il-karriera tagħhom fi ħdan l-universitajiet Awstrijaċi. Għalhekk din ma tistax tkun element, veru u proprju, tal-paga u, minħabba li hija allowance ta’ lealtà, din tippresupponi tul determinat ta’ servizz bħala professur universitarju ordinarju f’universitajiet Awstrijaċi. Din id-definizjoni fundamentalment ma tipprekludix li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz titqies bħala element tal-paga ta’ kull xahar u li, konsegwentement, din l-allowance ta’ lealtà tkun ta’ natura permanenti.

Peress li fl-Awstrija ─ f’dak li jirrigwarda l-każ in kwistjoni ─ huwa biss l-Istat Federali li huwa responsabbli għall-universitajiet, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 50a tal-Gehaltsgesetz tal-1956 japplikaw biss ─ bil-kontra tas-sitwazzjoni li fuqha kienet ibbażata s-sentenza [Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq] ─ għal persuna waħda li tħaddem. It-teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz preċedenti mitlub mir-rikorrenti jidħol fil-kuntest tal-‛valur tas-suq’ matul in-negozjati rigwardanti ħatra. It-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi ta’ servizz preċedenti għal-finijiet ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz lanqas mhuwa prevista għall-akkademiċi Awstrijaċi li jerġgħu jibdew jgħallmu fl-Awstrija wara li jkunu ħadmu barra mill-pajjiż u jkun imur kontra l-għan li tiġi ppremjeta lealtà ta’ diversi snin lejn min iħaddem, għan li ġie rrikonoxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jiġġustifika dispożizzjoni li fiha nnifisha tikser il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni.

Peress li l-allegat dritt, invokat f’din il-kawża mir-rikorrenti, għal allowance speċjali għat-tul fis-servizz taħt l-Artikolu 50a tal-Gehaltsgesetz tal-1956 jirrigwarda allowance ta’ lealtà prevista mil-liġi u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġunijiet imsemmija, iddeċidiet li tali sistema tiġġustifika skema li tkun tmur kemmxejn kontra l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, ir-rikors ibbażat fuq ksur ta’ dan il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għandu jiġi ddikjarat infondat; għaldaqstant dan ir-rikors għandu jinċaħad […]”

12      G. Köbler ippreżenta rikors għad-danni kontra r-Republik Österreich quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikseb rimedju għad-dannu li huwa subixxa minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ allowance speċjali għat-tul fis-servizz. Huwa jsostni li s-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998 kisret dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi fejn hija ddeċidiet li allowance speċjali għat-tul fis-servizz ma tikkostitwixxix allowance ta’ lealtà.

13      Ir-Republik Österreich ssostni li s-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998 ma tiksirx id-dritt Komunitarju direttament applikabbli. Barra minn hekk, hija ssostni li deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza bħalma hija l-Verwaltungsgerichtshof ma tistax isservi bħala bażi għal obbligu ta’ kumpens min-naħa ta’ l-Istat.

 Id-domandi preliminari

14      Il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien, peress li qieset li, fil-kawża mressqa quddiemha, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju hija inċerta u peress li tali interpretazzjoni hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li huwa dejjem l-Istat li, f’każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju, għandu jinżamm responsabbli indipendentement mill-korp ta’ l-Istat Membru li lilu huwa imputabbli dan il-ksur (b’mod partikolari, pereżempju, is-sentenza [Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq]), hija applikabbli wkoll fil-każ fejn l-aġir tal-korp, li allegatament imur kontra d-dritt Komunitarju, jikkonsisti f’deċiżjoni ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru bħalma hija, f’dan il-każ, il-Verwaltungsgerichtshof?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qorti kompetenti li tiddeċiedi kawżi li jkunu jinvolvu drittijiet individwali li jirriżultaw mis-sistema legali Komunitarja (b’mod partikolari, pereżempju, is-sentenza [Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq]), hija applikabbli wkoll fil-każ fejn l-aġir tal-korp, li allegatament imur kontra d-dritt Komunitarju, jikkonsisti f’deċiżjoni ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru bħalma hija, f’dan il-każ, il-Verwaltungsgerichtshof?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda:

L-argument legali espost fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq tal-Verwaltungsgerichtshof, li jgħid li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz hija forma ta’ allowance ta’ lealtà, imur kontra dispożizzjoni direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari kontra l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni indiretta stabbilit fl-Artikolu 48 tat-Trattat KE u kontra l-ġurisprudenza stabbilita rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward?

4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda:

Din id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li nkisret tagħti dritt suġġettiv lir-rikorrent fil-kawża prinċipali?

5)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda:

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, abbażi tal-formulazzjoni tad-domanda preliminari, l-informazzjoni kollha li tippermettilha tiddeċiedi hija stess jekk fil-każ preżenti l-Verwaltungsgerichtshof abbużatx, b’mod manifest u notevoli, mis-setgħa diskrezzjonali li għandha, jew inkella hija l-qorti Awstrijaka tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni?”

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

15      Permezz ta’ l-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati jikkumpensaw id-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilhom japplikax ukoll meta l-ksur in kwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza u jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva, hijiex is-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qorti kompetenti li tiddeċiedi l-kawżi li jirrigwardaw dan il-kumpens.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16      G. Köbler, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt Komunitarju minħabba nuqqas imputabbli lil qorti. Madankollu, kemm dawn il-Gvernijiet kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li din ir-responsabbiltà għandha tkun limitata u suġġetta għal diversi kundizzjonijiet restrittivi li għandhom jinżiedu ma dawk diġà esposti fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq.

17      F’dan ir-rigward, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li jkun hemm “ksur suffiċjentement serju” fis-sens ta’ din is-sentenza biss jekk deċiżjoni ta’ qorti tikser b’mod partikolarment serju u manifest id-dritt Komunitarju applikabbli. Skond il-Gvern Ġermaniż, il-ksur ta’ dispożizzjoni legali min-naħa ta’ qorti huwa partikolarment serju u manifest biss meta l-interpretazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju jkunu, minn naħa, oġġettivament insostenibbli u għandhom, min-naħa l-oħra, jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati suġġettivament bħala ksur intenzjonali. Tali kriterji restrittivi huma ġġustifikati mill-għan li jiġu protetti kemm il-prinċipju tar-res judicata kif ukoll l-indipendenza tal-qrati. Barra minn hekk, sistema restrittiva ta’ responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati min deċiżjonijiet ġudizzjarji żbaljati tissodisfa, skond il-Gvern Ġermaniż, prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri fis-sens ta’ l-Artikolu 288 KE.

18      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru għandha tibqa limitata għad-deċiżjonijiet ġudiżżjarji li ma jistgħux jiġu kkontestati, b’mod partikolari peress li l-Artikolu 234 KE jimponi l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari biss fuq il-qrati li għandhom jagħtu tali deċiżjonijiet. Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-Istat għandu jkun jista’ jinżamm responsabbli biss fil-każ ta’ ksur manifest u serju ta’ dan l-obbligu ta’ rinviju.

19      Il-Kummissjoni ssostni li fl-Istati Membri kollha teżisti limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ l-Istat fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u li din hija neċessarja sabiex tiġi protetta r-res judicata tad-deċiżjonijiet finali kif ukoll, konsegwentement, l-istabbiltà tad-dritt. Huwa għal din ir-raġuni li hija ssostni li jkun hemm “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt Komunitarju biss meta l-qorti nazzjonali tabbuża manifestament mis-setgħa tagħha jew tinterpreta b’mod evidentement żbaljat is-sens jew il-portata tad-dritt Komunitarju. F’dan il-każ l-allegat nuqqas tal-Verwaltungsgerichtshof huwa skużabbli u dan il-fatt jippermetti li jiġi konkluż li m’hemmx ksur suffiċjentement serju tad-dritt (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C 424/97, Ġabra p. I 5123, punt 43).

20      Min-naħa tagħhom, ir-Republik Österreich u l-Gvern Awstrijak (iktar ’il quddiem, flimkien, “ir-Repubblika ta’ l-Awstrija”) kif ukoll il-Gvernijiet ta’ Franza u tar-Renju Unit isostnu li Stat Membru ma jistax jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lil qorti. Huma jinvokaw argumenti bbażati fuq ir-res judicata, fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali, fuq l-indipendenza tal-qrati, fuq ir-rwol tal-qrati fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fuq il-paragun mal-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kkonstatata r-responsabblità tal-Komunità taħt l-Artikolu 288 KE.

21      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija b’mod partikolari ssostni li l-eżami mill-ġdid ta’ l-evalwazzjoni legali ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza huwa inkompatibbli mal-funzjoni ta’ tali qorti peress li l-għan tad-deċiżjonijiet tagħha huwa l-għeluq definittiv tal-kawżi. Barra minn hekk, peress li fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998 il-Verwaltungsgerichtshof eżaminat fid-dettall id-dritt Komunitarju, ikun konformi mad-dritt Komunitarju li tiġi eskluża possibbiltà oħra li jitressaq rikors quddiem qorti Awstrijaka. Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li l-kundizzjonijiet sabiex Stat Membru jkun jista’ jinżamm responsabbli ma jistgħux ikunu differenti minn dawk applikabbli għar-responsabbiltà tal-Komunità f’ċirkustanzi paragunabbli. Hekk kif it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE ma jistax jiġi applikat għal ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li f’dan il-każ hija tkun qed tiddeċiedi kwistjoni dwar dannu kkawżat minnha stess, b’tali mod li fl-istess ħin tkun kemm ġudikant kif ukoll parti, bl-istess mod lanqas l-Istati Membri ma jistgħu jinżammu responsabbli għal dannu kkawżat min qorti ta’ l-aħħar istanza.

22      Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li l-Artikolu 234 KE m’għandux l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari li jkunu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali la jkunu jistgħu jemendaw d-domandi preliminari u lanqas jiddikjarawhom bħala li m’għadx għandhom skop (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer, 44/65, Ġabra p. 1191). Barra minn hekk, huwa biss il-ksur ta’ dispożizzjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’, jekk ikun il-każ, jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru. Għaldaqstant Stat Membru ma jistax jinżamm responsabbli għal ksur ta’ l-Artikolu 234 KE min-naħa ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza.

23      Il-Gvern Franċiż isostni li r-rikonoxximent ta’ dritt għal kumpens minħabba applikazzjoni allegatament żbaljata tad-dritt Komunitarju minn deċiżjoni definittiva ta’ qorti nazzjonali jkun imur kontra l-prinċipju tar-rispett tar-res judicata definittiva, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C 126/97, Ġabra p. I 3055). Dan il-gvern b’mod partikolari jsostni li l-prinċipju li r-res judicata definittiva ma tistax titmiss għandu valur fundamentali fis-sistemi legali bbażati fuq l-istat ta’ dritt u r-rispett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Issa, jekk jiġi deċiż li Stat Membru għandu jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt Kommunitarju mwettaq min qorti, dan ikun ifisser li dan l-istat ta’ dritt u dan ir-rispett jiġu kkonfutati.

24      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, bħala prinċipju u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet marbuta b’mod partikolari mal-ksur ta’ dritt fundamentali mħares mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ebda kawża għad-danni ma tista’ titressaq kontra l-Kuruna fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Huwa jgħid ukoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet Komunitarji, li fuqu huwa bbażat il-prinċipju tar-responsabblità ta’ l-Istat, assolutament mhuwiex assolut u f’dan ir-rigward jiċċita t-termini ta’ dekadenza. Dan il-prinċipju jista’ jservi bħala bażi għal rikors għad-danni kontra l-Istat biss fi ftit każijiet u fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali ddefiniti b’mod strett. Il-benefiċċji li jirriżultaw mir-rikonoxximent ta’ dritt għad-danni minħabba deċiżjoni ġudizzjarja żbaljata huma, b’konsegwenza ta’ dan, limitati. Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li dawn il-benefiċċji għandhom jiġu bbilanċjati ma ċertu tħassib importanti ħafna.

25      F’dan ir-rigward huwa jinvoka, l-ewwel nett, il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tar-res judicata. Il-liġi tiskoraġġixxi l-konfutazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, ħlief permezz ta’ appell. Din hija kwistjoni ta’ ħarsien tal-parti rebbieħa u ta’ tisħiħ ta’ l-interes ġenerali u taċ-ċertezza legali. Fl-imgħoddi, il-Qorti tal-Ġustizzja wriet li kienet lesta’ li tillimità l-portata tal-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva sabiex tħares il-“prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tar-res judicata, li huma espressjoni ta’ dan il-prinċipju” (sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 sa 48). Jekk jiġi deċiż li l-Istat għandu jinżamm responsabbli għal nuqqas imwettaq minn qorti dan joħloq riskju ta’ konfużjoni ġuridika u jħalli lill-partijiet fil-kawża fl-inċertezza fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħhom.

26      It-tieni nett, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-awtorità u r-reputazzjoni tal-qrati jiddgħajfu li kieku żball ġudizzjarju jkun jista’, fil-ġejjieni, jwassal għal kawża għad-danni. It-tielet nett huwa jsostni li fis-sistema kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri kollha l-indipendenza tal-qrati tikkostitwixxi prinċipju fundamentali, iżda li madankollu din m’għandha qatt tiġi preżunta ggarantita. Deċiżjoni li taċċetta li l-Istat huwa responsabbli għal atti ġudizzjarji ġġib magħha r-riskju li din l-indipendenza tiġi kkonfutata.

27      Ir-raba’ nett, jekk il-qrati nazzjonali jingħataw il-kompetenza li jiddeċiedu huma stess kawżi li jinvolvu l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, dan ikun jimplika li jiġi aċċettat li dawn il-qrati kultant iwettqu żbalji li la jistgħu jiġu appellati u lanqas ikkoreġuti b’mod ieħor. Dan l-inkonvenjent dejjem tqies bħala aċċettabbli. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit josserva li, fil-każ fejn l-Istat ikun jista’ jinżamm responsabbli għal nuqqas imwettaq mill-qrati, bil-konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissejjaħ tiddeċiedi fuq domanda preliminari f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss ikollha s-setgħa li tiddeċiedi fuq il-korrettezza tad-deċiżjonijiet tal-qrati supremi nazzjonali iżda saħansitra dik li tevalwa n-natura serja u ġustifikabbli ta’ l-iżbalji li dawn setgħu wettqu. Il-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni fuq ir-relazzjoni, ta’ importanza vitali, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jkunu evidentement ta’ ħsara.

28      Il-ħames nett, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li jista’ jkun diffiċli li tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti li tiddeċiedi kawża li tirrigwarda r-responsabblità ta’ l-Istat, u dan jgħodd b’mod partikolari għar-Renju Unit fid-dawl kemm tas-sistema ġudizzjarja unitarja tiegħu kif ukoll ta’ l-applikazzjoni stretta tal-prinċipju “stare decisis”. Is-sitt nett, huwa jsostni li, jekk l-Istati jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal nuqqas imwettaq mill-qrati tagħhom, isegwi li l-Komunità għandha tkun tista’ tinżamm responsabbli għan-nuqqasijiet imwettqa mill-qrati Komunitarji bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet.

29      Fir-rigward, speċifikament, tat-tieni domanda preliminari, kemm G. Köbler kif ukoll il-Gvernijiet ta’ l-Awstrija u tal-Ġermanja jsostnu li hija s-sistema ġuridika ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qorti kompetenti li tiddeċiedi l-kawżi li jkunu jinvolvu drittijiet individwali bbażati fuq id-dritt Komunitarju. Għaldaqstant din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat

30      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilu huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C 6/90 u C 9/90, Ġabra p. I 5357, punt 35; Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications, C 392/93, Ġabra p. I 1631, punt 38; tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C 5/94, Ġabra p. I 2553, punt 24; tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et, C 178/94, C 179/94 u C 188/94 sa C 190/94, Ġabra p. I 4845, punt 20; tat-2 ta’ April 1998, Norbrook Laboratories, C 127/95, Ġabra p. I 1531, punt 106, u Haim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan il-prinċipju japplika wkoll għal kull każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju min-naħa ta’ Stat Membru, u dan indipendentement mill-korp ta’ l-Istat Membru li wettaq l-att jew l-ommissjoni li tat lok għall-ksur (sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C 302/97, Ġabra p. I 3099, punt 62, u Haim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

32      Jekk, fis-sistema legali internazzjonali, l-Istat li jinżamm responsabbli għal-ksur ta’ impenn internazzjonali jiġi kkunsidrat bħala entità waħda, indipendentement minn jekk il-ksur li ta lok għad-dannu huwiex imputabbli fuq il-leġiżlatur, fuq il-qrati jew fuq l-eżekuttiv, dan għandu japplika iktar u iktar fis-sistema legali Komunitarja fejn l-entitajiet kollha ta’ l-Istat, inkluż il-leġiżlatur, huma obbligati, fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, li jirrispettaw ir-regoli imposti mid-dritt Komunitarju li jistgħu jirregolaw direttament is-sitwazzjoni ta’ l-individwi (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

33      Fid-dawl tar-rwol essenzjali li għandhom il-qrati fil-protezzjoni tad-drittijiet li minnhom jibbenefikaw l-individwi permezz tar-regoli Komunitarji, li kieku jiġi eskluż li l-individwi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza ta’ Stat Membru, l-effikaċja sħiħa ta’ dawn ir-regoli tkun ikkonfutata u l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minnhom tiddgħajjef.

34      F’dan ir-rigwarda għandu jiġi enfasizzat li qorti ta’ l-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha l-individwi jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju. Peress li ksur ta’ dawn id-drittijiet minn deċiżjoni ta’ tali qorti li saret res judicata ma jistax, normalment, iktar jiġi rimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà ta’ l-Istat sabiex b’dan il-mod jiksbu l-protezzjoni legali ta’ drittijiethom.

35      Barra minn hekk, huwa b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju jinkisru li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE jipprovdi li qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali hija obbligata li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Għaldaqstant, mir-rekwiżiti inerenti fil-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-individwi li jinvokaw d-dritt Komunitarju jirriżulta li dawn għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu, mingħand qorti nazzjonali, rimedju għad-dannu kkawżat mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet minn deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

37      Uħud mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura sostnew li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju ma jistax jiġi applikat għad-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza. F’dan ir-rigward ġew invokati argumenti bbażati, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali u, speċifikatament, fuq ir-res judicata, fuq l-indipendenza tal-qrati kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ qorti kompetenti li tiddeċiedi l-kawżi li jkunu jirrigwardaw ir-responsabbiltà ta’ l-Istat minħabba tali deċiżjonijiet.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-importanza tal-prinċipju tar-res judicata, ma tistax tiġi kkontestata (ara s-sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46). Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibli li jiġu kkonfutati deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-terminu previst għal dawn ir-rimedji.

39      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikonoxximent tal-prinċipju li l-Istat jinżamm responsabbli għal deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza m’għandux, fih innifsu, bħala konsegwenza l-konfutazzjoni tar-res judicata ta’ tali deċiżjoni. Proċedura sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ l-Istat m’għandhiex l-istess għan u mhux neċessarjament li tkun tinvolvi l-istess partijiet bħall-proċedura li tat lok għar-res judicata definittiva. Fil-fatt, ir-rikorrenti f’kawża għad-danni kontra l-Istat jikseb, jekk jirbaħ, il-kundannazzjoni ta’ dan l-Istat għal kumpens għad-danni subiti, iżda mhux neċessarjament il-konfutazzjoni tar-res judicata definittiva tad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkawżat id-dannu. F’kull każ, il-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat inerenti fis-sistema legali Komunitarja jeżiġi tali kumpens iżda mhux ir-reviżjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkawżat id-dannu.

40      Minn dan jirriżulta li l-prinċipju tar-res judicata definittiva ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza.

41      Lanqas l-argumenti bbażati fuq l-indipendenza tal-qrati ma jistgħu jintlaqgħu.

42      F’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-qrati, għandu jiġi speċifikat li l-prinċipju tar-responsabbiltà in kwistjoni ma jikkonċernax ir-responsabbiltà personali ta’ l-imħallef iżda dik ta’ l-Istat. Issa, ma jidhirx li l-possibbiltà li, taħt ċertu ċirkustanzi, l-Istat jinżamm responsabbli għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li jmorru kontra d-dritt Komunitarju tinvolvi riskji partikolari li tiġi kkonfutata l-indipendenza ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza.

43      Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq ir-riskju li l-awtorità ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza tiġi effettwata minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet tagħha li jkunu saru definittivi jkunu jistgħu jiġu kkonfutati impliċitament minn proċedura li tippermetti li l-Istat jinżamm responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta’ rimedju legali li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu kkumpensati l-effetti dannużi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja żbaljata jista’ tabilħaqq jiġi kkunsidrat bħala li jsaħħaħ il-kwalità ta’ sistema legali u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, li jsaħħaħ ukoll l-awtorità tal-qrati.

44      Diversi gvernijiet sostnew ukoll li d-diffikulta li tiġi indikata qorti kompetenti li tiddeċiedi kawżi għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza tikkostitwixxi ostakolu għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabblità ta’ l-Istat għal tali deċiżjonijiet.

45      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li, peress li, minħabba raġunijiet marbuta essenzjalment mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet li d-dispożizzjonijiet Komunitarji jagħtu lill-individwi, il-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat inerenti fis-sistema legali Komunitarja għandu jiġi applikat fir-rigwarda tad-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza, huma l-Istati Membri li għandhom jippermettu li l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw dan il-prinċipju billi jpoġġu għad-dispożizzjoni tagħhom rimedju xieraq. L-implementazzjoni ta’ l-imsemmi prinċipju ma tistax tiġi kompromessa min-nuqqas ta’ qorti kompetenti.

46      Skond ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi li jiggarantixxu l-ħarsien sħiħ tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; Comet, 45/76, Ġabra p. 2043, punt 13; tas-27 ta’ Frar 1980, Just, 68/79, Ġabra p. 501, punt 25; Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C 312/93, Ġabra p. I 4599, punt 12).

47      Bla ħsara għall-fatt li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet individwali mogħtija mis-sistema legali Komunitarja, mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetenza li tista’ tqajjem, fuq livell ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali, il-klassifikazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet ġuridiċi bbażati fuq id-dritt Komunitarju (sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1996, SEIM, C 446/93, Ġabra p. I 73, punt 32, u Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

48      Għandu jingħad ukoll li, għalkemm kunsiderazzjonijiet marbuta mar-rispett tal-prinċipju tar-res judicata definittiva u ta’ l-indipendenza tal-qrati setgħu inspiraw fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali restrizzjonijiet, kultant severi, tal-possibbiltà li l-Istat jinżamm responsabbli għad-danni kkawżati minn deċiżjonijiet ġudizzjarji żbaljati, madankollu tali kunsiderazzjonijiet ma kinux tali li jeskludu b’mod assolut din il-possibbiltà. Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal deċiżjonijiet ġudizzjarji ġiet aċċettata taħt xi forma jew oħra mill-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, anki jekk taħt kundizzjonijiet restrittivi u eteroġenji.

49      Jista’ jingħad ukoll li, fl-istess sens, il-KEDB, u speċifikament l-Artikolu 41 tagħha, tawtorizza lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkundanna lil Stat li jkun kiser dritt fundamentali jikkumpensa d-dannu li dan il-ksur ikkawża lill-persuna leża. Mill-ġurisprudenza ta’ din l-aħħar qorti jirriżulta li tali kumpens jista’ wkoll jingħata meta l-ksur jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Dulaurans vs Franza, tal-21 ta’ Marzu 2000, li għadha ma ġietx ippubblikata)

50      Min dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jikkumpensaw d-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilhom japplika wkoll meta l-ksur in kwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza. Hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qorti kompetenti li tiddeċiedi kawżi li jkunu jinvolvu tali kumpens.

 Fuq il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ l-Istat

51      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru huwa marbut li jikkumpensa d-danni kkawżati lil individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn huma tlieta, jiġifieri li d-dispożizzjoni miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu ta’ l-Istat u d-dannu subit mill-persuni leżi (sentenza Haim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

52      Ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal danni kkawżati minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza li tikser dispożizzjoni Komunitarja hija rregolata mill-istess kundizzjonijiet.

53      F’dak li jirrigwarda, speċifikament, it-tieni kundizzjoni u l-applikazzjoni tagħha sabiex tiġi stabbilita l-eventwali responsabbiltà ta’ l-Istat minħabba deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm in-natura speċifika tal-funzjoni ġudizzjarja kif ukoll l-eżiġenzi leġittimi ta’ ċertezza legali, kif sostnew l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża. L-Istat jista’ jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq permezz ta’ deċiżjoni bħal din biss fil-każijiet eċċezzjonali fejn il-qorti tkun interpretata b’mod minifestament żbaljat id-dritt applikabbli.

54      Sabiex jiġi stabbilit jekk dik il-kundizzjoni tkunx sodisfatta, il-qorti nazzjonali li tkun qed tittratta talba għad-danni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha.

55      Fost dawn l-elementi hemm b’mod partikolari l-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura, in-natura intenzjonali tal-ksur, in-natura skużabbli jew le ta’ l-Iżball ta’ liġi, il-pożizzjoni li ttieħdet, meta applikabbli, minn istituzzjoni Komunitarja, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-qorti in kwistjoni, ta’ l-obbligu tagħha li titlob deċiżjoni preliminari skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE.

56      F’kull każ, ksur tad-dritt Komunitarju jkun suffiċjentement serju meta d-deċiżjoni kkonċernata tkun ittieħdet bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (ara f’dan is-sens, is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

57      It-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza huma neċessarji u suffiċjenti sabiex individwi jkollhom dritt jiksbu kumpens, madankollu mingħajr ma jiġi eskluż li l-Istat jista’ jinżamm responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

58      Bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa msejjes direttament fuq id-dritt Komunitarju meta dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat skond id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika u ma jistgħux ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Francovich et, punti 41 sa 43, u Norbrook Laboratories, punt 111).

59      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jikkumpensaw d-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilhom japplika wkoll meta l-ksur inkwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza, meta d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, meta l-ksur ikun suffiċjentement serju u meta teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu ta’ l-Istat u d-dannu subit mill-persuni affettwati. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur huwiex suffiċjentement serju f’każ fejn il-ksur in kwistjoni jkun jirriżulta minn tali deċiżjoni, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-funzjoni ġudizzjarja, tivverifika jekk dan il-ksur huwiex ta’ natura manifesta. Hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qorti kompetenti li tiddeċiedi kawżi li jkunu jinvolvu tali kumpens.

 Fuq it-tielet domanda

60      Għandu preliminarjament jitfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Madankollu, mill-kliem tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u fid-dawl ta’ l-informazzjoni esposta minn din ta’ l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex din il-qorti tkun tista’ ssolvi l-problema ġuridika mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Eurico Italia et, C 332/92, C 333/92 u C 335/92, Ġabra p. I 711, punt 19).

61      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 48 tat-Trattat u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-għoti, f’ċirkustanzi bħal dawk previsti fl-Artikolu 50a tal-GG, ta’ allowance speċjali għat-tul fis-servizz li, skond l-interpretazzjoni mogħtija mill-Verwaltungsgerichtshof fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998, tikkostitwixxi allowance ta’ lealtà.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

62      G. Köbler l-ewwel nett isostni li, kif kienet inizjalment ammettiet il-Verwaltungsgerichtshof, l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG mhijiex allowance ta’ lealtà iżda element normali tal-paga. Barra minn hekk, sas-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998, l-ebda qorti Awstrijaka ma kienet ikkunsidrat li l-imsemmija allowance kienet tikkostitwixxi allowance ta’ lealtà.

63      Wara dan, G. Köbler isostni li anki fil-każ fejn jitqies li din l-allowance hija allowance ta’ lealtà u li tali allowance tista’ tiġġustifika diskriminazzjoni indiretta, ma teżisti ebda ġurisprudenza stabbilita u ċerta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta rtirat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u meta ddeċidiet waħedha, il-Verwaltungsgerichtshof aġixxiet ultra vires peress li hija esklużivament il-Qorti tal-Ġustizzja li hija kompetenti li tinterpreta u tiddefinixxi l-kunċetti tad-dritt Komunitarju.

64      Fl-aħħar nett, G. Köbler isostni li l-kriterji għall-għoti ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz jeskludu li d-diskriminazzjoni indiretta mwettqa fil-konfront tiegħu tkun ġustifikata. Din l-allowance hija dovuta indipendentement mill-kwistjoni ta’ f’liema università Awstrijaka qeda l-funzjoni tiegħu l-applikant u lanqas mhuwa rikjest li l-applikant ikun għallem għal ħmisax-il sena b’mod kontinwu fl-istess suġġett.

65      Filwaqt li ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li t-tielet domanda għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix sistema ta’ remunerazzjoni li tippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni tal-kwalifiki li kandidat għal impjieg ikun kiseb mingħand persuni li jħaddmu oħra nazzjonali jew barranin sabiex tiġi ddeterminata l-paga tiegħu u li, barra minn hekk, tipprovdi allowance li tista’ tiġi kkwalifikata bħala allowance ta’ lealtà li l-għoti tagħha huwa marbut ma’ terminu speċifiku ta’ servizz mal-istess persuna li tħaddem.

66      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tispjega li, fid-dawl tal-fatt li G. Köbler, inkwantu professur ordinarju f’università, jinsab f’relazzjoni ta’ impjieg irregolata mid-dritt pubbliku, il-persuna li tħaddmu huwa l-Istat Awstrijak. Għalhekk, professur li jgħaddi minn universita Awstrijaka għall-oħra ma jbiddilx il-persuna li tħaddmu. Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tosserva li fl-Awstrija jeżistu wkoll universitajiet privati. Il-professuri li jgħallmu f’dawn l-aħħar universitajiet huma impjegati ta’ dawn l-istituzzjonijiet u mhux ta’ l-Istat, b’tali mod li r-relazzjonijiet ta’ l-impjieg tagħhom mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-GG.

67      Min-naħa tagħha l-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 50a tal-GG, bi ksur ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat, jiddiskrimina bejn il-perijodi ta’ servizz fl-universitajiet Awstrijaċi u dawk f’universitajiet ta’ Stati Membri oħra.

68      Skond il-Kummissjoni għandu jiġi kkonstatat li l-Verwaltungsgerichtshof interpretat ħażin, fl-evalwazzjoni finali tagħha, il-portata tas-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq. Fid-dawl ta’ l-elementi l-ġodda ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-qorti ma kellhiex tirtira t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha iżda kellha tbiddel il-formulazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet b’mod espliċitu li allowance ta’ lealtà tista’ tiġġustifika dispożizzjoni diskriminatorja fir-rigward ta’ ħaddiema ta’ Stati Membri oħra.

69      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anki li kieku l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala allowance ta’ lealtà, xorta jibqa l-fatt li din ma tistax tiġġustifika ostakolu għal-moviment liberu tal-ħaddiema. Hija tikkunsidra li, bħala prinċipju, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li persuna li tħaddem tipprova żżomm l-impjegati kkwalifikati billi tati żidiet fil-paga jew allowances lill-persunal tagħha skond it-tul tas-servizz fl-impriża. Madankollu, l-“allowance ta’ lealtà” kkontemplata fl-Artikolu 50a tal-GG tiddistingwi ruħha mill-allowances li jipproduċu l-effetti tagħhom biss fi ħdan l-impriża inkwantu din tipproduċi l-effetti tagħha fuq il-livell ta’ l-Istat Membru kkonċernat, bl-esklużjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra, u għaldaqstant taffettwa direttament il-moviment liberu ta’ l-għalliema. Barra minn hekk l-universitajiet Awstrijaċi ma jikkompetux biss kontra l-istabbilimenti ta’ Stati Membri oħra iżda wkoll bejniethom. Issa l-imsemmija dispożizzjoni ma tipproduċix effetti fir-rigward ta’ din it-tieni tip ta’ kompetizzjoni.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      L-allowance speċjali għat-tul fis-servizz mogħtija mill-Istat Awstrijak, inkwantu persuna li tħaddem, lil professuri universitarji abbażi ta’ l-Artikolu 50° tal-GG tagħti lok għal vantaġġ finanzjarju li jiżdied mal-paga bażika, li l-ammont tagħha diġà jiddependi fuq it-tul fis-servizz. Professur universitarju jirċevi l-imsemmija allowance jekk ikun eżerċita, għal minn ta’ l-inqas ħmistax-il sena, din il-professjoni fi ħdan universitajiet Awstrijaċi u jekk, barra minn hekk, ikun ilu iktar minn erba’ snin jirċievi l-allowance normali għat-tul fis-servizz.

71      Għalhekk, l-Artikolu 50a tal-GG jeskludi, fir-rigward ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz li huwa jipprovdi, kull possibbiltà ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività li professur universitarju jkun wettaq fi Stat Membru ieħor apparti r-Repubblika ta’ l-Awstrija.

72      Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li tali sistema tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema minn żewġ perspettivi.

73      L-ewwel nett, din is-sistema tiżvantaġġa l-ħaddiema migranti ċittadini ta’ Stati Membri oħra apparti r-Repubblika ta’ l-Awstrija, peress li dawn il-ħaddiema jiġu mċaħħda mir-rikonoxximent tal-perijodi ta’ servizz li huma jkunu qdew f’dawn l-Istati Membri bħala professuri universitarji, biss minħabba l-fatt li dawn il-perijodi ma nħadmux f’università Awstrijaka (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ dispożizzjoni Griega paragunabbli, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C 187/96, Ġabra p. I 1095, punti 20 u 21).

74      It-tieni nett, dan ir-rifjut assolut li jiġu rikonoxxuti l-perijodi ta’ servizz bħala professur universitarju moqdija fi Stat Membru ieħor apparti r-Repubblika ta’ l-Awstrija jostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema stabbiliti fl-Awstrija, inkwantu huwa tali li jiddiswadi lil dawn ta’ l-aħħar milli jitilqu mill-pajjiż sabiex jeżerċitaw din il-libertà. Fil-fatt, meta jerġgħu lura l-Awstrija s-snin ta’ esperjenza miksuba bħala professuri universitarji fi Stati Membri oħra, jiġifieri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet paragunabbli, ma jittiħdux in kunsiderazzjoni fir-rigward ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a°tal-GG.

75      Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex affettwati miċ-ċirkustanza, invokata mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, li r-remunerazzjoni tal-professuri universitarji migranti hija, minħabba l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 48(3) tal-GG li tingħatalhom paga bażika għola sabiex tinċentiva r-reklutaġġ ta’ professuri universitarji barranin, ta’ spiss aħjar min dik li jirċevu l-professuri universitarji Awstrijaċi anki jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz.

76      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 48(3) tal-GG joffri biss sempliċi possibbiltà u mhux garanzija li l-professur universitarju barrani għandu jirċevi, hekk kif jinħatar professur f’università Awstrijaċi, remunerazzjoni għola minn dik ta’ professuri universitarji Awstrijaċi li għandhom l-istess esperjenza. Min-naħa l-oħra r-remunerazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 48(3) tal-GG fil-mument tal-ħatra hija ta’ natura kompletament differenti mill-allowance speċjali għat-tul fis-servizz. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Artikolu 50a° tal-GG ikollu l-effett ta’ trattament mhux ugwali tal-professuri universitarji migranti meta mqabbla mal-professuri universitarji Awstrijaċi u b’hekk joħloq ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantiti mill-Artikolu 48 tat-Trattat.

77      Konsegwentement, miżura bħalma hija l-għoti ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema u dan huwa, bħala prinċipju, ipprojbit mill-Artikolu 48 tat-Trattat u mill-Artiolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68. Miżura bħal din tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Madankollu, f’kull każ, xorta jibqa l-fatt li l-applikazzjoni tagħha tkun tista’ tiggarantixxi t-twettieq ta’ l-għanijiet in kwistjoni u ma tkunx tmur lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C 19/92, Ġabra p. I 1663, punt 32; tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C 55/94, Ġabra p. I 4165, punt 37, u tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C 415/93, Ġabra p. I 4921, punt 104).

78      Fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1998 il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG tikkostitwixxi, skond id-dritt nazzjonali, allowance intiża sabiex tippremja l-lealtà tal-professuri universitarji Awstrijaċi lejn il-persuna li tħaddimhom, jiġifieri l-Istat Awstrijak.

79      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-imsemmija allowance tikkostitwixxi, skond id-dritt nazzjonali, allowance ta’ lealtà jistax jiġi kkunsidrat, fid-dritt Komunitarju, bħala li jindika li din hija bbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika l-ostakolu għall-moviment liberu li din l-allowance tinvolvi.

80      F’dan ir-rigward għandu preliminarjament jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għadu ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi jekk allowance ta’ lealtà tistax tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

81      Fil-punti 27 tas-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, u 49 tas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C 195/98, Ġabra p. I 10497), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument ippreżentat f’dan ir-rigward rispettivament mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ l-Awstrija. Fil-fatt, fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni li kienet in kwistjoni fl-ebda każ ma setgħet tiġi kkunsidrata bħala intiża li tippremja l-lealtà tal-ħaddiem lejn min iħaddmu, għaliex iż-żieda fil-paga li dan il-ħaddiem jirċievi għat-tul fis-servizzz tiegħu kienet iddeterminata mis-snin ta’ servizz mogħti fi ħdan diversi persuni li jħaddmu. Peress li, fil-kawżi prinċipali li fuqhom kienu bbażati dawn is-sentenzi, iż-żieda fil-paga ma kinitx tikkostitwixxi allowance ta’ lealtà, ma kienx neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk tali allowance setgħetx, fiha nnifisha, tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

82      F’dan il-każ, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998 il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG tippremja l-lealtà tal-ħaddiem lejn il-persuna waħdanija li tħaddmu.

83      Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li għan ta’ inċentivar tal-lealtà tal-ħaddiema lejn il-persuna li tħaddimhom fil-kuntest ta’ politika ta’ riċerka u tagħlim universitarju jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ostakolu li din tinvolvi ma jistax ikun iġġustifikat fid-dawl ta’ tali għan.

84      Minn naħa, għalkemm il-professuri universitarji pubbliċi Awstrijaċi kollha huma impjegati ta’ persuna li tħaddem waħdanija, jiġifieri l-Istat Awstrijak, dawn huma assenjati f’universitajiet differenti. Issa, id-diversi universitajiet Awstrijaċi jikkompetu, fis-suq tax-xogħol tal-professuri universitarji, mhux biss ma universitajiet ta’ Stati Membri oħra u ma dawk ta’ pajjiżi terzi iżda wkoll bejniethom. Fir-rigward ta’ din it-tieni tip ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex adatta sabiex tinċentiva l-lealtà ta’ professur lejn l-università Awstrijaka fejn jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

85      Minn naħa, għalkemm l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz hija intiża sabiex tippremja l-lealtà tal-ħaddiema lejn il-persuna li tħaddimhom, din għandha wkoll il-konsegwenza li tippremja lill-professuri universitarji Awstrijaċi li jkomplu jaqdu l-funzjoni tagħhom fl-Awstrija. Għalhekk l-imsemmija allowance jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-għażla li dawn il-professuri jagħmlu bejn impjieg f’università Awstrijaka u impjieg f’università ta’ Stat Membru ieħor.

86      Għalhekk, l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz in kwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandhiex biss l-effett li tippremja l-lealtà ta’ ħaddiem lejn il-persuna li tħaddmu. Din tinvolvi wkoll għeluq tas-suq tax-xogħol tal-professuri universitarji fl-Awstrija u tmur kontra l-prinċipju nnifsu tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

87      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li miżura bħalma hija l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG tinvolvi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li ma jistax jiġi ġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

88      Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 48 tat-Trattat u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-għoti, taħt kundizzjonijiet bħall dawk previsti fl-Artikolu 50a tal-GG, ta’ allowance speċjali għat-tul fis-servizz li, skond l-interpretazzjoni tal-Verwaltungsgerichtshof fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998, tikkostitwixxi allowance ta’ lealtà.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

89      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru jistax jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq permezz tas-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

90      Fir-rigward tar-raba’ domanda, G. Köbler, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 48 tat-Trattat huwa direttament applikabbli u jagħti lill-individwi drittijiet suġġettivi li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu.

91      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li r-raba’ domanda għandha tingħata risposta biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix id-domandi preċedenti fis-sens issuġġerit minnha. Inkwantu r-raba’ domanda saret biss fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun waħda affermattiva, li fl-opinjoni tagħha hija ammissibbli, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix din ir-raba’ domanda. Barra minn hekk, hija ssostni li din mhijiex ċara fid-dawl tal-fatt li d-digriet tal-qorti tar-rinviju ma jinkludix motivazzjoni f’dan ir-rigward.

92      Fir-rigward tal-ħames domanda, G. Köbler isostni li din għandha tingħata risposta affermattiva u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha li jippermettula tiddeċiedi hija stess jekk fil-każ in kwistjoni fil-kawża prinċipali l-Verwaltungsgerichtshof abbużatx b’mod manifest u kunsiderevoli mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

93      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkunsidra li huma l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw il-kriterji tar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju.

94      Madankollu, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi hija stess għad-domanda dwar jekk ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandhiex tinżamm responsabbli, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE) m’għandux l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi. Għalhekk hija tikkunsidra li din il-kundizzjoni għar-responsabbiltà mhijiex sodisfatta.

95      It-tieni nett, mhuwiex kuntestabbli l-fatt li l-qrati nazzjonali għandhom, fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemhom, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw jekk jagħmlux domanda preliminari jew le. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li, inkwantu l-Qort tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat, fis-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, li l-allowances ta’ lealtà ma jmorrux, bħala prinċipju, kontra d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-Verwaltungsgerichtshof ġustament ikkonkludiet li setgħet, fil-kawża ppreżentata quddiemha, tiddeċiedi hija stess il-kwistjonijiet ta’ dritt Komunitarju.

96      It-tielet nett, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998 il-Verwaltungsgerichtshof kisret id-dritt Komunitarju, l-aġir ta’ din il-qorti ma jistax, f’kull każ, jiġi kkwalifikat bħala ksur serju ta’ l-imsemmi dritt.

97      Ir-raba’ nett, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li l-irtirar, min-naħa tal-Verwaltungsgerichtshof, tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jista’ fl-ebda każ ikollu rabta kawżali mad-dannu invokat konkretament minn G. Köbler. Fil-fatt, tali argument huwa msejjes fuq il-preżunzjoni, għal kollox inammissibbli, li deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet, li kieku t-talba ma ġietx irtirata, neċessarjament tikkonferma l-argument legali ta’ G. Köbler. Fi kliem ieħor, dan l-argument jimplika li d-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u t-28 ta’ Frar 2001 ma kienx iseħħ li kieku t-talba għal deċiżjoni preliminari nżammet u wasslet għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, la huwa possibbli li l-argument ta’ parti f’kawża prinċipali jkun ibbażat fuq previżjoni ta’ dak li kienet tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari u lanqas mhuwa possibbli li jiġi invokat dannu fuq din il-bażi.

98      Il-Gvern Ġermaniż isostni, min-naħa tiegħu, li hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru humiex sodisfatti.

99      Il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-każ in kwistjoni fil-kawża prinċipali l-Istat Membru m’għandux jinżamm responsabbli. Fil-fatt, għalkemm fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998 il-Verwaltungsgerichtshof, fl-opinjoni tagħha, interpretat ħażin is-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, u, barra minn hekk, kisret l-Artikolu 48 tat-Trattat meta ddeċidiet li l-Artikolu 50a tal-GG ma kienx imur kontra d-dritt Komunitarju, dan il-ksur huwa, b’xi mod, skużabbli.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-implementazzjoni tal-kriterji li jippermettu li l-Istati Membri jinżammu responsabbli għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali (sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58), skond il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implementazzjoni (sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57; British Telecommunications, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41; tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et, C 283/94, C 291/94 u C 292/94, Ġabra p. I 5063, punt 49, u Konle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

101    Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha sabiex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Istat Membru jinżamm responsabbli humiex sodisfatti.

 Fuq id-dispożizzjoni miksura, li għandha tagħti drittijiet lill-individwi

102    Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li l-ksur tagħhom huwa in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma, kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda, l-Artikolu 48 tat-Trattat u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68. Dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw il-kosegwenzi li jirriżultaw mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità billi jipprojbixxu kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni,

103    Mhuwiex kontestabbli li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

 Fuq il-ksur suffiċjentement serju

104    Preliminarjament, għandu jitfakkar l-iżvolġiment tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998.

105    Fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn G. Köbler u l-Bundesminister für Wissenschaft, Forschung und Kunst (Ministru Federali għax-Xjenza, ir-Rriċerka u l-Arti) dwar ir-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jagħti lil G. Köbler l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG, l-imsemmija qorti għamlet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat u ta’ l-Artikoli 1 sa 3 tar-Regolament Nru 1612/68, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Ottubru 1997 irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C 382/97.

106    F’dan id-digriet il-Verwaltungsgerichtshof b’mod partikolari tesponi li sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha “huwa ta’ importanza deċiżiva li jsir magħruf jekk imurx kontra d-dritt Komunitarju stabbilit bl-Artikolu 48 tat-Trattat […] il-fatt li l-leġiżlatur Awstrijak jissuġġetta l-‘allowance speċjali għat-tul fis-servizz għall-professuri universitarji ordinarji’, li la għandha n-natura ta’ allowance ta’ lealtà u lanqas dik ta’ premju, iżda tifforma parti mill-paga fil-kuntest tas-sistema ta’ l-avanz fl-iskala tal-pagi, ta’ tul fis-servizz ta’ ħmistax il-sena li għandu jkun inħadem fi ħdan università Awstrijaka”.

107    Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li minn dan id-digriet tar-rinviju jirriżulta b’mod evidenti li l-Verwaltungsgerichtshof dak iż-żmien kienet tikkunsidra li, skond id-dritt nazzjonali, l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz in kwistjoni ma kinitx allowance ta’ lealtà.

108    Sussegwentement, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak fil-Kawża C 382/97 jirriżulta li, sabiex juri li ma kienx possibbli li l-Artikolu 50a tal-GG jikser il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 48 tat-Trattat, dan il-Gvern sostna biss li l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista minn din id-dispożizzjoni hija allowance ta’ lealtà.

109    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li fil-punti 22 u 23 tas-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li miżura li tissuġġetta r-remunerazzjoni ta’ ħaddiem fuq t-tul tas-servizz tiegħu iżda li teskludi kull possibbiltà ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg paragunabbli maħduma fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru ieħor x’aktarx tikser l-Artikolu 48 tat-Trattat.

110    Fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li miżura bħal din x’aktarx tikser din id-dispożizzjoni tat-Trattat u li, min-naħa l-oħra, l-unika ġustifikazzjoni invokata f’dan ir-rigward mill-Gvern Awstrijak ma kinitx rilevanti fid-dawl tad-digriet ta’ rinviju nnifsu, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’ittra tal-11 ta’ Marzu 1998, bagħat s-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, lill-Verwaltungsgerichtshof sabiex tkun tista’ teżamina jekk kinitx tinkludi l-elementi ta’ interpretazzjoni neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, u staqsiha jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, kinitx tikkunsidra neċessarju li żżomm t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

111    B’digriet tal-25 ta’ Marzu 1998, il-Verwaltungsgerichtshof stiednet lill-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-mistoqsija tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li osservat, provviżorjament, li l-punt ta’ liġi li kien is-suġġett tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari in kwistjoni kien ġie deċiż favur G. Köbler.

112    B’digriet tal-24 ta’ Ġunju 1998, il-Verwaltungsgerichtshof irtirat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi qieset li ż-żamma ta’ din it-talba ma kinitx iktar utli sabiex tinsab soluzzjoni għall-kawża. Hija indikat li l-kwistjoni deċiżiva fil-kawża quddiemha kienet dik ta’ jekk l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG kinitx allowance ta’ lealtà jew le u li din il-kwistjoni kellha tiġi deċiża fil-kuntest tad-dritt nazzjonali.

113    F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1998 il-Verwaltungsgerichtshof tesponi li hija “[kienet] tbiegħdet mill-prinċipju, espost fid-digriet tagħha tat-22 ta’ Ottubru 1997, li jikkostitwixxi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari [fil-Kawża C 382/97], […] li ‛l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz tal-professuri universitarji ordinarji’ la għandha n-natura ta’ allowance ta’ lealtà u lanqas dik ta’ premju” u li “[d]in l-interpretazzjoni legali, magħmula b’mod mhux vinkolanti fir-rigward tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva kontenzjuża, m’għadhiex applikabbli”. Fil-fatt, f’din is-sentenza l-Verwaltungsgerichtshof tikkonkludi li l-imsemmija allowance hija tabilħaqq allowance ta’ lealtà.

114    Minn dan jirriżulta li wara li r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-Verwaltungsgerichtshof jekk kinitx ser iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, din biddlet il-kwalifikazzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz.

115    Wara din il-kwalifikazzjoni l-ġdida ta’ l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG, il-Verwaltungsgerichtshof ċaħdet ir-rikors ta’ G. Köbler. Fil-fatt, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1998 hija ddeduċiet, mis-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, li inkwantu din l-allowance kellha tiġi kkwalifikata bħala allowance ta’ lealtà, din setgħet tkun iġġustifikata anki jekk fiha nnifisha tmur kontra l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 48 tat-Trattat.

116    Issa, kif jirriżulta mill-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalet xejn dwar il-kwistjoni ta’ jekk u taħt liema kundizzjonijiet jista’ jkun iġġustifikat l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li tinvolvi allowance ta’ lealtà. Għaldaqstant il-kunsiderazzjonijiet li l-Verwaltungsgerichtshof iddeduċiet mill-imsemmija sentenza huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din ta’ l-aħħar.

117    Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-Verwaltungsgerichtshof emendat l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali billi kkwalifikat il-miżura prevista fl-Artikolu 50a tal-GG bħala allowance ta’ lealtà wara li ntbagħtitilha s-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kien għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar jekk l-ostakolu tal-moviment liberu tal-ħaddiema li tinvolvi allowance ta’ lealtà setax ikun iġġustifikat, il-Verwaltungsgerichtshof kellha żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

118    Fil-fatt, din il-qorti ma setgħetx tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-punt ta’ liġi in kwistjoni kienet tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma kienet tħalli post għal ebda dubju raġonevoli (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et, 283/81, Ġabra p. 3415, punti 14 u 16). Għaldaqstant hija kellha l-obbligu, abbażi tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat, li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminati tagħha.

119    Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda, miżura bħalma hija l-allowance speċjali għat-tul fis-servizz prevista fl-Artikolu 50a tal-GG, anki jekk tista’ tiġi kkwalifikata bħala allowance ta’ lealtà, tinvolvi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jmur kontra d-dritt Komunitarju. Għalhekk, permezz tas-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998, il-Verwaltungsgerichtshof kisret id-dritt Komunitarju.

120    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk dan il-ksur tad-dritt Komunitarju huwiex ta’ natura manifesta fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għal dan il-għan skond l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma s-suġġett tar-risposta għat-tielet domanda ma jistax, fih innifsu, jiġi kkwalifikat bħala tali.

122    Fil-fatt, id-dritt Komunitarju ma jirregolax espliċitament il-kwistjoni ta’ jekk miżura bl-għan li tinċentiva l-lealtà tal-ħaddiema lejn il-persuna li tħaddimhom, bħalma hija allowance ta’ lealtà, li tinvolvi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema tistax tkun iġġustifikata u għalhekk tkun konformi mad-dritt Komunitarju. L-imsemmija kwistjoni lanqas ma kienet ġiet solvuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn dan, din ir-risposta ma kinitx evidenti.

123    It-tieni nett, iċ-ċirkustanza li l-qorti nazzjonali in kwistjoni missha, kif ġie kkonstatat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, żammet it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha mhijiex tali li tikkonfuta din il-konklużjoni. Fil-fatt, fil-kawża preżenti, il-Verwaltungsgerichtshof kienet iddeċidiet li tirtira t-talba għal deċiżjoni preliminari billi qieset li r-risposta għall-kwistjoni ta’ dritt Komunitarju li kellha tiġi solvuta kienet diġà ngħatat mis-sentenza Schöning Kougebetopoulou, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk huwa minħabba l-interpretazzjoni ħażina tagħha ta’ din is-sentenza li l-Verwaltungsgerichtshof ikkunsidrat li ma kienx iktar neċessarju li tressaq din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, m’hemmx lok li l-ksur ikkonstatat fil-punt 119 ta’ din is-sentenza jiġi kkunsidrat bħala manifest u għalhekk suffiċjentement serju.

125    Għandu jingħad ukoll li din ir-risposta hija bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw, għall-Istat Membru kkonċernat, mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda preliminari.

126    Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda għandha tkun li ksur tad-dritt Komunitarju bħall dak li jirriżulta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mis-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998 m’għandux in-natura manifesta meħtieġa sabiex l-Istat Membru jkun jista’, abbażi tad-dritt Komunitarju, jinżamm responsabbli għal deċiżjoni ta’ waħda mill-qrati ta’ l-aħħar istanza tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

127    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet ta’ l-Awstrija, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

filwaqt li tiddeċiedi fuq talba magħmula lilha mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien, b’digriet tas-7 ta’ Mejju 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jikkumpensaw d-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilhom japplika wkoll meta l-ksur in kwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza, meta r-regola tad-dritt Komunitarju miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, meta l-ksur ikun suffiċjentement serju u meta teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu ta’ l-Istat u d-dannu subit mill-persuni affettwati. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur huwiex suffiċjentement serju f’każ fejn il-ksur in kwistjoni jkun jirriżulta minn tali deċiżjoni, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-funzjoni ġudizzjarja, tivverifika jekk dan il-ksur huwiex ta’ natura manifesta. Hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qorti kompetenti li tiddeċiedi kawżi li jkunu jinvolvu tali kumpens.

2)      L-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-għoti, taħt kundizzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 50a tal-Gehaltsgesetz 1956 (liġi dwar il-pagi tal-1956) kif emendata fl-1997, ta’ allowance speċjali għat-tul fis-servizz li, skond l-interpretazzjoni tal-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1998, tikkostitwixxi allowance ta’ lealtà.

3)      Ksur tad-dritt Komunitarju bħal dak li jirriżulta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mis-sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tal-24 ta’ Ġunju 1998 m’għandux in-natura manifesta meħtieġa sabiex l-Istat Membru jkun jista’, abbażi tad-dritt Komunitarju, jinżamm responsabbli għal deċiżjoni ta’ waħda mill-qrati ta’ l-aħħar istanza tiegħu.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Gulmann

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

Colneric

Von Bahr

Cunha Rodrigues

Rosas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Settembru 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.