Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2022 – Leonine Distribution vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-641/20) 1

(“Kultura – Programm ‘Ewropa Kreattiva’ (2014 sa 2020) – Subprogramm ‘Media’ – Sejħa għal proposti EACEA/05/2018 – Deċiżjoni tal-EACEA li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-appell amministrattiv relatat mad-deċiżjoni tal-EACEA – Kunċett ta’ ‘impriża Ewropea’ – Sussidju miftuħ biss għall-kandidati miżmuma, direttament jew b’parteċipazzjoni maġġoritarja, minn ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni jew minn ċittadini ta’ pajjiżi Ewropej oħra li jipparteċipaw fis-subprogramm – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Nuqqas li jiġu eżaminati d-dokumenti annessi mal-proposta – Proporzjonalità”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Leonine Distribution GmbH (Munich, il-Ġermanja) (rappreżentant: J. Kreile, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Farrell u A. Katsimerou, aġenti)

Intervenjent insostenn tar-rikorrent: L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (rappreżentanti: H. Monet, N. Sbrilli u V. Kasparian, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5515 final tal-10 ta’ Awwissu 2020 li tiċħad l-appell amministrattiv ippreżentat, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU 2003, L 11, p. 1), kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) tat-12 ta’ Mejju 2020 li tiċħad it-talba ta’ sussidju tagħha mressqa fil-kuntest tas-sejħa għal proposti “Appoġġ għad-distribuzzjoni ta’ films mhux nazzjonali – Sistema ta’ għajnuna awtomatika għad-distribuzzjoni” (EACEA/05/2018).

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Leonine Distribution GmbH hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

____________

1     ĠU C 19, 18.1.2021.