Language of document : ECLI:EU:C:2019:433

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil- 21 ta’ Mejju 2019 (1)

Kawża C-94/18

Nalini Chenchooliah

vs

Minister for Justice and Equality

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Benefiċjarji – Ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u li mbagħad irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza fejn jiskonta piena ta’ priġunerija – Applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għat-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 u tal-Kapitolu VI”






I.      Introduzzjoni

1.        Ċittadina ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li waqaf jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu fi Stat Membru minħabba r-ritorn tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38/KE (2) għall-finijiet tat-tkeċċija [tneħħija] tagħha mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti? Jekk dan huwa l-każ, liema dispożizzjonijiet minn din id-direttiva huma applikabbli għat-tkeċċija [tneħħija] tagħha? Din iċ-ċittadina hija koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI jew l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva li jikkonċernaw il-garanziji proċedurali applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija meħudin għal raġunijiet li ma humiex ta’ ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika?

2.        Dawn huma l-kwistjonijiet fiċ-ċentru ta’ din il-kawża, li ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikolu 15(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 li jikkonċernaw il-garanziji proċedurali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.

4.        Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

5.        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jiddikjara fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija [tneħħija] kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh”.

6.        L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

[…]

3.      L-Istat Membru ospitanti m’għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] li għaliha japplika l-paragrafu 1”.

7.        Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Prinċipji ġenerali”:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

[…]”.

8.        Skont l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika ta’ deċiżjonijiet”:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2.      Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.

3.      In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika”.

9.        L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3.      Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28”.

B.      Id-dritt Irlandiż

10.      Fil-preżent, il-leġiżlazzjoni Irlandiża intiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38 tinsab fil-European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2015 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) 2015) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2015”).

11.      Ir-Regolamenti tal-2015 issostitwixxew lil European Communities (Free Movement of Persons) (n° 2) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru 2) tal-2006)(iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”), u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2016.

12.      L-Artikolu 3 tal-Immigration Act 1999 (il-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni) jirregola s-setgħa tal-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) biex jieħu deċiżjonijiet magħrufa ta’ “tkeċċija” (deportation orders).

13.      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni, il-Ministru jista’ jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija “sabiex jordna lil kull barrani milqut mid-deċiżjoni li jitlaq mit-territorju fit-terminu msemmi minnha u li jibqa’ barra mit-territorju fil-futur”.

14.      Skont l-Artikolu 3(2)(h) u (i) ta’ din il-liġi, deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tittieħed kontra persuni li, rispettivament, “skont il-Ministru, kisru restrizzjoni jew kundizzjoni imposta fuqhom għal dak li jikkonċerna l-inżul fit-territorju jew il-wasla fit-territorju jew l-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fit-territorju” jew “li t-tkeċċija tagħhom tkun, skont il-Ministru, xierqa biex tkun żgurata l-benesseri komuni”.

15.      Skont l-Artikolu 3(3)(a) tal-imsemmija liġi, meta l-Ministru jadotta abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa jinnotifikaha bil-miktub lill-persuna kkonċernata, flimkien mal-motivi għaliha.

16.      L-Artikolu 3(4) tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni jipprovdi li n-notifika tal-imsemmi abbozz għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-dettalji li ġejjin:

(a)      l-indikazzjoni li l-persuna tista’ tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 15-il ġurnata tax-xogħol;

(b)      l-indikazzjoni li l-persuna għandha dritt titlaq mit-territorju volontarjament, qabel ma l-Ministru jiddeċiedi fuq il-fajl, u l-indikazzjoni li l-persuna hija obbligata tinforma lill-Ministru bil-passi meħuda biex titlaq mit-territorju;

(ċ)      l-indikazzjoni li l-persuna tista’ taqbel mat-teħid tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija f’terminu ta’ 15-il ġurnata tax-xogħol, li warajhom il-Ministru huwa obbligat jorganizza tneħħija tal-persuna mit-territorju kemm jista’ jkun malajr.

17.      Skont l-Artikolu 3(3)(b)(i) ta’ din il-liġi, meta persuna tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha, il-Ministru għandu, qabel ma jiddeċiedi, jieħu dawn inkunsiderazzjoni.

18.      Skont l-Artikolu 3(6) tal-imsemmija liġi, il-Ministru huwa obbligat, għall-finijiet li jevalwa jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija, jieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħalma huma l-perijodu li fih il-persuna irrisjediet fit-territorju nazzjonali u r-rabtiet tagħha mal-imsemmi territorju, il-perkors professjonali tagħha u l-prospettivi ta’ impjieg tagħha (inkluż għal dak li jirrigwarda xogħol għal rasha), il-moralità tagħha u l-aġir tagħha kemm fit-territorju nazzjonali kif ukoll, inkwantu huwa rilevanti u jista’ jiġi ppruvat, dak barra mill-istess territorju nazzjonali, kunsiderazzjonijiet umanitarji, il-benesseri komuni kif ukoll kunsiderazzjonijiet marbutin mas-sigurtà nazzjonali u mal-ordni pubbliku.

19.      Meta jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Ministru huwa obbligat ukoll jieħu inkunsiderazzjoni kull riskju ta’ refoulement kif ukoll id-drittijiet, bħalma huma d-drittijiet tal-persuna, li jistgħu joħorġu mill-kostituzzjoni Irlandiża u/jew mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

20.      Ladarba tiġi adottata, deċiżjoni ta’ tkeċċija tibqa’ fis-seħħ għal żmien indefinit. Madankollu, il-persuna kkonċernata tista’ titlob it-tibdil jew ir-revoka ta’ tali deċiżjoni skont l-Artikolu 311, tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni. Meta eżamina talba għal revoka ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-Ministru għandu jistabbilixxi jekk l-applikant identifikax tibdil fiċ-ċirkustanzi li seħħew mill-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni li jiġġustifikaw ir-revoka tagħha. Tali ċirkustanzi jistgħu jkunu, b’mod partikolari, meta l-persuna hija membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita fl-Irlanda drittijiet għall-moviment liberu li ingħatawlu mid-dritt tal-Unjoni.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      N. Chenchooliah, ċittadina Mawrizjana, waslet fl-Irlanda lejn ix-xahar ta’ Frar 2005, u kellha viża ta’ studenta u qagħdet hemmhekk sa Frar 2012 abbażi ta’ permessi ta’ residenza suċċessivi. Fit-13 ta’ Settembru 2011, hija żżewġet ċittadin Portugiż. Fit-2 ta’ Frar 2012, hija talbet permess ta’ residenza billi invokat il-kwalità tagħha bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni. Wara din it-talba, il-Ministru, f’diversi okkażjonijiet, talab informazzjoni supplimentari lil N. Chenchooliah, li din ipprovdiet parzjalment permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2012. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2012, N. Chenchooliah talbet terminu supplimentari biex tipproduċi kuntratt ta’ xogħol, fejn affermat li żewġha kien għadu kif beda jaħdem.

22.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, il-Ministru ċaħad it-talba għall-għoti ta’ permess ta’ residenza ta’ N. Chenchooliah għall-motivi li ġejjin: “Inti ma wrejtx li ċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita attività ekonomika fl-Irlanda, b’mod li l-Ministru ma huwiex konvint li huwa jeżerċita d-drittijiet [tiegħu] permezz tal-impjieg jew xogħol għal rasu, jew peress li jistudja, jew minħabba l-qgħad involontarju jew minħabba li għandu riżorsi suffiċjenti skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti [tal-2006]. Konsegwentement, inti ma għandekx dritt tirrisjedi [fl-Irlanda] skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti [tal-2006]”.

23.      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2012, N. Chenchooliah ipprovdiet il-prova li żewġha kellu impjieg f’ristorant għal ġimgħatejn u talbet estensjoni tat-terminu impost biex tressaq talba biex terġa’ tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012. Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2012, il-Ministru aċċetta li jestendi l-imsemmi terminu. Fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid, il-Ministru talab informazzjoni supplimentari u indika li jekk dik l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta f’terminu ta’ 10 ijiem tax-xogħol, il-fajl jiġi ttrasferit lill-unità responsabbli mill-miżuri ta’ tneħħija. Peress li N. Chenchooliah ma bagħtet ebda informazzjoni ġdida matul il-perijodu ta’ kważi sentejn, id-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012 saret definittiva.

24.      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2014, indirizzata direttament lill-Ministru, N. Chenchooliah indikat li, wara kundanna kriminali, żewġha ddaħħal il-ħabs fil-Portugall fis-16 ta’ Ġunju 2014 u talbet il-permess li tibqa’ fit-territorju Irlandiż billi invokat is-sitwazzjoni personali tagħha. Is-segretarju personali tal-Ministru rċieva din l-ittra u fit-18 ta’ Lulju 2014 bagħat konferma li rċeviha. Madankollu, l-imsemmija ittra tidher la ma ġietx irċevuta qabel il-15 ta’ Settembru 2014 mit-taqsima kompetenti tal-unità tad-dipartiment tal-Ministru.

25.      Fil-frattemp, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2014, il-Ministru informa lil N. Chenchooliah li kienet qegħda tiġi kkontemplata deċiżjoni ta’ tneħħija kontriha minħabba li żewġha, ċittadin tal-Unjoni, kien irrisjeda fl-Irlanda għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ma kkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tar-Regolamenti tal-2006, dispożizzjoni li hija intiża li tittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li hija ma kienx għad għandha d-dritt li tibqa’ fl-Irlanda.

26.      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2015, l-avukati li jirrappreżentaw lil N. Chenchooliah talbu li l-Ministru, abbażi tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtih id-dritt Irlandiż, jagħti lil N. Chenchooliah permess ta’ residenza billi invokaw, b’mod partikolari, il-perijodu twil li matulu N. Chenchooliah kienet irrisjediet fl-Irlanda, il-perkors professjonali tagħha kif ukoll il-prospettivi tal-impjieg tagħha.

27.      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2016, il-Ministru informa lil N. Chenchooliah li huwa kien iddeċieda li ma jeżegwixxix id-deċiżjoni ta’ tneħħija iżda li jibda proċedura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni. Ma’ din l-ittra kien hemm mehmuża abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li fuqha N. Chenchooliah kienet mistiedna tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha. Dan l-abbozz kien ibbażat fuq in-natura illegali tar-residenza ta’ N. Chenchooliah fl-Irlanda mis-7 ta’ Frar 2012 (3) u fuq l-opinjoni tal-Ministru li skontu t-tkeċċija tagħha tippermetti li jiġi żgurat il-benesseri komuni. Ma’ din l-ittra kien hemm annessa deċiżjoni preċedenti, datata 21 ta’ Ottubru 2016, li biha kien ġie kkonfermat li ġie deċiż li ma tiġix meħuda deċiżjoni ta’ tneħħija u ta’ projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju kontra N. Chenchooliah skont ir-Regolament tal-2006 u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti tal-2015.

28.      Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-qorti tar-rinviju awtorizzat lil N. Chenchooliah sabiex tressaq talba għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2016 kif ukoll talba għal inibizzjoni kontra l-Ministru biex ma jadottax deċiżjoni li tirrigwarda t-tkeċċija tagħha. Dik il-qorti adottat ukoll miżuri provviżorji intiżi li jipprekludu li sseħħ il-proċedura ta’ tkeċċija ta’ N. Chenchooliah qabel ma tiġi deċiża l-azzjoni ġudizzjarja tagħha.

29.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-raġunijiet li għalihom hija kienet awtorizzata tadixxi lill-qorti tar-rinviju b’talba għal stħarriġ ġudizzjarju huma marbutin mal-fatt li N. Chenchooliah, bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li t-talba għal permess ta’ residenza tagħha bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni kienet ġiet ittrattata mill-Ministru, hija persuna li għaliha japplikaw u jkomplu japplikaw id-Direttiva 2004/38 u r-Regolamenti tal-2006, kif emendati bir-Regolamenti tal-2015.

30.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li sallum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha dwar il-punt dwar jekk ċittadina ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, tibqax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fil-kwalità tagħha bħala “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u li, konsegwentement, fis-sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, fejn l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni rritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza biex jiskonta piena ta’ priġunerija u ma għadux jeżerċita, fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt għall-moviment liberu tiegħu mogħti mid-dritt tal-Unjoni, it-tkeċċija [tneħħija] ta’ tali ċittadin tal-Istat Membru ospitanti li fih dan jirrisjedi hija rregolata, b’mod partikolari, mill-Artikoli 27, 28 u 31 tad-Direttiva 2004/38.

31.      Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tagħha Igunma vs Governor of Wheatfield Prison et, tad-29 ta’ April 2014, ([2014] IEHC 218), li fiha hija kkunsidrat li din il-kwistjoni teħtieġ risposta fl-affermattiv minħabba r-raġuni fundamentali li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ Stat terz jiżżewweġ legalment ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument fejn dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, li jiċċaqlaq u/jew li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, tali ċittadin ikompli jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fil-kwalità tiegħu ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva anki jekk, sussegwentement, id-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jkun ġie rrifjutat lilu minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jeżerċitax jew ma għadux jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu. Peress li, f’tali sitwazzjoni, id-Direttiva 2004/38 tibqa’ tapplika, l-imsemmi ċittadin jista’ jitkeċċa biss skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-insenjamenti eventwali li jistgħu jittieħdu minn din is-sentenza u li jistgħu jiġu applikati għal din il-kawża ġew dibattuti quddiemha.

32.      Għal dak li jikkonċerna lil dik is-sentenza, il-Ministru kkritika l-fondatezza tagħha billi sostna, b’mod partikolari, li hija tikser element essenzjali tal-kawża, jiġifieri li membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 jekk dak iċ-ċittadin ma jeżerċitax effettivament id-dritt għall-moviment liberu tiegħu. F’tali każ, id-deċiżjoni għat-tkeċċija [tneħħija] ta’ dak il-membru tal-familja tkun irregolata mhux bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, imma mid-dritt nazzjonali tal-barranin. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni opposta tkun teħtieġ li jintwera perikolu għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, ħaġa li tirrendi diffiċli, ossija prattikament impossibbli, it-tneħħija ta’ ċittadini ta’ Stati terzi konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu bbenefikaw biss, f’ċertu żmien, minn dritt ta’ residenza temporanja minħabba x-xogħol tal-konjuġi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, indipendentement mix-xogħol attwali jew mill-post li fih illum jirrisjedu dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni, li jista’ jkun ukoll barra mill-Unjoni.

33.      Min-naħa l-oħra, N. Chenchooliah sostniet li s-sentenza inkwistjoni tikkorrobora l-pożizzjoni tagħha li skontha, bħala persuna li bbenefikat f’ċertu mument, minħabba ż-żwieġ tagħha, minn dritt ta’ residenza tal-inqas temporanju ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, hija tibqa’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u ma tistax, għaldaqstant, titkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ħlief billi jiġu osservati r-regoli u l-garanziji li tipprovdi l-imsemmija direttiva.

34.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda) ddeċidiet, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2018, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-każ li konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38/KE tkun ġiet irrifjutata d-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni ma kienx, jew ma kienx iktar, jeżerċita d-drittijiet ibbażati fuq it-Trattati tal-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru ospitanti kkonċernat, u fil-każ li jiġi propost li l-konjuġi għandha titkeċċa minn dak l-Istat Membru, din it-tkeċċija għandha sseħħ skont u konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, jew din it-tkeċċija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li t-tkeċċija [tneħħija] għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, din it-tkeċċija [tneħħija] għandha sseħħ skont u konformement mar-rekwiżiti tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE, u partikolarment l-Artikoli 27 u 28 tagħha, jew l-Istat Membru, f’ċirkustanzi bħal dawn, jista’ jibbaża fuq dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħha?

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

36.      Matul is-seduta li nżammet fil-15 ta’ Jannar 2019, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali f’isem dovut tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż u mill-Gvern Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Id-delimitazzjoni tal-problema ppreżentata mid-domanda preliminari

37.      Qabel ma jsir l-eżami tad-domandi preliminari mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li tiġi ddelimitata l-problema ppreżentata minn din il-kawża.

38.      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, N. Chenchooliah, ċittadina Mawrizjana, ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompeteni sabiex tirrisjedi fl-Irlanda fil-kwalità tagħha ta’ studenta matul il-perijodu bejn is-sena 2005 u s-sena 2012. Wara li rrisjediet legalment fit-territorju Irlandiż matul dan il-perijodu ta’ kważi seba’ snin, N. Chenchooliah iżżewġet ċittadin Portugiż u talbet permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni.

39.      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-elementi pprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, ċittadin tal-Unjoni, uża d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu huwa għandu ċ-ċittadinanza meta telaq mill-Portugall biex imur l-Irlanda, fejn huwa ħadem għal talinqas ħmistax-il jum. Madankollu, dan irritorna fil-Portugall fejn, mis-16 ta’ Ġunju 2014, beda jiskonta piena ta’ priġunerija, filwaqt li N. Chenchooliah baqgħet fl-Irlanda.

40.      Għandu jiġi nnutat imbagħad li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, N. Chenchooliah, minħabba l-fatt taż-żwieġ tagħha ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni matul il-perijodu li fih dan eżerċita l-moviment liberu tiegħu fl-Irlanda, kellha, talinqas matul dan il-perijodu, il-kwalità ta’ “benefiċarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. It-talba tagħha biex tibbenefika mid-dritt ta’ residenza li joħroġ mid-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tagħha ċittadin tal-Unjoni, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 ġiet madankollu miċħuda mid-deċiżjoni tal-Ministru tal-11 ta’ Settembru 2012, li saret finali, minħabba li N. Chenchooliah ma kellhiex id-dritt li tirrisjedi fl-Irlanda skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti tal-2006, dispożizzjoni din li hija intiża li tittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 (4).

41.      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, N. Chenchooliah ma kkontestatx l-imsemmija deċiżjoni tal-Ministru u, għaldaqstant, ma talbitx id-dritt ta’ residenza li joħroġ mid-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tagħha, li huwa ċittadin tal-Unjoni, skont id-Direttiva 2004/38. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, peress li hija tirrisjedi fl-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, hija tista’ tkun biss is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija adottata b’osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli intiżi li jittrasponu din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikoli 27 u 28 ta’ din, u mhux ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni, li hija mogħnija awtomatikament bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż għal żmien indeterminat.

B.      Eżami tad-domandi preliminari

42.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fis-sustanza, jekk id-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI jew tal-Artikolu 15 ta’ din għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għal deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz meħuda minħabba li dan ma għadx għandu d-dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan iċ-ċittadin iżżewweġ ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument li fih dak iċ-ċittadin kien jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, ċittadin li, sussegwentement, irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.

43.      Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-pożizzjonijiet tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni, tal-Ministru u tal-gvernijiet li pparteċipaw f’din il-kawża jvarjaw fuq dan il-punt. Filwaqt li N. Chenchooliah u l-Kummissjoni jsostnu li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-tneħħija ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni minn Stat Membru, minħabba li l-imsemmi ċittadin waqaf jeżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu tiegħu, taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38 (5), il-Ministru, sostnut mill-Irlanda, kif ukoll il-Gvern Daniż, Olandiż u Awstrijak huma tal-fehma kuntrarja. Għal dak li jikkonċerna lill-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-qorti tirreferi għas-sentenza tal-High Court (il-Qorti l-Għolja, L-Irlanda) tad-29 ta’ April 2014, Igunma vs Governor of Wheatfield Prison et [(2014) IEHC 218], li fiha hija kkunsidrat li d-Direttiva 2004/38 kienet tapplika f’sitwazzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (6).

44.      Konsegwentement, jidhirli li huwa neċessarju, biex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, li jiġi stabbilit minn qabel jekk u sa fejn id-Direttiva 2004/38 tapplika f’dan il-każ. Fl-isfond ta’ dan l-għan, ser neżamina l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, fil-fehma tiegħi, ċerti elementi għall-kjarifika utli lill-qorti tar-rinviju.

1.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għas-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah u tal-konjuġi tagħha li huwa ċittadin tal-Unjoni

a)      Osservazzjonijiet preliminari

45.      L-għada tal-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tliet snin wara l-għoti tas-sentenza Grzelczyk  (7), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, għall-ewwel darba li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (8), u d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata biex tindirizza l-ħtieġa li tiġi adattata għal din l-istatus ġdid il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-libertajiet ta’ moviment u r-residenza fis-seħħ sa mill-bidu tas-snin 2000 (9).

46.      Mill-premessi 1 sa 4 u 11 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din hija intiża, qabelxejn, li “tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt” (10). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-suġġett ta’ din id-direttiva jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom għal moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (11).

b)      Il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa statiku jew dinamiku?

47.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-direttiva, jipprovdi li din tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li “li jiċċaq[laq] jew li jgħix[]” fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu huwa għandu ċ-ċittadinanza, kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li “jakkumpanjawh[] jew li jingħaqdu [miegħu]” (12).

48.      Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa biss il-benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 li jista’ jinvoka drittijiet għal moviment u residenza liberi taħt id-direttiva. Tali benefiċjarju jista’ jkun ċittadin tal-Unjoni (li jiċċaqlaq jew li jgħix fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu huwa għandu ċ-ċittadinanza), jew membru tal-familja tiegħu (li jakkumpanjah jew li jingħaqad miegħu), kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 (13). F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 2004/38 ma tagħti ebda dritt awtonomu lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu ċittadini ta’ Stat terz. B’hekk, l-eventwali drittijiet mogħtija lil dawn iċ-ċittadini permezz ta’ din l-istess direttiva huma dderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu (14).

49.      F’dan il-każ, huwa ċar li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi telaq mill-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, jiġifieri mill-Portugall, biex imur fl-Irlanda biex jirrisjedi hemmhekk, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Konsegwentement, kif indikat il-qorti tar-rinviju, N. Chenchooliah kellha hija wkoll, talinqas għal matul il-perijodu li fih il-konjuġi Portugiż tagħha kien jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Irlanda, il-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (15). Madankollu, meħud kont tal-fatt li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah rritorna fil-Portugall u li d-Direttiva 2004/38 ma tkoprix is-sitwazzjoni tar-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza (16), għandu jiġi kkunsidrat li dan ma għadux jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38.

50.      F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni dwar jekk N. Chenchooliah, li hija l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li waqaf jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, tistax titlef il-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, peress li, fil-prinċipju, minħabba r-ritorn ta’ żewġha fl-Istat Membri li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, hija ma tibqax tissodisfa l-kundizzjoni imposta minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li takkumpanja jew li tingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni (17).

51.      Fil-fehma tiegħi, iva.

52.      F’dan ir-rigward, is-sentenzi Metock et (18) u Lounes (19), li minnhom jirriżulta li l-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa ta’ natura dinamika jew evoluttiva fiż-żmien, għandhom, fil-fehma tiegħi, importanza partikolari.

1)      Is-sentenza Metock et

53.      Fis-sentenza Metock et (20), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal żewġ domandi preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti l-Għolja) fil-kuntest ta’ tilwima bejn ħames ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-konjuġi tagħhom li huma ċittadini ta’ Stati terzi mal-Ministru. Dan kien ċaħad it-talba tagħhom għal permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jaħdmu u/jew jirrisjedu fl-Irlanda minħabba li huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni tar-residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Irlandiża ta’ dak iż-żmien.

54.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit dwar ir-residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mhux iċ-ċittadini ta’ Stati terzi kollha jibbenefikaw permezz tad-Direttiva 2004/38 mid-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru, iżda dawk biss li huma membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza (21). Hija ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa m’għandux iċ-ċittadinanza, irid jkun għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (22).

55.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat terz miżżewweġ ma’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru li tiegħu ma huwiex ċittadin, li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, igawdi mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, indipendement mill-post u d-data taż-żwieġ tagħhom kif ukoll mill-mod kif dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fl-Istat Membru ospitanti (23)

2)      Is-sentenza Lounes

56.      Il-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes (24) kienet tikkonċerna ċittadina Spanjola, is-Sinjura Ormazabal, li wara li għexet fir-Renju Unit sa mill-1996, kienet kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika permezz tan-naturalizzazzjoni matul is-sena 2009, filwaqt li żammet iċ-ċittadinanza Spanjola. Fl-2014, is-Sinjura Ormazabal iżżewġet ma’ ċittadin Alġerin, T. Lounes. Dan tal-aħħar kien ippreżenta talba għal permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kien ġie miċħud mis-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Intern, ir-Renju Unit) minħabba li T. Lounes kien eċċeda l-perijodu ta’ residenza awtorizzata fir-Renju Unit bi ksur tal-kontrolli fil-qasam tal-immigrazzjoni.

57.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-Sinjura Ormazabal kienet ċittadina Spanjola u li hija kienet eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha billi marret u għexet fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandha ċ-ċittadinanza, jiġifieri meta hija kienet telqet minn Spanja biex tmur ir-Renju Unit matul is-sena 1996, iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx tapplika għal dak il-każ (25). Filwaqt li fiha segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot (26), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kisba taċ-ċittadinanza Brittanika mis-Sinjura Ormazabal kienet implikat bidla fis-sistema legali kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali u kemm fir-rigward tad-Direttiva 2004/38 (27). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, min-naħa, li s-Sinjura Ormazabal ma kinitx għadha taqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx għadha intiża li tirregola r-residenza tagħha fir-Renju Unit peress li din kienet, min-natura tagħha, inkundizzjonata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li T. Lounes ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (28).

58.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja orjentat ir-riflessjonijiet tagħha fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni (29). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE, inklużi d-drittijiet idderivati li jgawdu minnhom il-membri tal-familja tiegħu, huma intiżi, b’mod partikolari, li jiffavorixxu l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (30). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet jeżiġi li ċittadin f’sitwazzjoni bħal dik tas-Sinjura Ormazabal għandu jkun jista’ jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet misluta mill-imsemmija dispożizzjoni, wara li jkun kiseb iċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru minbarra ċ-ċittadinanza ta’ oriġini tiegħu, u, b’mod partikolari, għandu jkun jista’ jiżviluppa ħajja tal-familja mal-konjuġi tiegħu li jkun ċittadin ta’ Stat terz, bl-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar (31). B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li T. Lounes seta’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE, f’kundizzjonijiet li ma kellhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti tal-imsemmi dritt lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollu ċ-ċittadinanza (32).

3)      In-natura evoluttiva tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38: l-insenjamenti li għandhom jinstiltu mis-sentenzi Metock et u Lounes

59.      Jien kompletament konxju mid-differenzi fattwali bejn din il-kawża u dawk li wasslu għas-sentenzi Metock et (33) u Lounes (34). Madankollu, kif semmejt fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn iż-żewġ kawżi jidhruli li huma rilevanti, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura dinamika jew evoluttiva tal-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

60.      Għal dak li jikkonċerna s-sentenza Metock et (35), jidhirli li huwa interessanti li jiġi osservat mill-ewwel li l-erba’ rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma ċittadini ta’ Stat terz, kienu invokaw, abbażi tad-Direttiva 2004/38, id-dritt li jingħaqdu mal-konjuġi tagħhom li huma ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti (36). Fil-fatt, il-preżentazzjoni, dak iż-żmien, tat-talbiet għal permess ta’ residenza ta’ dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru ospitanti kienet seħħet fil-mument li fih il-konjuġi tagħhom, li huma ċittadini tal-Unjoni, kienu jirrisjedu hemmhekk diġà għal xi snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, tat is-sentenza tagħha fil-kuntest tar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti li fih il-konjuġi ċittadin tal-Unjoni kien għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu filwaqt li stabbilixxa ruħu hemmhekk (37). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-rekwiżit biex jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni jirrifletti, barra minn hekk, l-għan tad-drittijiet idderivati ta’ dħul u ta’ residenza li d-Direttiva 2004/38 jipprovdu għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li, altrimenti, “l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li hija tingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà tiegħu ta’ moviment billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-istess Stat Membru” (38).

61.      Wieħed għandu jikkunsidra, fid-dawl ta’ dawn l-insenjamenti, li l-kwalità ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn din tinkiseb minħabba ż-żwieġ ta’ ċittadin ta’ Stat terz ma’ ċittadin tal-Unjoni li jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti li fih huma joqogħdu flimkien, tibqa’ hemm u ma tista’ tintilef qatt?

62.      Ma naħsibx (39).

63.      Peress li din is-sentenza ngħatat fil-kuntest tat-talbiet taċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jikkonċernaw id-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini li jingħaqdu mal-konjuġi tagħhom ċittadini tal-Unjoni fil-Istat Membru ospitanti, wieħed ma jistax jiddeduċi mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’kuntrast ma’ dak li ssostni N. Chenchooliah, li l-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 tibqa’ hemm u tista’ tintilef qatt f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali.

64.      Barra minn hekk, in-natura dinamika jew evoluttiva tal-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ġiet enfasizzata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lounes  (40). Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għal dik is-sentenza, li tfakkru fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li, peress li s-Sinjura Ormazabal, li hija ċittadina tal-Unjoni, kienet kisbet iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti, hija ma kinitx għadha taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, u dan minkejja l-fatt li hija kienet eżerċitat matul kważi għoxrin sena d-dritt għall-moviment liberu tagħha fl-Istat Membru ospitanti u kienet kisbet ukoll id-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva (41).

65.      Jekk wieħed japplika l-insenjamenti li jinstiltu minn dawn iż-żewġ sentenzi għal dan il-każ sabiex tiġi eżaminata n-natura evoluttiva tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, dan ifisser li, fl-ewwel lok, N. Chenchooliah, bħala konjuġi ta’ ċittadin Portugiż, kisbet dritt ta’ residenza dderivat ta’ inqas minn tliet xhur abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Hija kienet, f’dak il-mument, “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 inkwantu hija kienet tgħix ma’ żewġha, li huwa ċittadin tal-Unjoni, fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza. Madankollu, fit-tieni lok, N. Chenchooliah tilfet il-kwalità tagħha ta’ “benefiċjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni minħabba r-ritorn ta’ żewġha fil-Portugall, peress li dan tal-aħħar ma kienx għadu jissodsfa l-kundizzjoni li joqgħod fl-Istat Membru ospitanti u li hija stess ma kinitx għadha tissodisfa l-kundizzjoni li takkumpanjah jew tingħaqad miegħu f’dak l-Istat Membru (42). Minn dan isegwi li, mill-mument tar-ritorn ta’ żewġha fil-Portugall u peress li hija baqgħet fl-Irlanda, fejn hija ma għadhiex tgħix miegħu, N. Chenchooliah ma għadhiex tissodisfa il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

66.      Dan premess, il-kwistjoni fiċ-ċentru ta’ din il-kawża tibqa’ miftuħa: wieħed jista’ jikkunsidra li, minkejja l-fatt li N. Chenchooliah ma għadhiex “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, hija tibqa’ taqa’ taħt din id-direttiva għall-finijiet tat-tkeċċija [tneħħija] tagħha mill-Istat Membru ospitanti?

67.      Kif ser nuri fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, jiena konvint li iva.

c)      Iċ-“ċiklu tal-ħajja” tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38

68.      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li anki jekk N. Chenchooliah ma għadx għandha l-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u li, konsegwentement, hija tilfet id-dritt li tirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, dan bl-ebda mod ma jimplika li ma jistgħux japplikaw dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva. Ċertament, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 hija ddeterminata mill-Artikolu 3(1) tagħha, għall-perijodu li fih ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jkunu “benefiċjarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, matul dak il-perijodu, huma jkollhom, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, id-drittijiet li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament. Madankollu, il-konsegwenzi tat-telf tal-kwalità ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari t-tkeċċija [tneħħija], jibqgħu dejjem marbutin mal-perijodu li matulu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jirrisjedu legalment fl-Istat Membru ospitanti bħala “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

69.      Ippermettuli nippreċiża din l-idea.

1)      L-applikazzjoni differenzjali tad-Direttiva 2004/38

70.      L-istruttura tad-Direttiva 2004/38 turi li din id-direttiva tistabbilixxi sistema ta’ applikazzjoni differenzjali tad-dispożizzjonijiet tagħha. Is-sempliċi qari tat-titoli tad-diversi kapitoli u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 huwa biżżejjed biex tiġi evalwata tali sistema (43). Fil-fatt, l-istruttura ta’ din id-direttiva tirreferi, min-naħa, għall-idea tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjonijiet taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu li hija tirregola kif ukoll tad-drittijiet li hija tagħtihom u, min-naħa l-oħra, għall-idea tal-integrazzjoni progressiva tal-benefiċjarji fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, id-Direttiva 2004/38 tirregola ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħa tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu mill-mument tal-wasla tagħhom fi Stat Membru, li huwa differenti minn dak li tiegħu dan iċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza, sal-mument tat-tluq tagħhom minnu (44).

71.      Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi għaldaqstant sistema li tkopri tipi differenti ta’ drittijiet għal diversi kategoriji ta’ ċittadini u li, konsegwentement, timplika “applikazzjoni differenzjali” tad-dispożizzjonijiet tagħha. Tali applikazzjoni differenzjali hija marbuta mal-fatt li, min-naħa, is-sitwazzjonijiet tad-dħul, ta’ residenza jew ta’ tluq ta’ ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu jistgħu jkunu differenti ħafna u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tagħhom tista’ tinbidel matul il-perijodu ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni differenzjali tad-Direttiva 2004/38 tfisser sempliċiment li kategoriji differenti ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familji tagħhom (studenti, persuni li jirreġistraw għax-xogħol, ħaddiema jew residenti permanenti, eċċ.) jistgħu jkunu suġġetti għal tipi differenti ta’ drittijiet skont l-istadju li fih huma jagħmlu parti minnu (residenza sa tliet xhur, ta’ iktar minn tliet xhur jew permanenti) u tal-kundizzjonijiet tad-dħul u ta’ residenza li huma jissodisfaw matul l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament. Għaldaqstant, iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħa tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tagħhom jaqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (45).

72.      Barra minn hekk, din l-idea ġenerali toqgħod perfettament mal-idea li s-sistema prevista mid-Direttiva 2004/38 tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti b’mod gradwali (46). Wieħed isib hawnhekk l-idea ta’ evoluzzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel nett, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni u lanqas ebda formalità barra mill-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport validu (47). Imbagħad, id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 (48). Fl-aħħar nett, id-dritt ta’ residenza permanenti (49) huwa previst fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li għixu legalment matul perijodu mhux interrot ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (50). Iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jistgħu għaldaqstant jgħaddu minn stadju wieħed jew iktar fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tagħhom sakemm huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet, li jvarjaw skont it-tul tar-residenza, previsti mid-Direttiva 2004/38 (51), ħaġa li tiffavorixxi l-“integrazzjoni progressiva” tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

73.      Madankollu, jekk, f’mument partikolari, dawn il-persuni ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, bil-konsegwenza li jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha u, għaldaqstant, tad-drittijiet tagħhom għad-dħul u residenza fl-Istat Membru ospitanti, dan ma jfissirx minn daqshekk li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ma jkunux japplikaw għalihom. Dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jirregolaw mhux biss il-kundizzjonijiet taż-żamma ta’ dritt ta’ residenza u l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt jieqaf jeżisti (Artikoli 12 sa 14) imma wkoll il-limitazzjonijiet tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza u l-protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija [tneħħija] (Artikolu 15).

74.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li ċ-“[ċ]ittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom”. L-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva jirregolaw, rispettivament, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u ż-żamma ta’ dan id-dritt f’każ ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew tmiem ta’ unjoni rreġistrata. Għaldaqstant, filwaqt li s-sitwazzjonijiet imsemmija f’dawn iż-żewġ artikoli ma jaffettwawx id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru (52), mhux l-istess jingħad għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz, li għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet biex iżommu d-dritt ta’ residenza dderivat tagħhom. Jekk dawn il-kundizzjonijiet, stabbiliti fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ma jkunux issodisfatti, dawn il-persuni jitilfu d-drittijiet tagħhom ta’ residenza mingħajr madankollu ma jitilfu l-protezzjoni tagħhom kontra t-tneħħija. Fil-fatt, huma jkunu protetti mill-Artikolu 15 (Kapitolu III) ta’ din id-direttiva, li jirregola l-limitazzjoni tal-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħha għal raġunijiet li ma humiex ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika. Is-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah taqa’ taħt din l-aħħar dispożizzjoni.

75.      Fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-eżami tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38 li, anki jekk ċittadin ta’ Stat terz jitlef id-dritt ta’ residenza idderivat u, konsegwentement, ma jibqax “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija direttiva tagħti l-protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija [tneħħija] prevista fl-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva.

76.      Wara li ġie ppreċiżat dan, jidhirli li huwa importanti, f’dan l-istadju tal-eżami tiegħi, li tiġi enfasizzata d-differenza essenzjali eżistenti bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes (53).

2)      Id-differenza essenzjali eżistenti bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes

77.      Fil-kawża Lounes, it-tibdil li seħħ kien tibdil fundamentali fl-istatus tas-Sinjura Ormazabal. Fil-fatt, jirriżulta minn dik is-sentenza li, bil-fatt li kisbet iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti, is-Sinjura Ormazabal biddlet is-sistema legali kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali kif ukoll tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, anki jekk din id-Direttiva kienet irregolat kważi għoxrin sena ta’ eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tagħha fl-Istat Membru ospitanti, dan it-tibdil fundamentali tas-sistema legali tas-Sinjura Ormazabal kellu bħala konsegwenza li jevolvi s-sitwazzjoni tagħha mhux fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 imma, għall-kuntrarju, barra minnha, b’mod li din id-direttiva ma baqgħetx tapplika għas-Sinjura Ormazabal wara n-naturalizzazzjoni tagħha. Għaldaqstant, T. Lounes ma bbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

78.      Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, ir-ritorn tal-konjuġi ta’ N. Chenchooliah fil-Portugall temm iċ-ċiklu tal-ħajja tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza tagħhom (stess u dak idderivat) bil-konsegwenza li tilfu l-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, mingħajr madankollu ma pprovoka t-telf tal-protezzjoni prevista minn din id-direttiva f’każ ta’ tkeċċija [tneħħija] mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

79.      Fi kliem ieħor, b’differenza mas-sitwazzjoni tas-Sinjura Ormazabal, li, wara li kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika, ħarġet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 minħabba t-tibdil fis-sistema legali li tirriżulta mit-tibdil fl-istatus (filwaqt li kienet koperta madankollu mill-Artikolu 21(1) TFUE), dik tal-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, wara r-ritorn tiegħu fil-Portugall, ma għadhiex irregolata minn din id-direttiva, mingħajr ma dan ifisser li huwa bidel is-sistema legali. Dan tal-aħħar jista’ fil-fatt, fil-futur, jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu fl-Irlanda fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li s-Sinjura Ormazabal, bħala ċittadina Brittanika, tgawdi mid-dritt ta’ residenza mhux kundizzjonata fir-Renju Unit. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex intiża li tirregola d-dritt ta’ residenza tagħha f’dan l-Istat Membru.

80.      Konsegwentement, b’kuntrast mas-sitwazzjoni ta’ T. Lounes li, wara l-kisba taċ-ċittadinanza Brittanika tal-konjuġi tiegħu, ma setax jibbenefika mid-dritt ta’ residenza fis-sens tad-Direttiva 2004/38, dik ta’ N. Chenchooliah, wara r-ritorn ta’ żewġha fil-Portugall, taqa’ b’mod partikolari taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva għall-finijiet tat-tkeċċija [tneħħija] tagħha (54).

3)      It-tneħħija ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni tibqa’ taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38 meta dak iċ-ċittadin waqaf jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minħabba r-ritorn tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza

81.      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 68 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ċar li t-tneħħija ta’ N. Chenchooliah taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 15 tagħha.

82.      Jidhirli li hemm tliet kunsiderazzjonijiet oħra li huma importanti f’dan ir-rigward.

83.      Fl-ewwel lok, nosserva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Metock et (55), il-Ministru kien diġà ddefenda interpretazzjoni wiesgħa tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-barranin għall-konjuġi membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Din il-pożizzjoni ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 70 tas-sentenza tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari l-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri, meta l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li hija tingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà tiegħu ta’ moviment billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-istess Stat Membru (56).

84.      Mill-bqija, il-fatt li l-Istati Membri jiġi rrikonoxxut lilhom il-possibbiltà li jiddeċiedu fuq it-tneħħija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tal-garanziji proċedurali tad-Direttiva 2004/38 jew tat-tkeċċija, skont id-dritt nazzjonali tal-barranin, taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, ikun ikollu bħala effett li l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza tvarja minn Stat Membru għal ieħor, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni, b’mod partikolari dawk li jawtorizzaw it-tkeċċija bi projbizzjoni fuq id-dħul għal żmien indefinit. Tali riżultat huwa irrikonċiljabbli mad-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

85.      Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kif irrilevat espressament il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni li biha ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jkunu suġġetti għal-proċeduri ta’ tneħħija differenti tippreġudika l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja familjari u f’li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment (57). Għaldaqstant, jekk ċittadin ta’ Stat terz, li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għadux jeżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu tiegħu jkun jista’ jitkeċċa abbażi tad-dritt nazzjonali tal-barranin li jipprovdi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż għal żmien indefinit, kif inhu l-każ hawnhekk, dan ifisser fir-realtà li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun prekluż milli jirritorna fil-futur fl-Irlanda flimkien mal-konjuġi tiegħu fil-każ fejn dan ikun jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu f’dak l-Istat Membru (58).

86.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tiddikjara li: “[…]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza” (59). Fil-fehma tiegħi, jagħmel sens li jiġi kkunsidrat li dawn il-“kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità” għandhom ikunu estiżi għaċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom, mill-wasla tagħhom fl-Istat Membru ospitanti sat-tluq tagħhom minnu. Barra minn hekk, il-premessa 25 tipprovdi b’mod partikolari li jeħtieġ li jiġu ppreċiżati l-garanziji proċedurali b’mod li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu f’każ ta’ rifjut tad-dħul jew tar-residenza fi Stat Membru ieħor.

87.      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-pożizzjoni li esponejt fil-punti 68 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn ingħad li N. Chenchooliah tkompli taqa’ taħt id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha, għall-finijiet tat-tkeċċija [tneħħija] tagħha, hija konformi mal-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux interpretati b’mod restrittiv u li dawn ma jiġux imċaħħda mill-effett utli tagħhom (60).

88.      Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li, inkwantu t-terminazzjoni jew l-iskadenza ta’ dritt ta’ residenza tagħmel parti mit-tmiem tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment, it-tneħħija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni jkompli jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 15 tagħha, meta dak iċ-ċittadin jieqaf jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti billi jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.

2.      Fuq il-limitazzjonijiet u l-garanziji proċedurali applikabbli għat-tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom ċittadini ta’ Stat terz minħabba l-iskadenza tad-dritt ta’ residenza tagħhom

89.      Id-Direttiva 2004/38 tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-garanziji proċedurali applikabbli għat-tkeċċija [tneħħija] taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. B’mod iktar preċiż, din id-direttiva tistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ sistemi differenti li huma bbażati fuq raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija [tneħħija]. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] tista’ tkun iġġustifikata kemm għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (Kapitolu VI), kif ukoll għal raġunijiet oħra (Artikolu 15), b’mod partikolari minħabba l-fatt li benefiċjarju taħt id-Direttiva 2004/38 jieqaf jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza previsti fiha.

90.      Anki jekk jien naqbel mal-Ministru li l-motivi invokati għall-finijiet li jiġġustifikaw it-tneħħija ta’ N. Chenchooliah ma jaqgħux taħt ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika previsti mid-Direttiva 2004/38, għalija huwa inkonċepibbli, għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’il quddiem, li s-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah ma tkunx koperta mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva.

a)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38

91.      Il-Ministru kif ukoll il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet isostnu li, f’sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ N. Chenchooliah, deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] hija rregolata mhux mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 imma mid-dritt nazzjonali tal-barranin (deċiżjoni ta’ tkeċċija) (61).

92.      Min-naħa l-oħra, N. Chenchooliah issostni li deċiżjoni ta’ tneħħija kontriha għandha tittieħed b’applikazzjoni u b’osservanza tar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-direttiva.

93.      Fl-ewwel lok, qabel ma jiġi eżaminat il-grad ta’ protezzjoni kontra t-tneħħija li minnha jibbenefika ċittadin ta’ Stat terz, li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħalma hija N. Chenchooliah, għandu jitfakkar li jirriżulta mit-titolu tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dak il-kapitolu, b’mod partikolari l-Artikolu 27, ikopru l-limitazzjoni tad-dritt tad-dħul u tad-dritt ta’ residenza minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

94.      Huwa ċar li l-motivi invokati għall-finijiet li tkun iġġustifikata t-tneħħija ta’ N. Chenchooliah ma humiex ibbażati fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika koperti mill-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 (62). Fil-fatt, kif indika l-Ministru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kif ikkonferma waqt is-seduta, it-tneħħija tagħha hija bbażata fuq il-fatt li l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni, minn mindu rritorna fil-Portugall, ma għadux jerżerċita d-dritt tal-moviment liberu tiegħu fl-Irlanda. Il-Ministru indika wkoll li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, bħalma huwa l-abbozz ta’ deċiżjoni intiża li tkeċċi lil N. Chenchooliah, hija miżura ta’ kontroll tal-immigrazzjoni li tiġi adottata għal skopijiet ekonomiċi.

95.      Fit-tieni lok, jidhirli li huwa utli li jerġa’ jsir riferiment għas-sentenza Metock et (63) filwaqt li nirreferi għall-punti 94 u 95 tagħha. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 94 ta’ dik is-sentenza, li “[l]-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ‘jakkumpanjaw’ jew ‘jingħaqdu’ ma’ dan tal-aħħar biss, hija ekwivalenti għal limitazzjoni tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn dan jgħix”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 95 tal-imsemmija sentenza, li “[m]ill-mument li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, dan igawdi permezz tad-Direttiva 2004/38 minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti u jista’ jirrestrinġi dan id-dritt biss taħt l-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva” (64). Fil-fehma tiegħi, din il-preċiżazzjoni ma tistax tkun evalwata b’mod separat mill-kuntest fattwali li din is-sentenza tkun ingħatat fih, jiġifieri li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati kienu stabbilixxew ruħhom fl-Istat Membru ospitanti u kienu jgħixu fih mal-konjuġi tagħhom ċittadini ta’ Stat terz. Għaldaqstant, tali preċiżazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun mifhuma fis-sens li jekk u sa fejn iċ-ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, jgħix ma’ dak iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti u, sussegwentement, jitlef id-drittijiet tad-dħul u ta’ residenza dderivat li tiegħu huwa benefiċjarji abbażi tad-Direttiva 2004/38, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti biss b’osservanza tal-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva.

96.      Applikat għal dan il-każ, dan ifisser li, inkwantu l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah irritorna fil-Portugall u l-koppja ma għadhiex tgħix fl-Istat Membru ospitanti, N. Chenchooliah ma għadhiex tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija [tneħħija] prevista fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

97.      Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ N. Chenchooliah ma taqax, fil-prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 (65). Madankollu, kif esponejt fil-punti 72 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma jfissirx li N. Chenchooliah ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha, li jirregolaw il-garanziji proċedurali li jirrigwardaw it-tkeċċija [tneħħija] taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom li għexu fil-passat fl-Istat Membru ospitanti fil-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva.

b)      Interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38

98.      Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38, “[i]l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”  (66).

99.      Fl-ewwel lok, jirriżulta minn qari purament litterali tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 li l-garanziji proċedurali li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni (l-Artikoli 30 u 31) japplikaw “mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom”. Dan ifisser li din id-dispożizzjoni tapplika għal kull deċiżjoni ta’ tneħħija li tillimita l-moviment liberu mhux biss ta’ ċittadin tal-Unjoni imma wkoll tal-membri tal-familja tiegħu. Jirriżulta wkoll minn qari ta’ din id-dispożizzjoni li din ma tkoprix id-deċiżjonijiet meħudin għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika imma dawk biss li jittieħdu “għal raġunijiet għajr [oħra]”. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-“raġunijiet għajr [l-oħra]” li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tat-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti minħabba r-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

100. Fit-tieni lok, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li jakkumpanjaw l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38, għandu jitfakkar li dan l-artikolu qiegħed fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur (Artikolu 6), id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur (Artikolu 7) kif ukoll, min-naħa, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin tal-Unjoni (Artikolu 12), f’każ ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew tmiem ta’ unjoni rreġistrata (Artikolu 13) u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza previst fl-Artikoli 6, 7, 12 u 13, sakemm il-benefiċjarji ta’ dawn id-drittijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-Artikoli (Artikolu 14). F’dan il-kuntest, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu jieqfu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza previsti f’din id-direttiva (Artikoli 6, 7, 12, 13 jew 14) u, konsegwentement, jitilfu d-drittijiet ta’ residenza tagħhom stess jew id-drittijiet idderivati (67). F’dan il-każ, huwa paċifiku li N. Chenchooliah irrisjediet fl-Irlanda bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu f’dak l-Istat Membru bis-saħħa tad-dritt ta’ residenza dderivat għal inqas minn tliet xhur previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/38, dritt li hija tilfet wara r-ritorn fil-Portugall ta’ żewġha.

101. Għaldaqstant, eżaminat f’dan il-kuntest, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għandu jkun interpretat bħala li jikkontempla ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ċittadini ta’ Stat terz f’sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ N. Chenchooliah. Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

102. Il-konklużjoni preċedenti hija kkonfermata mill-analiżi tal-għan tad-Direttiva 2004/38.

103. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li jirriżulta minn interpretazzjoni konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien irrikonoxxa l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati Membri sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (68). Kif sostnejt fil-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li ma jiġix applikat l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja taċ-ċittadini ta’ Stat terz, ħaġa li, fil-fehma tiegħi, tkun inkonċepibbli, ikollu bħala konsegwenza li kopja miżżewġa tkun tista’ titkeċċa mill-Istat Membru ospitanti abbażi ta’ sistemi legali differenti, ħaġa li tippreġudika l-għan li jikkonsisti li tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħajja familjari u tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment. F’dan il-każ, jekk N. Chenchooliah tkeċċiet skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni, tiġi applikata lilha projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż. Anki jekk, kif indika l-Ministru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 3.11 ta’ din il-liġi jipprovdi li persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ titlob lill-Ministru li din id-deċiżjoni tiġi emendata jew revokata, il-Ministru kkonferma waqt is-seduta li din is-setgħa hija madankollu diskrezzjonali.

104. Imbagħad, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jakkumpanja d-deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] kkontemplata fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju. Għaldaqstant, huwa ċar li l-użu, mill-Istat Membru ospitanti, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi tad-dritt nazzjonali tal-barranin akkumpanjata bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, tali użu jwassal fir-realtà biex jipprekludi liċ-ċittadin tal-Unjoni biex jirritorna fil-futur fl-Irlanda flimkien mal-konjuġi tiegħu ċittadina ta’ Stat terz f’każ li huwa jkun jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu f’dak l-Istat Membru.

105. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għal sitwazzjonijiet bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollu bħala konsegwenza li jċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti mis-sustanza tagħha billi jċaħħadha mill-effett utli tagħha.

106. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikoli 15, 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 għandhom ikunu interpretati fis-sens li japplikaw għal deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] ta’ ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

V.      Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda) bil-mod kif ġej:

L-Artikoli 15, 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata mir-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, għandhom ikunu interpretati fis-sens li japplikaw għal deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] ta’ ċittadin ta’ Stat terz li tittieħed minħabba li dak iċ-ċittadin ma għadx għandu dritt ta’ residenza taħt din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn dak iċ-ċittadin iżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni f’mument li fih dan kien jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar u rrisjeda fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, ċittadin li, sussegwentement, irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46), kif emendata permezz tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, (ĠU 2011, L 141, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).


3      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-7 ta’ Novembru 2012 hija d-data li fiha skadiet l-aħħar awtorizzazzjoni li ngħatat lir-rikorrenti bħala studenta.


4      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jiġi nnutat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tindika, preliminarjament, li jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-awtoritajiet Irlandiżi, meta rrifjutaw li jagħtu permess ta’ residenza lil N. Chenchooliah, ibbażaw ruħhom esklużivament fuq il-punt dwar jekk il-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, kellux personalment riżorsi suffiċjenti u setax jipproduċi kuntratt ta’ xogħol għal dan il-għan. Issa, Il-Kummissjoni tfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 bl-espressjoni “għandhom” biżżejjed riżorsi għandu jiġi interpretat fis-sens “li huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiddisponu minn tali riżorsi, mingħajr ma tipprovdi l-iċken rekwiżit fir-rigward tas-sors tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, miċ-ċittadin ta’ Stat terz. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi fis-sens li l-persuna kkonċernata għandha jkollha hija stess tali riżorsi, mingħajr ma tkun tista’ tinvoka, f’dan ir-rigward, ir-riżorsi ta’ membru tal-familja li jakkumpanjaha, iżżid ma’ din il-kundizzjoni, kif imfassla fid-Direttiva 2004/38, rekwiżit marbut mas-sors tar-riżorsi, u dan jikkostitwixxi interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu u ta’ residenza ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE, sa fejn ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri”. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C-218/14, EU:C:2015:476, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Anki jekk jien naqbel ma’ din l-analiżi tal-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li, mhux biss ma għandniex elementi suffiċjenti biex tiġi eżaminata din is-sitwazzjoni fil-każ ineżami imma, fuq kollox, id-deċiżjoni tal-Ministru tal-11 ta’ Settembru 2012, li N. Chenchooliah ma kkontestatx, saret finali. Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      Skont il-Kummissjoni, għandha għaldaqstant tittieħed miżura ta’ tneħħija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva.


6      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, f’din il-kawża, kien ġie rrifjutat il-permess ta’ residenza fl-Irlanda lir-rikorrent, is-Sur Igunma, ċittadin ta’ Stat terz, minħabba li martu, ċittadina tal-Unjoni, ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala li teżerċita drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni fil-mument tat-talba għall-permess ta’ residenza. Il-kawża oriġinat mill-arrest tas-Sur Igunma minħabba l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata kontrih qabel ma żżewweġ ma’ martu fl-Irlanda. Il-kwistjoni prinċipali li tqajmet b’dik il-kawża kienet tikkonċerna l-punt dwar jekk is-Sur Igunma setax jitqies bħala persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tar-regolamenti Irlandiżi li jittrasponu l-imsemmija direttiva. Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 u r-regolamenti msemmija kienu applikabbli għas-Sur Igunma u li huwa seta’, konsegwentement, jitneħħa mit-territorju biss b’deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata skont ir-regolamenti Irlandiżi. Fil-punt 32 ta’ dik is-sentenza, dik il-qorti rrilevat li jeżistu differenzi bejn deċiżjoni ta’ tkeċċija u deċiżjoni ta’ tneħħija, waħda minnhom hija li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha perijodu ta’ validità mingħajr limitu. Skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ tneħħija teżawrixxi l-effetti tagħha permezz tal-eżekuzzjoni, sakemm ma tkunx akkumpanjata minn perijodu speċifiku ta’ projbizzjoni mit-territorju.


7      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001 (C-184/99, EU:C:2001:458, punt 31).


8      Din il-preċiżazzjoni, stabbilita sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tfakkret riċentement fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38.


10      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punti 59 u 82); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 35), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277, punt 33), u tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 41).


12      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża l-kelma “benefiċjarju” biss fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża O. et (C-456/12, EU:C:2013:837, punt 68).


14      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet madankollu d-dritt ta’ residenza dderivat liċ-ċittadini ta’ Stat terz membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, EU:C:1992:296, punt 25), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punt 45). F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, meta ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu għal perijodu li jaqbeż, rispettivament, sentejn u nofs u sena u nofs, u kien jeżerċita attività bi ħlas, dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz għandu, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, jibbenefika, skont id-dritt tal-Unjoni, minn dritt ta’ residenza dderivat f’dan l-aħħar Stat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat sussegwentement, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 61), li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2004/38 tapplika b’analoġija f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz waqt residenza effettiva, skont u bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7(1) u (2) jew 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità u jirritorna mal-membru tal-familja kkonċernat fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Fil-fatt, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ fejn iċ-ċittadin jerġa’ lura, hija għandha tiġi applikata b’analoġija għall-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu, peress li fiż-żewġ każijiet huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa l-isponsor sabiex ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat. Fir-rigward tar-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-konjuġi tiegħu tal-istess sess, ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385). Għal dak li jikkonċerna r-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni u seħbitu li magħha huwa għandu relazzjoni twila, debitament attestata, ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570).


17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, meħud kont tal-fatt li N. Chenchooliah la akkumpanjat u lanqas ingħaqdet mal-konjuġi tagħha fil-Portugall, il-ġurisprudenza li tirrigwarda d-dritt tad-dħul jew ta’ residenza dderivat ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, ma tapplikax għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fuq din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16. Fir-rigward tad-dritt tad-dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-pussess ta’ permess ta’ residenza mogħti minn Stat Membru skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali persuna “ma hijiex suġġetta għall-obbligu li tikseb viża jew obbligu ekwivalenti sabiex tista’ tidħol fit-territorju tal-Istat Membru li minnu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni joriġina”: ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 42). Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:345).


18      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).


19      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).


20      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449). Ara wkoll, il-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża (C-127/08, EU:C:2008:335).


21      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 73).


22      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 80). Infakkar li f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet biex tirriforma s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C-109/01, EU:C:2003:491).


23      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 99).


24      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, (C-165/16, EU:C:2017:862).


25      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2004/38 ma hijiex intiża li tirregola d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonali u, konsegwentement, hija lanqas ma hija intiża li tagħti, fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, dritt ta’ residenza dderivat lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin li jkunu ċittadini ta’ Stat terz. Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C-165/16, EU:C:2017:407, punti 48 u 63).


27      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 39).


28      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punti 41 u 44).


29      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 48): “Għaldaqstant, il-finalità u l-ġustifikazzjoni ta’ tali dritt idderivat huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tiegħu ser jippreġudika, b’mod partikolari, din il-libertà [ta’ moviment] kif ukoll l-eżerċizzju u l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jislet mill-Artikolu 21(1) TFUE”.


30      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 56).


31      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 60). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C-165/16, EU:C:2017:407, punt 86: “[l]i issa tiċċaħħad mid-drittijiet li hija bbenefikat minnhom sal-lum fir-rigward tar-residenza tal-membri tal-familja tagħha, minħabba li hija fittxet, permezz tan-naturalizzazzjoni, integrazzjoni iktar profonda fl-Istat Membru ospitanti, jannulla l-effett utli tad-drittijiet li hija tislet mill-Artikolu 21(1) TFUE”.


32      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 62).


33      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).


34      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).


35      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449).


36      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punti 18 sa 37).


37      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 73).


38      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 63). Ara wkoll, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punti 63 u 68); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 45); tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C-165/14, EU:C:2016:675, punt 73), kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 48).


39      Madankollu, għandhom, fil-fehma tiegħi, ma jiġix konfużi, min-naħa, is-sitwazzjonijiet fejn huwa ċar li l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux issodisfatti, kif huwa l-każ tar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità jew tal-istabbiliment tiegħu fi Stat Membru ieħor b’mod definittiv, dan minkejja li l-konjuġi tiegħu li tirriżulta minn Stat terz tibqa’ fl-Istat Membru ospitanti fejn kienu jgħixu flimkien, u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li għandhom natura temporanja, fejn għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu li tirriżulta minn Stat terz ikomplu jkollhom il-kwalità ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità biex isegwi trattament mediku, debitament attestat, biex jieħu ħsieb temporanjament membru tal-familja tiegħu ffaċċat bi problemi ta’ saħħa, jew li jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet importanti, bħal tqala u twelid, studji jew taħriġ professjonali, jew għal raġunijiet professjonali, bħal stakkament fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, u li jaqa’ taħt din it-tieni kategorija ta’ sitwazzjonijiet. Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li f’ipoteżi fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jerġa’ jidħol jew jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità jew jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet debitament iġġustifikati, il-konjuġi tiegħu li tirriżulta minn Stat terz li tibqa’ fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari biex tevita li titlef ix-xogħol tagħha, issegwi l-istudji tagħha jew taħriġ professjonali f’dan l-Istat Membru, għandha tkompli taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Fir-rigward taż-żamma tal-karta ta’ residenza f’każ ta’ assenzi temporanji, ara l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva.


40      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).


41      Fil-fatt, l-integrazzjoni progressiva u eżemplari tas-Sinjura Ormazabal fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, sal-punt li ħadet in-nazzjonalitàta’ dak l-Istat Membru, kellha bħala riżultat paradossali li hija tilfet id-drittijiet tagħha fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li hija kienet issodisfat, f’kull stadju, il-kundizzjonijiet ta’ residenza rikjesti. Fuq dan il-paradoss, ara l-konklużjonijiet talAvukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C-165/16, EU:C:2017:407, punti 86 sa 89). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja bbilanċjat din l-interpretazzjoni restrittiva tad-Direttiva 2004/38 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, li kompliet taqa’ taħtu s-Sinjura Ormazabal. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-nazzjonalità Spanjola tas-Sinjura Ormazabal, billi ddikjarat li “Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti li jirriżultaw mill-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari d-drittijiet li huma marbuta magħha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u li jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn ċittadin, tal-libertà ta’ moviment tiegħu”, sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 55). Fuq l-eżami mill-ġdid tal-prinċipju tas-supremazija tan-nazzjonalità tal-forum, ara, b’mod partikolari, Pataut, E., “Les conflits de nationalités face au droit de l’Union”, Revue critique de droit international privé, April-Ġunju 2018, p. 241 sa 256.


42      Peress li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah irritorna fil-Portugall, fejn qiegħed jiskonta piena twila ta’ priġunerija, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li r-ritorn tiegħu fil-Portugall kien “temporanju” fis-sens indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara, b’mod partikolari, il-Kapitolu II, intitolat “Dritt ta’ ħruġ u dħul”, u l-Kapitolu III, intitolat “Dritt ta’ residenza” (sa tliet xhur, iktar minn tliet xhur, permanenti), iż-żamma tad-dritt ta’ residenza (anki fil-każ tat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni), limitazzjonijiet tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza (tneħħija) ta’ din id-direttiva.


44      Inqis iċ-ċiklu tal-ħajja tad-Direttiva 2004/38 bħala li huwa l-perijodu ta’ żmien li matulu sseħħ is-suċċessjoni tal-istadji li jifformaw il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż dik li matulha d-dritt ta’ moviment liberu rregolat minn din id-direttiva jieqaf jeżisti.


45      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’diversi okkażjonijiet li, fil-kuntest globali tad-Direttiva 2004/38, l-għan li jkun iffaċilitat u msaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri li jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat FUE jaqa’ taħt sistema gradwali li tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, filwaqt li essenzjalment tinkludi l-passi u l-kundizzjonijiet stipulati fil-varji strumenti tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, din is-sistema twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti. Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 38); tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C-378/12, EU:C:2014:13, punt 30), kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C-316/16 u C-424/16, EU:C:2018:256, punt 51).


47      Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jinżamm sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.


48      Fil-fatt, skont l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom dan id-dritt biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva li huma intiżi sabiex jiġi evitat li jkun hemm piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:607, punti 51 u 52): “dan it-tieni għan [li joħroġ mill-premessa 10] jeżisti biss minħabba l-ewwel wieħed: billi d-direttiva hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, l-Istati Membri ħassew li kien meħtieġ li jiġi żgurat li l-piż finanzjarju ta’ din il-libertà jkun ikkontrollat”.


49      B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-dritt ta’ residenza permanenti ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-pussessur ta’ dritt ta’ residenza permanenti jista’ jikkostitwixxi piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u ma jistax jitkeċċa mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Ara Lenaerts, K., “European Union Citizenship, National Welfare Systems and Social Solidarity”, Jurisprudence, Nru 18, 2011, p. 409.


50      “L-idea fundamentali hija li d-drittijiet li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jiżdiedu mat-tul ta’ żmien fi Stat Membru ieħor”, Barnard, C., The Substantive Law of the EU: The Four Freedoms, 5e ed., Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 438.


51      Fil-fatt, biex itawwal ir-residenza tiegħu għal iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkun “ħaddiem[…] jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti” (Artikolu 7(1)(a)) jew għandu biżżejjed riżorsi biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu u għandu assigurazzjoni tal-mard komprensiva (Artikolu 7(1)(b)), jew ikun student (Artikolu 7(1)(ċ)) jew ikun membru tal-familja li qed jakkumpanja jew li se jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li huwa stess jissoddisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (Artikolu 7(1)(d)). Jekk iċ-ċittadin jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jestendi (salv għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(4) għall-membri tal-familja tiegħu wkoll li ma humiex ċittadini ta’ xi Stat Membru (paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu).


52      Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li, “[q]abel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1)”, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/38 li jipprovdi li, “[q]abel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1)”.


53      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017 (C-165/16, EU:C:2017:862).


54      Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, għandha ssir distinzjoni skont l-għan tal-użu tal-kunċett ta’ “benefiċjarju”, jiġifieri, b’mod partikolari, dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u/jew tad-dritt ta’ residenza jew dak li jirrigwarda l-limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u tal-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija.


55      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).


56      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 63). Ara, wkoll, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punti 63 u 68); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 45); tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C-165/14, EU:C:2016:675, punt 73), kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 48).


57      Skont il-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38, filwaqt li l-konjuġi ċittadin ta’ Stat terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bil-projbizzjoni li li jerġa’ jidħol fl-Irlanda għal żmien indefinit abbażi tad-dritt nazzjonali tal-barranin, ħaġa li hija espressament ipprojbita mill-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva.


58      Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.


59      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 83), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 33).


60      Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punt 43); tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 84), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).


61      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-kuntest ġuridiku espost mid-deċiżjoni tar-rinviju, li deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni hija awtomatikament akkumpanjata bi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Irlandiż għal żmien indefinit.


62      Kif irrileva l-Ministru u l-Irlanda quddiem il-qorti tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huwa ċar li deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ N. Chenchooliah abbażi tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 ma tistax, fil-fatt, tittieħed peress li, skont dik id-dispożizzjoni, dan jimponi li jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, ħaġa li, f’dan il-każ, manifestament ma huwiex il-każ.


63      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-127/08, EU:C:2008:449).


64      Għandu jiġi rilevat li huwa b’mod partikolari fuq dan il-punt tas-sentenza Metock et li l-High Court (il-Qorti l-Għolja) ibbażat ruħha biex tikkunsidra, fil-punt 30 tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2014, Igunma vs Governor of Wheatfield Prison et [(2014) IEHC 218], li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, li Igunma jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 minħabba l-fatt li żżewweġ ma’ ċittadina tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti li fih dik iċ-ċittadina eżerċitat l-libertà ta’ moviment tagħha u li huwa jibqa’ taqa’ taħt dik id-dispożizzjoni anki jekk il-permess ta’ residenza tiegħu ġie legalment irrifjutat.


65      Ħlief għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-direttiva, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.


66      Enfasi miżjuda.


67      Għal dak li jikkonċerna r-rabta bejn l-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 15 japplika, kif għadni kif enfasizzajt, għall-każijiet kollha li fihom ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tiegħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ residenza stabbiliti fl-Arikoli 6, 7 u12 sa 14 ta’ din id-direttiva. Huwa importanti, għaldaqstant, li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li “[i]d-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ)” (enfasi miżjuda minni). Din ir-riferenza “għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti” tinsab ukoll fl-Artiokolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, huwa ċar li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 japplika wkoll għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz.


68      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).