Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2023 – Mdr Inversiones u Espacio Activos Financieros vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-488/14 u T 489/14) 1

(Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehim ta’ kiri-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (skema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u tordna parzjalment l-irkupru tagħha – Tmiem parzjali tas-suġġett tal-kawża – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali – Rikors parzjalment manifest infondat fid-dritt)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti fil-Kawża T-488/14: Mdr Inversiones, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentant: M. Linares Gil, avukat)

Rikorrenti fil-Kawża T-489/14: Espacio Activos Financieros, SL (Madrid) (rappreżentant: A. Zunzunegui Ruano, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Carpi Badía u P. Němečková, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1).

Dispożittiv

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikorsi sa fejn huma intiżi kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni, sa fejn jindika l-gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni f’din id-deċiżjoni, u l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni mingħand l-investituri tal-gruppi ta’ interess ekonomiku li bbenefikaw minnha.

Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1     ĠU C 282, 25.8.2014.