Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit‑2 ta’ Ġunju 2022 (1)
Kawżi magħquda C‑148/21 u C‑184/21
Christian Louboutin
vs
Amazon Europe Core Sàrl,
Amazon EU Sàrl,
Amazon Services Europe Sàrl (C‑148/21)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu))
u
Christian Louboutin
vs
Amazon.com Inc.,
Amazon Services LLC (C‑184/21)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża (il-Belġju))
“Rinviji għal deċiżjonijiet preliminari – Proprjetà intellettwali – Dritt tat-trade marks – Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija mit-trade mark – Dritt ta’ projbizzjoni tal-użu tat-trade mark minn terz, ta’ sinjal identiku jew simili, għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili – Kunċett ta’ użu”
I. Introduzzjoni
1. Minkejja li l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-intermedjarji ma hijiex ġdida fiha nnifisha, mill-banda l-oħra hija tiġġedded kontinwament minħabba l-forom ta’ intermedjazzjoni ġodda li jidhru fil-qasam tal-internet. Dan jidher mill-varjetà ta’ kawżi relatati mal-attività tal-pjattaformi tal-internet li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita bihom f’dawn l-aħħar snin (2), li warajhom jaqgħu dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa fil-kuntest tat-tilwimiet bejn Christian Louboutin u Amazon Europe Core Sàrl, Amazon EU Sàrl u Amazon Services Europe Sàrl (Kawża C‑148/21), u Amazon.com Inc., u Amazon Services LLC (iktar ’il quddiem individwalment jew flimkien “Amazon”) (Kawża C‑184/21).
2. Dan l-iżvilupp ma huwiex sorprendenti. L-internet dejjem qiegħed jokkupa post iktar importanti fis-soċjetajiet tagħna minn perspettiva soċjali, iżda wkoll ekonomika, u l-intermedjarji li joperaw fih għandhom rwol essenzjali f’dan ir-rigward. Dawn tal-aħħar jippermettu lill-utenti jsibu, jiskambjaw, jaqsmu u jipproduċu kontenut, jixtru u jbiegħu prodotti u servizzi, kif ukoll joħolqu u jesprimu ruħhom fuq l-internet (3). Huwa ċar li dawn jiffaċilitaw l-aċċess tal-utenti għal ċertu kontenut. Minkejja li sa ċertu punt huma jistgħu jirrappreżentaw il-kontroparti virtwali tal-intermedjarji tradizzjonali, il-qasam tal-internet, ikkaratterizzat minn innovazzjonijiet teknoloġiċi kostanti, jiffavorixxi fuq kollox il-ħolqien ta’ mudelli ta’ intermedjazzjoni ġodda li ma għandhomx ekwivalenti fid-dinja reali (4), u li l-importanza prattika tagħhom ma tistax tiġi injorata, li għalhekk tiġġustifika li jiġu rregolati mil-liġi.
3. Fil-fatt, ir-rwol dejjem jikber tal-intermedjarji tal-internet jimplika, neċessarjament, li l-attività tagħhom tidħol fuq dik ta’ operaturi oħra, u li, sa ċertu punt, tista’ tikkostitwixxi theddida għad-drittijiet tagħhom. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-operaturi li għandhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari trade mark, peress li dawn id-drittijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur fuq il-pjattaformi ta’ bejgħ online pereżempju, b’tali mod li tqum il-kwistjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-intermedjarji tal-internet li joperaw tali pjattaformi. L-iżvilupp tal-attività ta’ pjattaformi online u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi li jakkumpanjawh iżidu l-aċċessibbiltà tal-konsumatur għal prodotti u jiffavorixxu l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-volum ta’ prodotti fiċ-ċirkulazzjoni jiżdied mekkanikament. Dan japplika wkoll għall-prodotti kontrafatti (5).
4. It-tfittxija tar-responsabbiltà tal-intermedjarju li jopera pjattaforma ta’ bejgħ online minħabba l-bejgħ ta’ prodotti kontrafatti permezz ta’ din il-pjattaforma tinftiehem faċilment mill-perspettiva tal-proprjetarju ta’ trade mark li jkun hemm il-ksur tagħha fuq din il-pjattaforma. Huwa ċertament minnu li, fl-ewwel lok, il-ksur jitwettaq mill-bejjiegħ li juża l-pjattaforma ta’ bejgħ online sabiex joffri prodotti kontrafatti għall-bejgħ. Madankollu, bħala regola ġenerali, huwa diffiċli li dawn il-bejjiegħa jiġu identifikati, u barra minn hekk il-lokalizzazzjoni tagħhom tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tagħhom (6).
5. Min-naħa tiegħu, l-intermedjarju jirrendi teknikament possibbli tali ksur minn terz u għandu l-kontroll tal-pjattaforma tiegħu. Għalhekk, tal-inqas bħala prinċipju, huwa jista’ jwaqqaf dan il-ksur. Għalhekk, jidher li huwa iktar effikaċi għall-proprjetarju ta’ trade mark, li jfittex li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-intermedjarju pjuttost milli dik tal-bejjiegħ terz (7), kemm jekk din tirrigwarda r-responsabbiltà diretta tiegħu – bħala dak li jwettaq il-ksur –, kif ukoll ir-responsabbiltà indiretta tiegħu – minħabba aġir ta’ terz permezz tas-servizzi tiegħu (8).
6. Madankollu, l-interess tal-proprjetarji ta’ trade mark li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-intermedjarji ma jistax jittieħed b’mod iżolat u ma jistax jiġġustifika waħdu li l-intermedjarji jinżammu dejjem responsabbli għall-ksur tad-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji li jitwettaq fuq il-pjattaformi tagħhom. Fil-fatt, dan l-interess għandu jiġi bbilanċjat ma’ interessi oħra antagonisti (9).
7. Fl-ewwel lok, l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-intermedjarji tal-internet tista’ tobbligahom virtwalment għal sorveljanza ġenerali ta’ kwalunkwe ksur potenzjali tad-dritt tat-trade marks fuq il-pjattaformi tagħhom. Fit-tieni lok, u bl-istess mod, li jiġi aċċettat li l-intermedjarji tal-internet jistgħu jinżammu direttament responsabbli għall-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetarji ta’ trade marks imwettaq fuq il-pjattaforma tagħhom jista’ jostakola l-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda fil-qasam tal-internet u, b’mod iktar wiesa’, dak ta’ kull forma ta’ innovazzjoni fil-qasam.
8. In-neċessità li dawn l-interessi diverġenti jiġu rrikonċiljati wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta miżuri sabiex jipproteġi, sa ċertu punt, lill-intermedjarji tal-internet fir-rigward tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tagħhom minħabba aġir ta’ terz fuq il-pjattaformi tagħhom, jiġifieri tar-responsabbiltà indiretta tagħhom. Fil-fatt, minkejja li r-responsabbiltà indiretta ma hijiex s-suġġett ta’ sistema armonizzata fid-dritt tal-Unjoni, id-Direttiva 2000/31 (10) tipprovdi madankollu, każijiet ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw. B’mod partikolari, l-intermedjarji tal-internet ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-aġir illegali tal-utenti tal-pjattaforma tagħhom fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni fuq netwerk ta’ komunikazzjoni u ta’ provvista ta’ aċċess għal dan in-netwerk, tal-attività tagħhom ta’ ħażna msejħa “caching”, jew anki tal-attività tagħhom ta’ hosting (11). Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dawn l-istess attivitajiet, ma jistax jiġi impost obbligu ġenerali fuq dawn l-intermedjarji li jissorveljaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, jew li jfittxu b’mod attiv fatti jew ċirkustanzi li juru attivitajiet illegali (12).
9. Barra minn hekk, minkejja li d-Direttiva 2004/48/KE (13) tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarji tad-drittijiet ikunu jistgħu jitolbu mandat kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz għall-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (14), dawn il-mandati intiżi sabiex iwaqqfu tali ksur huma madankollu indipendenti mill-eventwali responsabbiltà tal-intermedjarji fil-fatti kontenzjużi (15), b’tali mod li l-kwistjoni tat-taħrik tal-intermedjarji minħabba fatti mwettqa minn terzi permezz tas-servizzi tagħhom hija fil-biċċa l-kbira tagħha mhix ittrattata f’din id-direttiva.
10. Lil hinn mill-kwistjoni tar-responsabbiltà indiretta tagħhom, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk l-intermedjarji tal-internet jistgħux jinżammu responsabbli direttament għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarji ta’ trade mark, b’mod partikolari fir-rigward ta’ operaturi ta’ swieq online, minħabba l-preżenza ta’ offerti ta’ bejgħ ta’ prodotti kontrafatti fuq il-pjattaforma tagħhom. Għall-kuntrarju tar-responsabbiltà indiretta tal-intermedjarji tal-internet, li s-sistema tagħhom hija rregolata skont id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-eżenzjonijiet ta’ responsabbiltà previsti mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-istabbiliment tar-responsabbiltà diretta tal-operaturi ta’ swieq minħabba ksur fihom tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade marks jaqa’ sew taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 (16).
11. Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipproċedi hija stess għall-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, billi tagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà diretta tal-operatur ta’ suq tista’ tiġi stabbilita, u dawk fejn dan l-operatur ma jistax jinżamm direttament responsabbli ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark fuq il-pjattaforma li huwa jopera. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 (17) ippermettiet, sa ċertu punt, billi ppreċiżat il-kunċett ta’ “użu” tat-trade mark fil-kummerċ, li tiġi stabbilita tali distinzjoni (18), sa fejn dan il-kunċett huwa intiż sabiex jiddetermina l-aġir li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jipprojbixxi lil terz.
12. Madankollu, l-innovazzjonijiet kostanti fil-qasam tal-internet, li l-bżonn li jiġu ssalvagwardjati ġġustifika protezzjoni estiża tal-attività tal-intermedjarji fil-qasam, wasslu wkoll għal żvilupp kunsiderevoli tal-mudell tas-swieq online. Amazon, b’mod partikolari, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala suq tradizzjonali.
13. Fil-fatt, kif jirrilevaw il-qrati tar-rinviju, Amazon hija kemm distributur magħruf u l-operatur ta’ suq. Fuq is-sit ta’ bejgħ online tagħha, Amazon tippubblika kemm reklami dwar il-prodotti tagħha stess, li hija tbigħ u tibgħat għan-nom tagħha, kif ukoll reklami ta’ bejjiegħ terz. Barra minn hekk, il-mod ta’ funzjonament tagħha jippermetti li l-ispedizzjoni tal-prodotti mqiegħda għall-bejgħ minn bejjiegħa terzi fuq il-pjattaforma tagħha tista’ ssir jew minn dawn tal-aħħar, jew minn Amazon, li taħżen dawn il-prodotti fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tagħha u tibgħathom lix-xerrejja mill-bini tagħha stess.
14. Dawn l-elementi, li jagħmlu l-mudell ta’ din il-kumpannija mudell “ibridu” (19), jikkostitwixxu kuntest ġdid ta’ analiżi tal-kwistjoni dwar jekk l-operatur ta’ tali suq jistax jinżamm direttament responsabbli għall-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetarji ta’ trade mark fuq il-pjattaforma tiegħu peress li jkun għamel użu ta’ din it-trade mark fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, u minnhom joriġinaw id-domandi preliminari magħmula f’dawn il-kawżi.
15. Għalhekk, dawn il-kawżi joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża dan il-kunċett ta’ “użu” u anki l-prinċipji li għandhom jiggvernaw il-kwistjoni tar-responsabbiltà diretta tal-intermedjarji tal-internet meta ksur tad-dritt tat-trade marks jitwettaq fuq il-pjattaforma tagħhom.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament 2017/1001
16. Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 2017/1001 tistabbilixxi:
“Jista’ jkun hemm konfużjoni marbuta mas-sors kummerċjali li minnu joħorġu l-oġġetti jew is-servizzi meta kumpannija tuża l-istess sinjal jew wieħed simili bħala trademark b’mod tali li tiġi stabbilita rabta bejn il-kumpannija li jkollha l-isem u l-oġġetti jew is-servizzi li ġejjin minn dik il-kumpannija. L-użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali jew denominazzjoni simili jenħtieġ li jiġi inkluż taħt il-ksur ta’ trademark tal-UE dment li l-użu huwa intiż għall-iskop ta’ distinzjoni ta’ oġġetti jew servizzi”.
17. L-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:
“1. Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.
2. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:
a) is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;
b) is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;
c) is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.
3. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:
[…]
b) l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;
[…]
d) l-użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali jew tal-kumpannija jew parti minn isem kummerċjali jew tal-kumpannija;
e) l-użu tas-sinjal f’gazzetti kummerċjali u fir-riklamar;
f) l-użu tas-sinjal f’reklamar komparattiv b’mod li jmur kontra d-Direttiva 2006/114/KE [(20)]”.
B. Id‑Direttiva 2004/48
18. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Mandati”, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji [kompetenti] jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE [(21)]”.
19. L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.
[…]
2. Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel”.
C. Id‑Direttiva dwar il‑Kummerċ Elettroniku
20. Il-premessa 48 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tistipula:
“Din id-Direttiva ma taffetwax il-possibilità għall-Istati Membri li jkunu jinħtieġu li dawk li jipprovdu servizz, li jilqgħu informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, li japplikaw il-prekawzjonijiet li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija minnhom u li huma speċifikati minn liġi nazzjonali, sabiex jintebħu bi u ma jħallux ċerti tipi ta’ attavitajiet illegali”.
21. L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Hosting”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:
“Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:
a) dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat [talba għal kumpens], ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;
jew
b) dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni”.
III. Il‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
22. C. Louboutin huwa disinjatur taż-żraben Franċiż li l-prodotti l-iktar magħrufa tiegħu huma żraben tan-nisa b’takkuna għolja. Sa minn nofs is-snin disgħin, huwa waħħal maż-żraben tiegħu qiegħ estern miżbugħ aħmar, li l-kodiċi tal-kulur Pantone tiegħu huwa 18.1663TP.
23. Dan il-kulur, applikat fuq il-qiegħ ta’ żarbun b’takkuna għolja, huwa rreġistrat bħala trade mark Benelux bin-numru 0874489 u, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, bin-numru 8845539 (22). Din it-trade mark hija protetta għax-“Xedd is-saqajn (minbarra xedd is-saqajn ortopediku)”.
24. Amazon hija impriża speċjalizzata fl-offerti ta’ bejgħ online ta’ oġġetti u ta’ servizzi varji, kemm direttament għan-nom tagħha stess, kif ukoll indirettament, bħala pjattaforma ta’ bejgħ għal bejjiegħa terzi.
25. Fuq is-siti tal-internet ta’ Amazon jidhru regolarment reklami relatati ma’ żraben b’qiegħ aħmar li, skont C. Louboutin, huma prodotti li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom ma sarx bil-kunsens tiegħu.
A. Il‑Kawża C‑148/21
26. Fid‑19 ta’ Settembru 2019 C. Louboutin, filwaqt li ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea tiegħu, ħarrek permezz tal-marixxall lill-kumpanniji sussidjarji ta’ Amazon, li għandhom is-sede tagħhom fil-Lussemburgu, sabiex jidhru quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu)), fis-sede kummerċjali tagħha. C. Louboutin talab li Amazon tiġi ddikjarata responsabbli mill-ksur tat-trade mark tiegħu, li twaqqaf l-użu, fil-kummerċ, ta’ sinjali identiċi għal din it-trade mark fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, ħlief għat-territorju tal-Benelux li huwa kopert minn deċiżjoni tal-qorti Belġjana, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, u li jiġi kkonstatat dritt għad-danni bħala kumpens għad-dannu li nħoloq bl-użu illegali kontenzjuż.
27. It-talbiet ta’ C. Louboutin huma bbażati fuq l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 2017/1001. Fil-fatt, C. Louboutin isostni li Amazon għamlet użu, mingħajr il-kunsens tiegħu, minn sinjal identiku għat-trade mark li huwa proprjetarju tagħha għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark, minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li fuq is-siti ta’ bejgħ online ta’ din il-kumpannija wriet reklamar relatat għal prodotti bis-sinjal kontenzjuż, iżda wkoll minħabba l-fatt li żammet, bagħtet u kkonsenjat tali prodotti. Skont C. Louboutin, tali użu huwa attribwibbli lil Amazon sa fejn din il-kumpannija kellha rwol attiv fit-twettiq tal-atti li jikkostitwixxu l-użu u r-reklami relatati mal-prodotti kontrafatti kienu jagħmlu parti mill-komunikazzjoni kummerċjali tagħha. Għalhekk Amazon ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi host jew intermedjarju newtrali.
28. Amazon tikkontesta li l-użu tat-trade mark jista’ jiġi attribwit lilha. Hija tinvoka diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar pjattaformi oħra, bħal eBay, sabiex targumenta li, bħala operatur ta’ suq online, hija ma tistax tinżamm responsabbli minħabba l-użu ta’ din it-trade mark mill-bejjiegħa terzi li jirrikorru għall-pjattaforma tagħha. Hija ssostni li l-mod ta’ funzjonament tas-suq tagħha, li għandhom aċċess għalih bejjiegħa terzi, ma huwiex kunsiderevolment differenti minn dak tas-swieq l-oħra u li l-inklużjoni tal-logo tagħha fir-reklami ta’ dawn il-bejjiegħa terzi fuq is-siti tagħha ma jimplikax li hija approprjat dawn ir-reklami. Skont Amazon, is-servizzi aċċessorji li hija toffri ma jistgħux jippermettu li jiġġustifikaw li l-offerti ta’ terzi jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-komunikazzjoni tagħha stess. Hija tirrileva li l-fatt, għal fornitur, li joħloq il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-użu ta’ sinjal u li jkun irremunerat għal dan is-servizz ma jfissirx li dak li jagħti dan is-servizz jagħmel użu huwa stess minn dan is-sinjal.
29. Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk il-funzjonament partikolari tal-pjattaformi operati minn Amazon jistax iwassal għall-eżistenza tal-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark minħabba l-integrazzjoni ta’ reklami ta’ bejjiegħa terzi fil-komunikazzjoni kummerċjali ta’ din il-kumpannija stess.
30. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza L’Oréal et (23), iktar ’il quddiem is-“sentenza eBay”), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-eżistenza ta’ “użu” ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-proprjetarju minn terz timplika, tal-inqas, li dan tal-aħħar juża s-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu, sabiex ikkonkludiet li operatur ta’ suq online ma jagħmilx tali użu. Madankollu, din il-qorti targumenta li, sa fejn din is-sentenza kienet tirrigwarda l-pjattaforma eBay, li huwa magħruf li hija involuta fil-pubblikazzjoni ta’ reklami tal-utenti tagħha mhux bħala bejjiegħ u distributur iżda bħala intermedjarju biss, din il-ġurisprudenza ma hijiex, skont din, trasponibbli ipso facto għal pjattaforma li għandha funzjonament differenti.
31. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma, li hemm lok li mhux kull element tal-offerti kif ippreżentati fuq is-siti ta’ Amazon jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, iżda li tiġi evalwata l-istrateġija fit-totalità tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-mudell ta’ bejgħ implimentat minn din il-kumpannija jistax ikun differenti minn dak ta’ suq proprju u għalhekk jistax iwassal għal responsabbiltajiet differenti.
32. Din il-qorti targumenta li, minkejja ġurisprudenza abbondanti, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar jekk il-kwistjoni li distributur ta’ prodotti fuq l-internet, li jopera fl-istess waqt suq online, jistax jiġi kkunsidrat li jintegra l-offerti ta’ terz fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza kienet titlaq mill-premessa li r-reklami ta’ terz ma jagħmlux parti mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur tal-pjattaforma, li, f’dan il-każ, iwassal sabiex Amazon titqies biss bħala operatur ta’ suq online.
33. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fis-sentenza Coty Germany (24), il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat din il-kwistjoni esklużivament mill-angolu tal-ħażna tal-prodotti, mingħajr analiżi iktar wiesgħa tal-mudell kummerċjali ta’ Amazon, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar il-problema sottomessa lilha f’din il-kawża, li tirrigwarda mhux biss il-ħażna minn Amazon ta’ prodotti mibjugħa minn terzi, iżda tqajjem ukoll kwistjoni iktar wiesgħa, jiġifieri dik dwar jekk l-offerti ta’ terzi għandhomx jitqiesu bħala integrati minn Amazon fil-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess.
34. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-fatt li din il-kwistjoni iktar wiesgħa tista’, jekk ikun il-każ, issib soluzzjoni taħt l-awspiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċ elettroniku, ma jippermettix li tiġi eskluża b’ċertezza responsabbiltà tal-intermedjarju fil-qasam ta’ protezzjoni ta’ trade marks.
35. Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi dwar jekk, fir-rigward tar-rwol ftit jew wisq attiv li għandu l-operatur tas-suq fil-pubblikazzjoni tar-reklami, il-perċezzjoni tal-pubbliku jistax ikollha importanza. Hija tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk il-fatt li l-pubbliku jipperċepixxi reklam jew offerta ta’ terzi bħala li jagħmlu parti mill-komunikazzjoni kummerċjali ta’ operatur ta’ pjattaforma diġitali ta’ bejgħ huwiex ekwivalenti għal integrazzjoni reali tal-offerta fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu, u għalhekk jimplika r-responsabbiltà ta’ dan l-operatur fir-rigward tad-dritt tat-trade marks.
36. Fl-aħħar, fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk operatur għandux jitqies bħala li jagħmel użu ta’ sinjal meta huwa jibgħat prodotti li fihom is-sinjal kontenzjuż. Hija tqis li, fis-sentenza Coty, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-ispedizzjoni ta’ prodotti wara l-ħażna, sa fejn, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-ispedizzjoni kienet żgurata minn fornitur estern.
37. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit huwa imputabbli għall-operatur tiegħu jew għal entitajiet marbuta ekonomikament minħabba t-taħlit fuq dan is-sit tal-offerti rispettivi tal-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament ma’ dawk ta’ bejjiegħa terzi, bl-integrazzjoni ta’ dan ir-reklamar fil-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva tal-operatur jew tal-entitajiet marbuta ekonomikament?
Tali integrazzjoni hija rrinforzata mill-fatt li:
– ir-reklamar huwa ppreżentat b’mod uniformi fuq is-sit?
– ir-reklamar rispettiv tal-operatur u ta’ entitajiet marbuta ekonomikament u ta’ bejjiegħa terzi huwa muri b’mod indistintiv fir-rigward tal-oriġini tiegħu, iżda juri b’mod ċar il-logo tal-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament, fis-sezzjonijiet tar-reklamar ta’ siti tal-internet terzi fil-forma ta’ ‘pop-up’?
– l-operatur jew entitajiet marbuta ekonomikament joffri servizz integrali għall-bejjiegħa terzi, li jinkludi assistenza għat-tfassil tar-reklamar u għall-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ, għall-istokkjar tal-prodotti u għall-ispedizzjoni tagħhom?
– is-sit tal-operatur u tal-entitajiet marbuta ekonomikament huwa maħsub b’tali mod li huwa ppreżentat fil-forma ta’ ħwienet u tikketti bħal ‘l-aħjar bejgħ’, ‘l-iktar imfittxija’ jew ‘l-iktar offruti’, mingħajr distinzjoni apparenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn bejn prodotti rispettivi tal-operatur u tal-entitajiet marbuta ekonomikament u prodotti ta’ bejjiegħa terzi?
2) L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit ta’ bejgħ online huwa, bħala prinċipju, imputabbli għall-operatur tiegħu jew għal entitajiet marbuta ekonomikament jekk, fil-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, dan l-operatur jew entità marbuta ekonomikament kellu rwol attiv fit-tfassil ta’ dan ir-reklamar jew li dan tal-aħħar huwa pperċepit bħala li jagħmel parti mill-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva ta’ dan l-operatur?
Tali perċezzjoni hija influwenzata:
– miċ-ċirkustanza li dan l-operatur u/jew entitajiet marbuta ekonomikament huwa distributur magħruf ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti, fosthom prodotti tal-kategorija bħal dawk irreklamati fir-reklamar;
– jew miċ-ċirkustanza li r-reklamar muri b’dan il-mod għandu header li fih hemm irriprodotta t-trade mark għal servizzi ta’ dan l-operatur jew ta’ entitajiet marbuta ekonomikament, filwaqt li din it-trade mark għandha reputazzjoni bħala trade mark ta’ distributur;
– jew inkella miċ-ċirkustanza li dan l-operatur jew entitajiet marbuta ekonomikament joffru flimkien ma’ din it-turija servizzi tradizzjonalment offruti mid-distributuri ta’ prodotti tal-istess kategorija bħal dik li jaqa’ taħtha l-prodott irreklamat mir-reklamar?
3) L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispedizzjoni, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark, lill-konsumatur finali ta’ prodott li għandu sinjal identiku għat-trade mark, tikkostitwixxi użu imputabbli għall-ispeditur biss jekk dan tal-aħħar ikollu għarfien effettiv tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq il-prodott?
Tali speditur huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament ikun ħabbar lill-konsumatur finali li ser jieħu ħsieb din l-ispedizzjoni wara li huwa stess jew entità marbuta ekonomikament tkun ħażnet il-prodott għal dan l-għan?
Tali speditur huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament qabel ikkontribwixxa attivament għat-turija, fil-kummerċ, ta’ reklamar għall-prodott li għandu dan is-sinjal jew irreġistra l-ordni tal-konsumatur finali fid-dawl ta’ dan ir-reklamar?”
38. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Marzu 2021. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, minbarra l-Gvern Ġermaniż, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑22 ta’ Frar 2022.
B. Il‑Kawża C‑184/21
39. Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, C. Louboutin ippreżenta quddiem it-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi bil-lingwa Franċiża ta’ Brussell, il-Belġju) kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-użu tat-trade mark tiegħu minn Amazon u għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dan l-użu.
40. Insostenn tal-azzjoni tiegħu, C. Louboutin jinvoka l-istess argumenti bħal dawk imressqin fil-Kawża C‑148/21, filwaqt li insista, b’mod partikolari, fuq il-fatt li r-reklami kontenzjużi, minn naħa, jagħmlu parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali ta’ Amazon, peress li fin-naħa ta’ fuq ta’ kull wieħed tidher it-trade mark semifigurattiva ta’ Amazon, li hija trade mark ta’ distributur magħruf ħafna, u, min-naħa l-oħra, jixbhu, fil-kompożizzjoni tagħhom, lir-reklami tas-soltu ta’ distributuri kbar. C. Louboutin isostni wkoll li, fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk reklam jagħmilx parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali rispettiva ta’ persuna partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur normalment informat u raġonevolment attent li għalih huwa intiż dan ir-reklam. Barra minn hekk, huwa jargumenta li l-fatt li jintbagħat lil xerrej prodott li fih sinjal identiku għal trade mark jikkostitwixxi att ta’ użu ta’ dan is-sinjal.
41. Bi tweġiba, Amazon issostni li l-offerti ta’ żraben allegatament kontrafatti ppubblikati minn bejjiegħa terzi fuq is-siti ta’ bejgħ tagħha kif ukoll l-ispedizzjoni ta’ dawn iż-żraben mibjugħa minn dawn tal-aħħar, ma jikkostitwixxux użu tat-trade mark minn Amazon u li, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala operatur ta’ suq online hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-użu (mhux awtorizzat) ta’ trade mark minn terzi. F’dan ir-rigward, Amazon tirreferi għal sentenza reċenti tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) (25) li fiha din il-qorti ddeċidiet li “l-użu tat-trade mark f’reklam ta’ offerta ta’ bejgħ ta’ prodotti kontrafatti minn bejjiegħ terz ma huwiex attribwibbli lill-operatur tas-suq online – anki jekk l-identità ta’ dan tal-aħħar hija viżibbli – għax ma jaqax taħt il-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess”.
42. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjonijiet dwar, minn naħa, f’liema ċirkustanzi l-użu ta’ sinjal kontrafatt f’reklamar jista’ jkun attribwit lill-operatur ta’ sit ta’ bejgħ online li huwa wkoll distributur u, min-naħa l-oħra, jekk u f’liema ċirkustanzi l-perċezzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta’ dan ir-reklam għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż li dan ir-reklamar huwa attribwibbli, huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha. Skont din il-qorti, l-istess japplika għall-kwistjoni taċ-ċirkustanzi madwar l-ispedizzjoni ta’ prodott li fih sinjal li jikser trade mark li, skont din, hija neċessarja sabiex tiġi identifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 2017/1001 f’din il-kawża.
43. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark f’reklamar muri fuq sit tal-internet huwa, fil-prinċipju, attribwibbli għall-operatur tiegħu jekk, fil-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, dan l-operatur kellu rwol attiv fl-iżvilupp ta’ dan ir-riklam jew li dan tal-aħħar jista’ jiġi pperċepit minn tali utent tal-internet bħala parti mill-komunikazzjoni kummerċjali ta’ dan l-operatur stess?
Perċezzjoni bħal din tkun influwenzata:
– bil-fatt li dan l-operatur huwa distributur magħruf ta’ varjetà wiesgħa ta’ prodotti, inklużi prodotti fil-kategorija ta’ dawk li jissemmew fir-reklamar;
– jew bil-fatt li r-riklam hekk muri għandu intestatura li fiha hija riprodotta t-trade mark tas-servizz ta’ dan l-operatur, billi din it-trade mark hija magħrufa bħala trade mark ta’ servizz ta’ distributur;
– jew barra minn hekk, bil-fatt li dan l-operatur joffri wkoll ma’ dan il-wiri servizzi tradizzjonalment offruti minn distributuri ta’ prodotti tal-istess kategorija bħal dik li fiha jaqa’ l-prodott imsemmi mir-reklam?
2) L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat bħala l-ispedizzjoni, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ trade mark, lill-konsumatur finali ta’ prodott li għandu sinjal identiku għat-trade mark, jikkostitwixxi użu attribwibbli biss lill-ispeditur jekk dan tal-aħħar għandu għarfien effettiv tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dan il-prodott?
Speditur bħal dan huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa nnifsu jew entità marbuta ekonomikament jinfurmaw lill-konsumatur finali li ser ikun responsabbli għal din l-ispedizzjoni wara li huwa stess jew entità ekonomikament marbuta jkun ħażen il-prodott għal dan il-għan?
Speditur bħal dan huwa l-utent tas-sinjal ikkonċernat jekk huwa stess jew entità marbuta ekonomikament qabel jkunu ikkontribwixxew attivament għall-wiri, fil-kummerċ, ta’ reklam għall-prodott li għandu dan is-sinjal jew irreġistra l-ordni tal-konsumatur finali fid-dawl ta’ dan ir-riklam?”
44. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2021. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni. L-istess partijiet ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑22 ta’ Frar 2022.
IV. Analiżi
45. Nirrileva li d-domandi preliminari kollha magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑148/21 u C‑184/21 jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, u li l-elementi enfasizzati f’kull waħda minn dawn id-domandi jikkoinċidu ħafna (26). Għalhekk ser neżaminahom flimkien.
46. Permezz tad-domandi tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online għandu jiġi kkunsidrat li jagħmel użu ta’ trade mark f’offerta ta’ bejgħ ippubblikata minn terz fuq din il-pjattaforma minħabba l-fatt, minn naħa, li jippubblika b’mod uniformi kemm l-offerti tiegħu stess kif ukoll offerti ta’ terz mingħajr ma jiddistingwihom skont l-oriġini tagħhom fil-wiri tagħhom, billi jħalli l-logo tiegħu stess ta’ distributur magħruf jidher fuq dawn ir-reklami u, min-naħa l-oħra, li joffri lill-bejjiegħa terzi servizzi komplementari ta’ ħażna u ta’ spedizzjoni tal-prodotti mqiegħda online fuq il-pjattaforma tiegħu, billi jinforma lix-xerrejja potenzjali li huwa ser ikun responsabbli minn dawn l-attivitajiet. Barra minn hekk, il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent għandhiex effett fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
47. Sabiex nirrispondi għad-domandi preliminari, ser nibda billi nfakkar il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “użu” tat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, sabiex nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena tal-fehma li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett tippreżupponi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni ta’ utent tal-pjattaforma inkwistjoni. Imbagħad ser neżamina l-implikazzjonijiet ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni dwar jekk Amazon, minħabba l-partikolaritajiet tal-mod ta’ funzjonament tagħha, kif deskritti mill-qrati tar-rinviju, tagħmilx użu ta’ trade mark preżenti f’offerta ta’ bejgħ ippubblikata minn terz fis-sit tagħha.
A. Id‑determinazzjoni tal‑kuntest ta’ analiżi
48. L-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, li jirriproduċi l-essenzjal tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jipprevedi li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jipprojbixxi lil kull parti terza “li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża”, fil-kummerċ, sinjal identiku għat-trade mark, jekk dan is-sinjal jintuża għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “użu”, b’tali mod li l-prinċipji ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
1. Definizzjoni ġurisprudenzjali insuffiċjenti kif inhi
49. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kelma “tuża”, li tinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, timplika, min-naħa tat-terz, intermedjarju tal-internet, aġir attiv u kontroll, dirett jew indirett, tal-att li jikkostitwixxi l-użu (27).
50. Dan ir-rekwiżit ta’ aġir attiv u tal-kontroll tal-att li jikkostitwixxi l-użu jirriżulta, minn naħa, mill-istruttura tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, peress li din id-dispożizzjoni, fil-paragrafu (3) tagħha, telenka b’mod mhux eżawrjenti t-tipi ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi u ssemmi biss aġir attiv min-naħa tat-terz (28). Dan jirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-iskop tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, li għandu l-għan li jipprovdi lill-proprjetarju strument legali li jippermettilu li jipprojbixxi u, għalhekk, li jwaqqaf, kull użu tat-trade mark minn terz mingħajr il-kunsens tiegħu. Madankollu, huwa biss terz li għandu l-kontroll tal-att li jikkostitwixxi l-użu li huwa effettivament f’pożizzjoni li jwaqqaf dan l-użu (29). Għalhekk, dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju li ħadd ma jista’ jkun legalment marbut mal-impossibbli (30).
51. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-att tal-użu minn intermedjarju tal-internet jippreżupponi, “tal-inqas, li dan tal-aħħar juża s-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu” (31). Dan ir-rekwiżit, li jaqa’ fl-estensjoni diretta tar-rekwiżit li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ aġir attiv, jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, il-qalba tal-kunċett ta’ “użu” fir-rigward ta’ intermedjarju li jopera fuq l-internet. Dan huwa rekwiżit neċessarju għar-rikonoxximent tal-użu ta’ sinjal, li fl-assenza tiegħu l-użu jkun nieqes.
52. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit li jirrigwarda l-użu tas-sinjal minn intermedjarju tal-internet fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess, sal-lum dejjem wassal sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ użu minn dan l-intermedjarju. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Google, li l-fornitur ta’ servizz ta’ referenzjar ma jagħmilx użu mis-sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess, għaliex huwa jippermetti biss lill-klijenti tiegħu jużaw huma stess sinjali identiċi għal trade mark, b’tali mod li huwa joħloq biss il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-użu ta’ sinjal (32). Bl-istess mod, fis-sentenza eBay (33), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operatur ta’ suq ma jagħmilx użu mis-sinjal inkwistjoni fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess meta huwa jipprovdi servizz li jippermetti lill-klijenti juru dan is-sinjal fl-attività kummerċjali tagħhom u, fis-sentenza Coty (34), li l-ħażna ta’ prodotti li fihom is-sinjal inkwistjoni ma tikkostitwixxix użu ta’ dan is-sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali ta’ terz meta dan ma joffrix għall-bejgħ huwa stess il-prodotti kkonċernati u lanqas iqegħedhom fis-suq.
53. Madankollu, nirrileva li dan ir-rekwiżit qatt ma kien iddefinit iktar fil-fond fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li d-dottrina lanqas indirizzat din il-kwistjoni b’mod iktar iddettaljat (35), b’tali mod li dak kopert mill-kunċett ta’ “użu ta’ sinjal minn intermedjarju fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess” ma jidhirx b’mod ċar (36). L-użu esklużivament negattiv ta’ dan ir-rekwiżit, li serva biss sabiex juri l-assenza ta’ użu ta’ sinjal anki fil-każ li wassal għall-iskoperta tiegħu, isaħħaħ in-natura impreċiża tiegħu.
54. Għalhekk, minkejja li mal-ewwel daqqa t’għajn ma huwiex faċli li jiġi ddeterminat, mill-qari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dak li jfisser b’mod pożittiv il-kunċett ta’ “użu ta’ sinjal minn intermedjarju fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess” u l-mod kif jista’ jiġi stabbilit li tali rekwiżit huwa ssodisfatt, madankollu, analiżi iktar bir-reqqa ta’ dan il-kunċett tippermetti li jiġu mfassla l-limiti tiegħu.
2. L‑“użu ta’ sinjal minn intermedjarju fil‑komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess”: kunċett li jintegra neċessarjament il‑perspettiva tal‑utent tal‑pjattaforma
55. Il-komunikazzjoni kummerċjali ta’ impriża tfassal ġeneralment kull forma ta’ komunikazzjoni intiża sabiex tippromwovi l-attività tagħha, l-oġġetti tagħha jew is-servizzi tagħha, jew sabiex tindika l-eżerċizzju ta’ tali attività. Hija intiża għat-terzi, sabiex tippromwovi jew tenfasizza l-attività ta’ din l-impriża. Għalhekk, hija għandha skop purament estern, peress li barra minn hekk il-kelma “komunikazzjoni” hija ddefinita b’mod komuni bħala l-azzjoni li wieħed jaqsam, jagħti tagħrif dwar xi ħaġa lil xi ħadd (37).
56. Għalhekk, il-komunikazzjoni hija konċepibbli biss f’relazzjoni bejn l-impriża li tuża s-sinjal u terzi, u l-użu minn intermedjarju tal-internet ta’ sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess jippreżupponi għalhekk li s-sinjal inkwistjoni jidher, esternament ta’ din l-impriża, bħala li jagħmel parti integrali minnha. Fi kliem ieħor, l-intermedjarju japproprja s-sinjal sal-punt li dan is-sinjal jidher li jaqa’ taħt l-attività tiegħu.
57. Din l-idea ma hijiex ġdida. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li hemm użu ta’ sinjal meta t-terza persuna “tuża s-sinjal imsemmi b’tali mod li tiġi stabbilita rabta bejn l-imsemmi sinjal u l-prodotti kkummerċjalizzati jew is-servizzi pprovduti mit-terza persuna” (38). Minkejja li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali rabta qatt ma ġiet irriprodotta espressament fir-rigward tal-intermedjarji tal-internet u ġie ssostitwita bir-rekwiżit li jirrigwarda l-użu tas-sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali tal-intermedjarju, dan huwa għaliex dan ir-rekwiżit tal-aħħar huwa bbażat fuq din l-istess loġika.
58. Fil-fatt, ir-rekwiżit relatat mal-użu tas-sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali jippreżupponi li l-intermedjarju tal-internet juża dan is-sinjal b’tali mod li d-destinatarju ta’ din il-komunikazzjoni jistabbilixxi rabta partikolari bejn l-intermedjarju u s-sinjal inkwistjoni (39), liema rabta partikolari tirriżulta mill-approprjazzjoni ta’ dan is-sinjal mill-intermedjarju.
59. Għalhekk, dan ir-rekwiżit għandu jiġi analizzat mill-perspettiva tal-utent tas-suq, destinatarju tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur ta’ dan is-suq, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk is-sinjal inkwistjoni huwiex ipperċepit minn dan l-utent bħala li huwa integrat f’ din il-komunikazzjoni kummerċjali, sa fejn l-intermedjarju tal-internet approprja dan is-sinjal.
60. Nirrileva li n-neċessità li tiġi adottata l-perspettiva ta’ dan l-utent diġà ġiet enfasizzata mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez Bordona fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Coty Germany (40), li fihom huwa indika li “[…]iffoka fuq il-perspettiva ta’ konsumatur finali” u rrileva li, “[s]a fejn ix-xerrej jista’ jinterpreta li [huwa l-operatur tas-suq] li [j]qiegħed fis-suq il-prodotti”, għandha tingħata soluzzjoni “li tiffavorixxi l-osservazzjoni li jeżisti użu”.
61. Għalhekk, jidhirli li huwa inerenti għar-rekwiżit dwar l-użu tas-sinjal mill-intermedjarju fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu li din il-komunikazzjoni tkun evalwata mill-perspettiva tad-destinatarju tagħha, jiġifieri l-utent tal-internet li juża l-pjattaforma inkwistjoni.
62. Għandi nippreċiża wkoll għal liema utent tas-suq għandha ssir referenza sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont il-perċezzjoni tiegħu, is-sinjal inkwistjoni huwiex integrat mill-operatur fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess. Il-qrati tar-rinviju jissuġġerixxu li tiġi adottata l-pożizzjoni ta’ “utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent”.
63. Din l-espressjoni tirrifletti r-regola adottata sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ sinjal minn terz jiksirx wieħed mill-funzjonijiet essenzjali tat-trade mark. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika, fil-fatt, jekk huwiex permess “lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent […] li jkun jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi [bit-trade mark] humiex ġejjin mill-proprjetarju tat-trade mark jew […] minn terz” (41).
64. Kif jirrilevaw il-Kummissjoni u Amazon, huwa minnu li l-kwistjoni dwar jekk l-operatur ta’ suq jagħmilx użu ta’ trade mark dik dwar jekk dan l-użu jistax jikser wieħed mill-funzjonijiet tat-trade mark, huma żewġ kwistjonijiet differenti.
65. Fir-rigward ta’ din it-tieni kwistjoni, l-analiżi hija ffokata fuq il-prodott jew is-servizz li fih is-sinjal inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan is-sinjal jistax jiġi kkunsidrat b’mod żbaljat minn konsumatur normalment informat u raġonevolment attent bħala li joriġina mill-proprjetarju ta’ trade mark. L-ewwel kwistjoni, min-naħa tagħha, tippreżupponi mhux li jiġi eżaminat il-prodott jew is-servizz li fih is-sinjal inkwistjoni, iżda sempliċement il-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal inkwistjoni huwiex ipperċepit, mill-utenti tal-pjattaforma, bħala li jintuża direttament minn dan l-operatur fil-kuntest tal-attività tiegħu.
66. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ eżaminazzjonijiet għandhom loġika differenti. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-ksur ta’ wieħed mill-funzjonijiet tat-trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni ta’ oriġini tagħha, tintegra dimensjoni protettiva, mhux biss tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda wkoll tal-interessi tal-konsumaturi (42). Għall-kuntarju, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-użu ta’ trade mark tirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn il-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni u persuna li allegatament wettqet il-ksur, għaliex hija intiża sabiex tiddetermina jekk dan it-terz jeżerċitax, permezz tal-azzjoni tiegħu, prerogattiva esklużiva għall-proprjetarju tat-trade mark.
67. Madankollu, dawn l-elementi ma jistgħux jiġġustifikaw li l-perċezzjoni ta’ utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sinjal inkwistjoni huwiex integrat fil-komunikazzjoni kummerċjali ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online. Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li tali utent tal-internet, bħala destinatarju tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur tal-pjattaforma, huwa neċessarjament il-punt ta’ referenza sabiex jiġi stabbilit jekk intermedjarju approprjax is-sinjal billi użah fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess.
68. L-eżistenza ta’ tali kuntest ta’ analiżi tal-użu ta’ sinjal minn intermedjarju fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess u, għalhekk, tal-kunċett ta’ “użu” ta’ dan is-sinjal mill-intermedjarji tal-internet, ma hijiex ikkontestata mill-argument, imressaq minn Amazon u l-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx espressament il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-utenti tal-internet f’dan ir-rigward.
69. Fl-ewwel lok, kif nirrileva fil-punti 52 u 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “użu ta’ sinjal mill-intermedjarju fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess” intuża biss b’mod negattiv, f’sitwazzjonijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intermedjarju ma kienx għamel tali użu tas-sinjal inkwistjoni. Għalhekk, ma tistax tinsilet tali konklużjoni mill-fatt li ma sarx riferiment għall-perċezzjoni ta’ utent tal-internet sabiex jintwera li s-sinjal inkwistjoni kien jagħmel parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-intermedjarju, f’sitwazzjonijiet fejn dan ma kienx il-każ, sa fejn l-analiżi tal-perċezzjoni tal-utent tal-internet tkun rilevanti biss jekk jeżisti dubju dwar l-użu tas-sinjal mill-intermedjarju fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess.
70. Fit-tieni lok, dan japplika iktar u iktar peress li s-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi ġġustifikata mill-fatt li s-sinjal inkwistjoni ma kienx ipperċepit, mill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, bħala li jintuża mill-operaturi fil-komunikazzjoni kummerċjali tagħhom stess. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Google (43), li l-fornitur ta’ servizz ta’ referenzjar, meta huwa jaħżen, għan-nom ta’ uħud mill-klijenti tiegħu, sinjali identiċi għal trade marks bħala kliem prinċipali u jorganizza l-wiri ta’ reklami fuq il-bażi tagħhom jeżerċita biss l-attività normali tiegħu u ma jidhirx għalhekk, f’għajnejn utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, bħala li huwa stess jagħmel użu ta’ dawn is-sinjali inkwistjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza eBay (44), li l-operatur tas-suq, sa fejn huwa jipprovdi servizz li jikkonsisti f’li jippermetti lill-klijenti tiegħu juru, fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom bħall-offerti għall-bejgħ tagħhom, sinjali korrispondenti għal trade marks fuq is-sit tal-internet tiegħu, ma joħroġx, mill-perspettiva tal-utent normalment informat u raġonevolment attent, mir-rwol ta’ intermedjarju tiegħu u ma jagħmilx huwa stess użu ta’ dawn is-sinjali fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess.
71. Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza eBay (45), mingħajr madankollu ma ssemmi r-rekwiżit li jirrigwarda l-użu ta’ sinjal mill-operatur tas-suq online fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess, li hemm użu ta’ trade mark minn tali operatur meta huwa jagħżel, mal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija Google kliem prinċipali li jikkorrispondi għal trade mark sabiex juri rabta promozzjonali u messaġġ li jippreżentaw il-possibbiltà ta’ xiri fuq is-sit tiegħu ta’ prodotti tat-trade mark imfittxija. Madankollu, f’każ bħal dan, huwa proprju minħabba l-fatt li l-messaġġi u l-links li eBay juri jikkostitwixxu wkoll reklam għas-suq fih innifsu u, konsegwentement, minħabba l-fatt li utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent jipperċepixxi t-trade mark inkwistjoni bħala li tagħmel parti mill-komunikazzjoni kummerċjali ta’ eBay stess, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sar użu ta’ din it-trade mark minn eBay.
72. Għalhekk jiena tal-fehma li l-perċezzjoni ta’ utent tal-internet ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online normalment informat u raġonevolment attent hija element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-użu ta’ sinjal fil-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur ta’ din il-pjattaforma. Barra minn hekk, peress li tali standard jippreżupponi grad normali ta’ informazzjoni u attenzjoni raġonevoli tal-utent, jidhirli iktar iġġustifikat sa fejn, għal parti mill-utenti tal-pjattaformi ta’ bejgħ online, l-identità tal-bejjiegħ ma hijiex importanti u l-uniku kriterju tax-xiri huwa l-prodott u l-prezz tiegħu. Għalhekk, tali utenti ma jistgħux iservu bħala standard sabiex jiġi stabbilit jekk sinjal huwiex ipperċepit mhux biss bħala li jintuża mit-terz bejjiegħ iżda bħala jagħmel parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur ta’ din il-pjattaforma. Għalhekk, jidhirli li huwa neċessarju li jsir riferiment għal utent b’aġir medju, għal min tali informazzjoni hija rilevanti.
73. Fl-aħħar, fl-aħħar lok, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rikonoxximent ta’ użu ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 mill-bejjiegħ ta’ prodott permezz ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online ma jeskludix li l-intermedjarju li jopera din il-pjattaforma jista’, teoretikament, jagħmel użu wkoll minn dan is-sinjal, meta dan tal-aħħar juża s-sinjal inkwistjoni fil-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu stess.
74. Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li issa ser nipproċedi issa għall-analiżi tal-attività ta’ operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online, kif deskritta mill-qrati tar-rinviju, sabiex niddetermina jekk dan l-operatur jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel użu tat-trade mark inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn dan juża din it-trade mark fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess.
B. Fuq l‑effett tal‑mod ta’ funzjonament ta’ Amazon fir‑rigward tar‑rikonoxximent tal‑“użu” tat‑trade mark, fis‑sens tal‑Artikolu 9(2) tar‑Regolament 2017/1001
75. Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda fil-Kawża C‑148/21, u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑184/21, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel użu ta’ trade mark f’offerta ta’ bejgħ ippubblikata minn terz fuq din il-pjattaforma minħabba l-fatt, minn naħa, li jippubblika b’mod uniformi kemm l-offerti tiegħu stess kif ukoll offerti ta’ terz mingħajr ma jiddistingwixxihom skont l-oriġini tagħhom fil-wiri tagħhom, billi jħalli l-logo tiegħu stess ta’ distributur magħruf jidher fuq dawn ir-reklami, kemm fuq is-sit tal-internet tiegħu kif ukoll fis-sezzjonijiet ta’ reklamar ta’ siti tal-internet terzi u, min-naħa l-oħra, li joffri lill-bejjiegħa terzi servizzi komplementari ta’ assistenza, ta’ ħażna u ta’ spedizzjoni tal-prodotti mqiegħda online fuq il-pjattaforma tiegħu, billi jinforma lix-xerrejja potenzjali li huwa ser ikun responsabbli mill-provvista ta’ dawn is-servizzi.
1. Id‑delimitazzjoni tal‑kamp tad‑domandi preliminari
76. Qabelxejn, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li d-domandi msemmija fil-punt preċedenti jirrigwardaw biss l-ipoteżi tar-responsabbiltà diretta tal-operat ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online, sa fejn isir użu ta’ sinjal identiku għal trade mark, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001. Kif sostnejt fil-punti 8 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-domanda hija distinta minn dik tar-responsabbiltà indiretta tal-intermedjarji tal-internet, minħabba aġir ta’ terz permezz tas-servizzi tagħhom.
77. Għalhekk, l-analiżi li nipproponi hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, għall-qrati tar-rinviju, sa fejn operatur ekonomiku rrenda possibbli l-użu ta’ trade mark minn operatur ieħor, li jeżaminaw l-effett ta’ regoli tad-dritt oħra minbarra dik prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001.
78. Fil-fatt, il-fatt li sinjal ma jkunx integrat fil-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur l-operatur qatt ma jinżamm responsabbli mill-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetarji ta’ trade marks, iżda biss li din ir-responsabbiltà għandha titfittex abbażi tad-dritt nazzjonali, bħala responsabbiltà sekondarja.
79. F’każ bħal dan, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jiddeterminaw, abbażi tad-dritt nazzjonali, jekk tistax tiġi stabbilita l-eventwali responsabbiltà indiretta tal-intermedjarju tal-internet, b’dan li tali responsabbiltà għandha tiġi rrikonċiljata mal-eżenzjonijiet ta’ responsabbiltà stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
80. Barra minn hekk, il-firxa ta’ miżuri ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark li jistgħu jittieħdu fil-konfront tal-intermedjarju tal-internet li ppermetta lil terz jagħmel użu ta’ sinjal permezz tas-servizzi tiegħu ma hijiex limitata għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ dan l-intermedjarju, kemm diretta kif ukoll indiretta. It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 tipprovdi għalhekk li jista’ jinħareġ mandat kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jikser dritt ta’ proprjetà intellettwali.
81. Wara li ġew stabbiliti dawn il-preċiżazzjonijiet, issa ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena tal-fehma li l-operatur ta’ pjattaforma online bħal Amazon ma jagħmilx użu ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu kif deskritta mill-qrati tar-rinviju.
2. Dwar il‑partikolarità tal‑mudell ta’ Amazon
82. L-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑148/21 tirrigwarda prinċipalment l-attività ta’ operatur ta’ suq ta’ pubblikazzjoni ta’ offerti ta’ bejgħ ta’ bejjiegħa terzi fuq is-sit tiegħu, meta dawn l-offerti juru sinjal identiku għal trade mark. Kif esponejt fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u kif irrilevat Amazon, din l-attività kienet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li ma tikkostitwixxix użu ta’ dan is-sinjal, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 (46).
83. Madankollu, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑148/21, l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online bħal Amazon hija differenti minn dik tal-operatur tas-suq li kien is-suġġett tas-sentenza eBay. Għalhekk, din il-qorti tinsisti fuq il-fatt li, fir-rigward tad-dehra tagħhom, l-offerti ta’ bejjiegħa terzi ma jistgħux jiġu distinti minn dawk ta’ Amazon. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-logo ta’ Amazon, distributur magħruf, jidher sistematikament fuq l-offerti ta’ bejgħ kollha, kemm fis-suq kif ukoll fuq is-siti tal-internet ta’ terzi fil-kuntest ta’ messaġġi pubbliċitarji. Fl-aħħar, hija tenfasizza li Amazon stess tintegra dawn l-offerti ta’ bejgħ ma’ ċerti ħwienet fuq is-sit tal-internet tagħha jew ma’ listi ta’ prodotti.
84. Madankollu, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jidhirli li jikkontesta l-konstatazzjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza eBay. Fil-fatt, jiena tal-fehma li dawn l-elementi ma jistgħux iwasslu sabiex utenti tal-internet normalment informati u raġonevolment attenti jipperċepixxu s-sinjali preżenti fir-reklami ta’ bejjiegħa terzi bħala li jagħmlu parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur tal-pjattaforma ta’ bejgħ online.
85. Fir-rigward tal-assenza ta’ distinzjoni bejn l-offerti ta’ bejjiegħa terzi u dawk ta’ Amazon, huwa ċertament minnu li dawn l-offerti huma ppreżentati b’mod uniformi u kollha jinkludu l-logo ta’ Amazon, distributur magħruf. Madankollu, kif jirriżulta mill-eżempji ta’ offerti kontenuti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, nirrileva li fir-reklami dejjem huwa speċifikat il-prodotti humiex mibjugħa minn bejjiegħa terzi jew direttament minn Amazon.
86. Barra minn hekk, minkejja li Amazon hija distributur magħruf ħafna, din il-kumpannija hija magħrufa iktar u iktar għall-attività tagħha ta’ suq. Għalhekk, l-utenti tal-pjattaforma jafu li jitqiegħdu online kemm reklami ta’ prodotti mibjugħa direttament minn Amazon kif ukoll reklami ppubblikati minn bejjiegħa terzi. Għalhekk, is-sempliċi preżenza tal-logo Amazon tista’ tindika wkoll lill-konsumatur li qiegħed jittratta ma’ reklam ippubblikat minn bejjiegħ terz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li r-reklami ta’ Amazon u dawk ta’ bejjiegħa terzi jikkoeżistu ma jistax iwassal sabiex utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent ikun jista’ jipperċepixxi s-sinjali murija fir-reklami ta’ bejjiegħa terzi bħala li jagħmlu parti mill-komunikazzjoni kummerċjali ta’ Amazon.
87. L-istess raġunament japplika għar-reklami ppubblikati fuq siti ta’ terzi li jinkludu l-logo ta’ Amazon u li jagħmlu riferiment għal offerti ta’ bejgħ ppubblikati fuq is-sit ta’ din il-kumpannija minn bejjiegħa terzi.
88. L-istess japplika fir-rigward tal-integrazzjoni minn Amazon tar-reklami ta’ bejjiegħa terzi fi ħwienet fuq il-pjattaforma tagħha jew f’listi li jirrigwardaw il-prodotti l-iktar mibjugħa jew l-iktar offruti. Kif tirrileva l-Kummissjoni, din l-integrazzjoni taqa’ fir-realtà fl-organizzazzjoni tal-pjattaforma ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, waqt is-seduta, Amazon enfasizzat li tali organizzazzjoni titwettaq b’mod awtomatiku, billi jinġabru fi gruppi r-reklami ta’ prodotti simili, u abbażi tal-prodotti l-iktar imfittxija jew l-iktar mibjugħa. Għalhekk, din l-organizzazzjoni tagħmel parti integrali mir-rwol ta’ intermedjarju tal-internet bħal Amazon, bħala operatur ta’ suq, u mill-utenti tal-internet normalment informati u raġonevolment attenti hija pperċepita bħala miżura intiża għall-preżentazzjoni u t-tqassim tal-pjattaforma tagħha.
89. Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑148/21 tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk il-fatt li Amazon toffri servizz “integrali”, li jinkludi assistenza fl-iżvilupp tar-reklami, kif ukoll il-ħażna u l-ispedizzjoni ta’ ċerti prodotti, għandux effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ użu ta’ sinjal preżenti f’dawn ir-reklami minn Amazon.
90. Din id-domanda tingħaqad, essenzjalment, mat-tielet domanda fil-Kawża C‑148/21 u mat-tieni domanda fil-Kawża C‑184/21, li huma intiżi sabiex jiddeterminaw jekk il-ħażna u l-ispedizzjoni ta’ prodotti li fihom sinjal identiku għal trade mark, li fir-rigward tagħhom Amazon ikkontribwixxiet ukoll b’mod attiv fl-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ offerti ta’ bejgħ, jikkostitwixxux użu tat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.
91. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok, għalhekk, kif jirrileva l-Gvern Ġermaniż, li jiġu analizzati b’mod globali l-attivitajiet ta’ Amazon sabiex jiġi ddeterminat jekk l-involviment ta’ din il-kumpannija, sa mill-pubblikazzjoni tar-reklam li jinkludi s-sinjal kontenzjuż sal-ispedizzjoni tal-prodott inkwistjoni, jistax jiġi kklassifikat bħala użu ta’ dan is-sinjal. Jien naħseb li dan ma huwiex il-każ.
92. Ċertament, tali involviment, speċifiku għall-funzjonament ta’ Amazon, jista’, tal-inqas bħala prinċipju, jagħti lil din il-kumpannija tal-aħħar iktar kontroll fuq il-bejgħ ta’ prodott li jikser trade mark. Madankollu, dan l-involviment, li jitwettaq għall-benefiċċju tal-konsumatur peress li dan huwa intiż sabiex jiżgura kunsinna rapida u garanzija wara x-xiri ta’ prodott u, fl-istess waqt, isaħħaħ ir-reputazzjoni tal-pjattaforma ta’ bejgħ online, ma huwiex suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex juri użu tas-sinjal inkwistjoni fil-komunikazzjoni kummerċjali ta’ Amazon.
93. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Coty (47), li sinjal ma jistax jiġi kkunsidrat li ntuża fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur ta’ suq meta dan tal-aħħar jaħżen prodotti li fihom sinjal għan-nom ta’ bejjiegħ terz mingħajr ma jsegwi huwa stess l-għan li joffri dawn il-prodotti jew li jqegħedhom fis-suq. Ma narax għaliex għandu jkun hemm konklużjoni differenti meta dan l-operatur jibgħat tali prodotti għan-nom ta’ terz. F’dan il-każ, jibqa’ ċar, għall-utenti tal-internet normalment informati u raġonevolment attenti, li huwa biss il-bejjiegħ terz li huwa intiż li joffri l-prodotti u jqegħedhom fis-suq (48).
94. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li Amazon tippubblika hija stess ir-reklami inkwistjoni. Fil-fatt, kif esponejt, jiena tal-fehma li l-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-reklami ma tikkostitwixxix att ta’ użu, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 (49). Fil-fehma tiegħi, żewġ atti li ma jikkostitwixxux użu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistgħux jirċievi evalwazzjoni differenti sempliċement għar-raġuni li huma s-suġġett ta’ analiżi globali.
95. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑148/21 u C‑184/21 għandha tkun li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel użu ta’ trade mark f’offerta ta’ bejgħ ippubblikata minn terz fuq din il-pjattaforma minħabba l-fatt, minn naħa, li jippubblika b’mod uniformi kemm l-offerti tiegħu stess kif ukoll offerti ta’ terz, mingħajr ma jiddistingwixxihom skont l-oriġini tagħhom fil-wiri tagħhom, billi jħalli l-logo tiegħu stess ta’ distributur magħruf jidher fuq dawn ir-reklami, kemm fuq is-sit tiegħu kif ukoll fis-sezzjonijiet ta’ reklamar ta’ siti tal-internet terzi u, min-naħa l-oħra, li joffri lill-bejjiegħa terzi servizzi komplementari ta’ assistenza, ta’ ħażna u ta’ spedizzjoni tal-prodotti mqiegħda online fuq il-pjattaforma tiegħu, billi jinforma lix-xerrejja potenzjali li huwa ser ikun responsabbli mill-provvista ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li tali elementi ma jwasslux lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent sabiex jipperċepixxi t-trade mark inkwistjoni bħala li tagħmel parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur.
3. Il‑partikolarità tad‑dritt tat‑trade marks
96. Tali soluzzjoni timplika l-assenza ta’ effett tal-partikolarità tal-mudell tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online bħal Amazon, li jintegra numru ta’ servizzi sa mill-pubblikazzjoni ta’ offerti ta’ bejgħ sal-ispedizzjoni tal-prodotti inkwistjoni, fuq il-kunċett ta’ “użu”, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001.
97. Madankollu, dan l-approċċ jibqa’ limitat għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett u ma jistax jiġi estiż għal oqsma oħra. Fi kliem ieħor, minkejja li l-integrazzjoni ta’ servizzi differenti mill-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online ma timplikax, fiha nnifisha, li dan l-operatur jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel użu ta’ sinjal, anki jekk din l-integrazzjoni tista’ twassal għal rwol iktar attiv, dan ma jfissirx, madankollu, li tali integrazzjoni ma għandha ebda effett fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-servizzi pprovduti minn dan l-operatur f’oqsma oħra tad-dritt.
98. B’mod partikolari, qiegħed naħseb fl-approċċ sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Asociación Profesional Elite Taxi (50) u Uber France (51). Fil-fatt, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li l-integrazzjoni ta’ diversi servizzi pprovduti minn impriża li tippermettilha li teżerċita kontroll fuq l-aspetti kollha rilevanti ta’ servizz ta’ trasport urban timplika li tali servizz għandu jiġi kkunsidrat mhux bħala sempliċi servizz ta’ intermedjazzjoni intiż sabiex joħloq relazzjoni bejn il-passiġġieri u x-xufiera, iżda bħala provvista waħda ta’ servizzi li minnha din l-impriża hija responsabbli. Fi kliem ieħor, il-kontroll akbar mill-impriża tal-aspetti kollha ta’ servizz għandu effett ċert fuq ir-rwol ta’ intermedjarju ta’ din l-impriża, b’mod partikolari mill-perspettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kummerċ elettroniku.
99. Madankollu, dan ir-raġunament ma jistax jiġi traspost fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu”, bħal fil-każ inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-kuntest ta’ din l-interpretazzjoni, inkwistjoni ma hemmx il-klassifikazzjoni tas-servizz ipprovdut mill-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online, iżda d-determinazzjoni ta’ jekk l-attività tiegħu tistax turih bħala li juża sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu.Għalhekk, dawn iż-żewġ kwistjonijiet isibu tweġibiet neċessarjament wara raġunament differenti.
100. Barra minn hekk, huma jirrigwardaw loġiċi differenti. Il-klassifikazzjoni tas-servizz ipprovdut minn fornitur fuq l-internet jista’ jkollha effett fuq ir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-utent tal-pjattaforma li huwa jopera. Wieħed jifhem faċilment li iktar ma dan il-fornitur ikollu kontroll fuq is-servizz ipprovdut, iktar jistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmi fornitur jagħmilx użu ta’ trade mark, fis-sens tar-Regolament 2017/1001, peress li tali kwistjoni tirrigwarda biss il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni.
V. Konklużjoni
101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu)), fil-Kawża C‑148/21, u mit-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża (il-Belġju)), fil-Kawża C‑184/21, li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ bejgħ online ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel użu ta’ trade mark f’offerta ta’ bejgħ ippubblikata minn terz fuq din il-pjattaforma minħabba l-fatt, minn naħa, li jippubblika b’mod uniformi kemm l-offerti tiegħu stess kif ukoll offerti ta’ terz, mingħajr ma jiddistingwixxihom skont l-oriġini tagħhom fil-wiri tagħhom, billi jħalli l-logo tiegħu stess ta’ distributur magħruf jidher fuq dawn ir-reklami, kemm fuq is-sit tiegħu kif ukoll fis-sezzjonijiet ta’ reklamar ta’ siti tal-internet terzi u, min-naħa l-oħra, li joffri lill-bejjiegħa terzi servizzi komplementari ta’ assistenza, ta’ ħażna u ta’ spedizzjoni tal-prodotti mqiegħda online fuq il-pjattaforma tiegħu, billi jinforma lix-xerrejja potenzjali li huwa ser ikun responsabbli mill-provvista ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li tali elementi ma jwasslux lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent sabiex jipperċepixxi t-trade mark inkwistjoni bħala li tagħmel parti integrali mill-komunikazzjoni kummerċjali tal-operatur.