Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2023 – Nouryon Functional Chemicals et vs ECHA

(Kawża T-1122/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nouryon Functional Chemicals BV (Amsterdam, Il-Pajjiżi l-Baxxi), Arkema GmbH (Düsseldorf, Il-Ġermanja), Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse GmbH (Bocholt, Il-Ġermanja), United Initiators GmbH (Pullach im Isartal, Il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Cana u Z. Romata, avukati)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2023 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, mogħtija mill-Bord tal-Appell tal-Aġenzija fil-Każ A-009-2022 safejn hija teħtieġ li r-rikorrenti jissottomettu informazzjoni dwar studju estiż tat-tossiċità riproduttiva fuq ġenerazzjoni taħt l-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.3 tal-Anness IX ta’ REACH u koorti 2A u 2B taħt Kolonna 2 tat-Taqsima 8.7.3 tal-Anness IX ta’ REACH; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi permezz ta’ interpretazzjoni ħażina tal-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.3 tal-Anness IX ta’ REACH, u żball manifest ta’ evalwazzjoni permezz ta’ applikazzjoni ħażina tal-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.3 tal-Anness IX ta’ REACH, li teħtieġ lir-rikorrenti jissottomettu informazzjoni dwar studju estiż tat-tossiċità riproduttiva fuq ġenerazzjoni (“EOGRTS”) ma’ disinn ta’ studju bażiku.

It-tieni motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Aġenzija kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u Artikolu 25 ta’ REACH billi teħtieġ lir-rikorrenti jissottomettu informazzjoni fuq EOGRTS ma’ disinn ta’ studju bażiku.

It-tielet motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Aġenzija wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti, u kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi teħtieġ lir-rikorrenti jissottomettu informazzjoni fuq EOGRTS ma’ disinn ta’ studju bażiku.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Aġenzija kisret it-tieni paragrafu tal-Kolonna 2 tat-Taqsima 8.7.3 tal-Anness IX ta’ REACH u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi naqset milli tevalwa fid-deċiżjoni kkontestata jekk ir-rekwiżit koorti 2A u 2B bħala parti mill-EOGRTS huwiex proporzjonat.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Aġenzija wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi tpoġġi fis-seħħ ir-rekwiżit koorti 2A u 2B bħala parti mill-EOGRTS.

____________