Language of document : ECLI:EU:C:2014:112

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Appell — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet — Dokumenti relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE — Regolamenti (KE) Nru 1/2003 u (KE) Nru 773/2004 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni ta’ attivitajiet tal-investigazzjoni, ta’ interessi kummerċjali u tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li teżamina b’mod konkret u individwali l-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess għal dokumenti”

Fil-Kawża C‑365/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders kif ukoll minn P. Costa de Oliveira u A. Antoniadis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

EnBW Energie Baden-Württemberg AG, stabbilita f’Karlsruhe (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn A. Hahn u A. Bach, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, bħala aġent,

Siemens AG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja) u f’München (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker, C. Steinle u M. Holm-Hadulla, Rechtsanwälte,

ABB Ltd, stabbilita f’Zurich (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J. Lawrence, solicitor, kif ukoll minn H. Bergmann u A. Huttenlauch, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C.G. Fernlund A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni (T-344/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/MV/psi D (2008) 4931, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li tiċħad it-talba ta’ EnBW Energie Baden-Württemberg AG (iktar ’il quddiem “EnBW”) intiża għall-kisba tal-aċċess għall-fajl tal-proċedura COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

3        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi:

“[...]

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        l-interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-propjetà intellettwali,

–        il-proċedura fil-qorti u parir legali,

–        l-għan ta’ l-ispezzjonijiet jew l-investigazzjonijiet,

sakemm ma’ jkunx hemm interess pubbliku prevalenti biex id-dokument jiġi żvelat.

3. Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[...]

6. Jekk xi partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti b’xi waħda mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu kkomunikati.

7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

4        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jiddefinixxi s-setgħat tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni fl-Artikoli 17 sa 22 tiegħu. Dawn is-setgħat jinkludu, b’mod partikolari, it-talbiet għal informazzjoni (Artikolu 18) kif ukoll l-ispezzjonijiet għand l-impriżi kkonċernati (Artikolu 20) jew f’postijiet oħra (Artikolu 21).

5        L-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Seduta tal-partijiet, l-ilmenti u oħrajn”, jipprovdi:

“Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt għal aċċess mhux ser jiġi estiż għall-korrispndenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, jew bejn dan tal-aħħar, incluż dokumenti imfasla skont l-Artikoli 11 u 14. Xejn f’dan il-paragrafu m’hu ħa jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur.”

6        Skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat: “Segretezza professjonali”:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 u 15, l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 17 sa 22 ser jiġu wżati biss għall-għan li għalih ġie akwistat.

2.Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni pprovduti fl-Artikoli 11, 12, 14, 15 u 27, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, impjegati u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u impjegati ċivili ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri mhux ser jiġi żvelat informazzjoni akwistata jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u tat-tip kopert mil-obligu ta’ segretezza professjonali. Dan l-obbligu japplika ukoll għar-rappreżentanti kollha u l-esperti ta’l-Istati Membri li qed jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 14.”

7        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), jipprovdi fl-Artikolu 6 tiegħu, intitolat, “Parteċipazzjoni ta’ min jagħmel l-ilment fil-proċeduri”.

“1. Fejn il-Kummissjoni toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materja li fir-rigward tagħha tkun irċeviet ilment, hija għandha tipprovdi lil min jagħmel l-ilment kopja tal-versjoni mhux konfidenzali tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih min jagħmel l-ilment jista’ jagħti tagħrif tal-veduti tiegħu bil-miktub.

[...]”.

8        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aċċess għal informazzjoni”, jipprovdi:

“1. Fejn il-Kummissjoni tkun infurmat lil min jagħmel l-ilment bl-intenzjoni tagħha li tirrofta [tirrifjuta] l-ilment skont l-Artikolu 7(1) min jagħmel l-ilment jista’ jitlob aċċess għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-istima provviżorja tagħha. Għal dan il-għan, min jagħmel l-ilment jista’ madankollu ma jkollux aċċess għal sigrieti kummerċjali u informazzjoni konfidenzali oħra li tappartieni lill-partijiet oħra involuti fil-proċeduri.

2. Id-dokumenti li għalihom min jagħmel l-ilment kellu aċċess fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija mill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jistgħu biss ikunu użati minn min jagħmel l-ilment għall-għanijiet ta’ proċeduri ġudizzjali u amministrattivi għall-appilkazzjoni ta’ dawk id-disposizzjonijiet tat-Trattat.”

9        L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Aċċess għall-file u użu ta’ dokumenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Jekk tintalab dan, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-file lill-(tal-) partijiet lil lilhom tkun indirizzat id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Aċċess għandu jingħata wara n-notifika tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

2. Id-dritt ta’ aċċess għall-file m’għandux ikun estiż għal sigrieti kummerċjali, informazzjoni konfidenzali oħra u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. Id-dritt ta’ aċċess għall-file m’għandux ukoll ikun estiż għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jew bejn dawn ta’ l-aħħar fejn korrispondenza tali tkun tinsab fil-file tal-Kummissjoni.

3. Xejn f’dan ir-Regolament ma jimpedixxi l-Kummissjoni milli tiżvela u tuża informazzjoni meħtieġa biex tipprova ksur ta’ l-Artikoli 81 [KE] jew 82 [KE].

4. Dokumenti miksuba permezz ta’ aċċess għall-file skont dan l-Artikolu għandhom biss jintużaw għall-għanijiet ta’ proċeduri ġudizzjali u amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 [KE] jew 82 [KE]”.

10      L-Artikolu 16(1) tal-istess regolament, intitolat, “Identifikazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni konfidenzali”, jipprovdi:

“Informazzjoni, inklużi dokumenti, m’għandhiex tkun ikkomunikata jew magħmula disponibbli mill-Kummissjoni sakemm ikun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni konfidenzali oħra ta’ xi persuna.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      EnBW Energie Baden-Württemberg (iktar ’il quddiem “EnBW”) hija impriża li tiddistribwixxi l-enerġija li tqis li kienet affettwata ħażin mit-tħaddim ta’ akkordju bejn produtturi ta’ switchgears insulati bil-gass (iktar ’il quddiem “AIG”) issanzjonat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SIG”). Fost dawn il-produtturi hemm Siemens AG (iktar ’il quddiem “Siemens”) u ABB Ltd (iktar ’il quddiem “ABB”).

12      Fid-deċiżjoni SIG, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), billi pparteċipaw f’akkordju fis-suq ta’ SIG, li fil-kuntest tiegħu huma kienu mmanipulaw is-sejħiet għal offerti, iffissaw il-prezzijiet u qassmu bejniethom proġetti u swieq ta’ SIG fl-Ewropa. Konsegwentement, il-Kummissjoni imponiet, fuq l-impriżi li pparteċipaw f’dan l-akkordju multi li jammontaw għal EUR 750 miljun.

13      Fid-9 ta’ Novembru 2007, EnBW talbet lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl dwar il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni SIG.

14      Wara laqgħat mal-Kummissjoni, EnBW iddikjarat din l-applikazzjoni kif ukoll l-applikazzjoni konfermatorja tal-10 ta’ Diċembru 2007 bħala li ma għandhomx skop u fit-13 ta’ Diċembru 2007 ppreżentat applikazzjoni ġdida għal aċċess għad-dokumenti relatati mal-kawża inkwistjoni. Permezz ta’ faks tal-11 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ppreċiżat it-talba tagħha, fis-sens li din kienet teskludi tliet kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri d-dokumenti kollha relatati esklużivament mal-istruttura tal-impriżi implikati, id-dokumenti kollha rilevanti biss għall-identifikazzjoni tad-destinatarju tad-deċiżjoni SIG u d-dokumenti kollha mfassla interament bil-Ġappuniż.

15      Fis-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

16      Fil-punt 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat id-dokumenti li jinsabu fil-fajl inkwistjoni fil-ħames kategoriji segwenti:

1)      dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ talba għal immunità jew għal klemenza, jiġifieri dikjarazzjonijiet tal-impriżi inkwistjoni u kull dokument ippreżentat minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tat-talba għal immunità jew għal klemenza (iktar ’il quddiem il-“kategorija 1”);

2)      talbiet għal informazzjoni u risposti tal-partijiet għal dawn it-talbiet (iktar ’il quddiem il-“kategoriji”);

3)      dokumenti miksuba waqt l-ispezzjonijiet, jiġifieri dokumenti elevati waqt verifiki fuq il-post fil-bini tal-impriżi kkonċernati (iktar ’il quddiem il-“kategorija 3”);

4)      komunikazzjoni tal-ilmenti u risposti tal-partijiet (iktar ’il quddiem il-“kategoriji 4”);

5)      dokumenti interni:

–        dokumenti relatati mal-fatti, jiġifieri, fl-ewwel lok, in-noti bażiċi dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-provi miġbura, fit-tieni lok, il-korrispondenza mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni l-oħra u, fit-tielet lok, il-konsultazzjonijiet ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni li intervenew fil-kawża [iktar ’il quddiem il-“kategorija 5(a)”];

–        atti proċedurali, jiġifieri mandati ta’ spezzjoni, proċessi ta’ spezzjoni, rapporti ta’ spezzjoni, żvelar ta’ dokumenti miksuba waqt spezzjonijiet, atti relatati man-notifika ta’ ċerti dokumenti u noti għall-fajl [iktar ’il quddiem il-“kategorija 5(b)”].

17      Fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li kull waħda minn dawn il-kategoriji taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li d-dokumenti tal-kategorija 5(a) jaqgħu wkoll taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

18      Fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat li d-dokumenti fil-kategoriji 1 sa 4 jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

19      Fil-punt 5 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħet tidentifika l-ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti mitluba fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

20      Fl-aħħar nett, fil-punt 6 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess parzjali għall-fajl permezz tal-fatt li d-dokumenti kollha inklużi fil-fajl kienu jaqgħu interament taħt l-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2008, EnBW ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata. Ir-Renju tal-Isvezja intervjena insostenn ta’ dan ir-rikors, filwaqt li l-Kummissjoni kienet sostnuta minn Siemens u ABB.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, Develey invokat erba’ motivi. L-ewwel fosthom kien ibbażat fuq il-ksur tat-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li r-raba’ wieħed kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tat-talba għal aċċess.

23      Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza appellata, ir-raba’ motiv. Il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv, minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta interpretat it-talba ta’ aċċess għal dokumenti magħmula minn EnBW fis-sens li din ma kinitx dwar id-dokumenti tal-fajl li jaqa’ taħt il-kategorija 5(b). Hija għalhekk ikkunsidrat, fil-punti 37 u 171 tas-sentenza appellata, li jaqbel li d-deċiżjoni tiġi annullata sa fejn tirrifjuta l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

24      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv. Preliminarjament, eżaminat, f’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’, fid-deċiżjoni kkontestata, twettaq eżami konkret u individwali fil-każ inkwistjoni.

25      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 54 sa 63 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi, mingħajr ma tagħmel analiżi konkreta ta’ kull dokument, li t-totalità tad-dokumenti mitluba kienet manifestament koperta mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

26      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 64 sa 110 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni setgħet teżamina skont il-kategorija biss id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 3 għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, fil-punti 111 u 172 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet irrifjutat l-aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji 1, 2, 4 u 5(a).

27      Sussegwentement, fis-sentenza appellata, filwaqt li eżaminat —sussidjarjament f’dak li jikkonċerna d-dokumenti li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji — il-fondatezza tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess invokati fid-deċiżjoni kkontestata, hija laqgħet it-tliet partijiet tal-ewwel motiv. Qabel xejn, fil-punti 113 sa 130 u 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-parti ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar attivitajiet ta’ investigazzjoni. Sussegwentement, fil-punti 131 sa 150 u 174 ta’ din is-sentenza, hija eżaminat il-parti tal-imsemmi motiv ibbażata fuq ksur l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) dwar l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Fl-aħħar nett, fil-punti 151 sa 170 u 175 tal-imsemmija sentenza, hija eżaminat il-parti tal-istess motiv ibbażata fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, dwar opinjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra invokati, annullat id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2013, it-talbiet għal intervent imressqa minn HUK-Coburg Haftpflicht-Unterstützungs-Kasse kraftfahrender Beamter Deutschlands a. G, LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster a. G, VHV Allgemeine Versicherung AG, kif ukoll Württembergischen Gemeinde-Versicherung a. G, insostenn tat-talbiet ta’ EnBW, ġew miċħuda minħabba nuqqas ta’ interess ta’ dawn il-kumpanniji fis-soluzzjoni tal-kawża.

30      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali, permezz tagħha, annullat id-deċiżjoni kkontestata,

–        tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn EnBW u tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell, u

–        tikkundanna lil EnBW għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell.

31      EnBW titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Siemens u ABB isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni t-talbiet ta’ EnBW.

 Fuq l-appell

33      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem ħames aggravji. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tan-neċessità ta’ interpretazzjoni armonjuża tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi ggarantit l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw oqsma ġuridiċi oħra, it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi fl-eżaminazzjoni tal-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali applikabbli għad-dokumenti kollha tal-fajl dwar proċeduri fil-qasam tal-akkordji, it-tielet nett, ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, dwar l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, dwar l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, u, il-ħames nett, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, dwar l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

34      Dawn l-aggravji għandhom jiġi eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ewwel aggravju

35      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn Siemens u minn ABB, issostni li s-sentenza appellata ma tosservax in-neċessità ta’ interpretazzjoni armonjuża tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolamenti Nru 1/2003 kif ukoll Nru 773/2004 fil-qasam tal-akkordji. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra biss il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess u għalhekk tagħti s-supremazija lir-Regolament Nru 1049/2001 fuq dawn ir-regolamenti.

36      Il-Kummissjoni tenfasizza li huwa essenzjali li jiġu protetti kemm il-missjoni tagħha ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-akkordji kif ukoll l-impriżi involuti fil-proċedura. Tista’ ssir deroga għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali biss meta l-aċċess għal dokumenti jkun iġġustifikat minn interess superjuri, bħall-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża li jibbenefikaw minnu l-impriżi kkonċernati. Aċċess wiesa’ għall-fajl jinkludi riskju ta’ abbuż tas-sistema ta’ aċċess għal fajl applikabbli għall-każijiet ta’ akkordji u l-impriżi jirriskjaw li jillimitaw il-kooperazzjoni tagħhom.

37      Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni żbaljata li tat il-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-konstatazzjonijiet li permezz tagħhom din tenfasizza li l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonsisti fil-garanzija tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti. Dan il-kunċett huwa żbaljat, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni sħiħa tad-diversi leġiżlazzjonijiet tibqa’ żgurata.

38      EnBW, sostnuta dwar dan il-punt mir-Renju tal-Isvezja, issostni li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. Il-Kummissjoni pprovat iddaħħal f’dan ir-regolament kriterju ta’ eċċezzjoni mhux miktub supplimentari. B’hekk, ipprovat toħloq, abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, eċċezzjoni artifiċjali għad-dokumenti kollha relatati mal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha u b’hekk toħroġ l-attività kollha tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

39      Skont EnBW, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, (C‑404/10 P), u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża. Fil-fatt, l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet ma humiex ipprojbiti fihom infushom. Min-naħa l-oħra, il-proċedura segwita skont ir-Regolament Nru 1/2003 hiji intiża kontra impriżi li jiksru l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Il-komunikazzjoni volontarja ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talbiet għal klemenza hija intiża biss sabiex teskludi lill-impriżi kkonċernati mir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tobbliga impriża li tkun kisret id-dritt tal-Unjoni milli tirrapporta dan l-aġir lill-Kummissjoni u milli tipprovdi informazzjoni sabiex tipprova l-ksur imwettaq.

40      EnBW tikkunsidra li l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni tiġi imminata jekk kwalunkwe terza persuna kienet imċaħħda mill-possibbiltà li titlob ħlas għad-dannu li jkun ikkawżat lilha minn aġir li jista’ jillimita l-kompetizzjoni. Issa, rikors għad-danni jista’ jirnexxi biss jekk il-persuna li ssofri d-dannu tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi n-natura u l-importanza tad-dannu sostnut.

 Fuq it-tieni aggravju

41      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn ABB u Siemens, issostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma teżistix preżunzjoni ġenerali marbuta mal-protezzjoni, li, fil-prinċipju, għandhom jibbenefikaw minnha d-dokumenti kollha tal-fajl relatat mal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji.

42      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C-139/07 P, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (Ġabra p. I‑5885), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża, minħabba li d-dokumenti mitluba f’din il-kawża li taw lok għal din is-sentenza jikkonċernaw proċedura li ma kinitx għadha ngħalqet. Dan il-fatt huwa irrilevanti sabiex jiġi ddefinit il-qasam tal-protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija importanti biss in-natura tal-interessi protetti. Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, il-Qorti tal-Ġustizzja laħqet sadanittant ittrasponiet għall-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet din il-preżunzjoni ġenerali. Issa, ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl fil-qasam tad-dritt tal-akkordji huma prattikament identiċi għal dawk applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

43      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-evalwazzjoni każ b’każ meħtieġa mir-restrizzjonijiet applikabbli għall-impriżi jew għal-lanjanti involuti fil-proċedura teskludi l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali. Fil-fatt, kemm fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-terzi persuni mhux involuti imkien ma jistgħu jippretendu, fi kwalunkwe ipoteżi, li jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl dwar il-proċeduri fil-qasam tal-akkordji.

44      EnBW tikkunsidra li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma kinitx għadha ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni definittiva mill-Kummissjoni, filwaqt li, fil-każ inkwistjoni, billi adottat deċiżjoni li tkkonstata l-ksur, il-Kummissjoni tat tali deċiżjoni definittiva. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat huma intiżi mhux kontra impriża, iżda kontra Stat Membru. Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni ġenerali invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tapplika għall-każ inkwistjoni, peress li l-klassifikazzjoni tad-dokumenti f’kategoriji, kif magħmula mill-Kummissjoni, ma għandha, fil-parti l-kbira tagħha, l-ebda funzjoni utli fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

45      Ir-Renju tal-Isvezja jenfasizza li, għalkemm il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali, hija għandha madankollu tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokumenti partikolari, li jkun mitlub l-aċċess għalihom. Fil-fatt, huwa impossibbli għal min jagħmel it-talba, li ma għandu l-ebda konoxxenza tal-kontenut tad-dokumenti kkonċernati, li juri li żvelar tad-dokument ma jistax jikkawża dannu lil interess leġittimu.

 Fuq it-tielet aggravju

46      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn ABB u Siemens, issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-qasam tal-protezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta injorat li l-għan tal-attivitajiet tal-investigazzjoni jikkonsisti mhux biss f’li l-proċedura tasal għat-tmiem, iżda wkoll li jiġi applikat b’mod effettiv id-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx, barra minn hekk, li huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni tal-imsemmi regolament jiġu interpretati fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet speċjali relatati ma’ oqsma legali oħra.

47      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li d-dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ talba ta’ klemenza għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari, u dan lil hinn minn kull proċeduri. B’mod partikolari, il-fatt li l-impriżi jibżgħu mill-iżvelar lill-pubbliku ta’ tali dokumenti huwa ta’ natura li jrendi lil dawn inqas disposti sabiex jikkooperaw mal-Kummissjoni. Tkun xi tkun il-kontribuzzjoni pprovduta għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni mir-rikorsi privati għal danni, din ma tista’ la tiġġustifika u lanqas tinnewtralizza l-preġudizzju għall-interessi pubbliċi. L-utilità eventwali ta’ tali rikorsi tiddependi, fil-fatt, mill-kapaċità tal-Kummissjoni li tiskopri l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

48      Sussidjarjament, il-Kummissjoni takkuża wkoll lill-Qorti Ġenerali li injorat in-neċessità li tipproteġi d-dokumenti anki meta d-deċiżjoni tagħha tkun saret definittiva. Fil-fatt, f’każ ta’ annullament mill-Qorti Ġenerali minħabba vizzji proċedurali, il-Kummissjoni tista’ terġa’ tiftaħ il-proċeduri u tiddeċiedi definittivament abbażi tal-fajl.

49      EnBW issostni, qabel xejn, li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk u sa fejn it-talbiet ta’ aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn kandidati għall-klemenza humiex suxxettibbli li joħolqu preġudizzju għall-effettività sħiħa tal-programm ta’ klemenza.

50      Sussegwentement, EnBW issostni li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova ta’ natura li ssostni jew tipprova l-biża’ li hija ssemmi fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju ta’ dissważjoni ta’ kooperazzjoni magħha. Fil-verità, kull kandidat għall-klemenza jkun ikkalkola, sa minn meta jkun iddeċieda li jressaq it-talba għal klemenza, ir-riskju konkret li jkun espost għal azzjoni tal-vittmi tagħha minħabba d-denunzja tagħha stess. Fid-dawl tal-ammont assolut tal-multi imposti mill-Kummissjoni, l-inkoraġġiment għall-awto-denunzja huwa tant kbir li huma ma jħossuhomx biżżejjed affettwati mill-possibbiltà li l-vittmi tagħhom jiksbu l-aċċess għall-fajl.

51      Fl-aħħar nett, EnBW tallega li l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa għall-ksur tal-Artikolu 81 KE ma jwassalx, b’mod ġenerali, għal proċeduri ġodda, peress li l-qorti tal-Unjoni tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta.

 Fuq ir-raba’ aggravju

52      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn ABB u Siemens, issostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li hija ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti fil-liġi sa fejn l-aċċess għad-dokumenti mitluba kien jirriskja li jaffettwa l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li d-dispożizzjoni ta’ eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u dik dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma strettament marbuta, b’mod li l-preżunzjoni ġenerali tapplika wkoll għall-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ interess kummerċjali għandu jinftiehem fid-dawl tad-dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-akkordji, jiġifieri f’sens iktar wiesa’ milli fehmitu l-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, jaqbel li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dokumenti trażmessi jinkludu informazzjoni dwar attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, li kieku dawn tal-aħħar ma kienx ikollhom aċċess għalihom b’dan il-mod barra mill-proċeduri fil-qasam tal-akkordji. Hemm lok ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti anki lil terzi persuni mhux involuti fl-investigazzjoni li jikkonsultaw dokumenti li l-ebda waħda mill-impriżi involuti fiha ma kellha aċċess għalihom fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi.

54      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta eżiġiet eżami konkret sabiex jiġi stabbilit sa fejn l-informazzjoni inkwistjoni kienet ta’ natura kunfidenzjali. Il-fatt li l-impriżi jkunu obbligati jikkomunikawlha informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva huwa biżżejjed.

55      EnBW issostni li l-impriżi li jixtiequ jirrikorru għal programm ta’ klemenza jikkomunikaw volontarjament informazzjoni sensittiva kontrihom. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-interessi li għandhom il-partijiet ikkonċernati għall-assenza ta’ żvelar ma humiex ikkwalifikati bħala interessi kummerċjali fis-sens proprju tal-kelma, peress li l-impriżi għandhom l-għan li jevitaw li rikorsi għal danni jkunu ippreżentati quddiem il-qrati nazzjonali.

 Fuq il-ħames aggravju

56      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn ABB u Siemens, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma kkunsidratx il-fatt li l-preżunzjoni ġenerali testendi għad-dokumenti interni kollha tal-fajl relatat mal-proċeduri f’qasam ta’ akkordji, u dan indipendentement mill-kwalifika ta’ dawn id-dokumenti bħala “dokument li fih opinjonijiet”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

57      Għal din l-istess raġuni, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jiġi ammess li tkun wettqet żball fl-interpretazzjoni tat-talba li tkun tressqitilha, din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) huma dokumenti interni li, bħala tali, huma esklużi mill-aċċess għall-fajl, skont ir-regoli speċjali fil-qasam tal-aċċess għall-fajl, b’mod li, anki kieku kienu koperti minn din it-talba, ir-rifjut ta’ aċċess oppost għal EnBW kien ikun iġġustifikat. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad ir-raba’ motiv imqajjem quddiemha bħala ineffettiv.

58      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma stabbilietx sa fejn l-evalwazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija żbaljata. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll b’mod żbaljat li hija ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi sa fejn id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) jinkludu “opinjonijiet”. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni ma kien joħloq l-ebda dannu gravi għall-proċess deċiżjonali.

59      EnBW issostni li r-raġunament magħmul fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi traspost f’din il-kawża. Il-preżunzjoni ġenerali invokata f’din is-sentenza tippresupponi fil-fatt li l-Kummissjoni tipprova li l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa eċċezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001 huma ssodisfatti fir-rigward ta’ kategorija speċifika ta’ dokumenti. Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet materjali previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament ma humiex issodisfatti. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi, fil-fatt, l-ebda riferiment għall-motivi għalfejn id-dokumenti interni kollha tal-fajl inkwistjoni jinkludu opinjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda bidu ta’ prova li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, peress li din hija deċiżjoni li ġiet adottata iktar minn ħames snin ilu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Permezz tal-aggravji tagħha, il-Kummissjoni, essenzjalment, takkuża lill-Qorti Ġenerali li bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2204 dwar l-aċċess għal dokumenti li jinsabu fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, teskludi li hija tista’, mingħajr ma tagħmel analiżi korretta u individwali ta’ kull dokument ta’ tali fajl, tikkunsidra li dawn id-dokumenti kollha jibbenefikaw minn preżunzjoni ġenerali skont liema l-imsemmija dokumenti jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dawn ir-regolament, dwar, essenzjalment, il-protezzjoni, rispettivament, tal-interessi kummerċjali, tal-għanijiet ta’ investigazzjoni kif ukoll tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

61      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 255(1) u (2) KE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni taħt riżerva tal-prinċipji u tal-kundizzjonijiet li huma stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jikkonferixxi lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari li l-Artikolu 4 tiegħu, li jipprovdi għal sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt ta’ aċċess lanqas biss huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I-8533, punti 69 u 70; Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111; Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11, punt 40).

62      Bis-saħħa tal-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni, jiġifieri dawk li jinsabu fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, l-istituzzjonijiet, sakemm interess pubbliku superjuri ma jkunx jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi, għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument, minn naħa, fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ awditjar kif ukoll, min-naħa l-oħra, meta dan id-dokument ikun jinkludi opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, fil-każ fejn l-iżvelar tad-dokument jikkawża dannu gravi lill-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni.

63      Minn dan jirriżulta li s-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista f’dan l-Artikolu 4 hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li jibbenefikaw mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawn li jkunu mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ inkwistjoni (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

64      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut għall-aċċess għal dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament iwassal għall-ħsara lill-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 49; Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116; Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

65      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa possibbli għall-istituzzjoni tal-Unjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116; Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C-280/11 P, punt 72, u LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

66      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali preżunzjonijiet ġenerali f’erba’ każijiet, jiġifieri f’dak li jikkonċerna d-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċeduri ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi persuni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 123, u Il-Kummissjoni Agrofert Holding, punt 64), in-noti ddepożitati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġurisdizzjonali (ara s-sentenza, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94), kif ukoll id-dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-istadju prekontenzjuż tagħha (ara s-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

67      Dawn il-kawżi kollha kienu kkaratterizzati mill-fatt li t-talba ta’ aċċess inkwistjoni kienet tirreferi mhux għal dokument wieħed biss, iżda għal grupp ta’ dokumenti (ara s-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’din it-tip ta’ sitwazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċerta natura jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tittratta talba globali u li tirrispondi għaliha bil-mod korrispondenti (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

69      F’dan il-każ hija sitwazzjoni ta’ dan it-tip. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza, EnBW talbet l-aċċess għal grupp ta’ dokumenti, msejjħa b’mod globali, li jinsabu fil-fajl relatat mal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni AIG.

70      Barra minn hekk, huwa paċifiku, f’dan il-każ, li, fid-data meta EnBW talbet lill-Kummissjoni l-aċċess għal grupp ta’ dokumenti mill-fajl relatat ma’ din il-proċedura, kien għad hemm pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali rikorsi ġuridiċi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni AIG, u li kif din kienet diġà rrelevat fil-punt 118 tas-sentenza appellata, dan kien għadu l-każ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat jekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previst fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, bl-esklużjoni tal-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali, kif imsemmija fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, f’dak li jikkonċerna t-talba ta’ aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl inkwistjoni, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

 Fuq l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       Is-sentenza appellata

72      Wara li indikat, b’mod partikolari, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess għal dokumenti li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 62 u 172 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi, mingħajr ma tagħmel analiżi konkreta u individwali ta’ kull dokument, li d-dokumenti kollha mitluba minn EnBW kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

73      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li kien eskluż, f’din il-kawża, li jintuża bħala bażi raġunament analogu għal dak magħmul fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, fejn ġie deċiż, fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għall-fajl ta’ proċeduri fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, li preżunzjoni ġenerali skont liema d-dokumenti kollha mitluba kienu koperti minn eċċezzjoni, setgħet tirriżulta, b’mod partikolari, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

74      Fl-ewwel lok, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sistema ta’ aċċess għall-fajl ta’ proċeduri partikolari, indipendentement minn jekk dawn ikunux fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jew fil-qasam tal-akkordji, hija applikabbli biss matul il-perijodu tal-proċedura inkwistjoni, mingħajr ma kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni annullament eventwali ulterjuri mill-qrati tal-Unjoni, li jeskludi l-applikazzjoni tagħha għal din il-kawża, peress li d-deċiżjoni AIG għalqet il-proċedura.

75      Għal din ir-raġuni, filwaqt li ammettiet, fil-punti 78, 92, 109 u 172 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni setgħet, bħala regola, tagħmel eżami skont il-kategorija ta’ dokumenti tal-fajl li jaqgħu taħt il-kategorija 3(a), jiġifieri dawk miksuba matul l-investigazzjoni, fir-rigward tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 113 sa 130 u 173 tal-imsemmija sentenza, eskludiet l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni, f’dan il-każ, għad-dokumenti kollha tal-fajl inkwistjoni.

76      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza, li l-ebda preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti ma tirriżulta mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, peress li dawn ir-regolamenti jissuġġettaw id-dritt tal-impriżi msemmija fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u lanjanti li jikkonsultaw ċerti dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni għal ċerti restrizzjonijiet li jeħtieġu huma stess evalwazzjoni każ b’każ.

77      Barra minn hekk, mill-punti 131 sa 150 u 174 tas-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eskludiet l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni fir-rigward tad-dokumenti koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Kif jirriżulta mill-punti 142 u 149 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali akkużat lill-Kummissjoni essenzjalment li llimitat ruħha, minkejja l-anzjanità tal-parti l-kbira tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tidher fil-fajl, għal evalwazzjonijiet ġenerali li jkopru t-totalità tad-dokumenti ta’ dan il-fajl li jaqgħu taħt il-kategoriji 1 sa 4, mingħajr ma għamlet eżami konkret u individwali ta’ dawn ta’ natura li turi fejn l-iżvelar tagħhom kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni involuti.

–       Fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kkonċernati

78      Huwa paċifiku f’din il-kawża, kif jirriżulta mill-punti 115 u 136 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti li jinsabu fil-fajl dwar il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE inkwistjoni jaqgħu taħt attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li jistgħu jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

79      Fid-dawl tal-għan ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti fil-verifika jekk akkordju bejn impriżi huwiex kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija fil-fatt suxxettibbli li tiġbor fil-kuntest ta’ tali proċedura informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata, b’mod partikolari, ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi implikati, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura ta’ kontroll jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi. Għalhekk, l-eċċezzjonijiet relattivi għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u għal dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma, f’tali proċedura, strettament marbuta (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Editions Odile Jacob, punt 115, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 56).

80      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, meta rrikonoxxiet l-eżistenza tal-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza fir-rigward tat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija f’fajl relatat mal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat jew f’fajl dwar proċeduri ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet, li l-Kummissjoni għandha d-dritt tippreżumi li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jikkawża, bħala regola, preġudizzji għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’dawn il-proċeduri kif ukoll għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ tali proċeduri fis-sens tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 61; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 123, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 64).

81      Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, preżunzjoni ġenerali analoga tapplika fir-rigward ta’ talba intiża għall-ksib tal-aċċess għal grupp ta’ dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

82      Ċertament, kif tfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, u kif indikat il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jikkonferixxi lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati li jkun l-iktar wiesa’ possibbli.

83      Madankollu, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ma jistgħux, meta, bħal f’din il-kawża, id-dokumenti inklużi fit-talba għal aċċess jaqgħu taħt qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, jiġu interpretati mingħajr ma jittieħed kont tar-regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti, liema huma previsti, f’dan il-każ, mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004. Fil-fatt, dawn l-aħħar żewġ regolamenti jsegwu, fil-qasam, żewġ għanijiet differenti minn dawk intiżi mir-Regolament Nru 1049/2001, peress li huma intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża li jibbenefikaw minnhom il-partijiet ikkonċernati u l-ipproċessar diliġenti tal-ilmenti, filwaqt li tiġi żgurata l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, u mhux f’li jiġi ffaċilitat l-iktar possibbli l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll il-promozzjoni tal-prattiki amministrattivi tajba billi tiġi ggarantita l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li hija l-bażi tad-deċiżjonijiet tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 109, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 51).

84      Peress li dawn ir-regolamenti ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor, għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor sabiex b’hekk ikun hemm applikazzjoni koerenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, Ġabra p. I‑6055, punt 56; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

85      Issa, minn naħa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jikkonferixxi fuq il-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat.

86      Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 27(2) u 28 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004 jirregolaw b’mod restrittiv l-użu tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-“partijiet ikkonċernati” u għal “min jagħmel l-ilment” li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiċħad l-ilment tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jinkixfux sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra tal-impriżi kif ukoll dokumenti interni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, u sakemm id-dokumenti li jsiru aċċessibbli jintużaw biss għall-finijiet tal-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li jkollhom bħala għan l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

87      Minn dan jirriżulta li, mhux biss il-partijiet fil-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ma għandhomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, iżda, barra minn hekk, it-terzi persuni, bl-eċċezzjoni tal-lanjanti, ma għandhomx, fil-kuntest ta’ tali proċedura, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

88      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jittieħedu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, jekk persuni differenti minn dawk li għandhom dritt ta’ aċċess għall-fajl skont ir-Regolamenti Nru 1/2003 u 773/2004 jew dawk li, minkejja li bħala regola għandhom tali dritt, ma użawhx jew ġew irrifjutati tali dritt, kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema ta’ aċċess għal fajl stabbilita mir-Regolamenti Nru 1049/2001 kif ukoll is-sistema ta’ aċċess għal fajl stabbilita permezz tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, tkun imminata (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 58; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 100; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 122; Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 63, kif ukoll LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 58).

89      Ċertament, id-dritt li jiġi kkonsultat il-fajl fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 huma differenti mil-lat ġuridiku. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli mill-perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali fuq liema jingħata l-aċċess għall-fajl, dan jippermetti li jinkisbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-impriżi kkonċernati u terzi persuni (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 59; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 120, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 61).

90      F’dawn il-kundizzjonijiet, aċċess ġeneralizzat abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE huwa ta’ natura li jipperikola l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ akkordju u tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dan mal-imsemmi artikolu, minn naħa, u l-garanzija ta’ protezzjoni rafforzata relatata, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni Éditions Odile Jacob, punt 121, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 62).

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma teħtieġx l-istess portata tal-aċċess għal dokumenti bħal dik meħtieġa mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 87).

92      Minn dan jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, preżunzjoni ġenerali bħal dik prevista fil-punti 65, 66 u 80 ta’ din is-sentenza, tista’ tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 li jirregolaw speċifikatament id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punti 55 sa 57, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 117, kif ukoll il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 58).

93      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha d-dritt tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ dawn (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 61; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 123; Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 64, kif ukoll LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 64).

94      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, wara li kkonstatat ġustament, fil-punti 59 sa 61 ta’ din is-sentenza, li r-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 jissuġġettaw id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinsabu fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għal kundizzjonijiet restrittivi u li ma jipprovdux dritt ta’ aċċess għall-fajl favur terzi persuni minbarra l-lanjanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 61, 62, 142 u 149 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li d-dokumenti kollha inkwistjoni kienu koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

95      Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li r-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 jeżiġu huma stess evalwazzjoni każ b’każ. Min-naħa l-oħra, huwa determinanti, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, li dawn ir-regolamenti jipprovdu regoli stretti fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 118, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 59).

96      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward, bħal f’dan il-każ, ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti mressqa minn terzi persuni li ma għandhomx il-kwalità ta’ lanjanti, l-imsemmija regolamenti ma jipprovdu għall-ebda dritt ta’ aċċess, b’mod li tali evalwazzjoni każ b’każ hija, f’kull ipoteżi, eskluża.

97      Kuntrarjament għal dak li sostniet EnBW, huwa wkoll irrilevanti f’dan ir-rigward li ċerti dokumenti ġew ipprovduti volontarjament lill-Kummissjoni mill-partijiet ikkonċernati sabiex jiksbu immunità jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti, peress li huwa paċifiku li l-aċċess għal tali dokumenti, kemm jekk il-komunikazzjoni tagħhom lil din l-istituzzjoni tkun forzata jew volontarja, hija, fi kwalunkwe każ, irregolata strettament mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004.

98      F’dawn il-kundizzjonijiet, wara li kkonstatat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu għadhom pendenti rikorsi ġurisdizzjonali kontra d-deċiżjoni SIG, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma kienx suxxettibbli li jippreġudika l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati mal-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE inkwistjoni.

99      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konkluża bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, mingħajr ma jittieħed kont ta’ annullament eventwali ulterjuri ta’ din mill-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 233 KE, l-annullament ta’ tali deċiżjoni huwa suxxettibbli li jwassal lill-Kummissjoni biex tkompli l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni, skont il-każ, ta’ deċiżjoni ġdida relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, kif fil-fatt kien il-każ, f’din il-kawża, fir-rigward taż-żewġ partijiet ikkonċernati, kif indikat il-Kummissjoni matul is-seduta, u, għaldaqstant, li din l-istituzzjoni titwassal sabiex terġa’ tuża l-provi tal-fajl relatat mad-deċiżjoni annullata jew li tikkompleta dan il-fajl permezz ta’ elementi oħra fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li għandha skont ir-Regolament Nru 1/2003. Konsegwentement, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mitmuma biss meta d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura jkunu ta’ natura definittiva.

–       Dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kkonċernati

100    Għaldaqstant, għandu jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 62; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 126; Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 68, kif ukoll LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 66).

101    Min-naħa l-oħra, l-eżiġenza li timponi li tiġi vverifikata l-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplika realment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba f’dan il-każ. Tali eżiġenza tħalli din il-preżunzjoni ġenerali mingħajr l-effettività tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-Kummissjoni tirrispondi għal talba għal aċċess globali b’mod daqstant globali (sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

102    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza appellata ma jirriżulta l-ebda element ta’ natura li jikkontesta l-imsemmija preżunzjoni.

103    Ċertament, minn din is-sentenza jirriżulta impliċitament mill-punt 1 tagħha, li EnBW, fil-mument tat-tressiq tat-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, jidher li kellha l-intenzjoni li titlob kumpens għad-danni allegatament sostnuti minħabba l-akkordju li kien is-suġġett tad-deċiżjoni AIG.

104    Issa, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 128 tas-sentenza appellata, kwalunkwe persuna għandha dritt li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn ksur tal-Artikolu 81 KE. Tali dritt jirrinforza fil-fatt in-natura operattiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, billi jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punti 26 u 27; tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 91; tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, Ġabra 2011, p. I‑5161, punt 28, kif ukoll tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, punt 23).

105    Madankollu, kunsiderazzjonijiet daqshekk ġenerali ma jistgħux, bħala tali, jkunu ta’ natura li jkunu iktar importanti mir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 158).

106    Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li jibbenefika minnu applikant, ma huwiex neċessarju li kull dokument li jaqa’ taħt proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jiġi kkomunikat lil tali applikant minħabba li dan tal-aħħar ikollu l-intenzjoni li jippreżenta rikors għal danni, peress li hemm probabbiltà żgħira li r-rikors għal danni għandu jkun ibbażat fuq il-provi kollha li jinsabu fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donau Chemie et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

107    Għalhekk, kull persuna li trid tikseb kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE għandha tistabbilixxi l-bżonn li hemm, għaliha, biex taċċedi għal wieħed mid-dokumenti li jinsab fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’, każ b’każ, tibbilanċja l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti u l-protezzjoni tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha relevanti tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punti 77 u 78, kif ukoll Donau Chemie et, punti 30 u 34).

108    Fin-nuqqas ta’ tali neċessità, l-interess għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

109    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari fil-punti 56 sa 63, 118 sa 122 kif ukoll 172 u 174 tagħha, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova li setgħet tirribatti l-preżunzjoni msemmija fil-punti 92 u 93 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kellha tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull dokument tal-fajl inkwistjoni, relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE li ma kinitx intemmet, sabiex jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-kontenut speċifiku tiegħu, l-iżvelar tiegħu jippreġudikax il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u l-għanijiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

110    F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, id-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) tal-fajl relatat mal-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE inkwistjoni, għandu jitfakkar li, fil-punti 151 sa 170 u 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li l-aċċess għal dawn id-dokumenti kien suxxettibbli li jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tagħha, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

111    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkunsidrat, fil-punt 160 ta’ din is-sentenza, li kien possibbli, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni quddiemha, li diversi dokumenti li jaqgħu ta’ din il-kategorija jinkludu opinjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikkonkludiet, fil-punti 159 u 161 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dokumenti kollha kienu jinkludu tali opinjonijiet.

112    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha tipprova li l-aċċess għal dawn id-dokumenti kien suxxettibbli li jippreġudika konkretament u effettivament il-proċess deċiżjonali tagħha. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni f’dan ir-rigward illimitat ruħha sabiex tiġġustifika b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-imsemmija dokumenti, li l-aċċess għal dawn tal-aħħar jaffettwa b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tagħha.

113    Huwa paċifiku, f’din il-kawża, li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, kemm fil-mument tat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni kif ukoll fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali rikorsi ġuridiċi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni AIG.

114    F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li, kif diġà ġie indikat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet, fi tmiem din il-proċedura, titwassal sabiex tkompli l-attivitajiet tagħha sabiex tadotta eventwalment deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, għandha tiġi ammessa l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali, skont liema l-obbligu li jkun impost fuq din l-istituzzjoni li tiżvela, matul din il-proċedura, opinjonijiet fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 130).

115    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li kien “plawżibbli” li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni quddiemha, diversi dokumenti jaqgħu taħt il-kategorija 5(a) mill-fajl inkwistjoni, ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, takkuża lill-Kummissjoni li ma pprovatx kif konkretament tali dokumenti kienu suxxettibbli li jibbenefikaw mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

116    Minħabba l-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma tistax fil-fatt tkun obbligata turi, fid-deċiżjoni tagħha, li kull dokument ikkonċernat jikkostitwixxi opinjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Wara li f’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet quddiem il-Qorti Ġenerali kif dawn id-dokumenti inkwistjoni kellhom din in-natura u din ikkunsidrat ukoll li kien plawżibbli li numru fosthom ikollhom tali natura, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeduċi minn dan li dawn id-dokumenti kienu jaqgħu taħt din il-preżunzjoni ġenerali, b’mod li l-Kummissjoni kienet ħielsa mill-obbligu li turi konkretament u individwalment li l-aċċess għal dawn kien suxxettibbli li jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tagħha.

117    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li jkun mitlub l-iżvelar tiegħu, ma jkunx kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

118    Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li mis-sentenza appellata ma tirriżulta l-ebda prova li tirribatti din il-preżunzjoni.

119    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 159 sa 166 tas-sentenza appellata, billi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova li tista’ tirribatti din il-preżunzjoni, kellha tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull dokument li jaqa’ taħt il-kategorija 5(a) tal-fajl inkwistjoni, relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE li ma kinitx għadha ntemmet, sabiex jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-kontenut speċifiku tiegħu, l-iżvelar tiegħu kienx jippreġudika l-protezzjoni tal-opinjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

120    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b), għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 32 sa 37 u 171 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li dawn id-dokumenti ma kinux koperti mit-talba ta’ aċċess għal dokumenti mressqa minn EnBW. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata minħabba li tirrifjuta lil EnBW l-aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li d-dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) tal-fajl inkwistjoni ma kinux koperti minn din it-talba ta’ aċċess, il-Qorti Ġenerali setgħet legalment tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

122    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 37 u 171 ta-sentenza appellata, din ma setgħetx tiddeduċi li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irrifjutat l-aċċess għal tali dokumenti. Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-imsemmija dokumenti kienu koperti mill-imsemmija talba ta’ aċċess, hija setgħet tinferixxi biss li din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata peress li, permezz tagħha, il-Kummissjoni kienet naqset milli tiddeċiedi dwar din il-parti tat-talba.

123    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 37 u 171 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata peress li, permezz tagħha, il-Kummissjoni kienet irrifjutat l-aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) tal-fajl inkwistjoni.

124    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, dan l-appell għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata fl-intier tagħha.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

125    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

126    Insostenn tar-rikors tagħha, EnBW kienet qajmet erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, għanijiet ta’ investigazzjoni u opinjonijiet intiżi għal użu intern, it-tieni nett, il-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija, it-tielet nett, il-ksur tal-Artikolu 4(6) tal-istess regolament, dwar l-aċċess parzjali għal dokumenti u, ir-raba’ nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tat-talba ta’ aċċess għal dokumenti. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti inkwistjoni.

127    F’dak li jikkonċerna dan l-aħħar ilment kif ukoll l-ewwel u t-tieni motivi, mill-punti 60 sa 125 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet, abbażi tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl dwar il-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE inkwistjoni, mingħajr ma tagħmel eżami preliminari konkret u individwali ta’ dawn id-dokumenti.

128    Fin-nuqqas ta’ elementi li jirriżultaw mir-rikors, li jistgħu jirrifjutaw il-preżunzjoni ġenerali fuq imsemmija fil-punti 92, 93 u 115 ta’ din is-sentenza, EnBW ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni għandha tipproċedi għal tali eżami konkret u individwali tad-dokumenti inkwistjoni.

129    Minn naħa, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, EnBW imkien ma pprovat li ċerti dokumenti individwali, li kien mitlub l-iżvelar tagħhom, ma kinux koperti minn din il-preżunzjoni, iżda llimitat ruħha, essenzjalment, sabiex takkuża lill-Kummissjoni li rrifjutat l-aċċess għal grupp ta’ dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali u astratti kif ukoll suppożizzjonijiet, minħabba li, minħabba li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jikkonferixxi l-ikbar effett possibbli għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tagħtiha dan l-aċċess, sabiex turi kif konkretament ċerti dokumenti individwali kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

130    Min-naħa l-oħra, EnBW lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

131    Ċertament, EnBW sostniet l-intenzjoni tagħha li tintroduċi quddiem il-qrati nazzjonali rikors sabiex tikseb kumpens għad-dannu allegatament sostnut minħabba l-akkordju li huwa s-suġġett tal-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni AIG.

132    Madankollu, EnBW imkien ma stabbiliet kif l-aċċess għall-grupp ta’ dokumenti relatati mal-proċedura inkwistjoni kien neċessarju għal dan il-għan, b’mod li interess superjuri kien jiġġustifika l-aċċess ta’ dawn skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, EnBW illimitat ruħha sabiex issostni li hija kienet “tiddependi obbligatarjament” mill-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl inkwistjoni, mingħajr ma wriet li l-aċċess għal dawn id-dokumenti kien jippermettilha li jkollha l-provi neċessarji sabiex tibbaża t-talba tagħha għal kumpens, peress li ma kellha l-ebda possibbiltà oħra li tikseb dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donau Chemie et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 44).

133    Għaldaqstant l-ewwel u t-tieni motivi mqajma minn EnBW kif ukoll l-ilment imqajjem mir-Renju tal-Isvezja għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

134    F’dak li jikkonċerna t-tielet motiv imqajjem minn EnBW, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjonijiet ġenerali msemmija fil-punti 92, 93 u 115 ta’ din is-sentenza jimplikaw li d-dokumenti koperti minn dawn jaħarbu l-obbligu ta’ kxif integrali jew parzjali, tal-kontenut tagħhom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 133).

135    Minn dan isegwi li ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha li tagħti lil EnBW aċċess parzjali għall-fajl minħabba l-fatt li l-grupp ta’ dokumenti li jinsabu fih jaqgħu kollha taħt l-eċċezzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001.

136    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

137    F’dak li jikkonċerna r-raba’ motiv invokat minn EnBW, mill-punti 121 sa 123 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi milqugħ u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li, permezz tagħha, il-Kummissjoni naqset milli tiddeċiedi dwar it-talba ta’ EnBW sa fejn din kienet intiża għall-kisba tal-aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) tal-fajl.

138    Kif jirriżulta mill-punti 128 sa 137 ta’ din is-sentenza, ir-rikors ippreżentat minn EnBW quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud għall-bqija.

 Fuq l-ispejjeż

139    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għal proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jipprovdi li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

140    L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 140(3) il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent minn barra dawk imsemmija fil-paragrafi preċedenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

141    Peress li l-appell tal-Kummissjoni ġie milqugħ u r-rikors ta’ EnBW quddiem il-Qorti Ġenerali ġie milqugħ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell

142    Ir-Renju tal-Isvezja, Siemens u ABB għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni (T‑344/08), hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/MV/psi D (2008) 4931, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li tiċħad it-talba ta’ EnBW Energie Baden-Württemberg AG intiża għall-kisba tal-aċċess għall-fajl tal-proċedura COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass, hija annullata peress li, permezz tagħha, il-Kummissjoni naqset milli tiddeċiedi dwar it-talba ta’ EnBW sa fejn kienet intiża għall-kisba tal-aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt il-kategorija 5(b) tal-fajl.

3)      Il-kumplament tar-rikors ippreżentat minn EnBW Energie Baden-Württemberg AG quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-344/08 huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u EnBW Energie Baden-Württemberg AG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

5)      Ir-Renju tal-Isvezja, Siemens AG u ABB Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.