Language of document : ECLI:EU:C:2018:393

Kawża C677/16

Montero Mateos

vs

Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet ta’ impjieg’ – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Assenza ta’ kumpens mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ tranżizzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Ġunju 2018

1.        Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Kundizzjonijiet ta’ impjieg – Kunċett – Kumpens mogħti lil ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 4)

2.        Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Ħaddiema li jwettqu xogħol identiku jew simili – Kunċett – Ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Natura tax-xogħol, kundizzjonijiet tat-taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 2 tal-klawżola 3 u l-punt 1 tal-klawżola 4)

3.        Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament – Kunċett – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Assenza ta’ kumpens mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ tranżizzjoni – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 3 u l-punt 1 tal-klawżola 4)

1.      Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-għoti ta’ kumpens mill-persuna li timpjega minħabba l-estinzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25).

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ avviż minn qabel applikabbli fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 29).

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat twassal sabiex jiġi llimitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 27).

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasposti kompletament għall-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, sa fejn tali kumpens jingħata minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li kien hemm bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 31).

Minn dan isegwi li kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

(ara l-punti 44 sa 48)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 51, 52)

3.      Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni, bħalma huwa l-kuntratt ta’ tranżizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, meta fl-istess ħin jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt għal “żmien determinat” li tinsab fil-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jirriżulta li kuntratt ta’ dan it-tip ma jibqax ikollu effetti fil-futur malli jintlaħaq it-tmiem li jkun assenjat lil dan il-kuntratt, liema tmiem jista’ jkun ikkostitwit mit-tlestija ta’ kompitu determinat, mill-fatt li tintlaħaq data preċiża jew, bħal f’dan il-każ, mill-fatt li jseħħ avveniment partikolari. B’hekk, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data jew l-avveniment li jiddeterminaw it-tmiem tiegħu. Dan it-tmiem jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

Mill-banda l-oħra, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li jfixklu kompletament l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol imfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u kif enfasizzat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa preċiżament sabiex tiġi kkumpensata din in-natura imprevista tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tali raġuni u, għaldaqstant, il-ksur tal-aspettattivi leġittimi li l-ħaddiem seta’ kellu f’dik id-data fir-rigward tal-istabbiltà tal-imsemmija relazzjoni, li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jeħtieġ f’dan il-każ il-ħlas lill-imsemmi ħaddiem imkeċċi ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

F’dan il-każ tal-aħħar, id-dritt Spanjol ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, sa fejn l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi kumpens legali ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża favur il-ħaddiem, irrispettivament minn jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kienx għal żmien determinat jew indeterminat.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jitqies li l-għan speċifiku tal-kumpens ta’ tkeċċija previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, l-istess bħall-kuntest partikolari li fih jitħallas l-imsemmi kumpens, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni.

(ara l-punti 60 sa 63, 65, u d-dispożittiv)