Language of document : ECLI:EU:C:2019:693

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 3(1) u Artikoli 15, 27, 28, 30 u 31 – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’ – Ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità fejn qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija – Rekwiżiti imposti fuq l-Istat Membru ospitu bis-saħħa tad-Direttiva 2004/38/KE meta tittieħed deċiżjoni ta’ tneħħija tal-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz”

Fil-Kawża C‑94/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Nalini Chenchooliah

vs

Minister for Justice and Equality,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatur), M. Vilaras u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. Chenchooliah, minn C. Power, SC, u I. Whelan, BL, mogħtija mandat minn M. Trayers u M. Moroney, solicitors,

–        għall-Minister for Justice and Equality, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. Travers, SC, S.-J. Hillery, BL, u minn D. O’Loghlin, solicitor,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. Travers, SC, S.-J. Hillery, BL, u minn D. O’Loghlin, solicitor,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann‑Lindegren kif ukoll minn M. Wolff u P. Z. L. Ngo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14, 15, 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nalini Chenchooliah, ċittadina ta’ Stat terz, u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda fir-rigward tagħha wara r-ritorn tal-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità fejn qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38 huma fformulati kif ġej:

“(5)      Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. […]

[…]

(23)      It-tkeċċija [tneħħija] taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat [KE], ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

(24)      Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija [tneħħija]. […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom.

(b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

5        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistipula li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)      ir-raġel jew martu;

[…]”

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

7        Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha.

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur” jipprovdi li:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

9        Skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti, jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

[…]

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).

[…]”

10      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/38 jinkludi regoli dwar iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru fil-każ ta’ mewt taċ-ċittadin tal-Unjoni.

11      L-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirregola ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ jew ta’ tmiem ta’ unjoni rreġistrata.

12      Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”:

“1.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija [tneħħija] kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

(a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

(b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

13      L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi:

“1.      Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

[…]

3.      L-Istat Membru ospitanti m’għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] li għaliha japplika l-paragrafu 1.”

14      L-Artikoli 27, 28, 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 jinsabu fil-Kapitolu VI tagħha, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.

15      L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi..

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

[…]”

16      Skont l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija [tneħħija]”:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika.

[…]”

17      L-Artikolu 30 tal-istess direttiva, intitolat “Notifika ta’ deċiżjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2.      Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.

3.      In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika.”

18      L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprevedi:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2.      Meta l-applikazzjoni għall-appell kontra jew għar-reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] hi akkumpanjata minn applikazzjoni għal ordni temporanja biex jiġi sospiż l-infurzar ta’ dik id-deċiżjoni,

m’għandiex isseħħ it-tneħħija proprja mit-territorju sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ordni temporanja, ħlief:

–        fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] hi bbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti; jew

–        fejn il-persuni kkonċernati kellhom aċċess preċedenti għal reviżjoni ġudizzjarja; jew

–        fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà politika skond l-Artikolu 28(3).

3.      Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

4.      L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta’ riżarċiment, imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l-apparenza tiegħu tista’ toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika [ordni pubbliku] u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.”

 Id-dritt Irlandiż

19      Il-leġiżlazzjoni Irlandiża intiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38 tinsab fil-European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2015 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) 2015) li ssostitwixxew, mill-1 ta’ Frar 2016, il-European Communities (Free Movement of Persons) (No 2) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru 2) 2006) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”), tat-18 ta’ Diċembru 2006.

20      L-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-2006 kien jippreskrivi r-regoli dwar is-setgħa tal-Ministru fil-qasam ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet magħrufa bħala ta’ “tneħħija” (removal orders).

21      L-Immigration Act 1999 (il-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni) tinkludi r-regoli tad-dritt nazzjonali dwar il-barranin li huma applikabbli lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

22      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jirregola s-setgħa tal-Ministru biex jieħu deċiżjonijiet magħrufa bħala ta’ “tkeċċija” (deportation orders).

23      Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija liġi, il-Ministru jista’ jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija “sabiex jordna lil kull barrani milqut mid-deċiżjoni li jitlaq mit-territorju fit-terminu msemmi minnha u li jibqa’ barra mit-territorju fil-futur”.

24      Skont l-Artikolu 3(2)(h) u (i) tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni, tista’ tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra persuni li, rispettivament, “skont il-Ministru, kisru restrizzjoni jew kundizzjoni imposta fir-rigward tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ħatt fit-territorju jew il-wasla fit-territorju jew l-awtorizzazzjoni ta’ residenza fit-territorju” jew “li t-tkeċċija tagħhom tkun, skont il-Ministru, xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġid komuni”.

25      Skont l-Artikolu 3(3)(a) tal-imsemmija liġi, meta l-Ministru jadotta abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, huwa għandu jinnotifikaha bil-miktub lill-persuna kkonċernata, flimkien mal-motivi għaliha.

26      L-Artikolu 3(4) ta’ din l-istess liġi jipprevedi li n-notifika tal-imsemmi abbozz għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-dettalji li ġejjin:

–        l-indikazzjoni li l-persuna tista’ tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 15‑il ġurnata tax-xogħol;

–        l-indikazzjoni li l-persuna għandha dritt titlaq mit-territorju volontarjament, qabel ma l-Ministru jiddeċiedi fuq il-każ, u l-indikazzjoni li l-persuna hija obbligata tinforma lill-Ministru bil-passi meħuda biex titlaq mit-territorju; u

–        l-indikazzjoni li l-persuna tista’ taqbel mat-teħid tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija f’terminu ta’ 15‑il ġurnata tax-xogħol, li warajhom il-Ministru huwa obbligat jorganizza t-tneħħija tal-persuna mit-territorju kemm jista’ jkun malajr.

27      Ladarba tiġi adottata, deċiżjoni ta’ tkeċċija tibqa’ fis-seħħ għal żmien indefinit. Madankollu, il-persuna kkonċernata tista’ titlob it-tibdil jew ir-revoka ta’ tali deċiżjoni skont l-Artikolu 3(11) tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni. Meta jeżamina tali talba, il-Ministru għandu jistabbilixxi jekk l-applikant identifikax tibdil fiċ-ċirkustanzi li seħħ mill-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni li jiġġustifika r-revoka tagħha. Tali ċirkustanzi jistgħu jkunu, b’mod partikolari, meta l-persuna hija membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita fl-Irlanda drittijiet għall-moviment liberu li ngħatawlu mid-dritt tal-Unjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      N. Chenchooliah, ċittadina Mawrizjana, waslet fl-Irlanda lejn ix-xahar ta’ Frar 2005, bil-viża ta’ student, u rrisjediet f’dan l-Istat Membru sas-7 ta’ Frar 2012 abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ residenza suċċessivi.

29      Fit-13 ta’ Settembru 2011, hija żżewġet ċittadin Portugiż li jirrisjedi fl-Irlanda.

30      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2012, hija talbet sabiex jinħareġ permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni.

31      Sussegwentement, il-Ministru, diversi drabi, talab informazzjoni addizzjonali li N. Chenchooliah ipprovdiet, parzjalment, b’ittra tat-25 ta’ Mejju 2012. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2012, hija talbet terminu addizzjonali sabiex tipproduċi kuntratt ta’ xogħol, billi sostniet li żewġha kien għadu kemm beda xogħol.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, il-Ministru ċaħad it-talba għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għar-raġunijiet li ġejjin:

“Inti ma wrejtx li ċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita attività ekonomika fl-Irlanda, b’mod li l-Ministru ma huwiex konvint li dan jeżerċita d-drittijiet [tiegħu] permezz ta’ impjieg jew ta’ attività indipendenti, billi jsegwi studji, minħabba qgħad involontarju jew minħabba d-dispożizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti [tal-2006]. Konsegwentement, inti ma għandekx id-dritt li tirrisjedi [fl-Irlanda] skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolamenti [tal-2006].”

33      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2012, N. Chenchooliah ipprovdiet il-prova li l-konjuġi tagħha eżerċita impjieg f’restorant għal ġimagħtejn u talbet estensjoni tat-terminu stabbilit sabiex tressaq talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012.

34      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2012, il-Ministru qabel li jestendi l-imsemmi terminu. Sussegwentement, il-Ministru talab informazzjoni addizzjonali u indika li, jekk din l-informazzjoni ma tkunx ipprovduta f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, il-fajl jiġi ttrasferit lid-diviżjoni responsabbli mill-operazzjonijiet ta’ tneħħija.

35      Peress li ebda informazzjoni ġdida ma ġiet ikkomunikata minn N. Chenchooliah matul perijodu ta’ madwar sentejn, id-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012 saret definittiva.

36      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2014, indirizzata direttament lill-Ministru, N. Chenchooliah indikat li, wara kundanna kriminali, żewġha kien il-ħabs fil-Portugall sa mis-16 ta’ Ġunju 2014 u talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tkun tista’ tibqa’ fit-territorju Irlandiż billi invokat is-sitwazzjoni personali tagħha.

37      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2014, il-Ministru informaha li deċiżjoni ta’ tneħħija kienet maħsuba kontriha, minħabba li l-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, kien irrisjeda fl-Irlanda għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ma kkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tar-Regolamenti tal-2006, dispożizzjoni intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li hija ma kellhiex dritt tibqa’ fl-Irlanda.

38      Sussegwentement, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2015, l-avukati li jirrappreżentaw lil N. Chenchooliah talbu li l-Ministru jagħtiha permess ta’ residenza b’applikazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu skont id-dritt Irlandiż billi jinvoka, b’mod partikolari, il-perijodu twil li matulu hija kienet għexet fl-Irlanda, il-perkors professjonali tagħha kif ukoll il-prospetti ta’ impjieg tagħha.

39      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2016, il-Ministru informa lil N. Chenchooliah li kien ġie deċiż li ma jkomplix bil-proċedura ta’ tneħħija, iżda li pjuttost jiftaħ proċedura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni.

40      Ma’ din l-ittra ġie anness abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li fuqu N. Chenchooliah kienet mistiedna tifformula osservazzjonijiet. Dan l-abbozz kien ibbażat fuq in-natura illegali tar-residenza ta’ N. Chenchooliah fl-Irlanda mis-7 ta’ Frar 2012 u fuq l-opinjoni tal-Ministru li tgħid li t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata kienet tippermetti li jiġi żgurat il-ġid komuni.

41      Ma’ din l-istess ittra kienet ukoll annessa deċiżjoni preċedenti, bid-data tal-21 ta’ Ottubru 2016, li permezz tagħha ġie kkonfermat li kien ġie deċiż li ma tiġix adottata deċiżjoni ta’ tneħħija fir-rigward ta’ N. Chenchooliah skont ir-Regolamenti tal-2006 u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) tal-2015.

42      Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-qorti tar-rinviju awtorizzat lil N. Chenchooliah sabiex tressaq talba għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2016 kif ukoll talba għal ordni li tipprojbixxi lill-Ministru milli jadotta deċiżjoni intiża sabiex titkeċċa. Barra minn hekk, din il-qorti adottat miżuri provviżorji intiżi sabiex jipprekludu t-tkeċċija ta’ N. Chenchooliah qabel ma r-rikors ġudizzjarju tagħha jiġi deċiż.

43      Il-Qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn ċittadin tal-Unjoni rritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, f’dan il-każ sabiex fih jiskonta piena ta’ priġunerija, u għaldaqstant ma jeżerċitax iktar, fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni, ċittadina ta’ Stat terz, li hija l-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, tibqax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fil-kwalità tagħha ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li t-tneħħija tagħha mill-Istat Membru ospitanti fejn hija issa tirrisjedi illegalment huwa rregolat, b’mod partikolari, mill-Artikoli 27, 28 u 31 tal-imsemmija direttiva.

44      Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tirreferi f’dan ir-rigward għal sentenza li hija tat fid-29 ta’ April 2014, li fiha ġie deċiż, f’sitwazzjoni li hija analoga għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva. Skont din is-sentenza, din is-soluzzjoni tista’ tkun ibbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449).

45      Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li t-tagħlim eventwali tal-imsemmija sentenza għal din il-kawża ġie diskuss quddiemha.

46      B’hekk, il-Ministru kkritika din l-istess deċiżjoni billi sostna, b’mod partikolari, li din tal-aħħar ma tagħtix kas tal-fatt essenzjali li l-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 jekk dan iċ-ċittadin ma jeżerċitax effettivament u attwalment id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. F’tali każ, deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ dan il-membru tal-familja tkun irregolata mhux mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, iżda mid-dritt nazzjonali applikabbli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

47      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni kuntrarja teħtieġ li jintwera perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, u dan irendi diffiċli ħafna jew saħansitra prattikament impossibbli t-tneħħija ta’ ċittadini ta’ Stati terzi konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni li forsi setgħu jkunu biss ibbenefikaw, f’ċertu żmien, minn dritt ta’ residenza temporanja minħabba l-attivitajiet tal-konjuġi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, indipendentement mill-attività attwali jew tal-post fejn issa jirrisjedu dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni, li jistgħu wkoll ikunu barra mill-Unjoni.

48      Min-naħa l-oħra, N. Chenchooliah sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li s-sentenza tad-29 ta’ April 2014 mogħtija minnha tikkorrobora l-pożizzjoni tagħha li, bħala persuna li bbenefikat f’ċertu mument, minħabba ż-żwieġ tagħha, minn dritt ta’ residenza mill-inqas temporanju ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, hija tkompli taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għalhekk tista’ titneħħa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss b’osservanza tar-regoli u tal-garanziji li tipprovdi l-imsemmija direttiva, fosthom dawk stabbiliti fl-Artikoli 27 u 28 tal-istess direttiva.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Fil-każ li konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38/KE tkun ġiet irrifjutata d-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni ma kienx, jew ma kienx iktar, jeżerċita d-drittijiet ibbażati fuq it-Trattati tal-Unjoni […] fl-Istat Membru ospitanti kkonċernat, u fil-każ li jiġi propost li l-konjuġi għandha titkeċċa [titneħħa] minn dak l-Istat Membru, din it-tkeċċija [it-tneħħija] għandha sseħħ skont u konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, jew din it-tkeċċija [tneħħija] taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li t-tkeċċija [it-tneħħija] għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, din it-tkeċċija [tneħħija] għandha sseħħ skont u konformement mar-rekwiżiti tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE, u partikolarment l-Artikoli 27 u 28 tagħha, jew l-Istat Membru, f’ċirkustanzi bħal dawn, jista’ jibbaża fuq dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

50      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet, minn naħa, tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 14 u 15 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] meħuda fir-rigward ta’ ċittadina ta’ Stat terz minħabba li din iċ-ċittadina ma jkollhiex iktar dritt ta’ residenza skont l-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn din iċ-ċittadina tkun iżżewġet ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument meta dan iċ-ċittadin ikun għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu meta jmur u jirrisjedi mal-imsemmija ċittadina ta’ Stat terz fl-Istat Membru ospitanti, u, wara, dan iċ-ċittadin ikun mar lura fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

51      Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet, hemm lok, preliminarjament, li tiġi ddefinita l-portata.

52      F’dan il-każ, N. Chenchooliah, ċittadina ta’ Stat terz, ma titlobx dritt ta’ residenza li ġej mid-dritt ta’ residenza tal-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, abbażi tad-Direttiva 2004/38. It-talba tagħha li tkun tista’ tibbenefika minn tali dritt abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva fil-fatt ġiet miċħuda minn deċiżjoni li saret definittiva u li hija ma tikkontestax.

53      Min-naħa l-oħra, hija ssostni li r-residenza tagħha li issa hija illegali fit-territorju tal-Irlanda, Stat Membru ospitanti, ma tistax tiġi ssanzjonata minn deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda skont l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni, li hija ex officio flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju għal żmien indeterminat, iżda tista’ tagħti lok biss għal deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda b’osservanza tal-protezzjoni li hija assigurata lilha skont id-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 27 u 28 tagħha.

54      Peress li din ġiet iċċarata, hemm lok, l-ewwel nett, li jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u huma benefiċjarji tad-drittijiet mogħtija minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jirrisjedu fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-konjuġi ta’ N. Chenchooliah, li huwa ċittadin Portugiż u għalhekk ċittadin tal-Unjoni, eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu meta mar u rrisjeda fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza meta telaq mill-Portugall sabiex imur l-Irlanda.

56      Lanqas ma huwa kkontestat li N. Chenchooliah, minħabba ż-żwieġ tagħha ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, f’mument meta dan kien qiegħed jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment, matul ċertu żmien, kienet irrisjediet mal-konjuġi tagħha fl-Irlanda skont id-dritt ta’ residenza dderivat mogħti mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/38 lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

57      Barra minn hekk, il-fatt li N. Chenchooliah daħlet l-Irlanda qabel il-konjuġi tagħha u qabel ma saret membru tal-familja tiegħu huwa irrilevanti peress li huwa paċifiku li hija qagħdet mal-konjuġi tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

58      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, għandhom jiġu interpretati l-kliem “[il-]membri tal-familja [ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni] li [jakkumpanjawh]”, li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 li jirreferu kemm għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li daħlu ma’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll dawk li jgħixu miegħu f’dan l-Istat Membru, mingħajr, f’dan it-tieni każ, ma hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li daħlu fl-imsemmi Stat Membru qabel u dawk li daħlu wara li saru membri tal-familja tiegħu (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 93).

59      Madankollu, wara r-ritorn tal-konjuġi tagħha fil-Portugall, N. Chenchooliah ma għandhiex iktar il-kwalità ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

60      Fil-fatt, peress li hija baqgħet l-Irlanda fejn ma baqgħetx tirrisjedi mal-konjuġi Portugiż tagħha, u anki jekk, fil-passat, dan tal-aħħar għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu billi jmur l-Irlanda u jirrisjedi hemm matul ċertu żmien magħha, N. Chenchooliah ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżit li takkumpanja jew li tingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li jistabbilixxi l-imsemmi Artikolu 3(1).

61      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit, riprodott ukoll, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, jissodisfa l-għan u l-ġustifikazzjoni tad-drittijiet idderivati ta’ dħul u ta’ residenza li din id-direttiva tipprevedi għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, l-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ tali drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-fatt li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom ikun ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv miċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat tal-libertà ta’ moviment tiegħu kif ukoll tal-eżerċizzju u tal-effettività tad-drittijiet li dan jikseb mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 62 u 63, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 48).

62      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, huwa kunċett dinamiku fis-sens li l-kwalità ta’ benefiċjarju, anki jekk tkun ġiet akkwistata fil-passat, tista’ tintilef ulterjorment jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jibqgħux issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punti 38 sa 42).

63      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li “jakkumpanjaw” biss jew “jingħaqdu” ma’ dan tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, huwa ekwivalenti għal limitazzjoni tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn dan jirrisjedi (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 94).

64      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, mill-mument li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jgawdi permezz tad-Direttiva 2004/38 minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, dan jista’ jirrestrinġi dawn id-drittijiet biss fl-osservanza tal-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 95).

65      Għaldaqstant, sa fejn iċ-ċittadina ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, tirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti u hija għalhekk “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza li tikseb din iċ-ċittadina ta’ Stat terz minn din id-direttiva, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(2) tagħha, jista’ jiġi limitat biss b’osservanza, b’mod partikolari, tal-Artikoli 27 u 35 tal-imsemmija direttiva.

66      Tali sitwazzjoni hija differenti madankollu minn dik tal-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-fatt li ċ-ċittadina ta’ Stat terz inkwistjoni ma għadhiex tirrisjedi mal-konjuġi tagħha, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti wara t-tluq ta’ dan iċ-ċittadin u ġiet irrifjutata dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, din iċ-ċittadina ta’ Stat terz ma tibbenefikax iktar minn dritt ta’ residenza bis-saħħa ta’ din id-direttiva peress li ma taqax ukoll taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, fejn id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jinżamm.

67      Minn dan isegwi li t-tagħlim li jirriżulta mill-punt 95 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449) ma japplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68      Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk it-telf minn N. Chenchooliah tal-kwalità ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jimplikax li deċiżjoni ta’ tneħħija, meħuda għar-raġuni essenzjali li din ġiet irrifjutata dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, taqa’ mhux taħt din id-direttiva, iżda taħt id-dritt nazzjonali biss applikabbli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

69      Din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/38 ma tinkludix biss regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ wieħed mid-diversi tipi ta’ drittijiet ta’ residenza li hija tipprevedi kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun tista’ tkompli tibbenefika mid-drittijiet ikkonċernati. Din id-direttiva tistabbilixxi, barra minn hekk, ġabra ta’ regoli intiżi li jirregolaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf tal-benefiċċju ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti.

71      B’hekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-direttiva japplikaw, b’analoġija għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

72      Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li l-Istat Membru ospitanti ma jistax jinkludi f’tali deċiżjoni ta’ tkeċċija [tneħħija] projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

73      Skont it-termini stess tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 u ħlief sabiex iċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-kontenut tagħha u mill-effettività tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda, bħal fil-kawża prinċipali, għal raġunijiet mingħajr ebda rabta ma’ xi riskju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, iżda marbuta mal-fatt li membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li kellu, fil-passat, dritt ta’ residenza temporanju skont id-Direttiva 2004/38 idderivat mill-eżerċizzju, minn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, tal-libertà ta’ moviment tiegħu, issa ma għandux dan id-dritt ta’ residenza wara t-tluq tal-imsemmi ċittadin mill-Istat Membru ospitanti u wara r-ritorn tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.

74      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza”, tipprevedi s-sistema li hija applikabbli meta dritt ta’ residenza temporanju skont din id-direttiva jintemm, b’mod partikolari meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu li, fil-passat, ikun ibbenefika minn dritt ta’ residenza sa tliet xhur jew għal iktar minn tliet xhur skont, rispettivament, l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza inkwistjoni u jista’ għalhekk, bħala prinċipju, jitkeċċa mill-Istat Membru ospitanti.

75      F’dan il-każ, N. Chenchooliah, matul ċertu żmien, ibbenefikat minn dritt ta’ residenza fl-Irlanda skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/38, wara ż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu f’dan l-Istat Membru.

76      Madankollu, wara t-tluq tal-konjuġi tagħha, hija tilfet dan id-dritt ta’ residenza peress li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit li takkumpanja jew li tingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, u dan wassal għaċ-ċaħda tat-talba tagħha li tkun tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

77      Peress li, kif intqal fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, tali sitwazzjoni ma taqax taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 li fihom id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jinżamm, l-Istat Membru ospitanti jista’ jieħu deċiżjoni ta’ tneħħija fir-rigward ta’ N. Chenchooliah bis-saħħa tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, tali deċiżjoni ta’ tneħħija tista’ tittieħed biss fl-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

78      Kif irrileva wkoll essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni ma hijiex irrikonċiljabbli, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tilfet il-kwalità ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

79      Fil-fatt, it-telf ta’ din il-kwalità għandu bħala konsegwenza li l-persuna kkonċernata ma tibqax tibbenefika mid-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li hija kienet fil-pussess tagħhom matul ċertu żmien, peress li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet li għalihom dawn id-drittijiet huma suġġetti. Min-naħa l-oħra, dan it-telf ma jimplikax, kif jirriżulta mill-punt 74 ta’ din is-sentenza, li d-Direttiva 2004/38 ma għadhiex tapplika għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ din il-persuna mill-Istat Membru ospitanti għal tali raġuni.

80      Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-applikabbiltà tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-garanziji stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31 tal-imsemmija direttiva japplikaw “b’analoġija”.

81      Il-frażi “b’analoġija” għandha tinftiehem fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 japplikaw biss, fil-kuntest tal-Artikolu 15 tagħha, jekk huma jistgħu effettivament jiġu applikati, jekk ikun il-każ permezz tal-aġġustamenti neċessarji, għal deċiżjonijiet meħuda għal raġunijiet oħra għajr dawk ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

82      Issa, dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, tat-tielet inċiż tal-Artikolu 31(2) ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 31(4) tal-imsemmija direttiva.

83      Dawn id-dispożizzjonijiet, li l-applikazzjoni tagħhom għandha tibqa’ strettament limitata għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija meħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, għalhekk ma japplikawx għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38.

84      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 li huma intiżi li japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 15 tagħha, għandu jiġi indikat, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva u tad-dritt ta’ aċċess għar-rimedji ġudizzjarji li għandu jiġi żgurat skont din id-dispożizzjoni, li, peress li tali rikorsi jaqgħu taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-modalitajiet proċedurali ta’ dawn ir-rikorsi, li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38, għandhom josservaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv li jinsab fl-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta.

85      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2004/38, dispożizzjoni applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, il-proċeduri ta’ rikors għandhom mhux biss jippermettu eżaminazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha, iżda għandhom ukoll jiżguraw li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx sproporzjonata.

86      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, peress li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi biss għall-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-direttiva, dispożizzjonijiet oħra tal-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, fosthom l-Artikoli 27 u 28 tagħha, ma humiex applikabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva.

87      Kif tfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38 japplikaw, fil-fatt, biss jekk il-persuna kkonċernata attwalment tieħu minn din id-direttiva dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li tkun jew temporanja jew permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 95).

88      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2004/38, id-deċiżjoni ta’ tneħħija li tista’ tittieħed fil-kawża prinċipali ma tistax fi kwalunkwe każ tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

89      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fir-rigward ta’ ċittadina ta’ Stat terz minħabba li din ma jkollhiex iktar dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn din iċ-ċittadina tkun iżżewġet ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument meta dan iċ-ċittadin ikun għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu meta mar u rrisjeda ma’ din iċ-ċittadina ta’ Stat terz fl-Istat Membru ospitanti, fejn dan iċ-ċittadin ikun, sussegwentement, irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza. Minn dan isegwi li l-garanziji rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 huma imposti matul l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ tneħħija, li fl-ebda każ ma tista’ tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fir-rigward ta’ ċittadina ta’ Stat terz minħabba li din ma jkollhiex iktar dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn din iċ-ċittadina tkun iżżewġet ma’ ċittadin tal-Unjoni f’mument meta dan iċ-ċittadin ikun għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu meta mar u rrisjeda ma’ din iċ-ċittadina ta’ Stat terz fl-Istat Membru ospitanti, fejn dan iċ-ċittadin ikun, sussegwentement, irritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza. Minn dan isegwi li l-garanziji rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 huma imposti matul l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ tneħħija, li fl-ebda każ ma tista’ tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.