Rikors ippreżentat fis-6 ta' Awwissu 2011 - Qualitest FZE vs Il-Kunsill
(Kawża T-421/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Qualitest FZE (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: M. Catrain González, avukat, E. Wright u H. Zhu, Barristers)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011 tat-23 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 136, p. 26) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK tat-23 ta' Mejju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 136, p. 65), sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti; u
tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1. L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 296 TFUE sabiex jiddikjara r-raġunijiet li għalihom ġiet inkluża r-rikorrenti fil-miżuri kkontestati.
2. It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser id-dritt għad-difiża tar-rikorrenti meta naqas milli jinkludi kwalunkwe dikjarazzjoni ta' raġunijiet fil-miżuri kkontestati bħal:
- In-nuqqas ta' kwalunkwe ġustifikazzjoni ma tippermettix lir-rikorrenti sabiex tiddikjara l-opinjoni tagħha dwar l-informazzjoni jew materjal ippreżentati kontra tagħha; u
- Dawn in-nuqqasijiet jikkostitwixxu ksur fundamentali tal-obbligi tal-konvenut fir-rigward tal-miżuri kkontestati u jagħmluhom invalidi sa fejn dawn ikunu japplikaw għar-rikorrenti.
3. It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkluda li r-rikorrenti kienet involuta fl-akkwist ta' komponenti għall-programm nukleari Iranjan u li l-kundizzjonijiet legali għall-inklużjoni tagħha kienu ġew sodisfatti.
____________