Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Awwissu 2010 - Leifheit AG vs UASI - Vermop Salmon (Twist System)

(Kawża T-334/10)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Leifheit AG (Nassau, il-Ġermanja) (rappreżentanti: G. Hasselblatt u V. Töbelmann, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Vermop Salmon GmbH (Gilching, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-12 ta' Mejju 2010 fil-Każijiet magħquda R 924/2009-1 u R 1013/2009-1;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż;

fil-każ li Vermop Salmon GmbH tintervjeni f'din il-kawża, tikkundanna lil din il-kumpannija intervenjenti għall-ispejjeż tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: trade mark verbali "Twist System" għal prodotti fil-klassijiet 7, 8 u 21.

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti.

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Vermop Salmon GmbH.

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: trade mark verbali "TWIX" għal prodotti fil-klassi 21 u trade mark verbali "TWIXTER" għal prodotti fil-klassijiet 9, 12, 21, 22 u 25.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità parzjalment milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: l-appell ta' Vermop Salmon intiż sabiex l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tar-rikorrenti għal prodotti oħra tiġi miċħuda ġie milqugħ u l-appell tar-rikorrenti ġie miċħud.

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 1 minħabba li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ma eżaminax jekk il-provi tal-użu mressqa minn Vermop Salmon kinux suffiċjenti sabiex jistabbilixxu użu ġenwin tat-trade marks Komunitarji preċedenti kif ukoll ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 57(2) flimkien ma' dawk tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 minħabba li l-provi tal-użu mressqa fil-proċess minn Vermop Salmon ma jurux użu ġenwin tat-trade marks Komunitarji preċedenti, ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 minħabba li t-trade marks kunfliġġenti ma jixxibhux.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).