Language of document : ECLI:EU:T:2020:249

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Drittijiet u obbligi tal-uffiċjal – Pubblikazzjoni ta’ test li s-suġġett tiegħu jittratta x-xogħol tal-Unjoni – Obbligu ta’ avviż minn qabel – Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal – Rapport ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑608/18,

Mark Anthony Sammut, residenti f’Foetz (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn P. Borg Olivier, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Sammut u I. Lázaro Betancor, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, essenzjalment, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Jannar 2018 sa fejn ma laqgħatx it-talba tar-rikorrent għat-tneħħija ta’ dikjarazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-danni materjali u morali allegatament imġarrba mir-rikorrent minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger u N. Półtorak (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Mark Anthony Sammut, huwa uffiċjal tal-Parlament Ewropew.

2        F’Novembru 2016, ir-rikorrent ippubblika, f’Malta, ktieb intitolat L-Aqwa flEwropa. Il-Panama Papers u l-Poter (iktar ’il quddiem il-“ktieb inkwistjoni”).

3        Fit-13 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent avża lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tat-Traduzzjoni tal-Parlament bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika t-tieni edizzjoni tal-ktieb inkwistjoni. Fis-7 ta’ April 2017, il-Parlament qies li t-talba tar-rikorrent kienet inammissibbli minħabba li kienet tikkonċerna t-tieni edizzjoni u minħabba li, għalhekk, din it-talba ma setgħetx titqies li hija avviż minn qabel tal-pubblikazzjoni tal-imsemmi ktieb.

4        Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016 jinkludi dikjarazzjoni fis-sens li r-rikorrent “jidher li ma informax lill-AIPN [lill-Awtorità tal-Ħatra] bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika ktieb, L-Aqwa Fl-Ewropa. Il-Panama Papers u l-Poter, matul l-2016” (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni kontenzjuża”). Din l-evalwazzjoni tinsab fil-parti msejħa “Kondotta fis-servizz”, taħt l-intestatura “3. Konformità ma’ regoli u proċeduri”, tal-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni.

5        Fis-17 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ressaq talba quddiem il-Kumitat tar-Rapporti sabiex ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 jiġi eżaminat mill-ġdid. Huwa talab, b’mod partikolari, it-tneħħija tad-dikjarazzjoni kontenzjuża.

6        Fl-4 ta’ Jannar 2018, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni bagħat ittra lir-rikorrent li permezz tagħha informah li kien iddeċieda li jsegwi l-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti tat-8 ta’ Novembru 2017 u, għalhekk, li jemenda r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 billi jneħħi biss dikjarazzjoni dwar il-produzzjoni għal kull jum ta’ preżenza tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018”). B’hekk, huwa rrifjuta li jneħħi d-dikjarazzjoni kontenzjuża mill-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni.

7        Fis-26 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent ressaq ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018. Permezz ta’ dan l-ilment, huwa talab, b’mod partikolari, li l-Awtorità tal-Ħatra tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex id-dikjarazzjoni kontenzjuża titneħħa mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016.

8        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2018, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li ċaħdet l-ilment”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrent ressaq din il-kawża permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2018.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent ressaq talba għas-smigħ ta’ xhieda. Fl-1 ta’ April 2019, il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-imsemmija talba.

11      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġiet assenjata lill-Ewwel Awla, li lilha għalhekk ġiet assenjata l-kawża ineżami.

12      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul seduta li nżammet fit-28 ta’ Jannar 2020.

13      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018;

–        tannulla d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment;

–        tordna t-tneħħija tad-dikjarazzjoni kontenzjuża mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016;

–        tikkundanna lill-Parlament jikkumpensa d-diversi danni kkawżati mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

14      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

15      Permezz tal-ewwel u tat-tieni talba tiegħu, ir-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment.

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa u huma biss kundizzjoni preliminari għat-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk formalment ikun indirizzat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, ikollu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li fil-konfront tiegħu kien tressaq l-ilment (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ li ċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li fil-konfront tiegħu kien tressaq dan l-ilment (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il‑Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26).

17      Fil-fatt, kull deċiżjoni li sempliċement tiċħad ilment, irrispettivament minn jekk tkunx impliċita jew espliċita, ma tagħmel xejn ħlief tikkonferma l-att jew in-nuqqas li tittieħed azzjoni li jkunu s-suġġett tal-ilment u, ikkunsidrata waħedha, ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li t-talbiet indirizzati kontra din id-deċiżjoni, li ma jkollhiex kontenut awtonomu fil-konfront tad-deċiżjoni inizjali, għandhom jitqiesu li jkunu indirizzati kontra l-att inizjali (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 ma tagħmel xejn ħlief tikkonferma din id-deċiżjoni sa fejn la tibdel id-dispożittiv tagħha u lanqas ma fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda. Il-fatt li d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tispeċifika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 ma għandu ebda impatt fuq in-natura konfermatorja tagħha. F’każ bħal dan, hija fil-fatt il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, liema motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ma għandhiex kontenut awtonomu, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu li huma indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018, li l-legalità tagħha għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet talba

20      It-tielet talba tar-rikorrent hija intiża li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Parlament ineħħi d-dikjarazzjoni kontenzjuża mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016.

21      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tindirizza ordnijiet lil istituzzjoni tal-Unjoni, u dan indipendentement mill-obbligu ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE, għall-istituzzjoni li tkun l-awtriċi ta’ att annullat, li tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għaldaqstant, it-talbiet intiżi li l-Qorti Ġenerali tordna t-tneħħija tad-dikjarazzjoni kontenzjuża mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-riferiment għall-argumenti li jinsabu fl-ilment

23      Fir-rikors, ir-rikorrent jagħmel riferiment għall-ilment imressaq fis-26 ta’ Marzu 2018, filwaqt li jsostni li l-punti kollha tal-imsemmi lment għandhom jitqiesu li huma parti integrali minn dan ir-rikors.

24      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punt 268).

25      Barra minn hekk, l-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw il-motivi jew l-argumenti invokati b’mod espliċitu mir-rikorrenti fil-korp tal-atti tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni liema jkunu l-elementi f’dawn l-annessi li jissostanzjaw jew jikkompletaw l-imsemmija motivi jew argumenti. Fil-fatt, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ atti li jkunu annessi miegħu, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u li tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tkun tista’ tqis li jkunu l-bażi tar-rikors, sa fejn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent jagħmel sempliċi riferiment globali għall-punti kollha tal-ilment tiegħu, mingħajr iktar preċiżjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-riferiment għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq it-talbiet għal annullament

27      Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

28      L-imsemmija motivi huma essenzjalment maqsuma fi tliet ilmenti distinti. L-ewwel, ir-rikorrent isostni li l-ktieb inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni u li għalhekk kien żbaljat li huwa ġie ssanzjonat fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016. It-tieni, ir-rikorrent iqis li kien fid-dawl ta’ interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kunċett ta’ “xogħol tal-Unjoni” li tqies li s-suġġett tal-ktieb inkwistjoni kien jittratta l-imsemmi xogħol. It-tielet, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ma hijiex motivata.

29      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li t-tielet ilment jiġi eżaminat l-ewwel.

–       Fuq it-tielet ilment

30      Ir-rikorrent jinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 ibbażat fuq l-argument li din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq sempliċi opinjoni u mhux fuq fatti jew fuq kunsiderazzjonijiet legali. F’dan ir-rigward, huwa jsostni, l-ewwel, li l-espressjoni “inqis li”, użata mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, turi li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq opinjoni u mhux fuq elementi oġġettivi li għandhom livell ta’ motivazzjoni suffiċjenti. It-tieni, huwa jsostni li l-Awtorità tal-Ħatra ma qratx il-ktieb inkwistjoni u bbażat ruħha biss fuq it-titolu tiegħu sabiex tikkonkludi li s-suġġett tiegħu jittratta x-xogħol tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kap tad-Diviżjoni Lingwistika tal-Malti fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni kien barra minn hekk ammetta li l-imsemmi ktieb ma jagħmel ebda riferiment għax-xogħol tal-Unjoni, u lanqas għax-xogħol tal-Parlament. Għaldaqstant, skont ir-rikorrent, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 ma hijiex konformi mar-rekwiżiti previsti f’sitwazzjoni fejn tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar ksur possibbli ta’ dritt fundamentali.

31      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u mfakkar fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li l-individwu kkonċernat jingħata indikazzjoni suffiċjenti sabiex jevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalu preġudizzju u l-opportunità li jippreżenta rikors ġudizzjarju intiż li jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:481, punt 374 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’hekk, deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata meta tingħata f’kuntest magħruf mill-individwu kkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2004, N vs Il‑Kummissjoni, T‑198/02, EU:T:2004:101, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2017, Silvan vs Il‑Kummissjoni, T‑698/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:131, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 hijiex suffiċjentement motivata f’dan il-każ.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra l-ewwel nett fakkret id-drittijiet u d-dmirijiet li joħorġu mill-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe test mill-uffiċjali tal-Unjoni. Hija mbagħad ikkonstatat li r-rikorrent ma kienx avża minn qabel lill-Parlament bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika l-ktieb inkwistjoni. Fl-aħħar nett, hija indikat dan li ġej lir-rikorrent:

“Kif jissuġġerixxi t-titolu tal-ktieb tiegħek u skont id-deskrizzjoni tiegħek fil-paragrafu 2 tal-ilment tiegħek, il-ktieb tiegħek jittratta l-Panama Papers u kumpanniji offshore. Il-Parlament adotta miżuri fil-qasam tal-użu ta’ kumpanniji offshore għall-ħasil tal-flus u għall-evażjoni tat-taxxa. F’Ġunju 2016 twaqqaf il-Kumitat PANA tal-Parlament [...], li investiga l-Panama Papers inkonnessjoni mal-Unjoni u mal-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant, inqis li hemm rabta bejn il-ktieb tiegħek u x-xogħol tal-Parlament.”

37      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-użu tal-espressjoni “inqis li” juri li l-imsemmija deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq elementi oġġettivi u li għalhekk ma għandhiex il-livell meħtieġ ta’ motivazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, l-użu tal-espressjoni “inqis li” mill-Awtorità tal-Ħatra bl-ebda mod ma huwa suffiċjenti sabiex juri li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 hija suġġettiva. Għaldaqstant, l-użu ta’ din l-espressjoni ma jistax, waħdu, jaffettwa l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

38      Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega li kien minħabba li ma qratx il-ktieb inkwistjoni li l-Awtorità tal-Ħatra kkonkludiet li dan il-ktieb kien jikkonċerna x-xogħol tal-Unjoni, minkejja l-opinjoni kuntrarja espressa mill-Kap tad-Diviżjoni Lingwistika tal-Malti fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni.

40      L-ewwel nett, fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jiġi osservat li l-opinjoni kuntrarja ta’ kap ta’ diviżjoni fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni dwar il-kontenut tal-ktieb inkwistjoni hija irrilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita n-natura oġġettivament suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-kontenut tal-ktieb inkwistjoni huma marbuta mal-istħarriġ tal-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni u mhux mal-istħarriġ tal-motivazzjoni tagħha, u għalhekk ma jistgħux jintlaqgħu fil-kuntest ta’ lment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Parlament speċifika, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li l-kontenut tal-imsemmi ktieb kien ġie spjegat lill-Awtorità tal-Ħatra.

42      Fl-aħħar nett, mill-punt 36 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 kienet essenzjalment motivata mill-fatt li l-ktieb inkwistjoni kien jikkonċerna l-“Panama Papers” u kumpanniji offshore u li dan il-ktieb kellu rabta max-xogħol tal-Parlament. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li tqies li r-rikorrent kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal.

43      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni kienet suffiċjenti sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jiddetermina jekk id-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 kinitx fondata jew jekk kinitx ivvizzjata b’difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-motivazzjoni esposta iktar ’il fuq, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet speċifiċi għaliex il-Parlament qies li huwa kien imissu avża lill-Awtorità tal-Ħatra bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika l-ktieb inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-imsemmija raġunijiet qegħdin jiġu kkontestati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Minbarra dan, din il-motivazzjoni hija wkoll suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018.

44      Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-imsemmija deċiżjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza, kif imfakkra fil-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq. B’hekk, l-ilment tar-rikorrent fis-sens li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ewwel ilment

45      Ir-rikorrent isostni li l-Awtorità tal-Ħatra imponiet fuqu obbligu iktar oneruż minn dak previst fl-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li l-Parlament kien waqqaf kumitat ta’ inkjesta inkarigat sabiex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (iktar ’il quddiem il-“Kumitat PANA”) ma jfissirx, skont ir-rikorrent, li huwa ma setax jesprimi ruħu dwar ġrajjiet kurrenti marbuta mal-Panama Papers, ħlief fil-każ li jkun ikkritika x-xogħol tal-imsemmi kumitat, tal-Parlament jew tal-Unjoni b’tali mod li jippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni. Ir-rikorrent jinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127), u jindika li minn din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex jekk huwa kienx naqas milli javża dwar il-pubblikazzjoni ppjanata tal-ktieb inkwistjoni, iżda hija pjuttost li jiġi ddeterminat jekk l-interessi leġittimi tal-Unjoni setgħux jiġu mhedda serjament mill-kontenut tiegħu. B’hekk, peress li ma jirrappreżentax tali theddida, il-ktieb inkwistjoni ma jistax jitqies li jaqa’ taħt il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas ma jista’ jitqies li huwa marbut max-xogħol tal-Unjoni.

46      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

47      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-persuni responsabbli għall-evalwazzjoni tal-ħidma tal-persuna evalwata. Fil-fatt, l-evalwaturi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jevalwaw il-ħidma tal-persuni li l-evalwazzjoni tagħhom taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il‑Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, EU:C:1983:152, punt 23, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑96/04, EU:T:2005:376, punt 41).

48      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni jgawdu mid-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, inkluż fl-oqsma koperti mix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din il-libertà tinkludi l-libertà li wieħed jesprimi, verbalment jew bil-miktub, opinjonijiet li ma jaqblux ma’ jew li jkunu opposti għal dawk imħaddna mill-istituzzjoni li timpjegahom (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Madankollu, il-libertà ta’ espressjoni tista’ tkun suġġetta għal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jipprovdi li l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b’liġi li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑199/11 P, EU:T:2012:691, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’soċjetà demokratika, huwa leġittimu wkoll li l-uffiċjali, minħabba l-istatus tagħhom, jiġu suġġetti għal obbligi bħal dawk previsti fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali obbligi, li huwa minnu li huma restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni, huma intiżi li jħarsu r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-istituzzjoni u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħha (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑199/11 P, EU:T:2012:691, punt 138; ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 44).

51      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-uffiċjal li jkollu l-intenzjoni jippubblika jew jara li jiġi ppubblikat, waħdu jew ma’ oħrajn, kwalunkwe test li s-suġġett tiegħu jittratta x-xogħol tal-Unjoni għandu javża minn qabel lill-Awtorità tal-Ħatra. Din tal-aħħar hija meħtieġa tindika l-oġġezzjonijiet li jista’ jkollha f’terminu ta’ 30 jum ta’ xogħol minn meta tirċievi l-avviż, u fl-assenza ta’ tali indikazzjoni hija titqies li tkun tat il-kunsens impliċitu tagħha f’dan ir-rigward. Il-ġurisprudenza speċifikat li tali kunsens jista’ jiġi rrifjutat biss eċċezzjonalment, meta l-pubblikazzjoni kkunsidrata tkun ta’ natura li tippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T‑585/16, EU:T:2017:613, punti 80 u 81).

52      Minn dan jirriżulta li l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-uffiċjali li jkollhom l-intenzjoni jippublikaw kwalunkwe test li s-suġġett tiegħu jittratta x-xogħol tal-Unjoni hija magħmula minn żewġ stadji distinti. L-ewwel stadju jipprevedi l-obbligu, għall-uffiċjal, li javża lill-Awtorità tal-Ħatra bl-intenzjoni tiegħu li jwettaq tali pubblikazzjoni meta s-suġġett tat-test inkwistjoni jittratta x-xogħol tal-Unjoni. It-tieni stadju jipprevedi l-obbligu, għall-Awtorità tal-Ħatra, li tinforma lill-uffiċjal ikkonċernat bid-deċiżjoni tagħha, bil-miktub u f’terminu ta’ 30 jum, meta tkun f’pożizzjoni li turi li dan it-test jista’ jippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni.

53      Il-modalitajiet differenti li jikkaratterizzaw kull wieħed minn dawn iż-żewġ stadji jikkorrispondu għall-għan stess tal-proċedura prevista fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk, l-avviż minn qabel, mill-uffiċjal ikkonċernat, tal-intenzjoni tiegħu li jippubblika kwalunkwe test li s-suġġett tiegħu jittratta x-xogħol tal-Unjoni jippermetti mbagħad lill-istituzzjonijiet jeżerċitaw il-kontroll li huma meħtieġa jwettqu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kapaċità tat-test inkwistjoni li jippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni ma hijiex kriterju rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-avviż tal-intenzjoni li jiġi ppubblikat kwalunkwe test li s-suġġett tiegħu jittratta x-xogħol tal-Unjoni.

54      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx ġiet avżata minn qabel bil-pubblikazzjoni tal-ktieb inkwistjoni. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018, il-Parlament sempliċement qies li d-dikjarazzjoni kontenzjuża, li kienet tinsab fil-parti msejħa “Kondotta fis-servizz” taħt l-intestatura “3. Konformità ma’ regoli u proċeduri” tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016, kienet iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’hekk ikkonstata ksur tad-dmir ta’ avviż minn qabel. Għall-kuntrarju, il-Parlament ma ħa ebda deċiżjoni dwar l-eventwali theddida li l-ktieb inkwistjoni seta’ jirrappreżenta għall-interessi leġittimi tal-Unjoni.

55      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt invokat mir-rikorrent, jiġifieri li l-ktieb inkwistjoni ma jistax jippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-argument li, sa fejn il-ktieb inkwistjoni ma setax jippreġudika serjament l-interessi leġittimi tal-Unjoni, il-Parlament kien impona fuq ir-rikorrent obbligu iktar oneruż minn dak previst fl-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal meta qies li dan tal-aħħar kien imissu avża lill-Awtorità tal-Ħatra dwar il-pubblikazzjoni ppjanata.

–       Fuq it-tieni lment

57      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-dmir ta’ avviż li għandhom l-uffiċjali li jkollhom l-intenzjoni jippubblikaw kwalunkwe test japplika biss meta l-imsemmi test jikkonċerna x-xogħol tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata tadotta interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ xogħol tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl ta’ linji gwida oħra li jistabbilixxu l-kuntest li fih għandu jiġi interpretat l-imsemmi kunċett. F’dan il-każ, l-evokazzjoni ta’ sempliċi rabta bejn il-ktieb inkwistjoni u x-xogħol tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrent kien obbligat javża lill-amministrazzjoni bl-intenzjoni tiegħu li jipproċedi bl-imsemmija pubblikazzjoni.

58      B’hekk, ir-rikorrent qiegħed essenzjalment isostni li l-ktieb inkwistjoni ma jagħmel riferiment għal ebda xogħol tal-Unjoni, iżda jikkonċerna sempliċement dibattitu politiku intern Malti. Sa fejn il-Parlament jindirizza diversi suġġetti f’oqsma diversi, jekk jintlaqa’ r-raġunament segwit mill-Awtorità tal-Ħatra, dan iwassal sabiex l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu pprojbiti milli jesprimu ruħhom dwar kwalunkwe suġġett li jkun kopert mill-ħidma mwettqa mill-Kumitat PANA u mill-Parlament. Issa, peress li l-ktieb inkwistjoni la jagħmel riferiment għax-xogħol tal-imsemmi kumitat u lanqas għax-xogħol tal-Unjoni, is-suġġett tiegħu ma jikkonċernax, għalhekk, ix-xogħol tal-Unjoni. Ir-rikorrent għalhekk ma kisirx ir-relazzjoni ta’ fiduċja tiegħu, u lanqas ma naqas mid-dmirijiet ta’ lealtà u ta’ imparzjalità tiegħu fil-konfront tal-Unjoni meta naqas milli javża bil-pubblikazzjoni ppjanata tiegħu. Fl-aħħar nett, fl-eventwalità li s-suġġett ta’ dan il-ktieb jikkonċerna x-xogħol tal-Unjoni, ipoteżi li f’dan il-każ hija żbaljata, ir-rikorrent isostni li dan il-ktieb, l-iktar l-iktar, jikkomplementa r-riflessjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u l-inkjesta tal-Kumitat PANA.

59      Fit-tieni lok, ir-rikorrent iżid jgħid li, billi imponiet fuqu sanzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra assumiet setgħa diskrezzjonali ikbar minn dik mogħtija lilha mill-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u li b’hekk kisret id-dritt tiegħu għal-libertà ta’ espressjoni.

60      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jenfasizza li, meta wieħed jgħodd id-diversi termini previsti fl-Artikolu 17a(2) u fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-terminu previst għat-talbiet għal reviżjoni ta’ pubblikazzjonijiet li huma suġġetti għal avviż minn qabel jikkorrispondi għal perijodu ta’ ħames xhur. Ir-rikorrent jargumenta li, fid-dawl tat-tul kunsiderevoli ta’ dan il-perijodu, l-obbligu ta’ avviż għandu jiġi llimitat għall-pubblikazzjonijiet li jikkonċernaw strettament ix-xogħol tal-Unjoni.

61      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

62      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent fis-sens li l-ktieb inkwistjoni jikkonċerna dibattitu politiku intern Malti (ara l-punti 57 u 58 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 hija essenzjalment motivata mill-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra qieset li l-ktieb inkwistjoni kien jikkonċerna l-affari magħrufa bħala “Panama Papers” kif ukoll il-kumpanniji offshore u li, sa fejn dan is-suġġett kien marbut mal-ħidma tal-Parlament, l-intenzjoni tar-rikorrent li jippubblika l-imsemmi ktieb kien imissha kienet is-suġġett ta’ avviż minn qabel lill-Parlament.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fit-8 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament adotta d-Deċiżjoni (UE) Nru 2016/1021, dwar it-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, is-setgħat, kif ukoll id-daqs numeriku u l-mandat tiegħu (ĠU 2016, L 166, p. 10). Mill-paragrafu 2 tad-Deċiżjoni 2016/1021 jirriżulta li l-investigazzjoni mmexxija mill-Kumitat PANA kellha tkopri b’mod partikolari l-attività tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, inkluża Malta.

64      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li r-rapport finali mfassal fil-kuntest tal-Kumitat PANA ġie ppubblikat wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb inkwistjoni, għandu xorta waħda jiġi kkonstatat li dan ir-rapport jikkorrobora l-affermazzjonijiet magħmula fil-punt 63 iktar ’il fuq sa fejn jagħti rendikont ta’ missjoni ta’ inkjesta fuq il-post li effettivament intbagħtet Malta fl-20 ta’ Frar 2017. Barra minn hekk, mill-elementi inklużi fil-proċess tal-kawża jirriżulta wkoll li l-paġna 86 tal-ktieb inkwistjoni tiddeskrivi l-istedina mibgħuta lil ministru tal-Gvern Malti sabiex jidher quddiem kumitat tal-Parlament bil-għan li jagħti spjegazzjonijiet dwar il-kumpannija li allegatament kellu fil-Panama. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-ħidma tal-Kumitat PANA kienet marbuta mas-sitwazzjoni Maltija, b’mod partikolari għall-finijiet li jiġi investigat eventwali ksur f’Malta fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ħasil tal-flus, tal-evażjoni fiskali u tal-frodi fiskali.

65      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tal-ktieb inkwistjoni kien jikkonċerna preċiżament il-kompetenzi tal-Kumitat PANA sa fejn dan tal-aħħar kien meħtieġ jevalwa s-sitwazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni, u b’mod partikolari s-sitwazzjoni ta’ Malta, fil-qasam tal-ħasil tal-flus, tal-evażjoni fiskali u tal-frodi fiskali.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma għandux raġun meta jallega li fil-ktieb inkwistjoni ma hemm ebda riferiment għax-xogħol tal-Unjoni u li l-ktieb inkwistjoni sempliċement jittratta s-suġġett minn perspettiva purament interna.

67      Fil-fatt, it-titolu tal-ktieb inkwistjoni, L-Aqwa flEwropa. Il-Panama Papers u l-Poter, iqiegħed b’mod ċar dan il-ktieb f’kuntest Ewropew, u dan iktar u iktar fid-dawl tar-riproduzzjoni tal-bandiera tal-Unjoni li tinsab fuq il-qoxra tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi ktieb jinkludi wkoll diversi riferimenti għall-ħidma tal-Unjoni kif ukoll għal personalitajiet marbuta mal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. B’hekk, f’dan ir-rigward jistgħu jissemmew b’mod partikolari r-riferimenti għall-ħidma tal-Kumitat PANA, għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għal Membru tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, anness mal-ktieb inkwistjoni jevoka t-tema ta’ Brexit u jsemmi b’mod espliċitu s-suq intern tal-Unjoni.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi sostnut, għalhekk, li l-ktieb inkwistjoni jikkonċerna purament u sempliċement dibattitu dwar il-politika interna Maltija u li s-suġġett tiegħu bl-ebda mod ma jittratta x-xogħol tal-Unjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li s-suġġett tal-imsemmi ktieb huwa ttrattat prinċipalment minn perspettiva nazzjonali, sa fejn jikkonċerna l-politika u l-politiċi Maltin, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar kienu, fl-istess ħin, is-suġġett tal-ħidma tal-Kumitat PANA. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ktieb inkwistjoni jittratta x-xogħol tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-ktieb inkwistjoni jinkludi diversi riferimenti konkreti għal dan ix-xogħol, kif jirriżulta mill-punt 67 iktar ’il fuq.

69      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, peress li s-suġġett tal-ktieb inkwistjoni jittratta x-xogħol tal-Unjoni, ma jistax jitqies li l-Parlament wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew wettaq użu ħażin ta’ poter meta qies li l-Awtorità tal-Ħatra kellha tiġi avżata bil-pubblikazzjoni ppjanata, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

70      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent li l-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ġie applikat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018, bi ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tiegħu, għandu jiġi miċħud.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Awtorità tal-Ħatra assumiet setgħa diskrezzjonali ikbar minn dik li jagħtiha l-Artikolu 17a (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li r-rikors ineżami jikkonċerna esklużivament il-legalità tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018, u għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament kellux raġun jikkonstata, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016, li dan tal-aħħar kien naqas milli javża lill-Awtorità tal-Ħatra bil-pubblikazzjoni tal-ktieb inkwistjoni fl-2016.

72      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa leġittimu li l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu suġġetti għal obbligi bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Awtorità tal-Ħatra milli ssemmi, f’rapport ta’ evalwazzjoni, inċident ta’ darba, b’mod partikolari meta dan l-inċident, bħal f’dan il-każ, jikkonċerna ksur ta’ regola ċara u speċifika li toħroġ direttament mir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formulazzjoni ta’ kumment, bħad-dikjarazzjoni kontenzjuża, f’rapport ta’ evalwazzjoni mhux biss ma tmurx kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tagħhom, iżda jista’ jkollha l-għan leġittimu li twissi lill-individwu kkonċernat u li tevita repetizzjoni tal-ksur tar-regola inkwistjoni li toħroġ mir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑41/14, EU:F:2015:24, punt 55).

73      Barra minn hekk, mill-eżami tal-proċess tal-kawża jirriżulta li r-rikorrent ma qiegħed iressaq ebda element konkret li jista’ jistabbilixxi li xi kwalunkwe sanzjoni ġiet imposta fuqu fl-istess ħin maż-żamma ta’ din id-dikjarazzjoni kontenzjuża fl-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni, li tinsab fil-parti msejħa “Kondotta fis-servizz” taħt l-intestatura “3. Konformità ma’ regoli u proċeduri”. Issa, fil-punt 69 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-Parlament kellu raġun jirrifjuta li jneħħi d-dikjarazzjoni kontenzjuża mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016, sa fejn dan tal-aħħar kien naqas milli josserva l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

74      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Awtorità tal-Ħatra kienet assumiet setgħa diskrezzjonali ikbar minn dik li jagħtiha l-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

75      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-obbligu ta’ avviż għandu jiġi llimitat għall-pubblikazzjonijiet li jittrattaw strettament ix-xogħol tal-Unjoni, fid-dawl tal-akkumulazzjoni tat-termini previsti fl-Artikolu 17a(2) u fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-konklużjoni magħmula fil-punt 70 iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-rikorrent naqas milli javża lill-Awtorità tal-Ħatra bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika test li s-suġġett tiegħu kien madankollu jittratta x-xogħol tal-Unjoni, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, din hija preċiżament il-konstatazzjoni mfassla mill-Parlament fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018, li fid-dawl tagħha għandha għalhekk tiġi evalwata l-legalità ta’ din tal-aħħar.

76      Għaldaqstant, dan l-argument ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 u dan l-argument għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

77      Peress li l-ilmenti kollha esposti insostenn taż-żewġ motivi mqajma għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 ġew miċħuda, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet għad-danni

78      Ir-rikorrent isostni li, peress li d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment kienet ibbażata fuq applikazzjoni ħażina tar-Regolamenti tal-Persunal mill-Awtorità tal-Ħatra u fuq l-użu ta’ setgħa diskrezzjonali li jmur lil hinn minn dak li jippermettu l-imsemmija regolamenti, huwa kien ġarrab dannu morali kemm fuq il-post tax-xogħol tiegħu kif ukoll fil-ħajja personali tiegħu. Dan id-dannu kellu impatt, b’mod partikolari, fuq l-attività letterarja tiegħu. Huwa jallega wkoll li ġarrab dannu materjali sa fejn, minn naħa, tilef il-benefiċċju ta’ promozzjoni u, min-naħa l-oħra, jista’ jkun suġġett għal proċeduri dixxiplinari minħabba d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018. Għaldaqstant, ir-rikorrent jitlob li l-Parlament jiġi kkundannat iħallsu somma ddeterminata mill-Qorti Ġenerali bħala kumpens għad-dannu morali li huwa jqis li ġarrab. Ir-rikorrent jispeċifika wkoll li d-deċiżjoni tal-Parlament li permezz tagħha dan tal-aħħar qies li l-avviż minn qabel min-naħa tar-rikorrent dwar il-pubblikazzjoni tat-tieni edizzjoni tal-ktieb inkwistjoni kien inammissibbli kellha effett dissważiv fir-rigward tal-imsemmija pubblikazzjoni.

79      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

80      Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrent jistgħu jinftiehmu fis-sens li dan tal-aħħar qiegħed jitlob li jikseb kumpens għal dannu materjali, għandu jitfakkar li, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors intiż għall-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi elementi li jippermettu li jiġu identifikati, b’mod partikolari, id-dannu li rikorrent jallega li ġarrab kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1999, Apostolidis et vs Il‑Kummissjoni, C‑327/97 P, EU:C:1999:482, punt 37). Barra minn hekk, rikors għad-danni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli meta rikorrent ma jistabbilixxix, u lanqas biss ma jkun allega, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-assenza ta’ stima f’ċifri, fir-rikors, tad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, EU:C:2004:555, punt 62).

81      F’dan il-każ, ir-rikorrent ma pprovda ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-mod kif għandu jiġi stmat f’ċifri d-dannu materjali allegat minnu u ma ġġustifikax din l-ommissjoni, b’tali mod li t-talba tiegħu intiża li jinkiseb kumpens għal dannu materjali għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

82      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba intiża li jinkiseb kumpens għad-dannu morali allegat mir-rikorrent, dan tal-aħħar isostni li l-imsemmi dannu kien ikkawżat minn applikazzjoni ħażina tar-Regolamenti tal-Persunal mill-Awtorità tal-Ħatra u mill-użu ta’ setgħa diskrezzjonali li jmur lil hinn minn dak li jippermettu l-imsemmija regolamenti.

83      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni jeżiġi li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu kkonċernati, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir invokat u d-dannu allegat, tliet kundizzjonijiet, dawn, li huma kumulattivi (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Wahlström vs Frontex, T‑591/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:938, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrent hija bbażata biss fuq l-illegalità li biha hija allegatament ivvizzjata d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018.

86      Peress li, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal annullament imressqa mir-rikorrent, ġie kkonstatat li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018 ma hija vvizzjata b’ebda illegalità, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-Parlament ma hijiex issodisfatta.

87      Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament qies li l-avviż minn qabel tal-pubblikazzjoni tat-tieni edizzjoni tal-ktieb inkwistjoni ppreżentat mir-rikorrent kien inammissibbli huma irrilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, sa fejn dan ir-rikors huwa indirizzat biss kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2018, li permezz tagħha l-Parlament irrifjuta li jneħħi d-dikjarazzjoni kontenzjuża mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016.

88      Minn dan isegwi li t-talbiet għal kumpens imressqa mir-rikorrent għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talba għal miżura istruttorja

89      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali tisma’ Membru tal-Parlament ta’ Malta, kif ukoll Membru tal-Parlament, it-tnejn li huma personalitajiet attivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza tajba f’Malta.

90      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-partijiet li jressqu talba għas-smigħ ta’ xhieda għandhom jippreżentaw indizji preċiżi u rilevanti ta’ natura li jispjegaw kif ix-xhieda mitluba tista’ tkun ta’ interess għall-eżitu tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2018, Verein Deutsche Sprache vs Il-Kummissjoni, T‑468/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:207, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, ir-rikorrent ma pprovda ebda indikazzjoni speċifika, inkonnessjoni mal-kawża ineżami, sabiex jispjega r-raġunijiet għaliex is-smigħ taż-żewġ xhieda seta’ jkun neċessarju jew utli. Bl-istess mod, huwa lanqas ma ppreċiża liema kienu l-fatti jew iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal din il-kawża li setgħu jiġġustifikaw iż-żamma ta’ tali smigħ. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li s-smigħ taż-żewġ xhieda mitlub minnu kien rilevanti jew neċessarju fil-kawża ineżami.

92      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi materjali li diġà jinsabu fil-proċess tal-kawża huma suffiċjenti sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ineżami.

93      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal miżura istruttorja mressqa mir-rikorrent.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.






2)      Mark Anthony Sammut huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Jaeger

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ġunju 2020.

Reġistratur

 

      President tal-Awla

E. Coulon

 

      M. van der Woude


*      Lingwa tal-kawża: il-Malti.