Language of document : ECLI:EU:T:1999:65

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

25 ta' Marzu 1999 (*)

"Kompetizzjoni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Interess li wieħed jaġixxi – Kamp ta' applikazzjoni territorjali tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Pożizzjoni dominanti kollettiva – Impenji"

Fil-kawża T-102/96

Gencor Ltd, kumpannija rreġistrata fl-Afrika t’Isfel, stabbilita f’Johannesburg, (Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel), irrappreżentata minn Paul Lasok QC, James Flynn u David Hall, Solicitors, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-Uffiċju ta’ Marc Loesch, 11, Rue Goethe,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Richard Lyal, tas-Servizz Legali tagħha, bħala Aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta’ Carlos Gómez de la Cruz, tas-Servizz Legali tagħha, Wagner Centre, Kirchberg,

konvenuta

sostnuta minn

Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn Ernst Röder, Ministerialrat, u Bernd Kloke, Oberregierungsrat, bħala Aġenti, Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Teknoloġija, Bonn, (Il-Ġermanija),

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett applikazzjoni għall-annulament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/26/KE ta’ l-24 ta’ April 1996 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru IV/M.619 – Gencor vs Lonrho) (ĠU 1997, L 11, p. 30),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, B. Vesterdorf, R. García-Valdecasas, R.M. Moura Ramos u M. Jaeger, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González u A. Mair, Amministraturi,

wara li kkunsidraw il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Frar 1998,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li taw lok għall-kawża

1.L-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni

Il-partijiet fil-konċentrazzjoni

1        Gencor Ltd (iktar ‘il quddiem “Gencor") hija kumpannija rreġistrata fl-Afrika t’Isfel. Din hija l-kumpannija prinċipali ta’ grupp li jopera prinċipalment fis-setturi minerarji u metallurġiċi.

2        Impala Platinum Holdings Ltd (iktar ‘il quddiem “Implats”) hija kumpannija rreġistrata fl-Afrika t’Isfel li fi ħdanha tiġbor l-attivitajiet li Gencor għandha fis-settur tal-grupp tal-metal platinum (‘GMP’). Miżmuma sa 46.5% minn Gencor u 53.5% mill-pubbliku, hija kkontrollata minn Gencor għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bejn impriżi (ĠU 1989 L 395, p. 1, corrigenda fil-ĠU 1990 L 257, p. 13, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”).

3        Lonrho Plc (iktar ‘il quddiem “Lonrho”) hija kumpannija rreġistrata fl-Ingilterra. Din hija l-kumpannija prinċipali ta’ grupp li jopera f’attivitajiet diversi fis-settur minerarju u metallurġiku kif ukoll fil-lukandi, l-agrikoltura u n-negozju ġenerali.

4        Eastern Platinum Ltd (iktar ‘il quddiem “Eastplats”) u Western Platinum Ltd (iktar ‘il quddiem “Westplats”), ġeneralment magħrufa taħt l-isem ta’ Lonrho Platinum Division (iktar ‘il quddiem “LPD”), huma kumpanniji rreġistrati fl-Afrika t’Isfel li fi ħdanhom jiġbru l-attivitajiet li Lonrho għandha fis-settur GMP. Huma miżmuma sa 73% minn Lonrho u sa 27% minn Gencor permezz tal-kumpannija sussidjarji tagħha Implats. Dawn l-aħħar mhumiex suġġetti għal ftehim bejn l-azzjonisti konkluż fil-15 ta’ Jannar 1990 bejn il-gruppi Gencor u Lonrho(iktar ‘il quddiem il-“Ftehim bejn l-azzjonisti”). Skond dak il-ftehim, kull azzjonist għandu jappunta numru ugwali ta’ diretturi fuq il-bord tad-diretturi u dawn id-diretturi għandhom ikollhom l-istess drittijiet ta’ voti u l-ebda direttur m'għandu jkollu l-vot deċisiv. L-approvazzjoni tal-bord tad-diretturi hija neċessarja għal ċerti deċiżjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-oqsma li ġejjin: diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-LPD; l-ammonti tad-dividendi li għandhom jitqassmu; il-pjan strateġiku u l-baġit ta’ kull sena; l-approvazzjoni tal-prospetti finanzjarji annwali u bdil fir-rati ta’ remunerazzjoni ta’ l-azzjonisti. L-approvazzjoni ta’ l-azzjonisti hija meħtieġa fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu investiment u ċessjonijiet importanti. Skond ftehim iffirmat minn Eastplats u Westplats (iktar ‘il quddiem il-“Ftehim ta’ Amministrazzjoni”), l-amministrazzjoni ta’ dawk il-kumpanniji jibqa jiġi assigurat mil-Lonhro Management Services ( iktar ‘il quddiem l-“LMS”), kumpannija rreġistrata fl-Afrika t’Isfel u kkontrollata minn Lonrho.

Il-konċentrazzjoni proposta

5        Gencor u Lonrho ppropenew illi, wara operazzjoni li kellha sseħħ f'żewġ stadji, jiksbu l-kontroll konġunt ta’ Implats u, permezz ta’ din l-impriża, ta’ Eastplats u ta' Westplats (LPD). Fl-ewwel stadju, Gencor u Lonrho kellhom jiksbu kontroll konġunt ta’ Implats. It-tieni stadju kellu jagħti lill-Implats il-kontroll esklużiv ta’ Eastplats u ta' Westplats. Bħala kambju għaċ-ċessjoni ta’ l-ishma tagħha fil-kapital ta' Eastplats u ta' Westplats, Lonrho kellha żżidd l-ishma tagħħa f’Implats.

6        Wara l-operazzjoni, Implats kellha jkollha l-kontroll esklużiv ta’ Eastplats u ta' Westplats. Implats kellha tkun miżmuma sa 32% minn Gencor, 32% minn Lonrho u 36% mill-pubbliku. Barra minn hekk, ftehim dwar il-ħatra ta’ diretturi u arranġamenti ta’ votazzjoni kellu jirregola l-imġiba taż-żewġ azzjonisti prinċipali fir-rigward ta’ l-iktar kwistjonijiet importanti fit-tmexxija ta’ Implats, u b’hekk jingħataw kontroll konġunt ta’ dik il-kumpannija.

 2. Proċedura Amministrattiva

7        Fl-20 ta’ Ġunju 1995, Gencor u Lonrho ħabbru li kienu kkonkludew ftehim kwadru intiż sabiex jgħaqqad flimkien l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-GMP. Fl-istess ġurnata huma bagħtu lill-Kummissjoni kopja tal-komunikazzjoni għall-istampa li kienet tħabbar it-tranżazzjoni.

8        Fit-22 ta’ Awwissu 1995, il-Bord ta’ Kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel informa lill-partijiet illi, wara li kkunsidra d-dokumenti li huma bagħtulu fl-14 ta’ Awwissu 1995, it-tranżazzjoni ma kienet tikkawża l-ebda problema f'dak li jirrigwarda l-liġi tal-kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel.

9        Fl-10 ta’ Novembru 1995, Gencor u Lonrho ffirmaw sensiela ta’ ftehim li jirrigwardaw l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni. Dawn kienu jinkludu l-ftehim ta’ xiri, li t-twettieq tiegħu kien suġġett għat-twettiq ta' ċerti kundizzjonijiet sospensivi, b'mod partikolari l-approvazzjoni tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 1996 jew, bi ftehim bejn il-partijiet, mhuwiex iktar tard mit-30 ta’ Settembru 1996, kif imsemmi fil-klawżoli 3.1.8 u 3.3 tal-ftehim tax-xiri.

10      Fis-17 ta’ Novembru 1995, Gencor u Lonrho flimkien innotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn il-ftehim, flimkien ma’ l-annessi tagħhom, permezz ta’ Formola CO, skond Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni ordnat is-sospensjoni ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni, skond l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 4064/89 sakemm hija tadotta deċiżjoni finali.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni tati lok għal dubbji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u għaldaqstant bdiet il-proċeduri prevista fir-Regolament Nru 4064/89, skond l-Artikolu 6(1)(c) ta' dan ta' l-aħħar.

13      Fit-13 ta’ Marzu 1996, l-Anglo American Corporation of South Africa Ltd (iktar 'il quddiem "AAC") kisbet sehem ta’ 6% f’Lonrho, bi dritt ta’ prelazzjoni fuq sehem ieħor ta' 18%. Hija hija l-kompetitur prinċipali ta’ Gencor u ta' Lonrho fis-settur tal-GMP, permezz tal-kumpannija Amplats li hija marbuta magħha u li hija l-fornitur ewlieni fid-dinja.

14      Wara laqgħa organizzata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 1996, ir-rikorrenti u Lonrho bdew diskussjonijiet mad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jeżaminaw il-possibbiltà li jiġu proposti impenji skond Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89.

15      Fis-27 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni nfurmat lil Gencor u lil Lonrho li waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipli tagħha fir-rigward ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kienet li din tista’ tirriżulta f’restrizzjoni tal-produzzjoni li twassal għal pressjoni li dejjem tiżdied fuq il-prezzijiet. F'dan ir-rigward hija fakkret li hija ma kinitx normalment taċċetta impenji ta' natura komportamentali.

16      Fl-1 ta’ April 1996, wara sensiela ta’ laqgħat u proposti f’dan ir-rigward, Gencor u Lonrho ssottomettew il-verżjoni finali ta’ l-impenji li huma kienu qegħdin jipproponu. Dawn l-impenji kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-livell ta’ produzzjoni ta' sit partikolari.

17      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 1996, il-Kummissjoni kkritikat dawn il-proposti ta' impenji għar-raġuni li dawn ma kinux jagħmlu tajjeb għall-preokkupazzjonijiet tagħha. B’mod partikolari, hija nnutat id-diffikultajiet marbuta mal-verifikazzjoni tagħhom u l-problemi li joħloq l-annullament ta' l-operazzjoni jekk dawn jinkisru. Hija żiedet tgħid li dawn naqsu milli jikkunsidraw iż-żjieda prevista fit-talba.

18      Fid-9 ta’ April 1996, il-Kumitat konsultattiv dwar Operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bejn impriżi (iktar 'il quddiem "il-Kumitat Konsultattiv") ta’ l-opinjoni tiegħu dwar il-konċentrazzjoni u l-impenn proposti minn Gencor u minn Lonrho. Huwa espona li jaqbel ma’ l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-konċentrazzjoni, id-dimensjoni Komunitarja tagħha, is-swieq tal-prodottu u ġeografiċi rilevanti, kif ukoll l-insuffiċjenza ta' l-impenji proposti. Il-maġġoranza tal-Kumitat Konsultattiv qabel ma’ l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-konċentrazzjoni għandha twassal għall-ħolqien ta’ dominanza oligopolistika fis-swieq ikkonċernati kif ukoll mal-konklużjoni ta' din ta' l-aħħar li tgħid li l-operazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem iż-"ŻEE"). Minoranza tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv esprimew dubbji dwar jekk ir-Regolament Nru 4064/89 jistax jiġi applikat għal sitwazzjonijiet ta’ dominanza oligopolistika, u għal dik ir-raġuni astjenew dwar il-kwistjoni dwar jekk l-operazzjoni kienitx inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament taż-ŻEE jew le.

19      Fid-19 ta’ April 1996, id-Deputat Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Afrika t’Isfel issottometta b’mod uffiċjali lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tal-Gvern tiegħu dwar l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni proposta. F’din l-ittra, huwa llimita ruħu li jiddikjara li huwa ma kellux intenzjoni jikkontesta l-pożizzjoni tal-politika ta' kompetizzjoni adottata mill-Komunità fil-qasam ta’ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni u ta' prattiċi ta' natura kollużiva iżda li, fid-dawl ta' l-importanza tar-riżorsi minerali ta’ l-ekonomija ta’ l-Afrika t' Isfel, huwa kien jippreferi jieħu azzjoni fuq każijiet ta' kollużjoni effettiva meta dawn iseħħu. Fir-rigward tal-każ in kwistjoni, il-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel ikkunsidra li, f’ċerti sitwazzjonijiet, żewġ kompetituri bl-istess saħħa kienu preferibbli għas-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien, fejn impriża minerarja waħda biss kienet dominanti fis-settur. Fil-fehma tal-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel, għalkemm il-biċċa l-kbira tar-riservi tal-platinum kienu jinsabu f’pajjiżu, dawk li kienu jinsabu barra l-pajjiż setgħu, fit-teorija, jissodisfaw it-talba għal 20 sena, u dan ma jinkludix ir-riżorsi potenzjali fiż-Żimbabwe. Fl-aħħar nett il-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel wera x-xewqa tiegħu li jiddiskuti dawn il-punti mal-Kummissjoni u talab sabiex id-deċiżjoni tiġi posposta sakemm jiġu organizzati dawn id-diskussjonijiet.

20      Permezz tad-Deċiżjoni 97/26/EC tal-24 ta’ April 1996 (ĠU 1997 L 11, p. 30; iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ddikjarat, skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament taż-ŻEE, għaliex din kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti bejn iż-żewġ kumpanniji, Amplats u Implats/LPD, fis-suq dinji tal-platinum u rhodium bil-konsegwenza li kompetizzjoni effettiva kienet ser tkun imfixxkla b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni.

21      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Mejju 1996, Lonrho informat lil Gencor li hija ma kelliex l-intenzjoni li testendi għal aktar mit-30 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru 1996 it-terminu ta’ żmien preskritt fil-ftehim ta’ xiri għat-twettieq tal-kundizzjonijiet sospensivi peress li l-kundizzjoni ta' l-approvazzjoni ta' l-operazzjoni mill-Kummissjoni prevista fil-klawżola 3.1.8 tal-ftehim ma ġietx sodisfatta fit-terminu preskritt.

 Proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

22      Fit-28 ta’ Ġunju 1996, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata.

23      Fit-3 ta’ Diċembru 1996, ir-rikorrenti għamlet talba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal investigazzjoni, skond Artikoli 49, 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jiġi stabbilit b’mod preċiż l-istat legali u l-portata ta’ l-ittri uffiċjali ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha.

24      Fit-18 ta’ Diċembru 1996, fl-24 ta’ Jannar 1997 u fit-30 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba.

25      Fil-25 ta’ Novembru 1996 u fit-3 ta’ Diċembru 1996, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq ippreżentaw talba sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

26      Fil-11 ta’ Diċembru 1996 u fit-3 ta’ Jannar 1997, ir-rikorrenti talbet li jingħata trattament kunfidenzjali lil ċerti dokumenti tal-fajl, fir-rigward, rispettivament, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju Unit.

27      Fid-19 ta’ Frar 1997 il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lir-rikorrenti u lil Lonrho sabiex iwieġbu numru ta’ mistoqsijiet dwar l-ammissibilita tar-rikors u sabiex iressqu ċerti dokumenti. Fl-1 ta’ April 1997 u fl-10 ta’ Marzu 1997 rispettivament, ir-rikorrenti u Lonrho wieġbu l-mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Ir-rikorrenti ppreżentat id-dokumenti mitluba, b'mod partikolari l-Ftehim ta’ Amministrazzjoni konkluż bejn, minn naħa, Eastplats u Westplats u, min-naħa l-oħra, LMS fil-15 ta’ Jannar 1990, kif ukoll il-Ftehim magħruf bħala l-il-Ftehim bejn l-Azzjonisti, dwar il-kontroll ta’ LPD, li r-rikorrenti u Lonrho kkonkludew fl-istess jum.

28      Permezz tad-digriet tat-3 ta’ Ġunju tal-1997 il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza, minn naħa, laqgħa t-talba ta' intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, u, min-naħa l-oħra, laqgħa parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali ta' ċerti dokumenti tal-fajl.

29      Fis-27 ta’ Ġunju 1997, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni addizzjonali għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta' ċerta informazzjoni tal-fajl.

30      Permezz ta' digriet tas-16 ta’ Lulju 1997, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' din it-talba.

31      Fit-22 ta’ Settembru 1997, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq irrevoka l-intervent tiegħu. Fis-26 ta’ Settembru 1997, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat is-sottomissjonijiet ta' intervent tagħha.

32      Wara li rat ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jressqu l-verżjoni sħiħa ta’ l-impenji proposti matul il-proċedura amministrattiva mill-partijiet tal-konċentrazzjoni. Huma ppreżentaw id-dokument mitlub, fis-6 u fit-12 ta’ Frar 1998 rispettivament.

33      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta tat-18 ta’ Frar 1998.

34      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 1998 il-Qorti tal-Prim'Istanza staqsiet lir-rikorrenti jekk, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni (C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375), xtaqitx tirtira t-talba tagħha li tgħid li l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu pożizzjoni dominanti kollettiva ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89. Ir-rikorrenti rrispondiet għal-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' ittra tad-29 ta’ Lulju 1998.

 It-talbiet tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha:

- tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

- tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha:

- tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

- sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala mhuwiex fondat;

- tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

37      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jekk jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-konvenuta

38      Il-Kummissjoni tgħid li r-rikors mhuwiex ammissibbli għar-raġuni li r-rikorrenti m'għadx għandha interess legali li taġixxi. Fil-fatt, il-pożizzjoni legali tar-rikorrenti mhuwiex ser tinbidel b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza favuriha, peress li l-operazzjoni nnotifikata ma tkunx għadha tista’ tiġi implementata.

39      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tosserva li l-operazzjoni prevista bejn Gencor u Lonrho kienet suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet sospensivi, fosthom il-ksib ta' awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni abbażi ta' l-Artikolu 6(1)(a) jew (b) jew ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89. Hija tosserva li din il-kundizzjoni kellha tiġi sodisfatta sat-30 ta’ Ġunju 1996 u li fin-nuqqas ta' dan il-ftehim sħiħ ta’ xiri kien jaqa’, skond il-klawżola 3.3 tiegħu. Finalment, hija tosserva li għalkemm, l-istess klawżola tippermetti li d-data ta' skadenza tiġi estiża sat-30 ta’ Settembru 1996 bi ftehim miktub tal-partijiet, madankollu Lonrho rrifjuta estenzjoni bħal din f’ittra tal-21 ta’ Mejju 1996.

Il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

40      Għandu jiġi mfakkar li rikors għall-annulament ippreżentat minn persuna fiżika jew legali huwa ammissibbli biss jekk dik il-persuna għandha interess fl-annulament tal-miżura kkontestata (Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1994, Scottish Football vs Il-Kummissjoni, T-46/92, Ġabra p. II-1039, punt 14). Interess bħal dan jeżisti biss jekk l-annulament ta' l-att jista', fih inniffsu, ikollu konsegwenzi legali (Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, Akzo Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21).

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li skond Artikolu 176 tat-Trattat KE l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie ddikjarat null hija marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-senteza. Dawn il-miżuri ma jirriżultawx fl-eliminazzjoni ta’ l-att mill-ordinament legali Komunitarju, għaliex l-annulament innifsu mill-Qorti għandu dak l-effett. Dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tħassir ta’ l-effetti ta' l-att in kwistjoni safejn dawn ikunu affettwati mill-illegalitàjiet ikkonstatati. L-annulament ta’ att li diġà ġie implementat jew li, sadanittant, ġie abrogat b'effett minn ċerta data xorta jista’ jkollu konsegwenzi legali. Fil-fatt l-att seta’ jipproduċi effetti legali matul il-perijodu meta kien fis-seħħ u dawn l-effetti ma ġewx neċessarjament eliminati minħabba li l-att ġie abrogat. Rikors għall-annulament huwa ammissibbli wkoll jekk dan jippermetti li repetizzjoni fil-futur ta’ l-illegalità allegata tkun evitata. Għal dawn ir-raġunijet, deċiżjoni ta' annullament hija l-bażi li fuqha l-istituzzjoni kkonċernata tista’ terġa tpoġġi lir-rikorrenti f'pożizzjoni status pro ante jew li tevita li tadotta att identiku (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni 92/78, Ġabra 777, punt 32, Akzo Chemie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21, u tas-26 ta' April 1988, Apesco vs Il-Kummissjoni, 207/86, Ġabra p. 2151, punt 16).

42      Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni kienet indirizzata lir-rikorrenti, tagħtiha interess li taġixxi u li tfittex li l-legalità ta’ l-imsemmija deċiżjoni tiġi eżaminata minn qorti Komunitarja.

43      Barra minn hekk, kif enfasizzat ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontesta x'aktarx tbiddel il-pożizzjoni legali tagħha bħala xerrej potenzjali ta’ l-ishma ta’ Lonrho fl-LPD.

44      Fil-fatt, skond l-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn l-azzjonisti (b’mod partikolari 11.1 u 11.6), kull bejgħ jew kull pjan ta' kwotazzjoni fis-suq tal-kambju minn Lonrho ta’ xi parti mill-ishma tagħha ta’ 73% f'LPD jagħtu d-dritt lil Gencor li tixtri parti jew it-totalità ta' dawn l-ishma. Il-fatt li waħda mill-kumpanniji intermedjarji li jkollha ishma fl-LPD tħalli l-grupp Lonrho u li terz jixtri 51% tal-kapital ta' Lonrho wkoll jagħti d-dritt lil Gencor li tixtri dawn l-ishma. Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkonstatata tostakola l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ta' prelazzjoni.

45      Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni jwassal għal sitwazzjoni fejn il-legalità ta’ deċiżjonijiet sfavorevoli mogħtija fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89 ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju f’każijiet fejn il-bażi kontrattwali ta' l-operazzjoni ma tibqax teżisti qabel ma' l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi. Issa, il-fatt li l-bażi ta' l-operazzjoni ma tibqax teżisti mhuwiex, fih innifsu, ta' natura tali li jeskludi stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

46      Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà imqajjma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

47      Ir-rikorrenti tinvoka diversi motivi sabiex issostni r-rikors tagħha, ibbażati, rispettivament fuq, nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni u ksur relatat ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat, ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, peress li l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu pożizzjoni dominanti kollettiva ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, u ksur relatat ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat, ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, peress li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tikkonstata li l-konċentrazzjoni toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva, u ksur relatat ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat, kif ukoll, ksur ta’ Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 u ksur relatat ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat.

I – Fuq il-motivi bbażati, minn naħa, fuq ksur tar-Regolament Nru 4064/89, peress li dan ma jagħtix lill-Kummissjoni l-ġurisdizzjoni li teżamina l-kompatibbiltà ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni mas-suq komuni, u, min-naħa l-oħra, ksur ta’ Artikolu 190 tat-Trattat.

Argumenti tal-partijiet

48      Ir-rikorrenti prinċipalment issostni li r-Regolament Nru 4064/89 ma jagħtix lill-Kummissjoni l-ġurisdizzjoni li teżamina l-kompatibbiltà ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni. Sussidjarjament hija ssostni li fil każ fejn ir-Regolament Nru 4064/89 jagħti tali ġurisdizzjoni, dan huwa inapplikabbli abbażi ta' l-Artikolu 184 tat-Trattat peress li huwa illegali.

49      Ir-Regolament Nru 4064/89 ma kienx applikabbli għall-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni peress li din tirrigwarda attivitajiet ekonomiċi li saru fit-territorju ta’ pajjiż terz, ir-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel, u peress li ġiet approvata mill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż. Ir-Regolament Nru 4064/89 japplika biss għall-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li jsiru fil-Komunità.

50      Din l-analiżi hija konsistenti mal-prinċipju ta’ territorjalità, prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku li l-Komunità għandha tosserva fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Settembru 1988, Ahlström et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, iktar 'il quddiem is-sentenza "Wood pulp", punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta' Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C-286/90, Ġabra p. I-6019, punt 9).

51      Il-bażi legali li fuqha l-Kunsill addotta r-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri Artikoli 87 u 235 tat-Trattat, ma tistax tiġi interpretata mingħajr ma jiġi kkunsidrat dan il-prinċipju sabiex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni extra territorjali. Fil-fatt, il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 85 u 86 u li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 87, kif ukoll l-oġġettivi tal-Komunità kif imsemmija fl-Artikolu 235, jikkonċernaw biss kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u la l-kompetizzjoni bejn impriżi stabbiliti fis-suq komuni u dawk barra s-suq komuni, u lanqas il-kompetizzjoni bejn impriżi barra s-suq komuni. Din il-konklużjoni tirriżulta kemm mir-rekwiżit, previst fl-Artikoli 85 u 86, li għandu jkun hemm effett fuq in-negozju bejn Stati Membru kif ukoll mill-oġġettivi tal-Komunità mniżżla fl-Artikoli 2 u 3(g) tat-Trattat.

52      Din il-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat hija riflessa kemm fil-punti 1 sa 5 u 9 sa 11 tal-premessi tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll fl-Artikolu 2 tiegħu, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw li r-Regolament Nru 4064/89 jikkonċerna biss operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li jipproduċu effetti fi ħdan is-suq komuni.

53      Għalkemm ir-Regolament Nru 4064/89 ma jagħtix definizzjoni espliċita tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu permezz ta’ referenza għall-post fejn l-operazzjoni tiġi effetwata, il-premessa 30 tal-preamblu u l-Artikolu 24 jimplikaw li operazzjoni ta' konċentrazzjoni li ssir f'pajjiż terz, li fiha jipparteċipaw impriżi Komunitarji, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż u mhuwiex taħt dik tal-Kummissjoni.

54      Ir-rikorrenti tispjega li l-analiżi tagħha ma tfissirx li r-Regolament Nru 4064/89 jista’ japplika biss għal operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bejn impriżi stabbiliti fil-Komunità. Huwa fil-fatt mhuwiex daqstant il-post ta’ stabbiliment ta’ l-impriżi kkonċernati li huwa importanti, iżda l-post jew il-postijiet fejn issir l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni. Ir-rikorrenti f’dan ir-rigward tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, Ġabra p.215), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 86 tat-Trattat għal operazzjoni ta' konċentrazzjoni effetwata minn impriża li tinsab barra l-Komunità, peress li dan l-aħħar każ kien jirrigwarda l-akkwist ta’ ishma f’impriża Komunitarja.

55      Ir-Regolament Nru 4064/89 huwa għaldaqstant applikabbli biss jekk l-attivitajiet ikkonċernati mill-operazzjofni ta' konċentrazzjoni jinsabu fil-Komunità. B’mod iktar partikolari, kif indikat fil-11 il-premessa tiegħu, ir-Regolament 4064/94 japplika għal impriżi li jiżvolġu attivitajiet sostanzjali fil-Komunità. F’dan il-każ, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni nnotifikat lill-Kummissjoni kellha titwettaq fl-Afrika t’Isfel, fejn jinsab il-qasam prinċipali ta' l-attività ta' l-impriżi li wettqu l-operazzjoni, jiġifieri l-estrazzjoni u r-raffinar tal-GMP. Il-fatt li Lonrho għandha kumpannija sussidjarja b’uffiċċju fil-Komunità li minnu tbiegħ il-produzzjoni sħiħa tagħha ta’ GMP u l-fatt li hija tiżvolġi attivitajiet oħra fil-Komunità fl-oqsma tal-lukandi u tan-negozju ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija tiżvolġi attivitajiet sostanzjali fil-Komunità fis-sens tal-premessa 11.

56      Ir-rikorrenti jqabbel l-analiżi ta’ hawn fuq ma’ dik li hemm fis-sentenza Wood pulp, fejn jiġi kkonfermat, fil-kuntest ta' akkordju fuq il-prezzijiet, li l-Komunità hija kompetenti li tapplika r-regoli ta’ kompetizzjoni tagħha għall-imġiba mhuwiex kompettitiva li impriżi li jinsabu barra l-Komunità implementaw fis-suq komuni filwaqt li l-Ftehim jew il-prattika miftiehma joriġinaw jew kienu implementati fit-territorju Komunitarju. Fil-każ preżenti, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni la toriġina u lanqas mhija implementata fuq it-territorju tal-Komunità, iżda f'dak tar-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel. Din għalhekk tikkonċerna prinċipalment il-politika industrijali u tal-kompetizzjoni ta' dak il-pajjiż terz. Konsegwentament, il-Kummissjoni m'għandhiex ġurisdizzjoni territorjali (sentenza Wood pulp, punti 11 sa 18, u l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Darmon fuq din is-sentenza, punt 20).

57      Anke jekk jiġi meqjus li r-Regolament Nru 4064/89 jikkunsidra bħala kriterju ta' ġurisdizzjoni l-eżistenza ta' effett immedjat u sostanzjali ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità, dan il-kriterju mhuwiex sodisfat fil-każ preżenti.

58      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat (punti 206 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni tista' twassal għall-ħolqien, fi żmien medju, ta’ pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji fis-swieq dinjin tal-platinum u rhodium. Dik il-konklużjoni mhijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ effett immedjat u sostanzjali f’dan il-każ. L-espressjoni “fi żmien medju” hija ambigwa, għaliex tista’ tirreferi jew għal kreazjoni ta’ pożizzjoni dominanti fiż-żmien medju jew għall-għejbien eventwali tagħha. Fl-ewwel każ, il-konsegwenzi ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni mhumiex immedjati, għaliex dawn jiddependu fuq l-imġiba futura kemm ta’ l-impriża li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kif ukoll tal-membru l-ieħor tal-konċentrazzjoni, jiġifieri Amplats. Fit-tieni każ, il-konsegwenzi ta’ l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni ma jkunux sostanzjali minħabba l-karattru tranżitorju tagħhom.

59      It-tieni nett, peress li s-swieq rilevanti huma swieq dinjin, l-eventwali pożizzjoni dominanti li l-operazjoni ta' konċentrazzjoni toħloq lanqas ma tikkonċerna l-Komunità iżda awtorità oħra, b'tali mod li l-operazzjoni ma jkolliex effetti sostanzjali. Id-deċiżjoni kkontestata (punti 16, 18 u 98) ma tagħtix lill-Komunità ġurisdizzjoni ikbar minn dik tar-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, b'mod partikolari l-Ġappun u l-Istati Uniti, iżda tinnotta biss li s-swieq ikkonċernati huma swieq dinjin, li l-konsum Ewropej ta’ GMP jammonta għal xi 20% tat-talba dinjija (medja ta’ 17% għall-platinum) u li kwalunkwe effetti fuq is-swieq dinji neċessarjament ikunu riflessi fil-Komunità u fiż-ŻEE. Dawn il-fatturi mhumiex biżżejjed sabiex jgħaddu ġurisdizzjoni fuq il-Kummissjoni u, f'kul każ, mhumiex suffiċjenti sabiex jimmotivaw id-deċiżjoni skond ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat.

60      F'dan ir-rigward, kemm id-domanda settorjali kif ukoll dik ġeografika għal platinum u rhodium fuq livell dinji juru li l-Ewropa tal-punent (inkluża l-Komunità), fejn, matul il-perijodu 1991-1995, il-konsum kien biss ta' 17% sa 22% tad-domanda dinjija, m'għandiex tkun effettwata wisq minn konċentrazzjoni li għandha ssir barra mit-territorju tagħha, u tkun inqas effettwata minnha milli l-Ġappun, fejn il-konsum matul l-istess perijodu ammonta għal bejn 47% u 51% tad-domanda dinjija, jew l-Amerika ta’ Fuq (inklużi l-Istati Uniti), fejn il-konsum matul dak il-perijodu ammonta għal bejn 19% u 21% tad-domanda dinjija. Il-livell relativament baxx ta' ishma tas-suq (bejn wieħed u ieħor (...)(1) % għal platinum u (...)% għar-rhodium fl-1994) tal-fatturati konġunti (bejn wieħed u ieħor ECU (...) miljun għall-platinum biss fl-1994) li ż-żewġ impriżi kkonċernati mill-operazzjoni għamlu fil-Komunità permezz ta' l-attivitajiet tagħhom tal-platinum u tar-rhodium, jikkonferma din l-analiżi. F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tad-dimensjoni Komunitarja ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni tirrikjedi li, fir-rigward tal-kalkolu tal-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4064/89, li jiġi kkunsidrat biss il-kunċett ta' kumpannija jew ta' persuna legali, u mhuwiex dak ta' impriża fis-sens ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ara d-deċiżjoni kkontestata, punti 24, 34, 44, 56, 98, 100 u 209, kif ukoll it-tabella 6 li hemm f’punt 96).

61      It-tielet nett, fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji fis-swieq tal-platinum u tar-rhodium, ir-riskju, mqajjem mill-Kummissjoni, ta’ kollużjoni jew imġiba simili bejn il-membri fil-pożizzjoni dominanti huwa essenzjalment suġġett għall-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Afrika t'Isfel. Il-pożizzjoni tista’ tkun mod ieħor biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Wood pulp ikunu sodisfatti. Madankollu, tista’ ssir distinzjoni bejn il-każ preżenti u dak tal-wood pulp, peress li dan ta’ l-aħħar ma jirrigwardax operazzjoni ta' konċentrazzjoni li saret f'pajjiż terz iżda akkordju dwar prezzijiet li kien jirrigwarda direttament, u li ġie mwettaq fil-Komunità (ara s-sentenza Wood pulp, punt 13). F'kull każ, il-Kummissjoni ma tistax tgħid li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ta' konċentrazzjoni, li tista’ jew ma tistax taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha skond it-Trattat, abbażi ta’ mġiba futura u ipotetika ta’ l-impriżi li joperaw fis-suq rilevanti.

62      Fl-aħħar nett, il-ftehim in kwistjoni kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel, prinċipalment il-Bord ta’ kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel, tat-22 ta’ Awwissu 1995. Dik id-deċiżjoni tiddikjara li l-operazzjoni nnotifikata ma tippreżenta l-ebda diffikulta fir-rigward tal-politika ta’ kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel. Konsegwentement, l-imsemmija operazzjoni hija konformi mal-liġi tal-post fejn din kellha sseħħ, b'tali mod li, jekk il-Kummissjoni kellha tiddikjara li hija illegali, din ċertament toħloq kunflitt ta’ ġurisdizzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Afrika t’Isfel. Id-Deputat Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Afrika t’Isfel espona b'mod ċar il-preokuppazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward fl-ittra tiegħu lill-Kummisjoni tad-19 ta’ April 1996. Is-sors tal-kunflitt ta' ġurisdizzjoni huwa l-fatt li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni tikkostitwixxi bdil fl-istruttura industrijali ta’ pajjiż terz, f'dan il-każ ir-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel, liema bdil iġib miegħu konsegwenzi li huma iktar fundamentali, għall-impriżi involuti, iżda wkoll għall-ekonomija ta’ l-Istat ikkonċernat, minn dawk ta' sempliċi ftehim. Konsegwentement, il-pretensjoni ta' ġurisprudenza fir-rigward ta' bdil bħal dan ikollu l-konsegwenza li jammonta għal interferenza iktar fundamentali fl-affarijiet interni ta’ dak l-Istat.

63      Finalment, mill-impatt relattivament limitat ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni fil-Komunità jista’ jiġi dedott li l-pretensjoni ta' ġurisdizjoni magħmula mil-Kummissjoni m'għandha l-ebda ġustifikazzjoni legali u hija sproporzjonata.

64      Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq żewġ bażijiet essenzjali. L-ewwel bażi hija l-prinċipju ta’ nazzjonalità, abbażi ta' liema hija għandha ġurisdizzjoni ratione personae fuq l-attivitajiet ta’ Lonrho, kumpannija rreġistrata skond il-liġijiet ta’ Stat Membru. It-tieni bażi hija l-prinċipju ta’ territorjalità.

65      Preliminarjament, il-Kummissjoni tosserva li kienu l-partijiet ta’ l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni li talbuha teżamina l-kompatibbiltà ta' l-operazzjoni tagħhom mas-suq komuni u maż-ŻEE, billi nnotifikawlha l-ftehim tagħhom u billi għamlu mill-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni kundizzjoni preliminari għall-implementażżjoni tal-ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-partijiet ma jistgħux, mingħajr ma jmorru kontra l-prinċipji "nemo auditur…" u "venire contra factum proprium", isostnu li l-kwistjoni ma ġietx suġġetta volontarjament għal-ġurisdizzjoni li tirriżulta mir-Regolament 4064/89.

66      Il-Kummissjoni tikkritika l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-kriterju tal-post ta’ fejn tinsab l-attività ekonomika kkonċernata mill-operazzjoni ta' konċentrazzjoni u dwar il-kriterji u regoli dettaljati li jirregolaw il-ġuriżdizzjoni tagħha fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89.

67      Fir-rigward tal-post ta’ fejn tinsab l-attività ekonomika kkonċernata mill-operazzjoni ta' konċentrazzjoni, il-Kummissjoni taqbel ma' l-analiżi tar-rikorrenti li r-Regolament Nru 4064/89, l-istess bħal Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, jikkonċerna l-kompetizzjoni fis-suq komuni, madankollu, fil-każ preżenti ma taqbilx mal-konklużjoni li r-rikorrenti qed tnissel minnhom. Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni nnotifikata, filwaqt li ssir fl-Afrika t’Isfel permezz ta' raggruppament tal-mezzi ta’ produzzjoni, din għandha tiġi implementata madwar id-dinja u għandha tbiddel, kemm madwar id-dinja kif ukoll fuq livell Komunitarju, l-istruttura kompettitiva tas-swieq tal-prodotti kkonċernati minħabba d-dimensjoni dinjija tas-suq ġeografiku, huwa żbaljat li wieħed issostni, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-imsemmija deċiżjoni ma tikkonċernax ir-regolamentazzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tal-Komunità. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li għalkemm il-partijiet ma jħaffrux għall-platinum fil-Komunità, xorta jibqa l-fatt li parti kunsiderevoli ta' l-attivitajiet tagħhom isiru fil-Komunità.

68      Il-Kumissjoni tibbaża l-argumenti tagħha fuq is-sentenza Wood pulp u fuq l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Darmon f’dan l-aħħar każ, u tfakkar li f’dak il-każ, kien iktar importanti l-effett anti kompettitiv fit-territorju tal-Komunità milli l-post fejn jinsabu l-impriżi kkonċernati. Il-fattur kruċjali fil-każ preżenti għaldaqstant mhuwiex il-post fejn l-impriżi jinsabu iżda l-bdil fl-istruttura kompettitiva fis-suq komuni. L-imsemmi bdil ma jikkonċernax, kif issostni r-rikorrenti, it-tħaffir jew ir-raffinar tal-prodotti in kwistjoni, iżda s-suq għall-bejgħ ta’ platinum fil-Komunità.

69      Fir-rigward tar-regoli u kriterji li jirregolaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Komunità skond ir-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija konsistenti mas-soluzzjonijiet stabbiliti fis-sentenza wood pulp, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat iż-żewġ elementi komportamentali meħtieġa, jiġifieri l-formazzjoni ta' l-akkordju u l-implementazzjoni tiegħu fis-suq komuni, u wara osservat li l-akkordju kien implementat fi ħdan is-suq komuni. Il-operazzjoni ta' konċentrazzjoni f’dan il-każ għandha tkun implementata u għandha tbiddel l-istruttura kompettitiva madwar id-dinja kollha. Il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni għaldaqstant tirriżulta mir-regoli klassiċi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, konkluzjoni li hija kkorroborata mill-fatt li l-bejgħ dinji tal-LPD isir permezz ta' Western Metal Sales, kumpannija sussidjarja Belġjana ta’ Lonrho bbażata fi Brussel.

70      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument tar-rikorrenti dwar l-effett sostanzjali u immedjat huwa kompletament infondat, għaliex id-deċiżjoni kkontestata b’mod korrett l-effett sostanzjali u immedjat fuq l-istruttura ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u ż-ŻEE.

71      Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Afrika t’Isfel, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni mhuwiex ser ikollha wisq effett fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fl-Afrika t’Isfel peress li d-domanda għall-platinum f’dak il-pajjiż hija baxxa ħafna. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni qabblet l-operazzjoni proposta ma kartell dwar l-esportazzjoni, li ġeneralment ma jkollhom l-ebda effett fuq l-istruttura ta’ kompetizzjoni tal-pajjiżi ta’ l-impriżi li jipparteċipaw fihom, u li l-effetti tagħhom jistgħu saħansitra jitqiesu bħala benefiċi mill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.

72      Il-Gvern Ġermaniż isostni li r-Regolament Nru 4064/89 jippermetti li tiġi evalwata l-kompattibbiltà ta' l-operazzjoni nnotifikata mas-suq komuni u ż-ŻEE. Din l-analiżi hija konsistenti kemm mal-prinċipji bbażati fuq id-dritt internazzjonali pubbliku kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 85 tat-Trattat.

73      L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 4064/89 innifsu jistabilixxi s-sistema ta' l-applikazzjoni extra territorjali tiegħu.. Fil-fatt, mill-qari flimkien tal-premessa 11, u ta' l-Artikolu 1(2)(b), tirriżulta regola dwar kunflitt fir-rigward ta’ impriżi li jinsabu barra l-Komunità. Il-premessa 11 tipprovdi, b'mod partikolari, għall-applikazzjoni, għall-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni effetwati minn impriżi li ma’ għandhomx l-oqsma ta’ attivitajiet prinċipali tagħhom fil-Komunità iżda li għandhom operazzjonijiet sostanzjali hemmhekk, tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(2)(b), jiġifieri t-twettiq, fil-Komunità, ta' fatturat totali li jammonta għal iktar minn ECU 250 miljuni minn minn ta' l-inqas tnejn mill-impriżi kkonċernati mill-operazzjoni. F’dan il-każ, l-operazzjoni in kwistjoni tissodisfa l-limitu ffissat u fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar il-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni fuq is-suq komuni.

74      It-tieni nett, fir-rigward tal-konformità ta’ din l-analiżi mad-dritt internazzjonali pubbliku, il-Gvern Ġermaniż jgħid li kemm ir-regola dwar kunflitt li tinsab fir-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll l-applikazzjoni tagħha fil-każ preżenti jissodisfaw l-kriterji li jirriżultaw mit-teorija ta’ l-effetti, jew kif inhi magħrufa wkoll il-prinċipju ta’ territorjalità oġġettiv, it-twettiq, fil-Komunità, ta' fatturat ta' minn ta' l-inqas ECU 250 miljun minn kull waħda mill-impriżi kkonċernati mill-operazzjoni ta' konċentrazzjoni jikkostittwixxi fattur li jgħaqqadhom flimkien b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, il-fatti li rreferiet għalihom il-Kummissjoni fl-analiżi tagħha ta’ l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq ż-ŻEE jikkonfermaw li l-applikazzjoni extra territorjali tar-Regolament Nru 4064/89 hija konformi mad-dritt internazzjonali.

75      It-tielet nett, filwaqt li jaqbel ma l-arġumenti li l-Kummissjoni tagħmel f'dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jgħid li l-interpretazzjoni tiegħu tar-Regolament Nru 4064/89 mhijiex ikkontestata mis-sentenza wood pulp.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

76      Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, billi nnottifikaw il-ftehim ta’ konċentrazzjoni għall-eżaminazzjoni u billi għamlu mill-awtorizzazzjoni tiegħu kundizzjoni preliminari għall-implementazzjoni tiegħu, ir-rikorrenti volontarjament issuġġetta ruħhu għall-ġurisdizzjoni tagħha. Fil-fatt, ksur ta’ l-obbligi ta’ notifika u ta' suspensjoni, previsti fl-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 4064/89, fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja, iġib miegħu l-impożizzjoni ta' penalitajiet finanzjarji qawwija skond l-Artikolu 14. Għalhekk, minn notifika tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni jew mis-sospensjoni ta’ l-implementzzjoni tagħha, wieħed ma jistax jasal għall-konklużjoni li kien hemm sottomissjoni volontarja min-naħa tar-rikorrenti għall-ġurisdizzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, sabiex tevalwa din il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ta' konċentrazzjoni,il-Kummissjoni għandha, l-ewwel nett, tkun tista’ teżamina l-imsemmija operazzjoni, fatt li jiġġustifika l-impożizzjoni, fuq il-partijiet li jieħdu sehem fil-konċentrazzjoni, li jinnotifikaw il-ftehim. Dak l-obbligu ma jiddeterminax minn qabel il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni hijiex kompetenti li tiddeċiedi dwar l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni.

77      Fil-każ preżenti, għandhom jiġu eżaminiati żewġ kwistjonijiet. Għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk ir-Regolament Nru 4064/89 ikoprix operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bħal dik in kwistjoni, u mbagħad, jekk dan huwa minnu, jekk l-applikazzjoni tiegħu għall-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni ta’ dan it-tip tmurx kontra d-dritt internazzjonali pubbliku dwar ġurisdizzjoni ta’ l-Istat.

1. Fuq l-applikazzjoni tal-qasam ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 4064/89

78      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li skond l-ewwel Artikolu tiegħu, Ir-Regolament Nru 4064/89, japplika għall-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni kollha b’dimensjoni Komunitarja, jiġifieri għall-konċentrazzjonijiet kollha bejn impriżi li, individwalment, ma jiġġenerawx iktar minn żewġ terzi tal-fatturat totali tagħhom fil-Komunità fl-istess Stat Membru, fejn il-fatturat totali konġunt dinji ta’ dawk l-impriżi jkun ta’ iktar minn ECU 5 000 miljun u fejn il-fatturat iġġenerat individwalment fil-Komunità minn minn ta’ l-inqas tnejn minnhom ikun ta’ iktar minn ECU 250 miljun.

79      Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89 ma jeżiġix li, sabiex konċentrazzjoni titiqies li għandha dimensjoni Komunitarja, l-impriżi in kwistjoni għandhom ikunu stabbiliti fil-Komunità jew li l-attivitajiet ta’ produzzjoni koperti mill-konċentrazzjoni għandhom jitwettqu fuq territorju Komunitarju.

80      Fir-rigward tal-kriterju tal-fatturat, għandu jiġi kkonstatat li, kif jistabbilixxi l-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konċentrazzjoni in kwistjoni għandha dimensjoni Komunitarja skond id-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 4064/89. L-impriżi kkonċernati jiġġeneraw fatturat totali dinji ta’ iktar minn ECU 10 000 miljun, li jaqbeż il-limitu ta’ ECU 5 000 miljun previst fir-Regolament Nru 4064/89. Ir-riżultati ta’ l-aħħar sena finanzjarja ta’ Gencor u ta’ Lonrho juru li kull waħda kellha fatturat Komunitarju ta’ iktar minn ECU 250 miljun. Fl-aħħar nett, Gencor u Lonrho ma jiġġenerawx, kull waħda minnhom, iktar minn żewġ-terzi tal-fatturat Komunitarju tagħhom fi Stat Membru wieħed.

81      F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti li jeskludu l-applikazzjoni tar-Regolament għall-konċentrazzjoni in kwistjoni u bbażati fuq il-bażi legali u fuq il-kliem użat fil-premessi u fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4069/89, dawn ma jistgħux jintlaqgħu.

82      Fil-fatt, kemm il-bażi legali tar-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri l-Artikoli 87 u 235 tat-Trattat, u b’mod iktar speifiku d-dispożizzjonijiet li huma għandhom jimplementaw, jiġifieri l-Artikoli 3(g) u 85 u 86 tat-Trattat, kif ukoll l-ewwel sal-ħames, id-disa u l-ħdax il-premessa ta’ dan ir-Regolament, sempliċiment jindikaw il-bżonn li jkun żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix imfixkla fis-suq komuni, b’mod partikolari permezz ta’ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li jirriżultaw fil-ħolqien jew fit-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Dawn bl-ebda mod ma jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li, filwaqt li jirrigwardaw attivitajiet ta’ tħaffir u/jew ta’ produzzjoni barra l-Komunità, għandhom l-effett li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti u bħala riżultat tagħhom kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni tiġi mfixkla b’mod sinjifikanti.

83      B’mod partikolari, it-teżi tar-rikorrenti ma tistax tkun ibbażata fuq il-kliem ta’ l-egħluq tal-ħdax il-premessa tar-Regolament Nru 4064/89.

84      Dik il-premessa tgħid li "konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja teżisti ... fejn l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni jiġu effettwati minn impriżi li m'għandhomx l-oqsma prinċipali ta’ attivitajiet tagħhom fil-Komunità iżda li jwettqu attivitajiet sostanzjali hemmhekk."

85      Permezz ta' din ir-referenza, f’termini ġenerali, għall-kunċett ta’ attivitajiet sostanzjali, ir-Regolament Nru 4064/89, sabiex jistabbilixxi l-iskop territorjali tiegħu, ma jattribwixxix iktar importanza għall-operazzjonijiet ta’ produzzjoni milli għall-operazzjonijiet ta’ bejgħ. Bil-kontra ta' dan billi fl-Artikolu 1 tiegħu jistabilixxi limiti kwantitattivi li huma bbażżati fuq il-fatturati dinjin u dawk Komunitarji ta’ l-impriżi kkonċernati, huwa jatribwixxi importanza ikbar lill-operazzjonijiet ta’ bejgħ fis-suq komuni bħala fattur li jgħaqqad lill-konċentrazzjoni mal-Komunità. Huwa stabbilit li kemm Gencor kif ukoll Lonrho jagħmlu bejgħ sinjifikanti fil-Komunità (b'valur ta' iktar minn ECU 250 miljun).

86      Ir-rilevanza tal-kriterju bbażat fuq il-post ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni lanqas mhija kkonfermata, la mill-premessa 30 u lanqas mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4064/89. Mhuwiex talli ma jistabillixxix kriterju għad-definizzjoni ta’ l-iskop territorjali tar-Regolament, iżda talli l-Artikolu 24 jirregola biss il-proċedura li għandha tkun segwita sabiex tittrata ma’ sitwazzjonijiet li fihom pajjiżi terzi ma jagħtux lill-impriżi Komunitarji trattament kumparabbli ma’ dak li jingħata mill-Komunità lill-impriżi ta' dawn il-pajjiżi terzi fir-rigward ta' l-istħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet.

87      Ir-rikorrenti ma tistax, billi tirreferi għas-sentenza Wood pulp, tibbaża ruħha fuq il-kriterju dwar l-implementazzjoni ta’ akkordju sabiex issostni l-interpretazzjoni tagħha ta’ l-iskop territorjali tar-Regolament. Il-kriterju ta' l-implementazzjoni ta' akkordju bħala element li jorbot lil dan ta' l-aħħar mat-territorju tal-Komunità, mhux talli ma jsaħħaħx il-punt tar-rikorrenti iżda fil-fatt jeliminah. Fil-fatt, skond is-sentenza Wood pulp, il-kriterju dwar l-implementazzjoni ta’ l-akkordju huwa sodisfat anke meta jkun hemm biss bejgħ fil-Komunità, irrispettivament mill-post tas-sorsi ta’ fornitura u ta' l-impjant tal-produzzjoni. Issa, mhuwiex ikkontestat li Gencor u Lonrho wettqu bejgħ fil-Komunità qabel il-konċentrazzjoni u kienu ser ikomplu jagħmlu dan wara.

88      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni m'għamlitx evalwazzjoni żbaljata ta’ l-iskop territorjali tar-Regolament Nru 4064/89 billi applikatu f’dan il-każ għall-abbozz ta' konċentrazzjoni nnotifikat minn impriżi li għandhom l-uffiċju prinċipali tagħhom u li jiżvolġu l-attivitajiet ta' estrazzjoni u ta' produzzjoni tagħhom barra mill-Komunità.

Fuq il-kompatibbiltà ta’ deċiżjoni kkontestata mad-dritt internazzjonali pubbliku

89      Wara l-ftehim ta’ konċentrazzjoni, ir-relazzjonijiet ta' kompetizzjoni li kienu jeżistu preċedentement bejn Implats u LPD, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-bejgħ tagħhom fil-Komunità, kienu ser jispiċċaw. Dan kien ser ibiddel l-istruttura ta' kompetizzjoni fi-ħdan is-suq komuni, peress li, minflok it-tliet fornituri tal-PGM ta’ l-Afrika t’Isfel, kien ser jifdal tnejn biss. L-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni proposta mhux biss kienet ser twassal għall-għaqda ta’ l-attivitajiet ta' estrazzjoni u ta' produzzjoni tal-GMP tal-partijiet fl-Afrika t’Isfel iżda wkoll ta’ l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom madwar id-dinja u b’mod partikolari fil-Komunità, fejn Implats u LPD kienu jagħmlu bejgħ sostanzjali.

90      Għandu jiġi osservat li applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 hija ġġustifikata fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku meta huwa prevedibbli li konċentrazzjoni proposta għandu jkollha effett immedjat u sostanzjali fil-Komunità.

91      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kellha twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti miżmuma bejn Amplats u Implats/LPd fis-swieq tal-platinum u rhodium, u bħala riżultat ta’ dan kompetizzjoni effettiva kienet ser tkun imfixxkla b’mod sostanzjali fis-suq komuni skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk it-tliet kriterji ta’ effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli humiex sodisfatti f’dan il-każ.

93      F'dak li jirrigwarda b'mod partikolari l-kriterju ta’ effett immedjat, il-kliem "fi żmien medju" użat fil-punti 206 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ħolqien ta’ pozizzjoni dominanti miżmuma minn żewġ kumpanniji huwa, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, nieqes minn kull ambigwità. Huwa ċar li dan il-kliem jirreferi għat-terminu previst għall-eżawriment tal-ħażniet Russi, li kellu jiffaċilita l-ħolqien pożizzjoni dominanti miżmuma minn żewġ kumpanniji, jiġifieri Amplats u Implats/LPD, fis-swieq dinjin tal-platinum u tar-rhodium u, minħabba f'dan, il-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti miżmuma minn żewġ kumpanniji fil-Komunità, meqjusa bħala parti sostanzjali minn dawn is-swieq dinjin.

94      Din il-pożizzjoni dominanti ma tiddependix, kif issostni r-rikorrenti, fuq l-imġiba futura ta’ l-impriża li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u ta’ Amplats, iżda kellha tirriżulta, b’mod partikolari, mill-istess karatteristiċi tas-suq u mill-bidla fl-istruttura tiegħu. Meta tirreferi għall-imġiba futura tal-partijiet fiż-żewġ kumpanniji dominanti, ir-rikorrenti tonqos milli tiddistingwi bejn l-eventwali abbużi ta’ pożizzjoni dominanti li dawk il-partijiet jistgħu jwettqu fil-futur qarib jew mhux daqsekk qarib, li jistgħu jew li ma jistgħux jiġu mistħarrġa permezz ta’ Artikoli 85 u/jew 86 tat-Trattat, u l-bdil ta’ l-istruttura ta’ l-impriżi u tas-suq li jirriżulta mill-konċentrazzjoni. Huwa veru li l-konċentrazzjoni mhux ser neċessarjament twassal għal abbużi immedjati, peress li dan jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li l-partijiet fiż-żewġ kumpanniji dominanti jistgħu jew ma jistgħux jadottaw fil-futur. Madankollu, il-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jagħmlu din it-tip ta' mġiba mhux biss possibbli iżda wkoll ekonomikament raġjonevoli kien il-konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni, peress li din kellha tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq billi tati lok għal bidla li ddum fl-istruttura tas-swieq ikkonċernati.

95      Għaldaqstant, l-konċentrazzjoni kellha tipproduċi effett immedjat fil-Komunità.

96      Fir-rigward tal-kriterju ta’ effett sostanzjali, għandu jiġi osservat li, kif jintqal fil-punt 297 aktar 'il quddiem, il-Kummissjoni stabbiliet, kif titlob il-liġi, li l-konċentrazzjoni ħolqot pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji dominanti fis-swieq dinji tal-platinum u rhodium.

97      Ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-konċentrazzjoni mhux ser ikollha effett sostanzjali fil-Komunità minħabba l-bejgħ baxx u s-sehem żgħir tas-suq li l-partijiet fil-konċentrazzjoni għandhom fiż-ŻEE. fil-fatt, filwaqt li l-livell ta’ bejgħ fil-punent ta’ l-Ewropa (20% tad-domanda dinjija) u s-sehem tas-suq li l-entita li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ((...)% fir-rigward tal-platinum) kienu diġà, waħedhom, jiġġusifikaw biżżejjed li l-Komunità jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni, l-impatt potenzjali tal-konċentrazzjoni kien saħansitra ogħla miċ-ċifri korrispondenti. Peress li l-konċentrazzjoni kien ser ikollha effett li toħloq pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji fis-swieq tal-platinum u tar-rhodium, huwa ċar li l-bejgħ fil-Komunità, li l-konċentrazzjoni setgħet potenzjalment tagħamel, ma kienx ser jinkludi biss dak ta’ l-impriża Implats/LPD iżda wkoll dak ta’ Amplats (bejn wieħed u ieħor 35% sa 50%), li kellu jirrapreżenta iktar minn proporzjon sostanzjali tal-bejgħ tal-platinum u tar-rhodium fl-Ewropa tal-punent u sehem magħqud ħafna ikbar miżmum minn Implats/LPD u Amplats (bejn wieħed u ieħor (...)% to 65%).

98      Fl-aħħar nett, mhuwiex possibbli li jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkonċerna iktar lill-Komunità milli lil kull entita konpetenti oħra u li kienet tikkonċerna lill-Komunità saħansitra fuq livell inqas minn oħrajn. Fil-fatt, il-fatt li, fil-kuntest tas-suq dinji, partijiet oħra tad-dinja jiġu effettwati mill-konċentrazzjoni ma jostakolax lill-Komunità milli tistħarreġ fuq l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni li teffettwa b'mod sostanzjali l-kompetizzjoni fis-suq komuni billi toħloq pożizzjoni dominanti.

99      Għaldaqstant, l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta' leffett sostanzjali li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni għandu jkollha fil-Komunità għandhom jiġu miċħuda.

100    F'dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ effett prevedibbli, minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li kien effettivament prevedibbli li l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji fis-suq dinji jkollu wkoll l-effett li jfixkel il-kompetizzjoni b’mod sinjifikanti fil-Komunità, li hija parti integrali ta’ dan is-suq.

101    Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 għall-konċentrazzjoni proposta kienet konsistenti mad-dritt internazzjonali pubbliku.

102    Wara dan għandu jiġi eżaminat jekk il-Komunità kisritx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ indħil jew tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta użat din il-ġurisdizzjoni.

103    F'dak li jirrigwarda l-argument tir-rikorrenti li jgħid li, minħabba l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, il-Kummissjoni kellha tastjeni milli tipprojbixxi l-konċentrazzjoni sabiex tevita kunflitt ta’ ġurisdizzjoni ma’ l-awtoritajiet Ta’ l-Afrika t’Isfel għandu jiġi miċħud, mingħajr il-bżonn li jiġi kkunsidrat jekk din ir-regola teżistix fil-liġi nternazzjonali. Huwa biżżejjed li jingħad li ma kienx hemm kunflitt bejn x’kellu jagħmel il-gvern ta’ l-Afrika t’Isfel u x’kellha tagħmel il-Komunità, peress illi, fl-ittra tagħhom tat-22 ta’ Awwissu 1995, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel sempliċiment ikkonkludew li l-ftehim ta’ konċentrazzjoni ma kien joħloq l-ebda problema fir-rigward tal-politika ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma imponiet il-konklużjoni ta' dan il-ftehim (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Wood pulp, punt 20).

104    F'dan ir-rigward, fl-ittra tiegħu tad-19 ta’ April 1996 il-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel, mhux talli ma kkontestax il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Komunità li tiddeċiedi fuq il-konċentrazzjoni in kwistjoni, l-ewwel nett, illimita ruħu biss li juri preferenza ġenerali, fid-dawl ta' l-importanza strateġika ta' l-isfruttamenti minerarji fl-Afrika t’Isfel, għal intervent ad hoc f’każijiet speċifiċi ta’ kollużjoni, mingħajr ma kkummenta b’mod speċifiku dwar il-mertu industrijali jew merti oħra ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni proposta minn Gencor u Lonrho. Wara dan huwa espona biss l-opinjoni li l-konċentrazzjoni proposta tista’ ma tfixkilx il-kompetizzjoni, fid-dawl tal-qawwa ekonomika ta’ Amplats, ta' l-eżistenza ta’ sorsi oħra ta' fornitura ta’ GMP u l-opportunitijiet għall-produtturi oħrajn li jidħlu fis-suq ta’ l-Afrika t’Isfel permezz tal-ħruġ ta’ permessi ta’ tħaffir ġodda.

105    Fl-aħħar nett, la r-rikorrenti u l-inqas, barra minn hekk, il-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel fl-ittra tiegħu tad-19 ta’ April 1996 ma wrew, apparti minn sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju, b’liema mod il-konċentrazzjoni proposta kellha teffettwa l-interessi vitali ekonomiċi u/jew kummerċjali tar-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel.

106    F'dak li jirrigwarda l-argument li l-Komunità ma tistax tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ta' konċentrazzjoni abbażi ta’ mġiba futura u ipotetika, jiġifieri mġiba simili da parti ta’ l-impriżi li joperaw fis-suq rilevanti fejn dik il-kondotta tista’ jew ma tistax taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Komunità skond it-Trattat, għandu jiġi osservat, kif intqal iktar 'il fuq fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-effett immedjat tal-konċentrazzjoni li, filwaqt li l-eliminazzjoni tar-riskju ta’ abbużi futuri jista’ jikkostitwixxi tħassib leġittimu għal kull awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti f'dan il-qasam, l-oġġettiv prinċipali ta' l-istħarriġ tal-konċentrazzjoni fuq livell Komunitarju huwa dak li jiġi assigurat li r-ristrutturar ta’ l-impriżi ma jirriżultax fil-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ta’ poter ekonomiku li jista’ jfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Il-ġurisdizzjoni Komunitarja hija għaldaqstant ibbażata, l-ewwel nett, fuq il-bżonn li jiġi evitat il-ħolqien ta’ strutturi tas-suq li jistgħu joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti, u mhux fuq il-ħtieġa li eventwali abbużi ta' pożizzjoni dominanti jiġu mistħarrġa direttament.

107    Konsegwentament, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 1995 mill-Bord ta’ Kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel tikkosstitwix pożizzjoni definittiva dwar il-konċentrazzjoni, dwar jekk il-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel kienx awtorità responsabbli minn affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kompetizzjoni jew le, u fl-aħħar nett, dwar il-portata tal-liġi tal-kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel. Għaldaqstant mhemmx bżonn li tiġi milqugħha l-applikazzjoni għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni li r-rikorrenti għamlet fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Diċembru 1996.

108    F’dawk iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata la tmur kontra r-Regolament Nru 4064/89 u lanqas kontra r-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku invokati mir-rikorrenti.

109    Għall-istess raġunijiet, l-eċċezzjoni, ibbażata fuq Artikolu 184 tat-Trattat, li r-Regolament Nru 4064/89 mhuwiex legali għaliex jagħti lill-Kummissjoni ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni bejn Gencor u Lonrho għandha tiġi miċħuda.

110    F'dak li jirrigwarda l-motivazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-ġurisdizzjoni tal-Komunità sabiex tapplika r-Regolament għall-konċentrazzjoni, għandu jiġi osservat li l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punti 4, 13 sa 18, 204 sa 206, 210 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata jissodisfaw l-obbligi li l-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 190 tat-Trattat, li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, il-partijiet ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u kull persuna kkonċernata tkun tista’ tivverifika l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni applikat it-Trattat u r-Regoli ta’ implementazzjoni tiegħu.

111    Għaldaqstant, iż-żewġ motivi għall-annulament li ġew eżaminati għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tintlaqa l-applikazzjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni magħmula mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Diċembru 1996.

II – Fuq il-motivi bbażati, minn naħa, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, peress li l-Kummissjoni m'għandiex is-setgħa li tostakola operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti kollettiva, u, min-naħa l-oħra, ksur ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat

L-argumenti tar-rikorrenti

112    Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 4064/89 ma jippermettix il-projbizzjoni tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollett.

113    Mill-analiżi tal-kliem użat fir-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta li l-kunċett ta’ dominanza kollettiva huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ma jagħmel l-ebda riferenza għall-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Konsegwentament, il-Kummissjoni mhijiex kompetenti li tipprojbixxi konċentrazzjoni fuq dik il-bażi.

114    Barra minn hekk, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 4064/89, li tgħid li hemm indikazzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni b’mod partikolari fejn is-sehem tas-suq ta’ l-impriżi kkonċernati ma jaqbiżx il-25%, jissuġġerixxi li r-Regolament Nru 4064/89 jeskludi l-possibbiltà li tiġi mfixkla operazzjoni ta’ konċentrazzjoni minħabba li din toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva. Fil-fatt, fi swieq oligopolistiċi, operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejn tnejn mill-parteċipanti mhux bilfors tirriżulta fil-ħolqien ta’ entità magħquda b’sehem fis-suq li jaqbeż il-25%. Il-parteċipanti fl-allrgata pożizzjoni dominanti kollettiva li mhumiex involuti fl-operazzjoni ta' konċentrazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala “impriżi kkonċernati” fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89.

115    Filwaqt li tirreferi għall-atti preparatorji tar-Regolament Nru 4064/89, ir-rikorrenti tosserva li l-kwistjoni ta’ dominanza kollettiva kienet ġiet diskussa fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tiegħu. Għalhekk, il-fatt li dan ir-Regolament ma jkoprix l-oligopolija m’huwiex ir-riżultat ta’ żvista iżda ta’ omissjoni deliberata, peress li l-Istati Membri fil-Kunsill ma qablux fuq din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest, ma jkunx jixraq u mhuwiex neċessarju li r-Regolament Nru 4064/89 jiġi interpretat b’tali mod li ma jkunx jaqbel mar-riżultat ta’ negozjati intensi li saru fil-Kunsill fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tiegħu.

116    Fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fi Franza, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istħarriġ ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni speċifikament ikopru d-dominanza kollettiva, iżda dan mhuwiex il-każ tar-Regolament Nru 4064/89. Barra minn hekk, dawn is-sistemi jipprovdu proċedura speċjali li tinvolvi l-kumpanniji kollha li allegatament jiffurmaw parti mill-oligoploi.

117    Jekk l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jiġi interpretat bħala li jinkludi l-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva dan joħloq żewġ problemi legali partikolari billi jikser il-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE, jiġifieri l-prinċipju taċ-ċertezza legali u d-drittijiet proċedurali ta’ terzi.

118    Interpretazzjoni bħal din ma tkunx konsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89.

119    Fir-rigward tad-drittijiet proċedurali ta’ terzi, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm, fil-prattika l-Kummissjoni tikkonsulta ma’ persuni terzi fis-suq rilevanti fil-kors tal-proċedura u tippermetilhom li jagħmlu osservazzjonijiet u jattendu għas-seduta, huma m'għandhomx l-istess drittijiet u lanqas ma jirċievu l-istess trattament bħal impriżi nvoluti fl-operazzjoni ta' konċentrazzjoni; u dan juri li r-Regolament Nru 4064/89 ma jkoprix sitwazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

120    Huwa importanti li r-Regolament Nru 4064/89 jiġi applikat strettament skond it-termini tiegħu fil-każ li l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni jkunu jikkonċernaw biss attivitajiet li jsiru fit-territorju ta’ pajjiż terz, b’mod partikolari fejn il-Gvern ta’ dak il-pajjiż, bħal fil-każ tal-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel f’dan il-każ, jinsisti li l-kollużjoni tiġi mistħarġa meta din isseħħ u mhux meta din tkun antiċipata.

121    Ir-rikorrenti tosserva li, fid-Deċiżjoni tagħha 92/553/KEE tat-22 ta’ Lulju 1992 dwar proċedura abbażi tar-Regolament Nru 4064/89 (Każ Nru IV/M.190 – Nestlé vs Perrier) (ĠU L 356, p. 1; iktar ’il quddiem id-”deċiżjoni Nestlé-Perrier”), il-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 fis-sens li l-oġġettiv fundamentali, imniżżel fl-Artikolu 3(g) tat-Trattat, jiġifieri li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx imfixkla, kien ser ikun imfixkel min-nuqqas ta’ stħarriġ ta’ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu u/jew isaħħu pożizzjoni dominanti kollettiva. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, fis 16-il Rapport tagħha dwar il-politika ta’ Kompetizzjoni, ammettiet li riskju bħal dan ma kienx jeżisti. F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija tista, permezz ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat, tistħarreġ imġiba abbużiva min-naħa ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti kollettiva. F’kull każ, il-poteri tal-Kummissjoni huma ddefiniti fil-każ preżenti permezz tar-Regolament Nru 4064/89 u mhux permezz ta’ oġġettiv ta’ politika ġenerali intiż sabiex tkun evitata attitudni anti kompettitiva potenzjali. Il-poteri tal-Kummissjoni għaldaqstant jeżistu biss meta l-konċentrazzjoni toħloq jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti, u b’hekk tfixkel kompetizzjoni effettiva, u mhux meta din tista’ biss tfixkel kompetizzjoni effettiva.

122    Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li ġġib magħha l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, mingħajr ma tingħata motivazzjoni fir-rigward tal-bażi legali li tiġġustifika tali soluzzjoni, tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

123    Artikolu 2(3) tar-Regolament jgħid illi:

"Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni."

124    Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-kliem “toħloq jew li ssaħħaħ pożizzjoni dominanti” ikoprix biss il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti individwali jew jekk jirreferix ukoll għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, jiġifieri dik miżmuma minn żewġ impriżi jew iktar.

125    Mill-kliem użat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 ma jistax jiġi konkluż li huma biss dawk l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu jew li jsaħħu pożizzjoni dominanti individwali, jiġifieri pożizzjoni dominanti miżmuma minn partijiet li jieħdu sehem fil-konċentrazzjoni, li jaqgħu taħt l-imsemmi Regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 2 tar-Regolament, safejn jirreferi għall-“konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti”, ma jeskludix, fih innifsu, il-possibbiltà li r-Regolament jiġi applikat għal każijiet fejn l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni jwasslu għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, jiġifieri pożizzjoni dominanti miżmuma minn partijiet li jieħdu sehem fl-operazzjoni ta' konċentrazzjoni flimkien ma’ impriża jew impriżi li ma tifformax jew ma jifformawx parti minnha (sentenza Franzaet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 166).

126    Ir-rikorrenti mhijiex fondata li ssostni li, peress li, fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament Nru 4064/89, sistemi nazzjonali oħrajn kellhom dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi għall-istħarriġ ta’ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li jirriżultaw fil-ħolqien jew fit-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti kollettivi, l-għażla meqjusa tal-Kunsill li ma jinkludix dispożizzjoni bħal din f’dan ir-Regolament neċessarjament tfisser li dan ma jkoprix sitwazzjonjijiet ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Fil-fatt, l-għażla ta’ kliem newtrali bħal dak ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ma teskludix awtomatikament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

127    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, indipendentement minn kemm setgħu kienu speċifiċi, il-liġijiet nazzjonali li kienu, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4064/89, applikabbli għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva ma baqgħux applikabbli għal dawn it-tipi ta’ konċentrazzjonijiet, skond l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 4064/89. Jekk wieħed isegwi l-argument tar-rikorrenti, ikun neċċessarju li wieħed jaċċetta li l-Istati Membri kollha li japplikaw is-sistemi ta’ stħarriġ tagħhom ta’ konċentrazzjonijiet għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti kollettivi, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit, irrinunċjaw għal dan it-tip ta’ stħarriġ f’dak li jirrigwarda operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja. Issa, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ċari f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi preżunt li din kienet l-intenzjoni ta’ l-Istati Membri.

128    Fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-atti preparatorji tar-Regolament Nru 4064/89, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fl-interpretazzjoni ta’ Att leġiżlattiv, il-pożizzjonijiet li xi Stati Membri jkunu adottaw matul l-elaborazzjoni ta’ dan l-Att għandhom jingħata inqas importanza minn dik li għandha tingħata lill-kliem użat u lill-finalitajiet ta’ l-Att in kwistjoni.

129    L-Atti preparatorji ma jistgħux, fihom infushom, jiġu kkunsidrati bħala li jesprimu b’mod ċar l-intenzjoni ta’ l-awturi tar-Regolament Nru 4064/89 f’dak li jirrigwarda l-portata tat-terminu “pożizzjoni dominanti”. F’dawk iċ-ċirkustanzi, mhumiex ta’ natura tali li jipprovdu indikazzjonijiet utli għall-interpretazzjoni tal-kunċett dubbjuz (sentenża Franzaet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 167, u s-sentenza ċċitata).

130    F’kull każ, il-fatt li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, ċerti Stati Membri, b’mod partikolari r-Repubblika Franċiża, ikkontestaw l-applikazzjoni tar-Regolament għal pożizzjonijiet dominanti kollettivi ma jimplikax li dan ma jkoprix sitwazzjonijiet ta’ dak it-tip. Fil-fatt peress li l-Stati Membri mhumiex marbuta mill-pożizzjonijiet li huma setgħu aċċettaw matul id-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li wieħed minnhom jista’ jbiddel fehmtu wara l-adozzjoni ta’ Att leġiżlattiva jew sempliċiment jiddeċiedi li jqajjem il-kwistjoni tal-legalità tagħha quddiem qorti Komunitarja.

131    Wara dan, ir-Regolament Nru 4064/89 għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, fid-dawl ta’ l-iskema ġenerali tiegħu.

132    Għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-iskema tar-Regolament teskludi l-applikazzjoni tiegħu għal sitwazzjonijiet ta’ dominanza kollettiva. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-referenza għal-limitu ta’ 25% li ssir fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 4064/89 tidher li teskludi l-possibbiltà li dan ir-Regolament jista’ jiġi applikat għall-pożizzjonijiet dominanti kollettivi.

133    Din il-premessa 15 tipprovdi:

"... konċentrazzjonijiet illi, minħabba s-sehem limitat tas-suq ta' l-impriżi konċernati, x'aktarx ma jfixklux il-kompetizzjoni effettiva jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni [...] bla ħsara għall-Artikoli 85 u 86 tat-trattat, indikazzjoni f'dan is-sens teżisti, b'mod partikolari meta s-sehem tas-suq ta' l-impriżi konċernati ma jkunx aktar minn 25 % la fis-suq komuni u lanqas f'xi parti sostanzjali tiegħu".

134    Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ir-referenza għal limitu ta’ 25% tas-sehem tas-suq ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni restrittiva tar-Regolament. Peress li swieq oligopolistiċi fejn waħda mill-impriżi f’pożizzjoni dominanti konġunta jkollha inqas minn 25% huma relattivament rari, din ir-referenza mhijiex ta’ natura tali li telimina l-każijiet ta’ dominanza konġunta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Fil-fatt, huwa iktar komuni li wieħed isib swieq oligoplistiċi fejn l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jkollhom iktar minn 25% ta’ l-ishma tas-suq. Għaldaqstant, l-istrutturi tas-suq li l-iktar jinkuraġixxu mġiba oligoplistika huma dawk ikkaratterizzati b’mod partikolari mill-preżenza ta’ żewġ, tliet jew erba’ fornituri li jkollhom madwar l-istess sehem tas-suq, per eżempju żewġ fornituri li jkollhom 40% tas-suq kull wieħed, tliet fornituri li kull wieħed minnhom ikollu bejn 25% u 30% tas-suq, jew erba’ fornituri li kull wieħed minnhom ikollu bejn wieħed u ieħor 25% tas-suq. Issa, dawn il-konfigurazzjonijiet kollha huma konsistenti mal-limitu ta’ 25% previst fil-premessa 15 tar-Regolament.

135    Barra minn hekk, dan il-limitu huwa pprovdut biss bħala gwida, kif fil-fatt tispjega l-premessa 15 innifisha, u mhuwa inkorporat bl-ebda mod fil-parti dispożittiva tar-Regolament (sentenza Franzaet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 176).

136    Għaldaqstant, l-interpetazzjoni ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu ma tistax tiġġustifika t-teżi tar-rikorrenti li tgħid li r-Regolament mhuwiex applikabbli għall-pożizzjonijiet dominanti kollettivi.

137    Wara dan, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-prinċipju taċ-ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża.

138    Skond ir-rikorrenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu mposti fuq impriżi fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, mhuwiex konsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-interpretazzjoni normali ta’ l-Artikolu 2(3) tiegħu tiġi sfurzata b’tali mod li l-portata tiegħu tiġi estiża għas-sitwazzjonijiet ta’ dominanza kollettiva.

139    Issa, il-kwistjoni mqajma permezz ta’ dan il-motiv hija preċiżament dik li jsir magħruf jekk l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament hijiex dik ipprovduta mill-Kummissjoni. Jekk huwa hekk, id-deċiżjoni hija legali minn din il-perspettiva, u mhemmx ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Jekk, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament hija dik proposta mir-rikorrenti, id-deżizjoni hija vvizzjata minn vizzju ta’ ġurisdizzjoni u f’dan l-aħħar każ ma jkunx meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq eventwali ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

140    Għaldaqstant, l-argument ta’ r-rikorrenti mhuwiex tajjeb.

141    Fir-rigward ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 4064/89 jipprovdi:

"1. Qabel tieħu kull deċiżjoni prevista fl-Artikoli 7(2) u 8 (2), it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati l-opportunità f'kull stadju tal-proċedura sal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, li jagħtu l-veduti tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet kontra tagħhom,

[...]

3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet ta' difiża għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċedimenti. Aċċess għall-inkartament għandu jkun miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament involuti, bla ħsara għall-interess leġittimu ta' impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

4. Safejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jidhrilhom meħtieġ, jistgħu wkoll jisimgħu persuni oħra naturali jew ġuridiċi. Persuni naturali jew ġuridiċi li juru li għandhom interess leġittimu u speċjalment membri ta' l-organi amministrattivi jew tat-tmexxija ta' l-impriżi konċernati jew rappreżentanti magħrufa tal-ħaddiema ta' dawk l-impriżi għandu jkollhom id-dritt, wara applikazzjoni, li jinstemgħu."

142    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, daw id-dispożizzjonijiet ma jeskludux b’mod awtomatiku l-possibbiltà li membri ta’ l-oligopolija li mhumiex parti mill-konċentrazzjoni li jkunu kapaċi jgawdu l-istess drittijiet li jinstemgħu bħal dawk ta’ l-impriżi li huma membri ta’ l-imsemmija konċentrazzjoni.

143    Skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 4064/89, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ impriża partikolari jiddependi biss fuq il-karatterizzazzjoni tagħha bħala impriżi kkonċernata jew bħala parti direttament ikkonċernata jew bħala terz b’interess suffiċjenti, kwistjoni li, min-naħa tagħha, tiddependi fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-deċiżjoni li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tadotta għandiex, x’aktarx, teffettwaha b’mod ħażin. Minn dan isegwi li jekk l-impriżi li huma membri ta’ l-oligopolija iżda li mhumiex parti mill-konċentrazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dawn għandhom igawdu mill-istess drittijiet proċedurali bħal dawk ta’ l-impriżi li huma parti mill-konċentrazzjoni.

144    Jekk minn naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx ta’ natura tali li teffettwa ħażin lill-impriżi li mhumiex parti mill-konċentrazzjoni, huma jkollhom id-dritt li jinstemgħu sakemm juru li għandhom interess suffiċjenti, skond Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 4064/89, u dan ikun konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jirrigwarda drittijiet proċedurali ta’ terzi.

145    Anke jekk jiġi meqjus li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ħolqien jew ta’ tisħieħ, permezz ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni proposta, ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva ta’ l-impriżi kkonċernati u ta’ impriża terza, tista’, fiha nfisha teffetwa ħażin lil din ta’ l-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha li jistgħu jwasslu għal miżura li tista’ teffettwa ħażin lill-persuna partikolari, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi assigurat anke fin-nuqqas ta’ Regoli li jirrigwardaw il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21, u Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 174).

146    Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-fatt li l-leġislatur Komunitarju ma pprovdix, fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, espressament għal proċedura li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża ta’ impriżi terzi li allegatament għandhom pożizzjoni dominanti kollettiva flimkien ma’ l-impriżi nvoluti fil-konċentrazzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova deċiżiva ta’ l-inapplikabbiltà ta’ l-imsemmi Regolament għall-pożizzjonijiet dominanti kollettivi (sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, punt 175).

147    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq id-drittijiet proċedurali ta’ terzi ma jistax jiġi aċċettat.

148    Peress li l-interpretazzjonijiet ibbażati fuq il-kliem użat, fuq l-atti preparatorji u sistematiċi tar-Regolament Nru 4064/89, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 2 tiegħu, ma jippermetux li tiġi evalwata l-portata eżatta tiegħu fir-rigward tat-tip ta’ pożizzjoni dominanti kkonċernata, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-finalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979. L-Olanda v Il-Kummissjoni, 11/76, Ġabra p. 245, punt 6, tal-5 ta’ Diċembru 1996, Merck u Beecham, C-267/95 u C-268/95, Ġabra p. I-6285, punti 19 sa 25, u Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 168).

149    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ewwel ħames premessi tiegħu, l-oġġettiv prinċipali tar-Regolament Nru 4064/89, intiż sabiex iwettaq l-iskopijiet tat-Trattat u speċjalment ta’ l-Artikolu 3(f) tiegħu li sar l-Artikolu 3(g) wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, huwa li jiżgura li l-proċessi ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriżi, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-ħolqien tas-suq intern, ma jikkawżawx ħsara li ddum fuq il-kompetizzjoni. Huwa għalhekk li l-aħħar parti tal-ħames premessa tipprovdi "liġi tal-Komunità għandha għalhekk tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu serjament il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sinjifikanti tiegħu" (ara, f’dan is-sens, Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 169).

150    Barra minn hekk, mill-premessi sitta, seba’, għaxra u ħdax ta’ l-istess Regolament jirriżulta li dan ta’ l-aħħar, kuntrarjament għal Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, huwa intiż li japplika għall-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni kollha b’dimensjoni Komunitarja sakemm, minħabba l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità, dawn jistgħu jkunu nkompatibbli mas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta prevista mit-Trattat (sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 170).

151    Issa, operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li toħloq jew li ssaħħaħ pożizzjoni dominanti tal-partijiet ikkonċernati ma’ entita terza mhux involuta fil-konċentrazzjoni x’aktarx ser tiġi ppruvata li hija inkompatibbli mas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta prevista mit-Trattat. Konsegwentament, kieku kellu jiġi aċċettat li huma biss l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu jew li jsaħħu pożizzjoni dominanti tal-partijiet tal-konċentrazzjoni huma koperti mir-Regolament Nru 4064/89, l-iskopijiet tiegħu kif jirriżultaw mill-premessi hawn fuq imsemmija jiġu parzjalment immxejna. Ir-regolament għalhekk ikun imċaħħad minn parti sinjifikanti ta’ l-effettività tiegħu, mingħajr ma dan ikun neċessarju mill-perspettiva ta’ l-istruttura ġenerali tas-sistema Komunitarja ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet (sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 171).

152    L-argumenti li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li r-Regolament Nru 4064/89 jista’ jiġi applikat għal operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bejn impriżi li m’għandhom iċ-ċentru prinċipali ta’ l-attivitajiet fil-Komunità u, it-tieni nett, il-possibilità li l-Kummissjoni tista’ eventwalment tistħarreġ l-imġiba anti kompettitiva ta’ membri ta’ oligopolija permezz ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat, mhumiex ta’ natura tali li jikkontestaw l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4064/89 għal każijiet ta’ dominanza kollettiva li tirriżulta minn konċentrazzjoni.

153    F’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4064/89 għall-pożizzjonijiet ta’ dominanza kollettiva ma jistax jiddependi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu.

154    F’dak li jirrigwarda l-possibilita li jiġi applikat l-Artikolu 86 tat-Trattat, din ma tippermettix li jiġi konkluż li r-Regolament Nru 4064/89 ma japplikax għal dominanza kollettiva, peress li l-istess raġunament jgħodd għal każijiet ta’ dominanza minn impriża waħda, li tista’ twassal għall-konklużjoni li wara kollox ma kienx hemm bżonn tar-Regolament Nru 4064/89.

155    Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 86 tat-Trattat jippermetti biss li jiġi mistħarreġ it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti u mhux il-ħolqien tagħhom (sentenza Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26), in-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament għall-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu pożizzjoni dominanti jkollu l-effett li joħloq lakuna fis-sistema Komunitarja għall-istħarriġ ta’ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li x’aktarx ikunu ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

156    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li pożizzjonijiet dominanti kollettivi mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, kif barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja stess iddeċidiet, wara s-seduta tat-18 ta’ Frar 1998, fis-sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 178).

157    Għaldaqstant, l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li fid-deċiżjonijiet ikkontestati tinkludi xi tip ta’ motivazzjoni dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4064/89 għall-pożizzjonijiet dominanti kollettivi, b’mod partikolari għaliex din diġà kienet tat l-opinjoni tagħha fuq dan is-suġġett kemm fir-rapporti annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni u kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ konċentrazzjoni, b’mod partikolari fid-deċiżjoni Nestlé-Perrier. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 190 tat-Trattat mhuwiex fondat.

158    Minn dan isegwi li l-motivi eżaminati għandhom jiġu miċħuda.

III – Fuq il-motivi bbażati, minn naħa, fuq ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, peress li l-Kummissjoni kienet żbaljata li tikkonkludi li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kellha toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat

A – Id-deċiżjoni kkontestata

159    Sabiex tikkonkludi li kellha tinħoloq pożizzjoni dominanti kollettiva bejn Implats/LPD u Amplats bir-riżultat li kompetizzjoni effettiva kellha x’aktarx tkun imfixkla b’mod sinjifikanti fis-suq komuni (punt 219 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni b’mod partikolari kkonstatat li (punti 74 sa 214 tal-premessi):

- minkejja l-fatt li l-GMPs (platinum, palladium, rhodium, iridium, ruthenium u osmium) jinsabu, fi stat naturali, fl-istess ġjaċimenti, huma ma jistgħux jieħdu post xulxin b’mod suffiċjenti sabiex ikunu kkunsidrati li jiffurmaw suq wieħed ta’ prodotti u għaldaqstant kull GMP ikkunsidrat individwalment jikkostitwixxi suq ta’ prodott;

- GMP huma oġġetti ta’ valur għoli mibjugħa madwar id-dinja bl-istess kundizzjonijiet u hemm għaldaqstant suq dinji integrat għal kull GMP;

- is-swieq dinji tal-platinum u rhodium huma kkaratteriżati minn omoġenjità ta’ prodott, trasparenza kbira fis-suq, domanda bi prezz li mhux flessibbli fil-medja ta’ prezz kurrenti, tkabbir moderat fid-domanda, teknoloġija ta’ produzzjoni matura, barrieri ta’ dħul għolja, livell għoli ta’ koncentrazzjoni ta’ impriżi, rabtiet finanzjarji u kuntatti bejn fornituri f’numru ta’ swieq, nuqqas ta’ poter ta’ negozjazzjoni għax-xerrejja kif ukoll livell baxx ta’ kompetizzjoni u li ftit elementi biss ta’ kompetizzjoni setgħu jistabbilixxu ruħhom fil-passat;

- wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, Implats/LPD u Amplats kien ser ikollhom, bejn wieħed u ieħor, 35% kull wieħed tas-suq dinji tal-platinum (sehem konġunt fis-suq ta’ bejn wieħed u ieħor 70%) li, wara li li tispiċċa, kif antiċipat, il-ħażna Russa fi żmien sentejn, kien ser jiżdied għal 40% kull wieħed (sehem konġunt tas-suq ta’ bejn wieħed u ieħor 80%), u kull wieħed kien ikollu sehem ta’ 50% tas-sehem konġunt tas-sehem ta’ 89% tar-riservi dinjin stmati tal-GMP;

- wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, Implats/LPD u Amplats kienu ser ikollhom strutturi ta’ spejjeż simili;

- il-konċentrazzjoni kienet ser telimina definittivament it-theddida kompettitiva li LPD kienet preċedentement tirrapreżenta fis-suq;

- wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, ir-Russja jkollha biss rwol minuri fis-suq;

- is-sorsi marġinali ta’ fornitura, jiġifieri fornituri l-barra mill-oligopolija, l-impriżi ta’ reċiklaġġ, żammiema ta’ ħażniet minbarra l-ħażniet Russi u s-sostituzzjoni ta’ palladdium għall-platinum, mhumiex ser ikunu kapaċi li jfixxklu l-poter ekonomiku taż-żewġ kumpanniji dominanti, jiġifieri Implats/LPD u Amplats;

- mhuwiex probabbli wisq li kompetituri ġodda jidħlu fis-swieq tal-platinum u tar-rhodium.

B – Kunsiderazzjonijiet ġenerali

160    Ir-rikorrenti ssostni li l-elementi ta’ prova u l-motivazzjoni li hemm fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva fil-każ preżenti, u barra minn hekk, lanqas ma jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-Artikolu 190 tat-Trattat.

161    Hija ssostni li, li kieku l-Kummissjoni applikat b’mod korrett il-kriterji preċedentement użati fil-prassi deċiżjonali tagħha għall-karatteristiċi oġġettivi tas-swieq tal-platinum u rhodium, hija ma kinitx tasal għall-konklużjoni li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kellha ġġib magħha l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

162    Għandu jiġi mfakkar li, skond Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, għandhom jiġu ddikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti li tirriżulta fi tfixkil sinjifikattiv tas-suq komuni jew ta’ parti sostanzjali tiegħu.

163    Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni hija għaldaqstant obbligata li tivverifika, abbażi ta’ analiżi prospettiva tas-suq rilevanti, jekk l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni hijiex ser twassal għal sitwazzjoni fejn kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti ser tkun imfixxkla b’mod sostanzjali mill-impriżi involuti fil-konċentrazzjoni u fejn impriża jew impriżi terzi jkollhom, flimkien, b’mod partikolari minħabba fatturi li jagħtu lok għall- konnessjoni bejniethom, is-setgħa li jadottaw politika komuni fuq is-suq u jaġixxu kunsiderevolment b’mod indipendenti mill-kompetituri l-oħra, mill-klijenti tagħhom u, finalment, mill-konsumaturi (sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 221).

164    F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiwt ewlenin tar-Regolament Nru 4064/89, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomiċi (sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 223).

165    Konsegwentament, l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja ta’ l-eżistenza ta’ diskrezzjoni bħall din, li huwa neċessarju għad-definizzjoni tar-regoli f’dak li jirrigwarda konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġinu ta’ diskrezzjoni li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ konċentrazzjonijiet (sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 224).

166    Id-diversi argumenti invokati mir-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

C – Fuq l-allegata eżistenza ta’ kontroll konġunt ta’ Gencor u ta’ Lonrho fuq LPD qabel l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

167    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tidher li naqset milli tikkunsidra suffiċjentement l-elementi kollha ta’ prova li ġew ippreżentati lilha dwar is-sitwazzjoni preċedenti għall-operazzjoni ta' konċentrazzjoni, fil-kuntest ta’ liema hija u Lonrho kellhom kontroll konġunt ta’ LPD. Il-fatturi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta ser tkun inkompatibbli mas-suq komuni diġà kienu jeżistu qabel il-proposta. Huwa għaldaqstant diffiċli li wieħed jifhem b’liema mod il-konċentrazzjoni kellha tibdel il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

168    Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, LPD ma kinitx is-suġġett ta’ kontroll konġunt minn Gencor u minn Lonrho qabel il-proposta ta’ konċentrazzjoni. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti qiegħdha ssostni eżattament il-kuntra ta’ dak li sostniet fir-risposta tal-partijiet għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, jiġifieri li Implats u LPD kienu entitajiet kompletament separati u li l-involviment ta’ Implats' f’LPD kien limitat għall-kwalità tagħha ta’ azzjonista minoritarja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

169    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-punti 114 sa 121 u 186 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet analiżi dettaljata tar-rabtiet strutturali li kien hemm bejn Implats u LPD qabel l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kif ukoll ta’ l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq l-istruttura ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-platinum. Għalhekk, skond id-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet ma ostakolatx lil LPD milli tibqa’ kompetitur indipendenti ta’ Implats, iżda dik l-indipendenza kienet ser tintilef wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

170    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kinitx ta’ natura tali li tbiddel b’mod sinjifikattiv il-grad ta’ influwenza li r-rikorrenti setgħet teżerċita fuq LPD, u b’hekk, il-kundizzjonijiet u l-istruttura ta’ kompetizzjoni fis-swieq tal-platinum u rhodium, jew inkella jekk, peress li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni m'għamlet l-ebda bdil sostanzjali fl-istruttura li kienet diġà teżisti fis-suq, il-Kummissjoni kien ikollha tawtorizzha.

171    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li skond l-Artikolu 8.2 tal-Ftehim bejn l-azzjonisti, l-amministrazzjoni kurrenti u l-kontroll ordinarju ta’ l-attivitajiet u tan-negozju ta’ Eastplats u Westplats, jiġifieri ta’ LPD, huma suġġetti għall-kontroll esklużiv ta’ Lonrho permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha LMS.

172    Fil-fatt dan l-Artikolu jipprovdi:

“L-amministrazzjoni u l-kontroll ordinarju u ta’ kuljum tan-negozju u ta. l-impenji ta’ kull waħda mill-kumpanniji għandhom jiġu ttrasferiti f’idejn LMS permezz ta’ ftehim ta’ amministrazzjoni u l-partijiet għandhom ifittxu li sal-jum ta’ l-iffirmar, il-kumpanniji jkunu kkonkludew il-ftehim ta’ amministrazzjoni ma’ LMS skond liema l-amministrazzjoni tan-negozju tal-kumpanniji għandha ssir minn LMS. LSA [Lonrho South Africa] għandha tara li LMS, egolarment u kompletament, tinforma lill-bord tad-diretturi ta’ kull waħda mill-kumpanniji dwar kull aspetti materjali tan-negozju ta’ kull waħda mill-kumpanniji permezz (inter alia) tar-rendikonti ta’ amministrazzjoni ta’ kull xahar.”

173    Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8.5 tal-Ftehim bejn l-azzjonisti, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ tal-produzzjoni ta’ LPD huma wkoll suġġetti għall-kontroll esklussiv ta’ Lonrho permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Western Metal Sales (punt 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

174    Fil-fatt, dan l-Artikolu jipprovdi:

“Il-produzzjoni ta’ WPL [Westplats] u EPL [Eastplats], inkluża l-produzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ tħaffir miksuba minn WPL abbażi tal-ftehim prinċipali għandha tiġi kkummerċjalizzata permezz ta’ WMS [Western Metal Sales] [...]”

175    Barra minn hekk, skond l-Artikolu 6.3 tal-Ftehim bejn l-azzjonisti “sakemm il-grupp Lonrho jżomm b’kollox 50% jew iktar mill-kapital irreġistrat ta’ kull waħda mill-kumpanniji, il-president u d-direttur ta’ l-amministrazzjoni ta’ kull waħda mill-kumpanniji u l-president tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi għandu jkun direttur appuntat minn LSA”. F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li LMS, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni lil LPD, kienet f’pożizzjoni b’saħħitha u fl-istess ħin privileġġata kemm sabiex tkun taf u tamministra n-negozju ta’ LPD ukif ukoll sabiex teżerċita influwenza qawwija fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet kollha ta’ din ta’ l-aħħar (punt 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

176    Barra minn hekk, il-fatt li l-grupp Gencor ma eżerċitax influwenza fuq l-istrateġiji kompettitivi ta’ LPD huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet li l-istess partijiet tal-konċentrazzjoni għamlu fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (ara l-anness 5 tar-risposta ta’ Gencor u ta’ Lonrho għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonjiet, ir-raba’ paragrafu tat-taqsima bl-isem 'Paragrafi 6, 7 u 8: kontroll ta’ LPD minn Gencor u Lonrho'), fejn huma jgħidu li “Implats u LPD kienu, u jibqgħu sal-ġurnata ta’ llum, entitatjiet kompletament separati u amministrati separatament, f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni kurrenti tagħhom, mill-organi ta’ direzzjoni rispettivi tagħhom u mingħajr ma jirreferu għal xulxin” u li “l-ishma ta’ Implats' kienu u jibqgħu [...] dawk ta’ azzjonist li għandu 27% tal-kapital ta’ LPD” (punt 118 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan huwa wkoll ikkonfermat permezz ta’ l-Artikolu 17 tal-Ftehim bejn l-azzjonisti li jipprovdi: “Ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti [il-gruppi Gencor u Lonrho], huma rregolati minn dan il-ftehim u l-ebda element li jinstab f’dan il-ftehim m’għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi assoċjazzjoni, impriża komuni jew assimilata [...]” .

177    Fl-aħħar nett, mhuwix qiegħed jiġi kkontestat, minn naħa, li LPD u IMPLAS, billi żammew id-dipartimenti kummerċjali rispettivi tagħhom, kienu jikkompetu ma’ xulxin qabel l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni u kienu jbiegħu l-prodotti tagħhom lil ċerti klijenti komuni b’kundizzjonijiet differenti, per eżempju dwar roħs offrut (punt 117 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li matul l-aħħar għaxar snin LPD kienet, flimkien mar-Russja, l-element prinċipali ta’ kompetizzjoni fis-suq (punti 174 sa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

178    Min dan jirriżulta li Lonrho kienet f’pożizzjoni li waħeda tikkontrolla, mingħajr il-kunsens ta’ Gencor, aspett importanti ta’ l-istrateġija kompettitiva ta’ LPD, jiġifieri l-politika ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħha.

179    Wara l-konċentrazzjoni, madankollu, dak l-aspett tal-politika kummerċjali ta’ LPD ma kienx ser jibqa’ taħt il-kontroll esklussiv ta’ Lonrho, iżda taħt il-kontroll konġunt ta’ Lonrho u ta’ Gencor. Fil-fatt, l-operazzjoni kellha twassal għall-fużjoni ta’ Western Metal Sales u LMS fl-entita’ l-ġdida kif ukoll għall-ġbir flimkien ta’ l-attivitajiet kollha estrazzjoni, ipproċessar, rafinnar u ta’ kummerċjalizzazjoni fi ħdan Implats/LPD taħt amministrazzjoni waħda (punti 120 u 186 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kienet ta’ natura tali li tbiddel sostanzjalment il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni ta’ LPD fuq il-livell tal-kummerċjalizzazzjoni tal-GMP.

181    Fir-rigward tal-politika ta’ produzzjoni, għandu jiġi osservat li skond is-segwenti Artikoli tal-Ftehim bejn l-azzjonisti, kemm id-deċiżjonijiet dwar kull investiment maġġuri li jmur lil hinn mill-programm li diġà ġie approvat kif ukoll il-pjan strateġiku annwali u l-estimi ta’ kull waħda mill-kumpanniji li jinkludu LPD kienu suġġetti għall-kunsens preliminari ta’ Gencor u Lonrho:

"6.1 LSA u Implats ser ikollhom l-istess numru ta' rappreżentanti u l-istess drittijiet tal-vot fuq il-bordijiet tad-diretturi tal-kumpanniji [...]

[...]

8.3 Kull investiment maġġuri ieħor li jmur lil hinn mill-programm li diġà ġie approvat fir-rigward tan-negozju ta’ waħda mill-kumpanniji, inkluż il-finanzjament tagħhom u deċiżjonijiet dwar tneħħija ta’ investiment, għandu jiġi approvat bi ftehim bejn l-azzjonisti. Jekk l-azzjonisti ma jaqblux f'dan ir-rigward, huma għandhom ifittxu l-konsulenza ta’ espert independenti li jaqblu fuqu l-partijiet u l-opinjoni tiegħu għandha tiġi kkunsidrata.

8.4 Minkejja d-dispożizzjonijiet li hemm fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ kull waħda mill-kumpanniji, il-poteri u l-funzjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ kull waħda mill-kumpanniji għandhom jinkludu l-eżami, u fejn meħtieġ,l- approvazzjoni tas-segwenti:

[...]

8.4.3 il-pjan annwali strateġiku u l-estimi għal kull waħda mill-kumpanniji".

182    F'dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li Lonrho tista’, mingħajr il-kunsens ta’ Gencor, iżżid il-livell kurrenti ta’ produzzjoni ta’ LPD b’mhuwiex iktar minn (...) uqija fis-sena minn xaftijiet eżistenti u permezz ta’ espansjonijiet oħra ta’ żjidiet li jintlaħqu permess ta’ titjib kontinwu tal-proċessi ta' produzzjoni u billi jitħaffu restrizzjonijiet ta’ produzzjoni (punt 5.1 tar-rapport li sar f’Marzu 1996 minn National Economic Research Associates, konsulenti ekonomiċi; iktar 'il quddiemir-"Rapport NERA").

183    Madankollu, ir-rikorrenti tgħid li l-konċentrazzjoni ma kinitx ser tbiddel il-possibbilitajiet tagħha li tostakola espansjoniiet futuri tal-kapaċita ta’ produzzjoni ta’ LPD il-fuq minn dan l-ammont, peress li, skond il-Ftehim bejn l-azzjonisti, il-kunsens tiegħu kien diġà meħtieġ għal kull investiment maġġuri, inklużi l-investimenti neċessarji għat-tkabbir tax-xaftijiet tal-minjieri magħrufa bħala (...). Fil-fehma tagħha, id-drittijiet ta’ veto fir-rigward ta' l-adozzjoni fuq il-pjan strateġiku annwali u l-estimi annwali ppermettewla li tostakola lil-LPD milli tikseb il-fondi neċessarji (kemm jekk b'self mill-banek jew finanzjament mill-konsumaturi) għall-iżvilupp ta’ (...) xafftijiet (Rapport NERA, punt 5.1).

184    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li skond l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet u l-analiżi pprovduta minn R.W. Rowland, eks president ta’ Lonrho, l-LPD kienet, minkejja d-dejn tagħha, f'pożizzjoni li tiffinanzja hija stess il-proġett ta' żvilupp tagħha u li spiża ta' ekwipaġġament addizzjonali b'ammont limitat kellha tippermettilha li tespandi l-produzzjoni tagħha għal 900 000 uqija kull sena (l-aħħar parti tal-punt 115 u l-punti 121 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata). (...)

185    Skond l-aħħar parti ta' l-Artikolu 8.3 tal-Ftehim bejn l-azzjonisti, jekk Gencor u Lonrho ma jaqablux dwar l-espansjoni futura ta’ LPD, huma għandhom ifittxu l-konsulenza ta’ espert indipendenti. Minn dan jirriżulta li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, Gencor ma setgħetx, għal raġunijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mal-funzjonament tajjeb ta’ l-impriża, jimblukkaw b’mod indefinit deċiżjonijiet dwar investimenti indispensabbli għall-espansjoni tal-kapaċita ta’ produzzjoni ta’ LPD u li x’aktarx kienu ser ikunu ta’ benefiċċju għall-azzjonisti kollha (punt 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

186    Wara l-konċentrazzjoni, madankollu, dan it-tip ta’ kunflitt ta’ interessi kien inqas probabbli minħabba l-bidla fl-interessi ekonomiċi tal-partijiet.

187    Fil-fatt, qabel l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni, Gencor kienet tikkontrolla Implats u kellha sehem minoritarju ta’ 27% fil-kapital ta' LPD li jiżdiedu mal-Ftehim bejn l-azzjonisti. Lonrho kellha 73% tal-kapital ta’ LPD iżda ma kellhiex ishma fil-kapital ta' Implats. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm seta’ kien fl-interess ta’ Gencor li, qabel l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni, timponi deċiżjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet li hija kienet tikkontrolla individwalment (u li proporzjonalment taw profitt ogħla), jiġifieri l-attivitajiet ta’ Implats, jekk hemm bżonn għad-detriment ta’ LPD, dan ma kienx il-każ għal Lonrho li, peress li kienet topera fis-swieq GMP biss permezz ta’ LPD, li oġġettivament kellha biss l-interess li tara li l-attivitajiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha LPD jiżviluppaw bl-aktar mod razzjonali.

188    Min-naħa l-oħra, din is-sitwazzjoni setgħet tinbidel radikalment wara l-konċentrazzjoni peresss li kemm Gencor kif ukoll Lonrho kienu ser ikollhom sehem indaqs fil-kapital ta' l-entita l-ġdida Implats/LPD u għaldaqstant x’aktarx kienu ser ikollhom l-istess oġġettivi u interessi ekonomiċi, minn ta’ l-inqas f'dak li jirrigwarda deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-iżvilupp ta’ l-entita l-ġdida. Fi kliem ieħor, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni għaldaqstant x’aktarx kienet ser tbiddel il-bilanċ ta’ interessi taż-żewġ azzjonisti prinċipali ta' LPD billi tressaq iktar lejn xulxin il-fehmiet ta’ Gencor u Lonrho f'dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-kapaċita ta’ produzzjoni ta’ l-entita’ l-ġdida, u b’hekk tippermetti li tinħoloq struttura bejn żewġ kumpanniji komposta minn, Gencor u Lonrho minn naħa, u Amplats, min-naħa l-oħra.

189    Barra minn hekk dan ġie kkonfermat mill-partijiet infushom.

190    F'dan ir-rigward, il-punt 187 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

"[...] Kif ġie indikat fiċ-ċirkulari mibgħuta lill-azzjonisti ta' Lonrho bħala preparament għall-konċentrazzjoni:

'Implats u Lonrho fil-passat ma rnexxielhomx jilħqu ftehim fuq numru ta’ affarijiet inkluż il-pjanijiet proposti minn Lonrho għall-espansjoni ta' l-attivitajiet ta’ LPD. Il-bord tad-diretturi jemmen li huwa evidenti li wara l-operazzjoni, kemm Lonrho kif ukoll Gencor ser ikollhom l-interss li l-valur ta' l-entità l-ġdida Implats jiżdied u dan għall-benefiċċju ta' l-azzjonisti rispettivi tagħhom."'

191    Il-punt 188 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li:

"Barra minn hekk, skond l-estimi ppreżentati lil (...), l-allinjament ta’ l-interessi wara l-operazzjoni ser jinvolvi tnaqqis tal-produzzjoni u żieda fil-prezzijiet, bil-kontra ta' dak li jiġri jekk l-operazzjoni ma sseħx u l-partijiet jerġgħu lura għall-pjanijiet ta’ espansjoni attwali tagħhom. B’mod partikolari, il- (...) ġew preżentati b’żewġ xenarji differenti, li kienu jiddeskrivu l-iżvilupp tal-produzzjoni ta' Implats/LPD fil-każ ta' fużjoni u fin-nuqqas ta' fużjoni:

(a) (...)

(b) (...)"

192    Fl-aħħar nett, skond il-punt 189 tad-deċiżjoni kkontestata, (...) peress li, b’mod partikolari, skond ir-rapport ta’ Awwissu 1994 intitolat (...), l-konċentrazzjoni kienet tippreżenta żewġ benefiċċji kbar min-naħa tas-suq (apparti l-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż):

"(...)

[... iż-żamma tal-livelli ta’ produzzjoni kurrenti (...) għandu jkollhom influwenza pożittiva fuq il-prezzijiet ...];

u, barra minn hekk,

(...)

[... il-grupp li jirriżulta mill-operazzjoni ser ikollu kapitalizzazzjoni fis-suq ogħla mill-valur ta’ l-entitatjiet magħquda. Dan huwa dovut għad-daqs u l-kapaċità ikbar tagħha li tinfluwenza s-suq ...]"

193    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata, minkejja r-rabtiet struturali li jeżistu bejn ir-rikorrenti u Lonrho skond il-Ftehim bejn l-azzjonisti, li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni proposta kienet ser telimina b’mod definittiv it-theddida kompetittiva li LPD kienet tirrappreżenta għall-attivitajiet bi spejjeż għoljin ta’ Implats u ta' Amplats, kemm fuq il-livell ta' kummerċjalizzazzjoni kif ukoll fuq il-livell ta' produzzjoni, u b’hekk ikollha effett sostanzjali fuq l-istruttura tas-suq li diġà kienet teżisti.

194    Għaldaqstant l-ilment eżaminat għandu jiġi miċħud.

D –Fuq il-karatterizzazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-pożizzjoni dominanti kollettiva

1.Fuq il-kriterju tas-sehem tas-suq

L-argumenti tal-partijiet

195    Ir-rikorrenti tosserva li l-ishma li l-partijiet għandhom tas-suq dinji tal-platinum li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni huma ta' (...)% (għal Implats) u ta' (...)% (għal LPD) rispettivament, u flimkien jirrapreżentaw sehem konġunt tas-suq ta’ (...)%. Fis-suq Komunitarju, dawk l-ishma jammontaw għal (...)% (LPD), (...)% (Implats) u (...)% (sehem konġunt) rispettivament. Issa, f’każijiet oħra ta’ stħarriġ ta' operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni fejn ġiet ikkonstatata dominanza kollettiva, bħal dawk li wasslu għad-Deċiżjoni Nestlé-Perrier u għad-Deċiżjoni 94/449/KE ta' l-14 ta’ Diċembru 1993 dwar proċedura ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 (Kawża Nru IV/M.308 - Kali + Salz/MdK/Treuhand) (ĠU 1994 L 186, p. 38; iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Kali + Salz"), l-ishma tas-suq flimkien kienu sostanzjalment ogħla mill-każ preżenti, iżda, madankollu, l-Kummissjoni xorta awtorizzat l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni proposti.

196    Fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Nestlé-Perrier, Nestlé u BSN kellhom sehem flimkien ta’ 82% tas-suq in kwistjoni, jiġifieri s–suq ta’ l-ilma minerali Franċiż (punt 119 ta’ dik id-deċiżjoni). L-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kienet ġiet awtorizzata bil-kundizzjoni li tikkonforma ma’ ċertu kundizzjonijiet.

197    Fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Kali + Salz, is-sehem tas-suq ta’ Kali + Salz żdied minn 17% għal 25% tas-suq Komunitarju minbarra l-Ġermanja u rriżulta f’monopolju de facto li jikkonsisti f’sehem ta’ 98% tas-suq Ġermaniż li kien ikkunsidrat suq ġeografiku rilevanti fih innifsu. Għal darba oħra, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni bil-kundizzjoni li tikkonforma ma’ ċertu kundizzjonijiet.

198    Il-Kummissjoni ssostni li l-paragun li r-rikorrenti għamlet bejn l-ishma tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni u t-total ta' l-ishma tas-suq tal-membri kollha ta’ l-oligopolija fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Nestlé-Perrier (82%) mhuwiex korrett, l-istess bħal fil-każ tal-paragun li għamel mal-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Kali + Salz.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

199    Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 tirrifleti l-objettiv ġenerali mogħti mill-Artikolu 3(g) tat-Trattat, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tiġix distorta (l-ewwel u s-seba’ premessi tar-Regolament Nru 4064/89). Il-projbizzjoni tirrigwarda l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti li tirriżulta fit-tfixkil sinjifikattiv ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq jew f’parti sostanzjali tiegħu.

200    Il-pożizzjoni dominanti msemmija tikkonċerna sitwazzjoni ta' saħħa ekonomika miżmuma minn impriża jew impriżi jkollhom li tagħtihom is-setgħa li jostakolaw iż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi tagħtihom il-possibbiltà li jaġixxu, b’mod kunsiderevoli, indipendentament mill-kompetituri tagħhom, mill-klijenti tagħhom u fl-aħħar nett, mill-konsumaturi.

201    L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tista’ tirriżulta minn diversi fatturi li, ikkunsidrati separatament, mhumiex neċessarjament determinanti. Fost dawn il-fatturi, l-eżistenza ta’ ishma kbar tas-suq huwa importanti ħafna. Madankollu, sehem sostanzjali tas-suq, bħala element ta' prova ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, mhuwiex fattur kostanti. L-importanza tiegħu tvarja minn suq għal suq skond l-istruttura ta’ dawk is-swieq, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni, l-offerta u d-domanda (sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar 'il fuq, punti 39 u 40).

202    Barra minn hekk, ir-relazzjoni bejn l-ishma tas-suq miżmuma mill-impriżi involuti fil-konċentrazzjoni u mill-kompetituri tagħhom, speċjalment dawk li jiġu immedjatament warajhom, hija indizju rilevanti ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, dan il-fattur jgħin sabiex tiġi evalwata s-saħħa kompettitiva tal-kompetituri ta’ l-impriża in kwistjoni (sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48).

203    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li f’każijiet oħra ta’ konċentrazzjoni l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ishma tas-suq ftit jew wisq għolja sabiex issostni l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eventwalità ta' ħolqien jew ta' tisħieħ ta' pożizzjoni kollettiva dominanti ma jistax jorbot lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta’ każijiet oħrajn li jikkonċernaw, b’mod partikolari, swieq ikkaratterizzati minn struttura ta’ offerta u ta' domanda u minn kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti.

204    Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta' elementi probatorji ta' natura tali li juru li s-suq ta’ l-ilma minerali u/jew is-suq tal-potassju eżaminati fil-kawżi Nestlé-Perrier u Kali + Salz, min-naħa, u s-suq ta’ platinum u tar-rhodium li qiegħed jiġi kkunsidrat f’dan il-każ, min-naħa l-oħra, għandhom karatteristiċi fundamentali simili, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq eventwali differenzi fl-ishma tas-suq miżmuma mill-membri ta’ l-oligopolija li l-Kummissjoni kkunsidrat f’wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ każijiet sabiex tikkuntesta l-limitu tas-sehem tas-suq ikkunsidrat bħala indikattiv ta' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti kollettiva f’dan il-każ.

205    Barra minn hekk, għalkemm l-importanza ta’ l-ishma tas-suq tista’ tvarja minn suq għal ieħor, wieħed jista’ ġustament jikkunsidra li ishma tas-suq kbar ħafna jikkostitwixxu fihom innfushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1991, Akzo vs Il-Kummissjoni, C-62/86 Ġabra p. I-3359, punt 60). Fil-fatt, impriża li għandha sehem kbir ħafna tas-suq u li żżommu għal ċertu żmien, permezz tal-volum ta’ produzzjoni u offerta li hija tirrappreżenta – mingħajr ma dawk li għandhom ishma ħafna iżgħar tas-suq ma jkunu kapaċi jissodisfaw id-domanda ta’ dawk li jixtiequ jaqtgħu mill-impriża li għandha l-ikbar sehem tas-suq – hija f’pozizzjoni b’saħħitha li tagħmilha sieħeb obbligatorju u li, diġà minħabba f'dan, tassiguralha, minn ta’ l-inqas matul perjodi relattivament twal, dik il-libertà ta’ azzjoni li hija karatteristika ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

206    Huwa minnu li, fil-kuntest ta’ oligopolija, il-fatt li l-partijiet fl-oligopolija għandhom ishma tas-suq għolja m'għandux neċessarjament l-istess tifsira, meta mqabbel ma’ l-analiżi ta’ pożizzjoni dominanti individwali, fir-rigward tal-possibilitajiet li l-imsemmija membri jadottaw, bħala grupp, imġiba kunsiderevolment indipendentament mill-kompetituri tagħhom, mill-klijenti, u fl-aħħar nett, mill-konsumaturi. Madankollu, b’mod partikolari fil-każ ta’ żewġ kumpanniji dominanti, xorta waħda jibqa l-fatt li sehem kbir tas-suq huwa, ħlief fil-każ ta’ prova kuntrarja, indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

207    Fil-każ preżenti, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (punti 81 u 181), li Implats/LPD u Amplats kien ser ikollhom sehem tas-suq ta’ madwar 30% sa 35% kull wieħed, jiġifieri sehem konġunt tas-suq ta’ bejn wieħed u ieħor 60% sa 70%, tas-suq dinji tal-GMP u bejn wieħed u ieħor 89% tar-riservi dinjin tal-GMP. Ir-Russja kellha sehem tas-suq ta' 22% u madwar 10% tar-riservi dinjin, il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kellhom sehem tas-suq ta' 5% u 1% tar-riservi dinjin, u l-impriżi ta’ reċiklaġġ kellhom sehem tas-suq ta' 6%. Kien probabbli li, wara li r-Russja teżawrixxi l-ħażniet tagħha, jiġifieri probabbilment matul is-sentejn ta' wara d-deċiżjoni kkontestata, Implats/LPD u Amplats kien ser ikollhom seħem tas-suq ta’ madwar 40% kull wieħed, jiġifieri sehem konġunt ta’ 80%, li kien ser jikkostittwixi sehem kbir ħafna tas-suq.

208    Għaldaqstant, fid-dawl tat-tqassim bejniethom ta' l-ishma tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni u d-differenza fis-sehem tas-suq, li kellha tirriżulta wara l-imsemmija konċentrazzjoni, bejn, minn naħa, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni u Amplats u, min-naħa l-oħra, il-fornituri l-oħra tal-platinum, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta x’aktarx kienet ser tirriżulta fil-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti ta' l-impriżi ta’ l-Afrika t’Isfel.

209    Għandu jiġi kkonstatat li l-paragun li r-rikorrenti għamlet bejn l-ishma tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni u t-total ta' l-ishma tas-suq tal-membri kollha ta' l-oligopolija fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Nestlé-Perrier (82%) mhuwiex korrett. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, is-sehem ta’ 82% għandu jiġi mqabbel ma' l-ishma kollha tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni u Amplats wara l-eliminazzjoni virtwali tal-produttur Russu (Almaz) bħala influwenza sinjifikattiva fis-suq, jiġifieri total ta’ bejn wieħed u ieħor 80%. F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Kali + Salz, ir-rikorrenti kienet ukoll żbaljata meta pparagunat l-ishma tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazjoni fil-każ preżenti ma’ dawk ta’ Kali + Salz u ta' MdK (98%) fil-Ġermanja, peress li ma kinitx kwistjoni ta' pożizzjoni dominanti kollettiva. Issa, fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza Kali + Salz, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq Ewropew minbarra l-Ġermanja, fejn l-impriża li rriżultat mill-konċentrazzjoni kellha, flimkien mal-membru l-ieħor, sehem tas-suq ta’ madwar 60%. Għaldaqstant ir-rikorrenti kellha tagħmel paragun ma’ din l-aħħar figura, li hija ħafna inqas mis-sehem konġunt tas-suq ta’ Amplats u Implats/LPD wara l-konċentrazzjoni.

210    F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sehem konġunt ta’ Implats/LPD wara l-konċentrazzjoni kellu jammonta biss għal (...)% fil-Komunità, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li s-suq ġeografiku in kwistjoni hija żona ġeografika definita kkaratterizzata mill-eżistenza ta' kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li huma suffiċjentement omoġenei għall-operaturi ekonomiċi kollha. F’din iż-żona, l-impriża jew impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti kienu f'pożizzjoni li eventwalment iwettqu prattiċi abbużivi li jfixxklu kompetizzjoni effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 11 u 44). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tagħmel evalwazzjoni raġjonevoli ta’ l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fl-imsemmija żona. Għandu jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li minħabba l-karatteristiċi tas-suq GMP deskritti fil-punti 68 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq ġeografiku in kwistjoni fil-każ preżenti għandu dimensjoni dinjija, fatt li l-partijiet mhumiex qiegħdin jikkontestaw.

211    F'dawn iċ-ċirkustanzi mhuwiex possibbli li ssir riferenza għal "ishma fis-suq" tal-partijiet fil-Komunità. Fil-fatt, f'suq dinji, bħal dak tal-platinum u tar-rhodium, il-poter ekonomiku ta’ grupp bħal dak li kienu ser jiffurmaw Implats/LPD u Amplats wara l-konċentrazzjoni huwa l-poter li jirriżulta mis-sehem tagħhom tas-suq dinji u mhux mis-sehem tagħhom tas-suq f’parti mid-dinja.

212    F'dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ differenzi reġjonali fid-distribuzzjoni ta' l-ishma tas-suq tal-membri ta' l-oligopolija li tiddomina s-suq fi prodott funġibbli, ħafif sabiex jiġi ttrasportat u li l-prezzijiet tiegħu jiġu stabbiliti fuq livell dinji, tirrifletti biss relazzjonijiet tradizzjonali ta’ negozju li jistgħu jew faċilment jisparixxu jekk l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jiddeċiedu li jagħmlu prezzijiet predatorji sabiex jeliminaw il-kompetituri tagħhom, jew inkella li jkunu diffiċli li jingħalbu minħabba l-prattika ta’ prezzijiet abbusivi jekk is-sorsi marġinali ta’ produzzjoni ma kinux f’pożizzjoni jissodisfaw aġevolment id-domanda tal-klijenti ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti li żżomm l-imsemmija prezzijiet abbużivi.

213    Issa, kif l-istess rikorrenti tametti fil-punt 4.24 tar-rikors tagħha, mhemmx evidenza li l-impriżi li joperaw fis-swieq tal-platinum il barra mill-isfera tal-pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji identifikati mill-Kummissjoni, huma biss il-membri taż-żewġ kumpanniji dominanti nnifishom li jistgħu jiżolaw lis-suq komuni, per eżempju sabiex jagħmlu tajjeb, b'mod selettiv, għal deċiżjoni tal-membri ta' l-oligopolija li l-prezzijiet fuq livell dinji.

214    Anke jekk jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ suq dinji bħal dak tal-platinum u tar-rhodium, huwa wkoll meħtieġ li jkun eżaminat il-livell preċiż tal-bejgħ Komunitarju ta' l-operaturi kkonċernati fil-każ preżenti, madankollu għandu jiġi kkonstatat li s-sehem tas-suq miżmum konġuntament minn Implats/LPD u Amplats fil-Komunità ma kinux sostanzjalment differenti mis-sehem miżmum minnhom fis-suq dinji tal-platinum.

215    Fil-fatt, skond l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet tal-konċentrazjoni dwar il-formola ta’ notifika CO, is-sehem tas-suq konġunt ta’ Implats/LPD fil-Komunità kien medjament ta' bejn wieħed u ieħor (...)% matul il-perijodu 1992-95 (ara punt 6.1.10 tal-Formola CO, anness 6 tar-rikors), filwaqt li s-sehem tas-suq ta’ Amplats kien stmat fl-1994 bejn wieħed u ieħor 35% sa 50% u dak tar-Russja bejn wieħed u ieħor 25% sa 35%. Fi kliem ieħor, it-total tas-sehem konġunt ta’ Implats/LPD u Amplats fil-Komunità kien, matul il-konċentrazzjoni, bejn wieħed u ieħor (...)% sa 65% u kellu jitla’, wara li jkunu spiċċaw il-ħażniet Russi, għal bejn wieħed u ieħor (...)% sa 78% peress illi, skond l-informazzjoni mogħtija mill-istess partijiet għall- konċentrazzjoni, ir-Russja, b'effett mill-1994, għamlet bejn wieħed u ieħor 50% tal-bejgħ tagħha mill-ħażniet tagħha (ara punt 7.3.2 tal-Formola CO, anness 7 tar-rikors).

216    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-kriterju tas-sehem tas-suq għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2. Fuq ix-xebħ bejn l-istrutturi ta’ spejjeż ta’ Implats/LPD u ta' Amplats wara l-konċentrazzjoni

L-argumenti tar-rikorrenti

217    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-entita’ magħquda u Amplats kienu b’mod inevitabbli ser jaġixxu flimkien fis-suq minħabba l-istruttura simili ta’ spiża tagħhom. L-analiżi tal-Kummissjoni tinjora d-differenza kbira bejn il-livelli ta’ spejjeż ta’ l-operat ta’ xafftijiet differenti kemm fi ħdan Implats u LPD kif ukoll fi ħdan Amplats. F'dan ir-rigward, ikun effettivament żbaljat li jiġu kkunsidrati biss l-ispejjeż medji, peress li d-deċiżjonijiet ta' produzzjoni jittieħdu xaft b'xaft u li l-kompetituri kienu joperaw fi-stadju ta' spejjeż marġinali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

218    Il-paragun ta’ l-ispejjeż li għamlet il-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-grafiċi esposti fl-anness II tad-deċiżjoni kkontestata li juru xejriet ta’ spejjeż ta' l-operat tat-tliet produtturi ta’ l-Afrika t’Isfel, kif ġew stabbiliti mill-partijiet tal-konċentrazzjoni nnfushom.

219    Fil-punt 138(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, mingħajr ma tiġi kkontestata mir-rikorrenti, li l-industrija tal-platinum hija kkaratterizzata minn struttura ta’ spejjeż li mhijiex flessibbli u minn spejjeż fissi għoljin ħafna, fatt li jimplika li, fil-minjieri tal-platinum, il-produzzjoni ma tistax tvarja b’mod sinjifikanti, anke meta numru ta’ xafftijiet li jintużaw ma jagħmlux, jew jagħmlu ftit profitt. Hija ssostni wkoll li, f'dan il-kuntest, strateġija ta' għeluq tax-xafftijiet li l-inqas iħallu profit għall-benefiċċju tax-xafftijiet li l-iktar iħallu profit tirriżulta fit-tqassim ta' l-ispejjeż fissi fuq ix-xafftijiet li jibqa', u dan inaqqas il-profitabbiltà ta' kull xaft marġinali u kontinwament jirrikjedi għeluq ġodda ta' xaftijiet.

220    Għaldaqstant hija setgħet ġustament tikkonkludi, li fl-industrija tal-platinum, produttur għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni ġenerali ta' l-ispejjeż ta’ l-operat tiegħu, sabiex jiddeċiedi l-livell ta’ produzzjoni xieraq, u ma jikkunsidrax biss l-ispejjeż ta' l-operat ta’ kull wieħed mix-xafftijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-paragun ta’ l-ispejjeż ta’ entità magħquda u ta' Amplats ibbażat fuq l-ispejjeż ta’ l-operat tax-xafftijiet kollha tagħhom kien iġġustifikat.

221    Ir-rikorrenti ma tistax, b'mod utli, issostni li l-analiżi tal-Kummissjoni injorat id-differenza kbira bejn il-livelli ta’ spejjeż ta’ l-operat ta’ xafftijiet differenti kemm fi ħdan Implats u LPD kif ukoll fi ħdan Amplats. F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-grafiċi li jirrappreżentaw l-andament ta' l-ispejjeż ta' l-operat, qabel u wara l-operazzjoni, tat-tliet produtturi ta’ l-Afrika t’Isfel tal-platinum, stabbiliti mill-partijiet li ħadu sehem fl-operazzjoni (annessi II u IV tad-deċiżjoni kkontestata), li minkejja d-differenzi osservati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (punt 182) u marbutin mal-kwalità tal-metall estratt, ma' l-ispejjeż ta’ l-operazzjonijiet ta’ pproċessar u raffinar u l-ispejjeż amministrattivi, il-konċentrazzjoni kellha tirriżulta fil-ħolqien ta’ kumpannija ġdida bi struttura ta' spejjeż ta' l-operat tal-minjieri simili għal dik ta’ Amplats.

222    Konsegwentament, fid-dawl tax-xebh fl-ishma tas-suq ta' l-impriżi in kwistjoni, ta' l-ishma tagħhom fir-riservi dinjin u ta' l-istruttura tagħhom ta’ spejjeż, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li, wara l-konċentrazzjoni, l-interessi ta’ Amplats u Implats/LPD fir-rigward ta’ l-iżvilupp tas-suq kienu ser jingħaqdu iktar u li din l-għaqda ta’ interessi kienet ser iżżid il-probabbiltà ta’ mġiba parallela anti kompettitiva, bħall restrizzjonijiet ta’ produzzjoni.

223    Għaldaqstant, l-ilmenti eżaminati għandhom jiġu miċħuda

3. Fuq il-karatteristiċi tas-suq

(a) Fuq it-trasparenza fis-suq

L-argumenti tal-partijiet

224    Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tal-karatteristiċi tas-suq magħmula mill-Kummissjoni mhijiex korretta. Skond ir-rikorrenti, għalkemm li l-platinum huwa prodott omoġeneu bi trasparenza ta’ prezz għolja, din l-aħħar trasparenza ma tfissirx awtomatikament li hemm trasparenza fir-rigward ta’ livelli ta’ bejgħ, tad-deċiżjonijiet ta’ produzzjoni u tar-riżorsi tal-kompetituri, kif ikkonfermat mill-fatt li, fl-1994, Amplats kienet kapaċi taħbi l-problemi ta’ produzzjoni tagħha għal xi xhur billi tagħmel leasing ta' platinum sabiex tirrispetta l-obbligi tagħha ta’ kunsinna.

225    Il-Kummissjoni tosserva li, fil-punti 145 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata, hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn kien hemm trasparenza għolja mhux biss f'dak li jikkonċerna l-prezzijiet iżda wkoll fir-rigward tal-produzzjoni, l-bejgħ, ir-riservi u l-investimenti l-ġodda. Ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element ta' natura tali li jikkonfuta l-kontenut tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, it-trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet hija l-iktar element importanti sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ trasparenza tas-suq f'sitwazzjoni ta' oligopolija. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, skond Lonrho, Amplats ma setgħetx taħbi l-problemi ta’ produzzjoni tagħha mis-suq, kuntrarjament għal dak li ntqal fir-Rapport NERA.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

226    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-platinum huwa prodott omoġeneu fir-rigward ta' liema s-suq għandu mekaniżżmu trasparenti għall-iffisar tal-prezzijiet.

227    Trasparenza fil-prezz hija fattur fundamentali sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' trasparenza tas-suq meta hemm sitwazzjoni ta' oligopolija. Permezz tal-mekaniżmu tal-prezz, il-membri ta' l-oligopolija jistgħu, b’mod partikolari, immedjatament jaraw d-deċiżjoni tal-membri l-oħra ta' l-oligopolija sabiex jżidu s-sehem tas-suq tagħhom bi ħsara għall-istatus quoante u huma jistgħu eventwalment jieħdu l-miżuri ta' tpattija li jkun hemm bżonn sabiex ifixxklu azzjonijiet ta’ dan it tip.

228    F’dan il-każ, kif espost fid-deċiżjoni kkontestata (punti 144, 145 u 146), it-trasparenza fis-suq hija relativament għolja, b’mod partikolari minħabba li l-platinum huwa kkwotat fuq il-kambji tal-metalli, il-pubblikazzjoni ta' l-istatistiċi ta' produzzjoni u tal-bejgħ, li n-numru limitat u magħruf ta' klijenti diretti fis-suq, li l-industrija tal-platinum tikkonsisti fi grupp żgħir u relattivament magħluq ta’ impriżi b’rabtiet stretti bejniethom, li l-kuntratti prinċipali użati huma tat-tip speċifiku, jiġifieri kuntratti b’terminu twil li jipprojbixxu bejgħ mill-ġdid tal-prodott mixtri, u minħabba l-fatt li kapaċita ta’ produzzjoni ġdida normalment tiżdied permezz ta’ proġetti ta’ investiment li d-dettalji tagħhom ikunu ġeneralment magħrufa fl-ambjenti kkonċernati.

229    F’dawk iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li kien hemm trasparenza għolja mhux biss fir-rigward tal-prezzijiet iżda wkoll fir-rigward tal-produzzjoni, l-bejgħ, ir-riservi u l-investiment.

230    Għaldaqstant, l-ilment eżaminat għandu jiġi miċħud.

(b) Fuq il-perspettivi ta' tkabbir fis-suq tal-platinum

L-argumenti tal-partijiet

231    Skond ir-rikorrenti, l-analiżi tas-suq li għamlet il-Kummissjoni mhijiex korretta. Il-fatt li d-domanda tiżviluppa bil-mod ma jistax ikun ta' xkiel għal kompetizzjoni rigoruża u għal varjazzjonijiet li jirriżultaw minn dan fl-ishma tas-suq. Ir-rikorrenti ssostni d-dikjarazzjoni tagħha billi tirreferi għar-Rapport NERA. Skond il-punt 4.1.4 ta’ dan ir-rapport, meta, bħal f’dan il-każ, l-industrija in kwistjoni tkun ikkaratterizzata minn produzzjoni żejda, il-produtturi għandhom jikkompetu, b’mod partikolari billi jnaqqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom, sabiex jevitaw l-egħluq tal-kapaċità ta' produzzjoni żejda tagħhom. Skond ir-rikorrenti, l-iżvilupp ta' l-ishma tas-suq u t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ platinum ġenwini bejn l-1985 u 1995, kif ukoll ir-reazzjoni ta’ Amplats, li kabbret il-produzzjoni tagħha bi prezzijiet baxxi, u dik ta’ Implats, li adottat miżuri kunsiderevoli ta' razzjonalizzazzjoni, juru li l-istruttura tas-suq tal-platinum ma’ wasslitx għall-kooperazzjoni oligopolistika bejn il-produtturi ewlenin.

232    Il-Kummissjoni ssostni li, wara l-konċentrazzjoni proposta, iż-żewġ produtturi ewlenin kien ser ikollhom strutturi ta’ spejjeż simili ħafna. Barra minn hekk, anke f'dak li jirrigwarda t-tnaqqis ta' l-ispejjeż, imġiba parallela kellha tkun strateġija intelliġenti. Barra minn dan, jibqa’ l-fatt li suq ikkaratterizzat minn tkabbir bil-mod ma jħajjarx id-dħul ta' kompetituri ġodda jew kompetizzjoni rigoruża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

233    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li, bħala prinċipju, suq ikkaratteriżat minn tkabbir bil-mod ma jħajjarx id-dħul ta’ kompetituri ġodda jew kompetizzjoni rigoruża. Hija tillimita ruħha li tikkuntesta, billi tibbaża ruħha fuq l-iżviluppi passati fis-suq, li dan il-prinċipju huwa applikabbli għas-suq tal-platinum.

234    Hija ma tikkonfutax l-analiżi tal-Kummissjoni (punti 160 sa 172 tad-deċiżjoni kkontestata) dwar l-eżistenza fil-passat ta’ tendenza lejn dominanza oligopolistika, li l-Kummissjoni bbażat fuq eżaminazzjoni tat-tkabbir tas-suq u l-iżviluppi fl-ishma tas-suq matul l-aħħar għaxar snin, fuq il-livell baxx ta’ kompetizzjoni diretta permezz tal-prezzijiet fir-rigward ta’ kuntratti għal żmien twil max-xerrejja, fuq iż-żamma ta’ prezzijiet għoljin u fuq l-imġiba ta’ l-atturi prinċipali fis-suq.

235    L-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessi, f’termini ta’ tkabbir tad- domanda, li mhumiex komparabbli mal-previżjonijiet ta’ tkabbir tad-domanda għall-perijodu 1995-2000. Fil-fatt, matul il-perijodu 1985-1995, li matulu seħħu l-fenomeni tal-flutwazzjoni ta’ l-ishma tas-suq u tal-prezzijiet kif ukoll ir-reazzjonijiet ta’ Amplats u Implats, indikati mir-rikorrenti, id-domanda kważi rduppjat u żdiedet minn 2 830 000 għal 5 205 000 uqija kull sena (ara r-rapport NERA, tabella 3.1, p. 15), filwaqt li matul il-perijodu 1995-2000 id-domanda ma kinitx prevista li tiżdied b’mod sostanzjali u għandha tiżdied minn 4 705 000 għal 5 570 000 uqija kull sena (ara punt 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

236    Fl-aħħar nett, l-analiżi tar-rikorrenti tonqos milli tikkunsidra l-effett tal-konċentrazzjoni fuq l-istruttura tas-suq u ta’ l-entita l-ġdida vis-à-vis il-kompetitur prinċipali tagħha, il-kumpannija Amplats. Anke jekk jiġi meqjus li l-analiżi tar-rikorrenti hija korretta fir-rigward tal-passat, xorta jibqa l-fatt li l-konċentrazzjoni kien ikollha l-effett li ż-żewġ produtturi ewlenin kien ser ikollhom strutturi ta’ spejjeż simili ħafna u li, fid-dawl ta’ l-istruttura tas-suq tal-platinum, imġiba parallela anti kompettitiva kienet, ekonomikament, ser tikkostitwixxi strateġija iktar razzjonali minn dik fejn huma jikkompetu kontra xulxin għad-detriment tal-massimalizzazzjoni tal-profitti konġunti.

237    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ l-istabbiltà tas-suq tal-platinum, li għalih kien previst tkabbir annwali medju ta’ bejn wieħed u ieħor 3% fir-rigward tal-perijodu 1995-2000, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li ma kienx hemm inċentivi sabiex kompetituri ġodda jidħlu f’dan is-suq, jew li kompetituri eżistenti jadottaw strateġija aggressiva sabiex jaqbdu din id-domanda addizzjonali.

238    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

(c) Fuq il-bilanċ bejn l-offeta u d-domanda

L-argumenti tar-rikorrenti

239    Wara dan ir-rikorrenti ssostni li t-tħassib tal-Kummissjoni dwar eventwali żidiet fil-prezzijiet tal-platinum kien ukoll manifestament alimentat mill-idea żbaljata li x’aktark kellu jkun hemm nuqqas ta’ provista (punt 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

240    Skond ir-rikorrenti, l-opinjoni tal-Kummissjoni kienet ikkonfutata mill-opinjoni ta’ l-industrija li kienet tenfasizza l-eżistenza ta’ provvista żejda li tista’ tittranġa fis-snin segwenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

241    Fil-punt 127 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għad-diversi previżjonijiet ipprovduti mill-partijiet dwar l-iżvilupp futur tad-domanda, jiġifieri daek tal-partijiet innfushom u dawk stabbiliti minn Anderson, Wilson & Partners Inc., BOE Nat West Securities, SBC Warburg u Engelhard, dawn il-previżjonijiet kienu jvarjaw minn kumpannija għall-oħra.

242    Fil-punti 128 sa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu, il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi dettaljata, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, tal-fatturi li fuqhom huma bbażati l-previżjonijiet li jgħidu li hemm it-tendenza li fis-snin li ġejjin ikun hemm tkabbir moderat tad-domanda.

243    Dawn il-fatturi kienu:

- iż-żjieda fil-produzzjoni ta’ catalytic converters għal karozzi, minħabba l-infurżar u/jew l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-inkwinament fl-Istati Uniti, fl-Ewropa, fil-Brazil u fl-Argentina bejn dan iż-żmien u t-tmiem tas-seklu, u użu ikbar ta’ platinum ta’ catalytic converters f’karozzi li jaħdmu bid-diesel;

- it-tkabbir fid-domanda għall-platinum fis-settur tal-ġojjelli fil-Ġappun, fl-Istati Uniti u probabilment fiċ-Ċina;

- f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet industrijali, l-operazzjonijiet ta’ bdil fl-industriji taż-żejt u kimiċi, minħabba l-ftugħ mill-ġdid ta’ l-impjanti li kienu ngħalqu matul il-perijodu tar-recession;

- żjieda fl-użu ta’ kompjuters personali, peress li l-platinum huwa l-element prinċipali użat fir-rivestiment tal-hard disks u ta’ komponenti oħra;

- fl-aħħar nett, l-użu għal żmien itwal, ta’ fuel cells.

244    Barra minn hekk, irrispettivament minn liema mill-previżjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ l-offerta pprovduti mill-partijiet hija l-iktar eżatta, il-Kummissjoni, fil-punti 134, 135 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet li l-offerta dinjija tal-platinum , wara l-konċentrazzjoni, kienet ser tkun iddominata mill-impriżi ta’ l-Afrika t’Isfel u li, konsegwentement, kull nuqqas fl-offerta fir-rigward tad-domanda seta jiġi kkumpensat biss mill-impriżi ta’ l-Afrika t’Isfel.

245    Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet mhux ikkontestati mir-rikorrenti, għandu jiġi konkluż li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ l-offerta u tad-domanda għall-platinum ma kinitx ivvizjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

246    Għaldaqstant, l-ilment eżaminat għandu jiġi miċħud

(d) Fuq is-sorsi marġinali u alternattivi ta’ fornitura

L-argumenti tal-partijiet

247    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-kunsiderazzjonijiet dwar l-ostakoli għad-dħul fis-suq, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra suffiċjentement:

- l-effett kumulattiv tad-diversi sorsi marġinali u alternattivi ta’ fornitura, b’mod partikolari t-tkabbir potenzjali tal-platinum reċiklat;

- l-4 000 000 uqija ta’ ħażniet ta’ platinum li akkumulaw b’effet mill 1985;

- is-sostituzzjoni li dejjem tiżdied tal-palladium minflok il-platinum;

- il-produzzjoni tar-Russja u l-bejgħ mill-ħażniet tagħha;

- il-pjanijiet ta’ fornituri marġinali, bħal Stillwater fl-Istati Unitu u Hartley fiż-Żimbabwe, intiżi għal-produzzjoni ġdida kunsiderevoli.

248    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-ittra tal-Gvern ta’ l-Afrika t’Isfel tad-19 ta’ April 1996 tindika li r-riservi dinjin minbarra l-Afrika t’Isfel u ż-Żimbabwe teoretikament jistgħu jissodisfaw id-domanda dinjija għal 20 sena.

249    Essenzjalment, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-impatt li d-diversi sorsi marġinali ta’ fornitura u elementi oħra ta’ natura tali li jinfluwenzaw il-kompetizzjoni fil-każ ta’ żieda fil-prezzijiet ta’, per eżempju, 10% jew 20%. Żieda bġall din, jekk setgħet tinżamm, kienet fil-fatt tindika li l-entità magħquda, billi taġixxi flimkien ma’ Amplats, kienet kapaċi taġixxi indipendentament mill-kompetituri, il-klijenti u fl-aħħar nett il-konsumaturi tagħħa.

250    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod xieraq x’kellu jkun l-iżvilupp tal-prezzijiet fin-nuqqas ta’ l-elementi invokati mir-rikorrenti, u l-anqas ma evalwat l-importanza dejjem tikber li dawn l-elementi kellu jkollhom fil-futur jekk l-allegata żieda fil-prezzijiet, li kienet il-preokkupazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni, kellha sseġġ. Dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni bi ksur ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat, peress li huwa ovvju li s-37% tas-suq rappreżentat mis-sorsi marġinali ta’ fornitura, flimkien ma’ elementi oħra, kellhom jikkontribwixxu sabiex jiġu kkontrollati ż-żidiet fil-preżżijiet.

251    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tirreferi għall-punti 91 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda reċiklaġġ, għall-punti 29 sa 32 f’dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni tal-palladium minflok il-platinum, għall-punt 138(c) f’dak li jirrigwarda ħażniet, għall-punti 122 sa 125, 134, 135 u 173 f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni Russa u l-bejgħ minn ħażniet, għall-punti 85 sa 90 u 138(c) f’dak li jirrigwarda produzzjoni ġdida u għall-punti 193 sa 204 f’dak li jirrigwarda l- analiżi ekonomika ppreżentata mill-partijiet. Fl-aħħar parti tal-punt 138 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li r-reazzjonijiet tas-sorsi sekondarji ta’ l-offerta komposti mill-ħażniet, il-minjieri l-ġodda u reċiklaġġ ma jistgħux jostakolaw abbużż ta’ pożizzjoni dominanti. Barra minn dan, fil-punt 203, hija ddikjarat li kien improbabbli ħafna li, l-fornituri barra mill-oligopolija, il-ħażniet kollha minbarra dawk tar-Russja u r-reċiklaġġ, setgħu joffru kwantitajiet suffiċjenti sabiex jostakolaw abbużż ta’ pożizzjoni dominanti konġunta. Din l-aħħar konklużjoni kkunsidrat is-sitwazzjoni eżistenti fir-Russja bħala sors prinċipali, minbarra LPD, ta’ kompetizzjoni fis-suq.

252    F’dak li jirrigward l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-37% tas-suq irrappreżentat mis-sorsi marġinali ta’ fornitura u influwenzi oħra kienu ser irażżnu ż-żjidiet fil-prezzijiet, il-Kummissjoni tesponi li l-produtturi ta’ l-Afrika t’Isfel weħedhom, fl-1995, kienu jammontaw għal 63% tas-suq u li din iċ-ċifra kellha tikber b’mod sinjifikanti (sa livell li jqarreb it-80%), peress li, b’effett mill-1997, ir-Russja ma tibqax tbiegħ mill-ħażniet tagħha. Barra minn hekk hija ssostni, li parti kunsiderevoli tal-kompetizzjoni marġinali kienet ipotetiku u ma setgħetx, f’kull każ, tgħamel pressjoni fuq is-suq qabel diversi snin.

253    Fl-aħħar nett, hija ssostni li r-rikorrenti ma ġġustifikatx d-dikjarazzjoni tagħha li r-riservi, minbarra dawk ta’ l-Afrika t’Isfel, setgħu teoretikament jissodisfaw id-domanda dinjija għall-20 sena li ġejjin. Ir-rikorrenti lanqas ma tispeċifika liema setgħu kienu l-konsegwenzi, fuq is-suq, ta’ dawn ir-riżervi “teoretikament” suffiċjenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

254    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti mhuwiex sostnut mill-fatti

255    Fil-punti 93, 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-limiti tal-potenzjal ta’ tkabbir ta’ l-attivitajiet ta’ reċiklaġġ tal-platinum, b’mod partikolari minn catalytic converters, peress li l-limiti ta' din l-aħħar attività jirrigwardaw l-ispejjeż tal-ġbir ta’ l-iskart, in-numru ta’ vetturi li huma esportati għat-tielet dinja u għaldaqstant jaħarbu mis-sistemi ta’ reċiklaġġ, u fatturi oħrajn.

256    Fil-punt 138(c) tad-deċiżjoni kkontestata, hija tikkunsidra kif jixraq l-4 000 000 uqija ta’ ħażniet tal-platinum li akkumulaw b’effet mill 1985.

257    Fil-punti 29 sa 32 hija tinnota l-limiti fix-xejra dejjem tiżdied tas-sostituzzjoni tal-platinum mill-palladium.

258    Fil-punt 81 il-Kummissjoni teżamina l-produzzjoni tar-Russja u l-bejgħ mill-ħażniet tagħha. Fil-punti 123, 124, 125, 134 u 173 hija teżamina l-prospett għall-espansjoni tal-produzzjoni Russa. Fil-punti 171 u 173 tikkontempla, iżda fl-aħħar twarrab, il-possibbiltà li r-Russja tuża l-ħażniet tagħha b'mod selettiv fid-dawl ta' eventwali attentat monopolistiku ta' tnaqqis ta' prezzijiet.

259    F'dak li jirrigwarda l-pjanijiet ta’ fornituri marġinali bħal Stillwater fl-Istati Uniti u Hartley fiż-Żimbabwe, dawn jiġu eżaminati fil-punt 88.

260    Fil-punti 138(c) u 202 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni teżamina l-effett kumulattiv tad-diversi sorsi ta' fornitura marġinali u alternattivi.

261    Għalhekk jirriżulta li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod xieraq l-elementi ta' evalwazzjoni msemmija iktar 'il fuq u li b'mod xieraq immotivat id-deċiżjoni tagħha f'dan ir-rigward.

262    F'dak li jirrigwarda l-argument ta’ r-rikorrenti li l-Kummissjoni ma evalwatx kif jixraq kif kienu jiżviluppaw il-prezzijiet fin-nuqqas ta' l-elementi invokati minnha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li meta l-Kummissjoni teżamina l-impatt previst ta’ konċentrazzjoni fuq is-suq, hija mhijiex obbligata tikkunsidra kif kien jiżviluppa s-suq fil-passat fin-nuqqas ta’ wieħed jew iktar mill-fatturi kompettitivi. Fil-fatt, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata biss li tivverifika jekk, b'mod partikolari minħabba żviluppi passati fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni, l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni tistax twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni ta’ poter ekonomiku f'idejn waħda jew iktar mill-impriżi, li tippermettilhom li jadottaw imġiba abbużiva, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda żieda fil-prezzijiet.

263    Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

(e) Fuq ir-rabtiet strutturali

L-argumenti tal-partijiet

264    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ l-Prim Istanza (sentenza ta' l-10 ta' Marzu 1992, SIV et v Il-Kummissjoni T-68/89, T-77/89 u T-78/89 Ġabra p. II-1403; iktar il-quddiem is-"sentenza Flat Glass") li, fil-kuntest ta’ Artikolu 86 tat-Trattat, li tissuġġetta l-konstatazzjoni ta' pożizzjoni dominanti kollettiva għall-eżistenza ta' rabtiet strutturali bejn iż-żewġ impriżi, per eżempju permezz ta’ żvilupp teknoloġika, permezz ta’ ftehim jew liċenzji, li jagħtihom il-possibbiltà li jadottaw imġiba indipendenti fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, jew tal-klijenti tagħhom u fl-aħħarnett, mill-konsumaturi tagħhom. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni naqset milli turi l-eżistenza ta’ rabtiet strutturali jew li tipprova li l-entità magħquda u Amplats kienu ser iġibu rwieħħom daqs li kieku kienu entità waħda dominanti. Dan in-nuqqas jikser, fl-istess ħin, l-obbligu ta' motivazzjoni skond fl-Artikolu 190 tat-Trattat.

265    F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-rabtiet strutturali segwenti bejn l-entità magħquda u Amplats (punti 156 u 157):

- rabtiet f’ċerti ndustriji, inkluż impriża komuni fl-industrija ta’ l-azzar;

- ix-xiri riċenti minn AAC ta’ 6% tal-kapital ta' Lonrho akkumpanjat minn dritt ta' preċedenza 18% oħra.

266    Din l-analiżi mhijiex adegwata għal tliet raġunijiet.

267    Minn naħa, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jikkonċerna direttament lill-industrija GMP. L-ewwel waħda tikkonċerna speċifikament rabtiet stabbiliti ma’ industriji oħra, u kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni kienu atti ta’ AAC aktar milli ta' l-imsieħba tagħha li topera fis-settur tal-platinum, jiġifieri Amplats.

268    Min-naħa l-oħra, dawn ma kinux rabtiet strutturali tat-tip li, skond is-sentenza Flat Glass, huma suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu pożizzjoni dominanti konġunta fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

269    Fl-aħħar nett, l-investiment riċenti ta’ AAC fil- kapital ta' Lonrho kien azzjoni ostili għal Gencor u għal konċentrazzjoni. Dan jikkostitwixxi fih innifsu indikazzjoni li r-rabtiet li jeżistu bejn id-diversi kumpanniji ma waqqafx kompetizzjoni aggressiva bejniethom.

270    Il-Kummissjoni ssostni li, minn naħa, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, hija mhux dejjem invokat l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi sabiex tikkonstata dominanza kollettiva, u min-naħa l-oħra, li l-Qorti ta’ l-Prim'Istanza, fis-sentenza tagħha Flat Glass (punt 358), ma stabbilixitx l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi bħala rekwiżit u lanqas ma rriduċiet il-kunċett ta’ rabtiet ekonomiċi għal dak ta' rabtiet strutturali invokati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija ġġustifikata li tikkunsidra li dan il-kunċett jinkludi r-relazzjoni ta’ interdependenza li teżisti bejn il-membri oligopolija stretta.

271    Barra minn hekk, anke jekk jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim Istanza stabbiliet ir-rekwiżit ta’ l-eżistenza ta' rabtiet ekonomiċi fil-kuntest ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat, dan ma jfissirx li l-istess rekwiżit għandu jeżisti fil-kuntest ta' stħarriġ ta' konċentrazzjonijiet.

272    Barra minn hekk, anke jekk il-kunċett ta’ rabtiet ekonomiċi kellhu jiġi interpretat f’sens iktar strett, kien hemm, minkejja t-tendenza tar-rikorrenti li tnaqqas l-importanza tagħhom, numru ta’ rabtiet bħal dawn bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni proposta u Amplats li setgħu jsaħħu l-interessi komuni tal-membri f’oligopolija stretta (punti 155, 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

273    Fis-sentenza Flat Glass, il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet għal rabtiet ta’ natura strutturali bħala eżempju biss u ma stabbilixitx li rabtiet bħal dawn huma kriterju neċessarju sabiex jiġi konkluż li hemm pożizzjoni dominanti kollettiva.

274    Hija llimitat ruħha li tenfasizza (fil-punt 358 tas-Sentenza) li ma jistax jiġi eskluż li, bħala prinċipju, żewġ entitajiet ekonomiċi indipendenti jew iktar ikunu, f'suq speċifiku, magħquda permezz ta' rabtiet ekonomiċi u li, minħabba dan, huma jkollhom, flimkien, pożizzjoni dominanti vis-à-vis l-operaturi l-oħrajn fl-istess suq. Hija żiedet (fl-istess punt) li dan seta’ jkun il-każ, per eżempju, meta żewġ impriżi indipendenti jew iktar kellhom flimkien, permezz ta’ ftehim jew ta' liċenzja, żvilupp teknoloġiku li jagħtihom il-possibbiltà li jadottaw imġiba sa’ ċertu punt indipendentament mill-kompetituri, mill-klijenti u fl-aħħar nett mill-konsumaturi tagħhom.

275    L-anqas ma jista’ jiġi konkluż li din is-sentenza tirriduċi l-kunċett ta' rabtiet ekonomiċi ma dak tar-rabtiet strutturali invokati mir-rikorrenti.

276    Barra minn hekk, mhemm l-ebda raġuni f’termini legali jew ekonomiċi sabiex mil-kunċett ta' rabtiet ekonomiċi tiġi eskluża r-rabta ta’ interdependenza li teżisti bejn il-membri ta' oligopolija stretta li fi ħdana, f’suq li għandu karatteristiċi xierqa, b’mod partikolari f’termini ta’ konċentrazzjoni ta’ suq, ta' trasparenza u ta' omoġeneità tal-prodott, huma jkunu f’pożizzjoni li jantiċipaw l-imġiba ta’ xulxin u għaldaqstant iħossu l-ħtieġa li jallinijaw l-imġiba tagħhom fis-suq, b’mod partikolari b’tali mod li jkabbru kemm jista’ jkun il-profitti konġunti tagħhom billi jirrestrinġu l-produzzjoni bl-iskop li jgħollu l-prezzijiet. F’dan il-kuntest, kull operatur jaf li azzjoni kompettittiva ħafna min-naħa tiegħu bl-iskop li jkabbar is-sehem tas-suq tiegħu (per eżempju tnaqqis fil-prezzijiet) ser tipprovoka azzjoni identika min-naħa ta' l-oħrajn, b'tali mod li ma jakkwistax beneffiċċju mill-inizjattiva tagħha. Għaldaqstant, l-operaturi kollha jkunu affettwati minn tnaqqis fil-livelli tal-prezzijiet.

277    Din il-konklużjoni hija rilevanti fil-qasam ta' l-istħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet, li l-iskop tiegħu huwa li jostakola l-ħolqien jew it-tisħieħ ta' strutturi anti-kompettitivi. Dawn l-istrutturi jistgħu jirriżultaw kemm mill-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi fis-sens strett kif issostni r-rikorrenti kif ukoll minn strutturi ta’ suq tat-tip oligopolistiku, fejn kull impriża tista’ ssir taf b’interessi komuni u, b’mod partikolari, tgħolli l-prezzijiet mingħajr ma jkun hemm bżonn li tidħol fi ftehim jew li tagħmel użu minn prattiċi abbużivi.

278    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta' rabta strutturali, mhuwiex fondat.

279    Il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, billi tibbaża ruħha fuq it-tibdil previst fl-istruttura tas-suq u fuq is-similarità bejn l-ispejjeż ta’ Amplats u ta' Implats/LPD, li l-operazzjoni proposta kienet ser toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva u twassal, effettivament, għal pożizzjoni dominanti miżmuma minn żewġ impriżi.

280    Għall-istess finijiet, hija kienet iġġustifikata li tikkunsidra tar-rabtiet ekonomiċi msemmija fil-punti 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata.

281    Ir-rikorrenti mhijiex iġġustifikat li tikkontesta r-relevanza ta’ dawn ir-rabtiet minħabba li dawn ma jikkonċernawx direttament lill-industrija tal-GMP u kienu atti ta’ AAC u mhux ta’ Amplats. Fil-fatt, ir-rabtiet bejn il-produtturi prinċipali tal-platinum li jirrigwardaw attivitajiet separati mill-produzzjoni ta’ GMP (punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata) ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala fatturi li juru l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi fis-sens strett li r-rikorrenti ta' lil dan il-kunċett, iżda bħala fatturi li jikkontribwixxu għal dixxiplina fuq il-membri ta' oligopolija billi jimmultiplikaw ir-riskji ta’ azzjoni ta' tpattija jekk wieħed mill-membri jaġixxi b’manjiera kkunsidrata bħala inaċċettabbli mill-oħrajn. Barra minn hekk, din l-analiżi hija kkonfermata minn studju ta’ konsulent dwar ir-reazzjonijiet kompettitivi possibbli ta’ Implats fir-rigward ta’ LPD, li jidher fid-dokumenti pprovduti mill-bord tad-diretturi ta’ Gencor u ta' Implats, tas-6 ta’ Mejju 1994, iċċitat fid-deċiżjoni kkontestata (punt 158): skond dak il-konsulent, wieħed mix-xenarju possibli kien dak ta' "attakki u sinjali li jiddixxiplinaw – gwerer ta’ prezzijiet iffukati, per eżempju fuq ir-Rh [rhodium]".

282    Il-fatt li r-rabtiet in kwistjoni jikkonċernaw lil AAC u mhux lil Amplats direttament mhuwiex ta' natura tali li jikkonfuta l-argument tal-Kummissjoni. Peress li Amplats kienet ikkontrollat minn AAC, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li r-rabtiet li jeżistu bejn AAC u impriżi oħrajn, kemm jekk joperaw fis-swieq GMP jew le, seta’ jkollhom impatt favorevoli jew mhuwiex faveroli fuq Amplats.

283    Fir-rigward ta' l-argument li l-investiment riċenti ta’ AAC fil-kapital ta' Lonrho kien azzjoni ostili għal Gencor u għall-konċentrazzjoni u kienet tikkostitwixxi, fiha nnifisha, indikazzjoni li r-rabtiet eżistenti bejn il-kumpanniji varji ma jfixkilx kompetizzjoni aggressiva bejniethom, għandu jiġi osservat li, minn naħa, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova tan-natura ostili ta’ din l-operazzjoni, u min-naħa l-oħra, li, irrispettivament mill-motivazzjoni warajha, l-imsemmija operazzjoni saħħet ir-rabtiet eżistenti bejn iż-żewġ kompetituri ewlenin fis-suq.

284    Għaldaqstant, l-ilment eżaminat għandu jiġi miċħud.

(f) Fuq il-mezzi ta’ kompetizzjoni minbarra l-żvilupp teknoloġiku

L-argumenti tal-partijiet

285    Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm it-teknoloġija tal-produzzjoni u tat-tħaffir ta’ minjieri laħqet il-maturità tagħh, il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-aspetti l-oħra mhux tekniċi tal-vantaġġi ta' kompetizzjoni, bħal riservi minerali disponibbli, l-amministrazzjoni ta' l-attività u d-diversi għajnuniet mogħtija lill-produtturi differenti, li jpoġġu lill-impriżi f'pożizzjoni differenti ħafna fir-rispett tal-kompetituri.

286    Il-Kummissjoni ma tikkuntestax li kompetizzjoni hija possibli f’industrija fejn it-teknoloġija laħqet il-maturità. Madankollu, in-nuqqas ta’ bidla teknoloġika telimina sors qawwi ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti juri l-importanza ta’ stili differenti ta’ amministrazzjoni u bażi ta’ riżorsi. Wieħed mill-iktar fatturi mportanti tal-konċentrazzjoni proposta, mill-perspettiva ta’ l-impatt tagħha fuq il-kompetizzjoni, hija li kellha telimina kompetitur (LPD) li l-istil ta’ amministrazzjoni tiegħu u l-istruttura ta’ spejjeż tiegħu kienu differenti b’mod sinjifikanti minn dawk ta’ Implats u ta'Amplats.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

287    Bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punti 152 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li, anke f’industrija fejn it-teknoloġija laħqet il-maturità, kompetizzjoni tibqa’ possibbli permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ xogħol ġodda u tekniċi ta' produzzjoni ġodda, kif ukoll mill-fatt li kien hemm differenzi fl-amministrazzjoni bejn l-erba produtturi ewlenin tal-platinum, li l-progress teknoloġiku fl-industrija ta’ tħaffir ta’ minjieri tal-platinum tiżviluppa relativament bil-mod u ma kienet mistennija l-ebda skoperta teknoloġiċi li tbiddel b’mod fundamentali l-istruttura ta’ produzzjoni ta’ l-industrija tal-platinum.

288    Id-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant ikkunsidrat l-aspetti mhux tekniċi l-oħra tal-vantaġġi ta' kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

(g)       Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tar-reazzjoni ta' terżi kkonċernati

L-argumenti tar-rikorrenti

289    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat ir-reazzjoni newtrali jew pożittiva għall-operazzjoni ta' konċentrazzjoni tal-parti l-kbira tal-klijenti u persuni oħra interessati li hija kkuntattjat, reazzjoni espost fil-punti 2.17 sa 2.21 tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Issa, li kieku dawn l-operaturi ma kinux ta' l-opinjoni li influwenzi marġinali jew kompettitivi oħrajn fis-suq ser jikkontrollaw kwalunkwe żjieda fil-prezz, huma kienu, ċertament, jirreaġixxu b’mod negattiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

290    Ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element li jista' jipprova d-dikjarazzjoni tagħha. Il-fatt li l-Kummissjoni, wara li għamlet l-analiżi tagħha tas-suq, qablet mal-fehma tal-konsumaturi u terzi persuni kkonċernati li rreaġixxew b’mod negattiv għall-konċentrazzjoni proposta ma jfissirx li hija naqset milli tikkunsidra l-fehma ta’ dawk li r-reazzjoni tagħhom kienet pożittiva jew newtrali.

291    F'kull każ, għalkemm l-opinjonijiet tal-konsumaturi u ta’ terzi oħra tista’ tikkostitwixxi sors importanti ta’ informazzjoni fuq l-impatt li operazzjoni ta' konċentrazzjoni x'aktarx ikollha fuq is-suq, dawn ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni meta tagħmel l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-impatt ta’ konċentrazzjoni.

292    Għaldaqstant, l-ilment eżaminat għandu jiġi miċħud.

(h) Fuq it-tendenzi oligopolistiċi preċedenti

L-argumenti tal-partijiet

293    Ir-rikorrenti ssotni li l-Kummissjoni, billi kkonkludiet li fil-passat kien hemm tendenzi li fl-industrija tal-platinum jinħolqu pożizzjonijiet dominanti kollettivi, injorat il-fatt li l-ishma tas-suq varjaw maż-żmien. (Rapport NERA, tabella p. 15) u li, hekk kif il-Kummissjoni nnifisha tammetti, it-tnaqqis progressiv fl-ishma tas-suq tal-produtturi ewlenin jindika l-eżistenza ta' livell ta’ kompetizzjoni fis-suq. Barra minn dan, il-prezzijiet naqsu f’termini reali matul dawn l-aħħar għaxar snin (Rapport NERA, tabella 3.2, p. 18; anness 10, tabella 3 tarr-risposta għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, esposta fl-Anness 11 tar-rikors).

294    Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata nnifisha tagħraf li fil-passat kien hemm xi kompetizzjoni, madankollu, kien hemm ukoll imġiba parallela jew imġiba li tixbaħ lil dik ta' impriżi li jingħaqdu permezz ta' akkordju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

295    Bil-kontra ta' dak li tallega r-rikorrenti, mill-punti 166 u 173, kif ukoll mill-punti 168 sa 172 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat kemm il-fluttwazzjonijiet fl-ishma tas-suq kif ukoll ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet fl-analiżi tagħha li tirrigwarda l-kuntest kompettitiv speċifiku li fihom il-fornituri ta’ l-Afrika t’Isfel kienu joperaw qabel l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni.

296    Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud

(i) Konklużjoni

297    Minn dan kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkonkludi (punt 219 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kellha twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti bejn miżmuma konġuntament minn Amplats u minn Implats/LPD fis-suq tal-platinum u tar-rhodium, u b'riżultata ta’ dan kompetizzjoni effettiva kienet ser tkun imfixxkla b’mod sinjifikanti fis-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89. Jirriżulta wkoll li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn Artikolu 190 tat-Trattat.

298    Peress li l–ilmenti kollha tar-rikorrenti ġew miċħuda, il-motivi eżaminati għandhom ukoll jiġu miċħuda.

IV – Fuq il-motivi bbażati, minn naħa, fuq il ksur ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, safejn il-Kummissjoni ma aċċettatx l-impenji proposti mill-partijiet tal-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq ksur ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat.

L-argumenti tal-partijiet

299    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta' dritt meta rrifjutat li taċċetta l-impenji proposti mill-partijiet tal-konċentrazzjoni, u li hija wkoll naqset milli timmottiva, kif titlob il-liġi, ir-rifjut tagħha, u b’hekk kissret l-Artikolu 190 tat-Trattat.

300    Hija tfakkar li, skond il-punt 215 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet ipproponew lill-Kummissjoni abbozz ta’ impenji li kienu intiżi sabiex isolvu l-problemi ta' kompetizzjoni kkawżati mill-operazzjoni. Dawn l-impenji ġew ippreżentati lill-Istati Membri u kienu diskussi fil-laqgħa tal-Kumitat konsultattiv tid-9 ta’ April 1996.

301    It-tliet impenji proposti kienu:

(a) żieda fil-kapaċitajiet ta' produzzjoni tax-xaftijiet (...) li tammonta għal (...) uqija;

(b) iż-żamma ta’ produzzjoni f’livelli eżistenti (...) uqqija (...);

(c) il-ħolqien ta’ fornitur ġdid fis-suq.

302    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni (punt 216 tad-deċiżjoni kkontestata) ma kinitx iġġustifikata li tiċħad l-impenni billi kkunsidrathom ta' natura komportamentali u għaldaqstant ma setgħux jiġu aċċettati fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni diġà aċċettat impenji ta' natura komportamentali fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89. F'dan ir-rigward, hija tikkwota wkoll numru ta’ deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni aċċettat impenji ta’ dan it-tip.

303    Ir-rikorrenti tosserva li fil-punt 216 tad-deċiżjoni kkontestata l-impenji jiġu miċħuda minħabba li "l-produzzjoni setgħet titnaqqas b’mod prematur f’xafftijiet ta’ minjieri, proprjetà ta’ l-entita magħquda, sempliċiment sabiex iżommu produzzjoni totali fil-livelli eżistenti ta' (...) uqija, livell li jirrifletti l-produzzjoni totali". Hija tikkunsidra li dan l-argument huwa bla sens. Skond ir-rikorrenti l-impenn kien jikkonsisti f'li tiġi żviluppata kapaċità addizzjonali ta' (...) uqija fix-xaftijiet ta' (...) u li-l-produzzjoni tinżamm fuq il-livelli eżistenti. Konsegwentament, ma setax ikun hemm xi tnaqqis fil-produzzjoni qabel ma’ l-kapaċità żejda ssir disponibbli.

304    Ir-rikorrenti jikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni (punt 216 tad-deċiżjoni kkontestata) li jgħid li jekk wieħed mill-fornituri żamm produzzjoni f’livell kostanti, dan seta jsir magħruf minn Amplats, il-membru l-ieħor ta' l-oligopolija, u dan kien joħloq pressjoni sabiex il-prezzijiet jitilgħu. Hija ssostni li l-impenn ma kienx jipprovdi limitu fuq il-produzzjoni ta’ l-entita magħquda. Għaldaqstant, Amplats ma setax jassumi li l-entità magħquda setgħet tireaġixxi għal żieda fid-domanda billi żżomm il-produzzjoni tagħha fil-livell eżistenti. Fi kull każ, l-impriżi għandhom id-dritt li jiksbu benefiċċju raġjonevoli mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, sakemm dan ikun aċċettabbli u leali mil-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skond ir-rikorrenti, kull imġiba min-naħa ta’ l-entità magħquda u Amplats li tirriżulta f’benefiċċju bħal dan setgħet tkun is-suġġett ta' intervent mill-awtoritajiet ta’ l-Afrika t’Isfel.

305    Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-konstatazjoni tal-gvern ta’ l-Afrika t’Isfel li Amplats diġà okkupat pożizzjoni dominanti u kienet ser taffaċċja kompetizzjoni effettiva mill-entita li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. L-attitudni tal-Kummsisjoni kienet għaldaqstant inkompatibbli mat-tħassib infurmat ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Afrika t’Isfel dwar l-istruttura eżistenti fis-suq.

306    F'dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ fornitur ġdid li, skond il-Kummissjoni kien ser ikollu effett marġinali, ir-rikorrenti tgħid li jekk il-kritika l-oħra tagħha ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji hija ġġustifikat, dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi aċċettat.

307    Hija tikkontesta wkoll id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li jgħid li l-impenji ma jiriflettux it-tkabbir fis-suq fir-rigward ta' liema jaqblu l-kummentaturi kollha (punt 216 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ssostni li l-opinjoni tal-Kummissjoni ma kinitx taqbel ma’ l-opinjoni ta’ l-industrijalisti. Dawn ta' l-aħħar kienu indikaw żjieda fil-produzzjoni li setgħet tibbilanċja ruħha fi ftit snin. Din l-opinjoni kienet appoġġjata minn minn ta’ l-inqas tliet rapporti indipendenti, annessi mar-risposti għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li għaliha l-Kummissjoni għamlet biss referenza qasira fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, l-impenn tal-partijiet li jżommu l-produzzjoni fil-livell eżistenti tagħha kien jikkostitwixxi pass intiż biex ineħħi t-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni.

308    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li kien ikun possibbli li tiġi żgurata l-osservanza ta' l-impenji proposti. B’mod partikolari, iż-żamma ta’ livelli ta’ produzzjoni seta jiġi vverifikat permezz ta’ obbligu li kull tliet xhur il-Kummissjoni tiġi pprivduta bil-figuri tal-produzzjoni. Dawn setgħu jiġu eżaminati fid-dawl ta’ figuri ta’ produzzjoni ppubblikati fir-rapport annwali u kontijiet, li huma eżaminati minn awditur. Fir-rigward ta’ l-impenn l-ieħor propost, jiġifieri l-iżvilupp tal- (...) proġett, ir-rikorrenti jikkunsidra li, minkejja n-natura strutturali tiegħu, dan seta’ fi kwalunkwe każ ikun faċilment ivverifikat permezz tar-rapporti dwar progress ivverifikati minn awditur u żjarat ta' kull sena fuq il-post. Għaldaqstant, l-istħarriġ ta' l-osservanza ta' dawn l-impenji ma kellux ikun iktar diffiċli minn dak ta' impenji aċċettati fi kwistjonijiet oħra.

309    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha, meta ċaħdet l-impenji proposti, fuq il-fatt li kien ser ikun iktar diffiċli li tiġi vverifikata l-osservanza ta' dawn l-impenji għaliex il-faċilitajiet ta’ produzzjoni kollha tal-grupp magħqud kienu jinsabu fl-Afrika t’Isfel. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, jekk il-Kummissjoni għandha s-setgħa taħt id-dritt Komunitarja u dak internazzjonali li tostakola operazzjoni ta' konċentrazzjoni li ssir kompletament barra mill-Komunità, hija għandha ta’ minn ta' l-inqas tapplika, għal din il-fużjoni, l-istesss normi u kriterji li kieku tapplika għal għaqdiet fil-Komunità.

310    Il-Kummissjoni tikkuntesta li l-impenn kien kien jikkonsisti f'li tinżamm il-produzzjoni u li jiġi żvilupat il-proġett (...), jiġifieri li jkabbar il-produzzjoni. Skond il-Kummissjoni, l-impenn propost kien biss li jinżammu l-livelli eżistenti ta’ produzzjoni filwaqt li tiġu żviluppata kapaċità ta’ produzzjoni ġdida. Id-deċiżjoni kkontestata (punt 216) tispjega għaliex dan, f'kull każ, ma kienx ser ikun biżżejjed f’suq li qiegħed jikber. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li Amplatx ma setgħetx tassumi li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet ser tastjeni milli żżid produzzjoni b'risposta għat-tkabbir tad-domanda, ikun jammonta għal negazzjoni ta' l-eżistenza ta’ l-oligopolija. Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest ta' l-ewwel motiv għall-annulament, ikun stravaganti li jiġi suġġerit li l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni ta’ l-Afrika t’Isfel kien ser ikollhom interess li jintervjenu f’każ ta’ restrizzjoni deliberata tal-produzzjoni.

311    Il-Kummissjoni tikkunsidra li impenji ta' natura komportamentali ma jistgħux jiġu aċċettati. Hija ssostni li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, rimedju li jittrata l-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku fis-suq li jirriżulta minn konċentrazzjoni li hija hija stess ta' natura strutturali. Peress li l-iskop tar-Regolament Nru 4064/89 huwa li jevita li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn isseħħ imġiba anti kompettitiva li ma tinvolvix konċentrazzjoni, huma biss l-impenji li jgħinu sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà ta’ abbuż li jistgħu jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 speċifikament jipprekludi lill-Kummissjoni milli tawtorizza konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wegħda li mhuwiex ser ikun hemm abbuzz minn pożizzjoni dominanti mhijiex biżżejjed u ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 4064/89.

312    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ l-analiżi li r-rikorrenti tagħmel ta' l-impenji proposti u aċċettati f’ċerti kwistjonijiet preċedenti. Impenn jista’ jitqies bħala li huwa strutturali meta jsolvi problema strutturali, per eżempju aċċess għas-suq. F'dan ir-rigward mhuwiex meħtieġ li tiġi diskussa l-kwistjoni jekk l-impenn propost li jiżvilupa l-proġett (...) huwiex strutturali, peress li fl-ebda każ ma kien ser isolvi l-problema ta’ kompetizzjoni in kwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

313    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat x’tip ta’ impenn jista’ jiġi aċċettat fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89 u b’mod partikolari jekk it-teżi tal-Kummissjoni li impenji ta' natura komportamentali ma jistgħux ikunu aċċettati u fondati.

314    Fid-dawl tas-seba’ premessa tiegħu, li tgħid li "għalhekk għandu jinħoloq strument ġdid legali [...] biex ikun jista' jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta' l-effett tagħhom fuq l-istruttura ta' kompetizzjoni fil-Komunità", l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 4064/89 huwa l-istħarriġ ta' l-strutturi tas-suq, u mhux l-istħarriġ ta’ l-imġiba ta' l-impriżi, peress li dan l-aħħar stħarriġ huwa rriżervat għall-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat.

315    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jipprovdi:

"Meta l-Kummissjoni ssib li, wara xi tibdil mill-impriżi konċernati jekk meħtieġ, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju preskritt bl-Artikolu 2(2), għandha toħroġ deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

Tista' mad-deċiżjoni tagħha tehmeż kundizzjonijiet u obbligi biex tiżgura li l-impriżi konċernati jħarsu l-impenji li jkunu daħlu għalihom vis-à-vis l-Kummissjoni bil-ħsieb li jinbidel il-pjan oriġinali tal-konċentrazzjoni. [...]"

316    Minn dawn id-dispożizzjonijiet u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta li meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni hija tali li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, hija għandha l-obbligu li tipprojbiha, anke jekk l-impriżi kkonċernati mill-konċentrazzjoni proposta jimpenjaw ruħhom mall-Kummissjoni li mhumiex ser jabbużżaw minn dik il-pożizzjoni.

317    Fil-fatt, peress li l-iskop tar-Regolament Nru 4064/89 huwa li jevita l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ strutturi tas-suq li jistgħu jfixxklu kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni b'mod sinjifikanti, sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip ma jistgħux jiġu permessi abbażi li l-impriżi kkonċernati jimpenjaw ruħhom li ma jabbużawx mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, anke meta l-osservanza ta' dawn l-impenji tkun faċilment verifikabbli.

318    Konsegwentament, fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89 il-Kummissjoni tista’ biss taċċetta impenji li jistgħu jagħmlu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni. Fi kliem ieħor, l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati għandhom jgħinu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni in kwistjoni mhijiex ser toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89.

319    Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk impenn propost jiġix kkwalifikat bħala impenn komportamentali jew impenn strutturali hija irrilevanti. Huwa minnu li l-impenji ta’ natura strutturali, bħat-tnaqqis fis-sehem tas-suq ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni permezz tal-bejgħ ta’ kumpannija sussidjarja, huma, normalment, preferibbli mill-perspettiva ta' l-għan tar-Regolament Nru 4064/89, peress li huma jostakolaw darba għal dejjem, jew minn ta’ l-inqas għal żmien twil, li ħolqien jew it-tisħieħ tal-pożizzjoni dominanti preċedentement identifikati mill-Kummissjoni u, minnbarra dan, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ sorveljanza għal żmien medju jew twil. Madankollu, ma tistax tiġi awtomatikament eskluża l-possibbiltà li impenji li prima facia jidhru komportamentali, per eżempju li ma jsirx użu minn trade mark irreġistrata għal ċertu perijodu, jew li parti mill-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-entita li tirriżulta minn konċentrazzjoni titpoġġa għad-dispożizzjoni ta' kompetituri terzi, jew, b’mod iktar ġenerali, l-għoti ta' aċċess għall-faċilitajiet essenzjali fuq termini li mhumiex diskriminatorji, jistgħu, fihom innfushom, jostakolaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

320    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati għandhom jiġu eżaminati każ b’każ.

321    Fil-każ preżenti, għalkemm ir-rikorrenti tikkwalifika l-iżvilupp tal-proġett (...) bħala impenn strutturali, hija ma tikkuntestax li, bħalma l-Kummissjoni tosserva fid-deċiżjoni kkontestata (punt 216), dan l-impenn, bħal l-impenji l-oħra proposti, jiġifieri dak li l-produzzjoni tinżamm f’livell speċifiku u dak li jinħoloq fornitur ġdid, ma kienx ta’ natura tali li jsolvi l-kwistjoni dwar l-istruttura oligopolistika tas-suq maħluqa mill-konċentrazzjoni.

322    Fil-fatt, l-ewwel żewġ impenji bl-ebda mod ma jbiddlu l-istruttura tas-suq in kwistjoni bħala suq iddominat minn żewġ kumpanniji, iżda jillimitaw ruħhom li jpoġġu l-politika ta’ produzzjoni ta’ Implats/LPD fil-kuntest ta’ obbligu sempliċi għal produzzjoni minima li, għalkemm huwa ta’ natura tali li, fil-futur, inaqqas il-possibbiltajiet ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, skond l-iżvilupp tad-domanda, madankollu, la jiggarantixxi n-nuqqas ta’ kull tip ta’ abbuż u lanqas, l-iktar ħaġa importanti, jiġifieri l-għajbien tal-pożizzjoni dominanti stess.

323    Barra minn hekk ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta l-impenn minħabba li, li kieku Implats/LPD kellha żżomm il- produzzjoni tagħha f’livell stabbilit, dak kien isir magħruf minn Amplats, u dan kellu joħolqu pressjoni biex jgħollew il-prezzijiet. Fil-fatt, l-argument espost, mhux talli ma jipprovax li l-impenn propost kien kapaċi jelimina l-pożizzjoni dominanti bejn żewġ kumpanniji maħluqa mill-konċentrazzjonijiet, iżda talli jikkontesta l-eżistenza stess ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti fuq dan l-aħħar punt diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-motiv għal annulament ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 u li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

324    F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, l-impriżi għandhom id-dritt li jiksbu benefiċċju raġjonevoli mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u, min-naħa l-oħra, li kull imġiba min-naħa ta’ l-entità magħquda u Amplats li tirriżulta f’benefiċċju bħal dan setgħet tkun is-suġġett ta' intervent mill-awtoritajiet ta’ l-Afrika t’Isfel huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-fondatezza tagħhom, dawn mhumiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-impenn propost kienx jew le ta’ natura tali li jelimina l-ostakolu għall-istruttura kompettitiva maħluqa mill-konċentrazzjoni.

325    F’dak li jirrigwarda t-tielet impenn, jiġifieri l-ħolqien ta’ fornitur ġdid, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-analiżi tal-Kummissjoni li dan l-impenn kellu jkollu impatt marġinali fuq l-ammont tal-fornitura futura tal-platinum lill-konsumatur finali. Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tenfasizza, u b’hekk tagħraf in-natura servjent ta’ dan l-obbligu, li jekk il-kritika l-oħra tagħha ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji hija ġġustifikat, dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi aċċettat.

326    Peress li, kif ġie deċiż iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tiċħad l-ewwel żewġ impenji, hija ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, irrispettivament min-natura tiegħu, it-tielet obbligu ma setax jiġi aċċettat minħabba l-effett marġinali tiegħu fuq is-suq.

327    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-possibilitajiet li l-impenji proposti jiġu sorveljati, huma kompletament irrilevanti. Fil-fatt, peress li l-impenji kollha flimkien ma kinux ta’ natura tali li jeliminaw l-ostakolu għall-kompetizzjoni effettiva kkawżat mill-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tiċħadhom, anke meta l-osservanza ta' dawn l-impenji tkun faċilment verifikabbli.

328    Għaldaqstant, meta ċaħdet l-impenji li Gencor u Lonrho pproponew sabiex tiġi eliminata l-problema ta’ kompetizzjoni kkawżata mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni la wettqet żball ta’ dritt u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni.

329    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, id-deċiżjoni hija suffiċjentement immotivata f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda ta’ l-impenji.

330    Għaldaqstant il-motivi eżaminati għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

331    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

332    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha għaldaqstant tkun ordnata tbati l-ispejjeż tagħħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud;

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni;

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Vesterdorf

García-Valdecasas

Moura Ramos

 

       Jaeger

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta' Marzu 1999.

E. Coulon

 

       B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      President



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – informazzjoni kunfidenzjali mħollija barra