Language of document : ECLI:EU:T:2018:967

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni – Stat terz – Kuntratt pubbliku nazzjonali – Amministrazzjoni deċentralizzata – Deċiżjoni 2008/969/KE, Euratom – Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) – Attivazzjoni ta’ twissija fl-EWS – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Rifjut ta’ approvazzjoni ex ante tal-Kummissjoni – Assenza ta’ għoti tal-kuntratt – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà tal-provi – Assenza ta’ bażi legali tat-twissija – Drittijiet tad-difiża – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali – Dannu materjali u morali – Telf tal-kuntratt – Telf ta’ opportunità li jinkisbu kuntratti oħrajn”

Fil-Kawża T‑298/16,

East West Consulting SPRL, stabbilita f’Nandrin (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn L. Levi u A. Tymen, sussegwentement minn L. Levi, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac u J. Estrada de Solà, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali u morali li allegatament ġarrbet ir-rikorrenti minħabba t-twissija relatata magħha fis-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) u r-rifjut sussegwenti, ibbażat fuq din it-twissija, li jiġi approvat il-kuntratt li jirrigwarda kuntratt li kien ingħata lill-konsorzju li hija kienet tmexxi u li kellu jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, V. Valančius u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq il-fatti li seħħew qabel il-preżentata tar-rikors

1        Ir-rikorrenti, East West Consulting SPRL, hija kumpannija tad-dritt Belġjan li b’mod partikolari twettaq attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi fil-Belġju jew barra mill-Belġju, għaliha nnifisha jew f’isem terzi jew flimkien ma’ terzi, u li l-amministratur u l-uniku soċju tagħha huwa L. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għandha 40 % tal-ishma ta’ European Consultants Organisation SPRL (iktar ’il quddiem “ECO3”), kumpannija tad-dritt Belġjan li l-amministratur tagħha huwa L. ukoll.

2        Fis‑17 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006, li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU 2006, L 210, p. 82, iktar ’il quddiem ir-“Regolament IPA”). Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament IPA, l-Unjoni Ewropea kellha tgħin lill-pajjiżi elenkati fl-Annessi I u II, li fosthom kien hemm Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fl-allinjament progressiv tagħhom mal-istandards u mal-politika tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, mal-acquis Komunitarju, bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jaslu għall-adeżjoni. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament IPA, l-assistenza kellha tkun ipprogrammata u implimentata skont ħames komponenti, li wieħed minnhom kien jirrigwarda l-“[Iż]vilupp tar-Riżorsi Umani”.

3        Wara investigazzjonijiet mwettqa dwar fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ffinanzjati mill-Unjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) bagħat lill-Procureur de la République (il-Prosekutur tar-Repubblika) tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), fis‑26 ta’ Frar 2007, informazzjoni dwar fatti li jistgħu jiġu kklassifikati kriminalment bħala korruzzjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt iffinanzjat mill-Unjoni fit-Turkija (iktar ’il quddiem il-“fajl Tork”). Din l-informazzjoni kienet tikkonċerna b’mod partikolari lil Kameleons International Consulting, li saret KIC Systems (iktar ’il quddiem “KIC”), u lil L. Fil‑5 ta’ Marzu 2007, infetħet investigazzjoni preliminari fi Franza fil-kuntest tal-fajl Tork u ġiet fdata lid-division nationale d’investigations financières (DNIF) (it-Taqsima Nazzjonali ta’ Investigazzjonijiet Finanzjarji, Franza, iktar ’il quddiem id-“DNIF”).

4        Fit‑12 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) Nru 718/2007, li jimplimenta r-Regolament IPA (ĠU 2007, L 170, p. 1).

5        Fl‑4 ta’ Marzu 2008, ġie ffirmat ftehim qafas bejn il-Gvern ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ kooperazzjoni applikabbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni mogħtija lil dan l-Istat fil-kuntest tal-konkretizzazzjoni tal-assistenza pprovduta skont l-IPA.

6        Fis‑27 ta’ Ġunju 2008, l-OLAF bagħat lill-Procureur fédéral de Belgique (il-Prosekutur Federali tal-Belġju) informazzjoni dwar fatti possibbli ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt iffinanzjat mill-Unjoni fl-Ukraina (iktar ’il quddiem il-“fajl Ukrain”). Din l-informazzjoni kienet tikkonċerna b’mod partikolari lil KIC, lil L. u lil ECO3. Infetħu investigazzjoni ġudizzjarja u investigazzjoni fil-Belġju fil-kuntest tal-fajl Ukrain.

7        Fis‑17 ta’ Settembru 2008, infetħet l-istruttorja relatata mal-fajl Ukrain fil-Belġju.

8        Fl‑14 u fil‑15 ta’ Ottubru 2008, fuq talba tad-DNIF, twettqu perkwiżizzjonijiet, b’mod partikolari fis-sede ta’ KIC, fil-preżenza ta’ diversi aġenti tal-OLAF li l-intervent tagħhom ġie mitlub minn qabel permezz ta’ ordni ġudizzjarja fit‑18 ta’ Settembru 2008. Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, intbagħtu ordnijiet ġudizzjarji ġodda mid-DNIF lil membri tal-OLAF sabiex isir użu mid-data informatika ssekwestrata. Dawn l-atti ta’ investigazzjoni wasslu għall-proċeduri li jirrigwardaw il-fajl Tork fi Franza u l-fajl Ukrain fil-Belġju.

9        Skont il-Kummissjoni, fis‑17 ta’ Novembru 2008, l-OLAF talab, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 193/3, dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (iktar ’il quddiem l-“EWS”), l-attivazzjoni ta’ twissija W3b relatata ma’ ECO3 fl-imsemmija sistema implimentata għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din it-twissija kienet ibbażata fuq il-fatt li ECO3 kienet is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji għal żbalji amministrattivi serji u għal frodi. Il-Kummissjoni tallega li ntalbet twissija identika mill-OLAF fir-rigward ta’ L.

10      Fis‑16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2009, id-Deċiżjoni 2008/969/KE, Euratom, dwar l-EWS għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU 2008, L 344, p. 125, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni EWS”). Id-Deċiżjoni EWS ħassret id-Deċiżjoni C(2004) 193/3 u stabbilixxiet regoli ġodda dwar l-EWS.

11      Skont il-premessa 4 tad-Deċiżjoni EWS. “[l]-għan tal-EWS [kien] li, fl-ambitu tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni ristretta dwar partijiet terzi li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni [tal-Unjoni] jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat [minnha]”.

12      Konformement mal-premessi 5 sa 7 tad-deċiżjoni EWS, l-OLAF, li kellu aċċess għall-EWS fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu relatati mat-twettiq tal-investigazzjonijiet u tal-ġbir ta’ informazzjoni maħsuba għall-prevenzjoni tal-frodi, kien responsabbli, flimkien mal-uffiċjali awtorizzanti responsabbli u mas-servizzi ta’ awditu intern, sabiex jitlob id-dħul, il-modifika jew it-tneħħija ta’ twissijiet fl-EWS, li l-amministrazzjoni tagħha kienet żgurata mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jew mill-membri tal-persunal li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ġerarkika tiegħu.

13      F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni EWS kien jipprovdi li “[l]-uffiċjal tal-kontabilità [tal-Kummissjoni jew il-membri tal-persunal li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ġerarkika tiegħu kellhom] [i]daħħ[lu], jimmodifika[w] jew ineħħ[u] t-twissijiet [fl-]EWS skont it-talbiet mill-AOD responsabbli, l-OLAF u s-[servizz ta’ awditu intern]”.

14      Konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni EWS, “[f]il-każ ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ għotjiet, l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu [kellhom] jivverifikaw jekk ikunx hemm twissija fl-EWS mhux aktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni tal-għotja”.

15      L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni EWS kien jipprovdi li, fuq il-bażi tan-natura jew tal-gravità tal-fatti miġjuba għall-għarfien tas-servizz li jitlob ir-reġistrazzjoni fl-EWS, it-twissijiet kienu jinqasmu f’ħames kategoriji, innumerati minn W1 sa W5. Skont l-Artikolu 9(3) ta’ din id-deċiżjoni, il-kategorija W3 kienet tikkonċerna lil “parti terza [li kienet] soġġetta jew għal proċeduri legali pendenti li jesiġu n-notifika ta’ ordni ta’ sekwestru, jew inkella għal proċedimenti ġudizzjarji marbuta ma’ żbalji amministrattivi serji jew frodi”.

16      L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni EWS, intitolat “Twissijiet fil-kategorija W3”, kien jipprevedi b’mod partikolari dan li ġej:

“2.      L-AOD responsabbli għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W3b meta jkun magħruf li partijiet terzi, speċjalment dawk li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ikunu soġġetti għal proċeduri ġudizzjarji għal żbalji amministrattivi serji jew għal frodi.

Madankollu, meta investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF iwasslu għal dawn il-proċeduri ġudizzjarji jew meta l-OLAF joffri għajnuna jew isegwi dawn il-proċeduri, l-OLAF għandu jressaq talba għall-attivazzjoni tat-twissija W3b korrispondenti.

3.      Twissija W3 għandha tibqa’ attiva sakemm tinqata’ sentenza li jkollha l-forza ta’ res judicata jew sakemm il-kawża tiġi riżolta mod ieħor”.

17      L-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni EWS, dwar, b’mod partikolari, il-konsegwenzi ta’ twissija W3b fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ sussidju, kien jipprovdi dan li ġej:

“Jekk il-parti terza li kontriha ġiet irreġistrata twissija W2, W3b jew W4 tkun tinsab f’ras il-lista tal-kumitat għall-evalwazzjoni, wara li l-AOD responsabbli jkun ikkunsidra sewwa l-obbligu li jitħarsu l-interessi finanzjarji u l-immaġini tal-Komunità, in-natura u l-gravità tal-ġustifikazzjoni għat-twissija, l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-kuntratt jew l-għotja u, fejn ikun applikabbli, l-urġenza li biha dawn kellhom jiġu implimentati, għandu jieħu waħda minn dawn il-deċiżjonijiet:

(a)      li l-kuntratt jew l-għotja jingħataw lill-parti terza minkejja r-reġistrazzjoni fl-EWS, u li jiżgura li jittieħdu miżuri rrinfurzati ta’ monitoraġġ;

(b)      li, meta l-eżistenza ta’ twissija bħal din tixħet dubju b’mod oġġettiv fuq il-valutazzjoni inizjali tal-konformità mal-kriterji għall-għażla u l-għoti, il-kuntratt jew l-għotja jingħataw lil min jagħmel l-offerta jew lil applikant ieħor fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ta’ konformità mal-kriterji għall-għażla u l-għoti, li tkun differenti minn dik tal-kumitat għall-evalwazzjoni, filwaqt li jkun jista’ jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu b’mod xieraq;

(c)      li jġib il-proċedura fi tmiemha mingħajr ma jagħti ebda kuntratt u li jkun jista’ jiġġustifika dan fl-informazzjoni li tingħata lil min jagħmel l-offerta […]”

18      Mitluba permezz ta’ ittra li ntbagħtitilha minn ECO3 fis‑16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni kkonfermat, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Jannar 2009, li hija kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS sa mis‑17 ta’ Novembru 2008.

19      Fil‑15 ta’ Jannar 2009, id-Direttur tal-OLAF bagħat lid-DNIF ir-rapporti ta’ analiżi tiegħu tad-data informatika ssekwestrata.

20      Fl‑10 ta’ Marzu 2009, ECO3 ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar it-twissija relatata magħha fl-EWS. Dan l-ilment ġie rreġistrat taħt ir-referenza 637/2009/(ELB)FOR.

21      Fis‑17 ta’ Marzu 2009, infetħet investigazzjoni ġudizzjarja fi Franza fil-kuntest tal-fajl Tork.

22      Fl‑14 ta’ Settembru 2009, l-OLAF bagħat lill-Prosekutur Federali tal-Belġju informazzjoni dwar fatti possibbli ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt iffinanzjat mill-Unjoni fis-Serbja (iktar ’il quddiem il-“fajl Serb”). Din l-informazzjoni kienet tikkonċerna b’mod partikolari lil KIC, lil L. u lil ECO3. Infetħu investigazzjoni ġudizzjarja u investigazzjoni fil-Belġju fil-kuntest tal-fajl Serb.

23      Fl‑1 ta’ Ottubru 2009, infetħet l-istruttorja relatata mal-fajl Serb fil-Belġju.

24      Fis‑16 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2009) 7692 finali, li tiddelega lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompetenzi fil-qasam tal-amministrazzjoni relatati mal-komponent “Żvilupp tar-Riżorsi Umani” tal-IPA. Wara li ġew evidenzjati ċerti riskji, ġie previst, fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li jiġu ddelegati lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-kompetenzi fil-qasam tal-amministrazzjoni relatati mal-komponent “Żvilupp tar-Riżorsi Umani” tal-IPA, filwaqt li ġie ppreċiżat li l-Kummissjoni kellha twettaq il-kontrolli ex ante elenkati fl-Anness II. Skont l-imsemmi Anness, ladarba jingħata l-kuntratt, il-Kummissjoni kellha, b’mod partikolari, tapprova l-fajl tal-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni.

25      F’Mejju 2010, L. ġie investigat minn qorti istruttorja Franċiża għal korruzzjoni attiva fil-kuntest tal-fajl Tork.

26      Skont il-Kummissjoni u l-OLAF, f’Lulju 2010, dan tal-aħħar talab l-attivazzjoni ta’ twissija W3b fl-EWS fir-rigward tar-rikorrenti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni EWS. Il-Kummissjoni ssostni li l-attivazzjoni ta’ twissija identika kienet intalbet mill-OLAF fir-rigward ta’ L.

27      Fis‑6 ta’ Lulju 2010, sejħa għal offerti ristretta li tirrigwarda kuntratt għal servizzi intitolata “Tisħiħ tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”) ġiet ippubblikata fis-Suppliment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, S 128‑194817), taħt ir-referenza EuropAid/130133/D/SER/MK. Il-kuntratt inkwistjoni kien jaqa’ taħt il-komponent “Żvilupp tar-Riżorsi Umani” previst mir-Regolament IPA. L-għan tas-sejħa għal offerti kien il-konklużjoni ta’ kuntratt, għal baġit indikattiv ta’ EUR 1 miljun, intiż sabiex jitjiebu l-effettività u l-effikaċja tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dan kien kuntratt pubbliku deċentralizzat ex ante li l-awtorità kontraenti tiegħu kienet id-dipartiment ċentrali ta’ finanzjament u ta’ għoti tal-kuntratti tal-Ministeru għall-Finanzi ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti nazzjonali”).

28      Il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-“Gwida Prattika għall-Proċeduri Kuntrattwali fil-Kuntest tal-Azzjonijiet Esterni” (iktar ’il quddiem il-“PRAG”), konformement mal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-intestatura tal-istruzzjonijiet lill-offerenti għal dan il-kuntratt.

29      Il-punt 2.2 tal-PRAG, iddedikat għall-modalitajiet ta’ amministrazzjoni, kien jindika b’mod partikolari li, fil-kuntest ta’ programm deċentralizzat li jipprevedi kontroll ex ante, l-awtorità kontraenti kellha tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri u l-għoti tal-kuntratti u kellha tissuġġettahom għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Skont dan l-istess punt, l-involviment tal-Kummissjoni kien jirrigwarda l-għoti tal-awtorizzazzjoni tagħha għall-finanzjament tal-kuntratti deċentralizzati u l-interventi tar-rappreżentanti tagħha, matul il-proċeduri deċentralizzati ta’ konklużjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, kienu intiżi biss sabiex jiġi kkonstatat jekk il-kundizzjonijiet previsti għall-finanzjament tal-Unjoni kinux issodisfatti jew le. Għalhekk, dawn l-interventi ma kellhomx l-għan u ma setax ikollhom bħala effett li jippreġudikaw il-prinċipju li abbażi tiegħu l-kuntratti deċentralizzati kienu jibqgħu kuntratti nazzjonali, li l-awtoritajiet kontraenti deċentralizzati biss kellhom ir-responsabbiltà li jħejju, jinnegozjaw u jikkonkludu. Barra minn hekk, mill-imsemmi punt kien jirriżulta li l-kuntratt deċentralizzat kien ġie ffirmat u l-kuntratt kien ingħata mill-awtorità kontraenti indikata fil-ftehim ta’ finanzjament, jiġifieri l-gvern jew l-entità tal-pajjiż benefiċjarju li għandha personalità ġuridika li magħhom il-Kummissjoni kienet stabbiliet l-imsemmi ftehim, iżda li dan il-gvern jew din l-entità kellhom l-ewwel jippreżentaw lill-Kummissjoni r-riżultat tal-evalwazzjoni għal approvazzjoni, u sussegwentement, wara li jkunu nnotifikaw dan ir-riżultat lill-parti kontraenti, irċevew u analizzaw il-provi dwar il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni, jippreżentaw il-kuntratt lill-Kummissjoni għal konferma (approvazzjoni).

30      Il-punt 2.4.13 tal-PRAG, dwar l-annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, kien jipprovdi li l-awtorità kontraenti setgħet, sal-iffirmar tal-kuntratt, jew tirrinunzja għall-kuntratt, jew tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati għal xi kumpens, billi tindika l-każ fejn il-proċedura ma kinitx ta’ suċċess peress li l-ebda offerta riċevuta ma kien jixirqilha kwalitattivament jew finanzjarjament li tinżamm. Skont dan il-punt, id-deċiżjoni finali f’dan ir-rigward kienet tal-awtorità kontraenti (wara qbil minn qabel mill-Kummissjoni għall-kuntratti mogħtija mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tas-sistema ex ante).

31      Il-punt 2.4.15 tal-PRAG, iddedikat għar-rimedji ġudizzjarji, kien jipprevedi b’mod partikolari li, meta l-Kummissjoni ma kinitx l-awtorità kontraenti u meta hija ġiet informata b’ilment ta’ offerent li kien iqis ruħu leż minħabba żball jew irregolarità mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħiet għal offerti, hija kellha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità kontraenti u tfittex, sa fejn ikun possibbli, soluzzjoni bonarja bejn l-offerent lanjant u l-awtorità kontraenti.

32      Il-punt 2.9.2 tal-PRAG, dwar it-tħejjija u l-iffirmar tal-kuntratt, kien jistabbilixxi li, fis-sistema deċentralizzata ex ante, l-awtorità kontraenti kienet tibgħat il-fajl tal-kuntratt lid-delegazzjoni tal-Unjoni għal konferma, li kellha tiffirma d-dokumenti oriġinali kollha tal-kuntratt sabiex tikkonferma l-finanzjament tal-Unjoni.

33      Barra minn hekk, l-istruzzjonijiet lill-offerenti għall-kuntratt inkwistjoni kienu jipprovdu, fil-punt 14.1, li l-offerent rebbieħ kellu jiġi informat bil-miktub bl-aċċettazzjoni tal-offerta tiegħu u, fil-punt 15, li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt setgħet b’mod partikolari tiġi annullata jekk din ma kinitx ta’ suċċess, pereżempju minħabba li ma tkun ġiet riċevuta ebda offerta kwalitattivament jew finanzjarjament aċċettabbli, u kienu jfakkru li, f’tali każ, l-awtorità kontraenti nazzjonali ma setgħet tinżamm responsabbli għall-ebda kumpens.

34      Konsorzju li għandu lir-rikorrenti bħala kap wieġeb għas-sejħa għal offerti inkwistjoni.

35      Fit‑13 ta’ Settembru 2011, l-awtorità kontraenti nazzjonali bagħtet lir-rikorrenti ittra ta’ notifika fejn informatha li l-kuntratt inkwistjoni kien ingħata lill-konsorzju li kien immexxi minnha, bla ħsara għall-produzzjoni, f’terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata, ta’ provi ammissibbli fir-rigward tas-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jew tal-kriterji ta’ selezzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni. L-ittra kienet tfakkar li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-awtorità kontraenti nazzjonali setgħet xorta waħda tiddeċiedi li tannulla s-sejħa għal offerti mingħajr ma tkun responsabbli għall-ebda kumpens.

36      Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Ottubru 2011, l-awtorità kontraenti nazzjonali indikat lir-rikorrenti li hija kienet irċeviet id-dokumenti ġustifikattivi kollha. Sabiex tipproċedi għal verifika tal-aħħar, hija talbitha tibgħatilha l-bilanċ tagħha għas-sena 2006 jew, fin-nuqqas ta’ dan, tipprovdilha ċerta informazzjoni. Ir-rikorrenti hemżet il-bilanċ tagħha għas-sena 2006 mal-posta elettronika ta’ tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2010. L-awtorità kontraenti nazzjonali kkonfermat il-wasla tal-posta elettronika permezz ta’ posta elettronika tal-istess ġurnata.

37      Permezz ta’ posta elettronika tat‑2 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti talbet informazzjoni lill-awtorità kontraenti nazzjonali dwar l-iżvilupp tal-proċedura.

38      Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2011, l-awtorità kontraenti nazzjonali wieġbet li kienet qiegħda tistenna l-approvazzjoni ex ante mid-delegazzjoni tal-Unjoni fi ħdan Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (iktar ’il quddiem id-“delegazzjoni”) tal-fajl kuntrattwali, sabiex tkun tista’ tiffinalizza l-proċedura ta’ iffirmar tal-kuntratt. Fil-fehma tagħha, il-proċedura kellha tiġi konkluża malajr ħafna, b’tali mod li kien importanti li r-rikorrenti tiżgura ruħha li l-esperti prinċipali li kellhom jipparteċipaw għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jibqgħu disponibbli sa tmiem is-sena 2011.

39      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Novembru 2011, id-delegazzjoni kkonfermat il-wasla tal-abbozz ta’ kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni, li l-awtorità kontraenti nazzjonali kienet bagħtitilha għal konferma. Fin-nota ċċitata bħala riferiment fl-imsemmija ittra, hija indikat li kienet iddeċidiet li ma tikkonfermax il-kuntratt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(2)(c) tad-Deċiżjoni EWS.

40      Fin-nota msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, id-delegazzjoni invokat problema ta’ legalità jew ta’ regolarità, marbuta mal-fatt li l-kumpannija rrakkomandata għall-għoti tal-kuntratt, jiġifieri r-rikorrenti, kienet is-suġġett ta’ twissijaW3b fl-EWS marbuta ma’ azzjoni ġudizzjarja pendenti minħabba frodi jew żbalji amministrattivi serji. Fl-aħħar nett, f’din l-istess nota, hija rrakkomandat lill-awtorità kontraenti nazzjonali tagħlaq il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tikkonkludi kuntratt u tiġġustifika kif xieraq dan l-għeluq fl-informazzjoni mibgħuta lill-offerent.

41      Fl-ittra tad‑9 ta’ Novembru 2011, id-delegazzjoni żiedet li hija kienet ħadet id-deċiżjoni li ma tikkonfermax il-kuntratt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligu li hija kellha li tipproteġi l-interessi finanzjarji u l-immaġni tal-Unjoni kif ukoll tan-natura u tal-gravità tal-motivazzjoni tat-twissija inkwistjoni. Hija kienet issuġġeriet lill-awtorità kontraenti nazzjonali terġa’ tniedi proċedura ta’ għoti ġdida.

42      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Novembru 2011, l-awtorità kontraenti nazzjonali indikat lid-delegazzjoni li, sussegwentement għall-informazzjoni li hija kienet bagħtitilha li skontha l-unika offerta teknikament aċċettabbli għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kienet tinkludi kumpannija li kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS, hija kienet qed tibgħatilha, għal approvazzjoni, nota li tirrigwarda l-annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll l-ittri ta’ informazzjoni għall-attenzjoni tal-offerenti mhux magħżula.

43      F’Novembru 2010, ġie ppubblikat l-avviż ta’ annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

44      Permezz ta’ “ittra lill-offerent mhux magħżul” tas‑6 ta’ Diċembru 2011, l-awtorità kontraenti nazzjonali informat lir-rikorrenti li, “b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u r-reputazzjoni tagħha kif ukoll tan-natura u tal-gravità tal-motiv tat-twissija”, hija kienet iddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tagħti dan il-kuntratt, hekk kif previst fl-Artikolu 17(2)(c) tad-Deċiżjoni EWS.

45      Permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ Diċembru 2011, indirizzati lid-delegazzjoni u lill-awtorità kontraenti nazzjonali, ir-rikorrenti kkontestat il-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti nazzjonali li tagħlaq il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tagħti dan il-kuntratt minħabba t-twissija relatata magħha fl-EWS u talbet l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni. Hija affermat b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet ipproċediet għat-twissija relatata magħha fl-EWS mingħajr ma kienet informatha u, a fortiori, mingħajr ma semgħetha qabel u bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, minkejja li, hekk kif kien jirriżulta mid-digriet tat‑13 ta’ April 2011, Planet vs Il‑Kummissjoni (T‑320/09, EU:T:2011:172), din it-twissija kienet att li jikkawżalha preġudizzju. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kontraenti nazzjonali allegatament ma kinitx immotivat l-għażla tagħha li tagħlaq il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tagħti dan il-kuntratt minflok ma tagħżel soluzzjoni oħra, inqas ta’ dannu, prevista fl-Artikolu 17(2)(c) tad-Deċiżjoni EWS.

46      Fis‑16 ta’ Diċembru 2011, l-Ombudsman ħareġ abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-investigazzjoni ex officio tiegħu fil-Każ OI/3/2008/FOR kontra l-Kummissjoni. F’dan l-abbozz, huwa rrakkomanda reviżjoni tad-Deċiżjoni EWS, b’mod li jiġi ggarantit li l-portata tagħha ma tmurx lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li din ma tiksirx id-drittijiet fundamentali tal-persuni rreġistrati fl-EWS, b’mod partikolari d-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jinstemgħu qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom. Huwa rrakkomanda wkoll, fil-punt 141 ta’ dan l-abbozz, li jitqies li, f’sistema inkwiżitorja, it-twissijiet W3b kienu japplikaw biss fil-każijiet fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu ddeċidew li jgħaddu mill-fażi tal-istruttorja għal dik tal-proċess. Fil-fehma tiegħu, it-twissijiet W1 jew W2 biss setgħu eventwalment jitwettqu fl-istadju tal-fażi tal-istruttorja.

47      Permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ Jannar 2012, indirizzati lid-delegazzjoni u lill-awtorità kontraenti nazzjonali, ir-rikorrenti fakkret il-pożizzjoni tagħha, billi bbażat ruħha fuq l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman tas‑16 ta’ Diċembru 2011.

48      Permezz ta’ ittri tal‑1 ta’ Marzu 2012, indirizzati lid-delegazzjoni u lill-awtorità kontraenti nazzjonali, ir-rikorrenti indikat li hija kienet tqis li r-responsabbiltà tal-Unjoni, fil-każ ineżami, kienet stabbilita u talbet, fuq il-bażi tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tiġi kkomunikata lilha kull korrispondenza u kull dokument skambjat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, sa fejn dawn kienu jikkonċernawha.

49      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Marzu 2012, id-delegazzjoni talbet skuża għad-dewmien sabiex twieġeb għall-ittri tar-rikorrenti u informat lil din tal-aħħar li, konformement mal-Artikolu 2.4.15 tal-PRAG, hija kienet qiegħda tfittex mal-awtorità kontraenti nazzjonali, li kienet l-unika responsabbli mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, kif twieġeb għat-talba tagħha għal aċċess għal ċerti dokumenti.

50      Permezz ta’ ittri tal‑11 ta’ Mejju 2012, indirizzati lid-delegazzjoni u lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti indikat li hija kienet tqis li d-deċiżjoni ta’ annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni meħuda mill-awtorità kontraenti nazzjonali kienet biss sempliċi konsegwenza tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li tirreġistraha fl-EWS u tad-deċiżjoni konsegwenti tad-delegazzjoni li ma tikkonfermax il-kuntratt minħabba din ir-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, hija fakkret it-talba tagħha għal komunikazzjoni tad-dokumenti.

51      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat l-ordnijiet ġudizzjarji tat‑18 ta’ Settembru u tas‑17 ta’ Ottubru 2008, ir-rapporti tal-OLAF li segwew dawn l-ordnijiet kif ukoll l-atti kollha sussegwenti.

52      Permezz ta’ ittri tal‑25 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti, għal darba oħra, fakkret lid-delegazzjoni u lill-Kummissjoni dwar it-talba tagħha għal komunikazzjoni tad-dokumenti.

53      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Kummissjoni tikkonfermalha li hija kienet is-suġġett ta’ twissija fl-EWS u tindikalha x’kienu n-natura u l-motivi ta’ din it-twissija kif ukoll l-awtur u d-data tat-talba għal twissija.

54      Fis‑6 ta’ Lulju 2012, l-Ombudsman adotta deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni ex officio tiegħu fil-Każ OI/3/2008/FOR kontra l-Kummissjoni.

55      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni kkonfermat lir-rikorrenti li hija kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS sa minn Lulju 2010, konformement mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni EWS, li kien jipprevedi li, “meta investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF [kienu j]wasslu għal dawn il-proċeduri ġudizzjarji jew meta l-OLAF [kien] joffri għajnuna jew isegwi dawn il-proċeduri, l-OLAF [kellu] jressaq talba għall-attivazzjoni tat-twissija W3b korrispondenti”. Barra minn hekk, hija indikat li kien il-kompitu ta’ kull uffiċjal awtorizzanti b’delega li jeżamina l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din it-twissija fuq il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti kif ukoll fuq il-kuntratti fis-seħħ.

56      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Lulju 2012, id-delegazzjoni indikat lir-rikorrenti li d-deċiżjoni li tiġi annullata l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kienet ġiet adottata mill-awtorità kontraenti nazzjonali, li hija ma kellhiex fajl li setgħet tagħtiha aċċess għalih u li għalhekk hija kienet qed tibgħat it-talba tagħha lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

57      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-Ombudsman, fejn talbitu jikkonstata li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi pproċediet għat-twissija tagħha fl-EWS mingħajr ma informatha minn qabel, billi rrifjutat li tipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tifhem din it-twissija u billi, fuq din il-bażi, irrifjutat li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni, li kien ingħatalha, mingħajr ma ħadet bl-ebda mod inkunsiderazzjoni l-protesti ulterjuri tagħha. Hija talbet ukoll lill-Ombudsman jintervjeni sabiex titħassar it-twissija tagħha fl-EWS. Dan l-ilment ġie rreġistrat taħt ir-referenza 604/2013/FOR.

58      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Planet (C‑314/11 P, EU:C:2012:823), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell mid-digriet tat‑13 ta’ April 2011, Planet vs Il‑Kummissjoni (T‑320/09, EU:T:2011:172), billi kkonfermat li t-twissija ta’ entità fl-EWS, inkluża twissija W1, setgħet tippreġudika lill-entità kkonċernata.

59      Filwaqt li siltet il-konsegwenzi tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Planet (C‑314/11 P, EU:C:2012:823), il-Kummissjoni ħadet miżuri provviżorji ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni EWS intiżi sabiex jippermettu lill-entitajiet li kienu s-suġġett ta’ talba għal twissija ta’ livell W1 sa W4 jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub qabel ir-reġistrazzjoni tat-twissija.

60      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2013, l-Ombudsman għalaq il-Każ 637/2009/(ELB)FOR bil-kumment kritiku li jmiss: “[l]-OLAF naqas, b’mod żbaljat, milli jitlob l-irtirar tat-twissija W3b attivata fil-konfront ta’ [ECO3]”.

61      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2013, l-Ombudsman bagħat lir-rikorrenti l-osservazzjonijiet li kien irċieva mill-OLAF permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2013.

62      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Ombudsman l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tal-OLAF tat‑2 ta’ Diċembru 2013.

63      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru 2014, l-Ombudsman bagħat lir-rikorrenti l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu fil-Każ 604/2013/FOR, intiż sabiex il-Kummissjoni tħassar it-twissija tagħha fl-EWS jew tipprovdi l-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tagħha u tibgħat lir-rikorrenti kopja tal-korrispondenza skambjata bejnha u l-awtorità kontraenti nazzjonali dwar l-imsemmija twissija.

64      Fi Frar 2015, il-Kummissjoni ħassret it-twissija relatata mar-rikorrenti fl-EWS kif ukoll dik relatata ma’ L.

65      Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ April 2015, il-qorti istruttorja Franċiża inkarigata bil-fajl Tork iddikjarat li ma kienx hemm lok, fil-kuntest ta’ dan il-fajl, tipproċedi kontra L. għal korruzzjoni attiva, peress li l-informazzjoni ma kinitx tistabbilixxi akkużi suffiċjenti kontrih.

66      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ April 2015, l-Ombudsman bagħat lir-rikorrenti l-osservazzjonijiet tal-OLAF relatati mal-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-ilment tar-rikorrenti. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-OLAF indika li, fl‑10 ta’ Frar 2015, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(b) tad-Deċiżjoni EWS, huwa kien bagħat lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni talba għal tħassir tat-twissija relatata mar-rikorrenti fl-EWS u li, fis‑16 ta’ Frar 2015, l-imsemmi uffiċjal tal-kontabbiltà kien adotta deċiżjoni ta’ tħassir ta’ din it-twissija. Fir-rigward tat-talba sabiex tintbagħat il-korrispondenza, l-OLAF indika li huwa kien bagħat din it-talba lis-servizz kompetenti tal-Kummissjoni.

67      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Mejju 2015, indirizzata lill-Ombudsman, ir-rikorrenti ħadet nota tal-irtirar tat-twissija relatata magħha fl-EWS, filwaqt li esprimiet riżervi fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-OLAF.

68      Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Mejju 2015, ix-chambre du conseil du tribunal de première instance francophone de Bruxelles (l-Awla tal-Kunsill tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) b’mod partikolari bagħtet lil L. u lil ECO3 quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali, il-Belġju) għal fatti possibbli ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-fajl Ukrain.

69      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2015, li waslet lir-rikorrenti fl‑1 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-korrispondenza bejn l-awtorità kontraenti nazzjonali u d-delegazzjoni, jiġifieri l-ittri tad‑9 u tas‑17 ta’ Novembru 2011, li qabel dak iż-żmien hija ma kellhiex aċċess għalihom.

 Fuq il-fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

70      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2016, ix-chambre du conseil du tribunal de première instance francophone de Bruxelles (l-Awla tal-Kunsill tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) b’mod partikolari bagħtet lil L. u lil ECO3 quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali) għal fatti possibbli ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-fajl Serb.

71      Permezz ta’ żewġ sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2017, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddikjarat il-proċeduri kriminali bħala inammissibbli fil-kuntest tal-fajls Ukrain u Serb, inkwantu l-bażi stess tal-imsemmija proċeduri kienet ġiet ippreġudikata b’mod irrimedjabbli permezz tal-annullament mill-qorti Franċiża ta’ provi essenzjali, u ddikjarat, għaldaqstant, li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet ċivili. Peress li ma ġie ppreżentat l-ebda appell minn dawn is-sentenzi, dawn saru definittivi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

72      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors ineżami. Il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali.

73      Fis‑6 ta’ Ottubru 2016, wara l-modifika tal-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

74      Fl‑14 ta’ Frar 2017, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, lil Imħallef Relatur ġdid, li jappartjeni għall-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

75      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ġiet innotifikata lilhom fil‑15 ta’ Ġunju 2017, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi possibbli li għandhom jinsiltu, fil-kawża ineżami, mid-digriet tat‑13 ta’ Settembru 2012, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni et (T‑369/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:425), ikkonfermat wara appell mid-digriet tal‑4 ta’ Lulju 2013, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni et (C‑520/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:457). Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-termini imposti.

76      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest ta’ miżuri ġodda ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġew innotifikati lilhom fit‑23 ta’ Marzu 2018, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-termini imposti.

77      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2018. Fi tmiem din tal-aħħar, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet.

78      Fuq talba tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, peress li kienet tqis li l-kawża kellha b’mod partikolari tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet, iddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lil dawn tal-aħħar iwieġbu, bil-miktub, għal mistoqsija. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-termini imposti u, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet mill-ġdid.

79      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali u morali li hija ġarrbet minħabba t-twissija relatata magħha fl-EWS u minħabba r-rifjut sussegwenti, ibbażat fuq din it-twissija, li tikkonferma l-kuntratt inkwistjoni, li huwa kkwantifikat għas-somma totali ta’ EUR 496 000, li tikkorrispondi, għal ammont ta’ EUR 166 000, għad-dannu materjali li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni u, għal ammont ta’ EUR 330 000, għad-dannu materjali u morali li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li tikseb kuntratti oħrajn fil-qasam tal-impjieg u f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

80      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors

81      Minkejja li, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni indikat li ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors ineżami, hija osservat, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fil‑15 ta’ Ġunju 2017, li r-rikors ineżami kellu jiġi ddikjarat, ex officio, inammissibbli mill-Qorti Ġenerali. Mill-punt 62 tad-digriet tat‑13 ta’ Settembru 2012, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni et (T‑369/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:425), jirriżulta li, meta l-att li kkawża d-dannu jirriżulta mill-awtorità kontraenti ta’ pajjiż terz, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan il-pajjiż biss ikunu kompetenti sabiex jeżaminaw kumpens possibbli. Fil-fehma tagħha, l-att li kkawża d-dannu invokat mir-rikorrenti huwa att tal-awtorità kontraenti nazzjonali, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni meħuda mill-awtorità kontraenti nazzjonali, li r-rikorrenti kienet ġiet informata dwarha permezz ta’ ittra ta’ din tal-aħħar tas‑6 ta’ Diċembru 2011.

82      Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fil‑15 ta’ Ġunju 2017 u fit‑23 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti titlob li r-rikors ineżami jiġi ddikjarat ammissibbli, filwaqt li toġġezzjona li, anki b’teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti nazzjonali li ttemm il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tikkonkludi kuntratt, l-att illegali invokat bħala li kkawża d-dannu, jiġifieri r-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS u r-rifjut sussegwenti li jiġi kkonfermat il-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni, huwa imputabbli lill-Kummissjoni jew lid-delegazzjoni. Is-sitwazzjoni għalhekk hija differenti minn dik fil-kawża li wasslet għad-digriet imsemmi fil-punt 81 iktar ’il fuq, fejn ir-rikorrenti talbet kumpens għad-dannu li jirriżulta mid-deċiżjoni adottata mill-awtorità kontraenti tal-pajjiż terz, li hija kienet qiegħda tikkontesta l-legalità tagħha.

83      Fil-kuntest tal-ammissibbiltà, il-partijiet jiddiskutu, fil-każ ineżami, il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex ġurisdizzjoni jew le sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ineżami jew jekk dan tal-aħħar jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

84      Minkejja li l-kwistjoni diskussa mill-partijiet ma hija akkumpanjata minn ebda konklużjoni formali, din tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, peress li tirrigwarda l-ġurisdizzjoni stess tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fatt li jikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia vs Il‑Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 7, u tal‑15 ta’ Marzu 2005, GEF vs Il‑Kummissjoni, T‑29/02, EU:T:2005:99, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-att li ġiet allegata l-illegalità tiegħu mir-rikorrenti sabiex tibbaża d-dritt tagħha għal kumpens ma huwiex id-deċiżjoni ta’ annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, meħuda mill-awtorità kontraenti nazzjonali, iżda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistraha fl-EWS u r-rifjut sussegwenti tad-delegazzjoni li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hekk kif tindika r-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fil‑15 ta’ Ġunju 2017 u fit‑23 ta’ Marzu 2018, “[hija] ma tibbażax ir-rikors tagħha għad-danni fuq id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti nazzjonali, kompetenti fil-kuntest […] ta’ kuntratt deċentralizzat imsejjaħ ex ante”, iżda li “ma tistax tikkonkludi kuntratt mingħajr il-qbil minn qabel tal-Kummissjoni”, li hija għalhekk l-unika “responsabbli mill-għoti tal-qbil jew tar-rifjut ta’ dan il-qbil”.

86      Minn dan isegwi li, minkejja li d-deċiżjoni ta’ annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni ttieħdet mill-awtorità kontraenti nazzjonali, l-illegalità li hija invokata insostenn tar-rikors ineżami tirriżulta effettivament minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni u ma tistax titqies bħala imputabbli lil awtorità pubblika nazzjonali.

87      Mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2009) 7692 finali, moqri flimkien mal-Anness II ta’ din l-istess deċiżjoni, u mill-punt 2.2 tal-PRAG jirriżulta li d-delegazzjoni ma kinitx tagħti sempliċi opinjoni dwar il-konklużjoni tal-kuntratt mal-offerent magħżul, iżda kellha effettivament is-setgħa li taċċetta jew tirrifjuta tali konklużjoni meta hija kienet tqis li l-kundizzjonijiet li jippermettu din tal-aħħar ma kinux issodisfatti.

88      Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess u mid-diskussjonijiet imwettqa quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, permezz tal-ittra tagħha tad‑9 ta’ Novembru 2011, id-delegazzjoni effettivament użat is-setgħa li kienet hekk mogħtija lilha sabiex tirrifjuta li l-kuntratt jista’ jiġi konkluż mal-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti, bil-konsegwenza li l-awtorità kontraenti nazzjonali ma kellhiex għażla oħra, peress li l-unika offerta teknikament aċċettabbli kienet dik ta’ dan il-konsorzju, ħlief li tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

89      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-illegalità allegata mir-rikorrenti sabiex tibbaża d-dritt tagħha għal kumpens ma hijiex imputabbli lill-awtorità kontraenti nazzjonali, li kienet marbuta tislet il-konsegwenzi tar-rifjut tad-delegazzjoni, li dan stess kien ibbażat fuq deċiżjoni minn qabel tal-Kummissjoni, iżda lid-delegazzjoni u lill-Kummissjoni nnifishom.

90      Din is-sitwazzjoni għalhekk hija distinta minn dik li joriġina minnha d-digriet tat‑13 ta’ Settembru 2012, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni et (T‑369/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:425), li fiha l-uniċi atti li ġiet invokata l-illegalità tagħhom insostenn tat-talba għad-danni kienu dawk adottati mill-awtorità pubblika nazzjonali.

91      Mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ineżami u li l-argument imressaq f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-Annessi C.1 sa C.12 tar-replika

92      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina ex officio l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors, li huma ta’ ordni pubbliku (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-prinċipju, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv ta’ dritt imqajjem ex officio, anki ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tistieden lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fil-każ ineżami, hemm lok li tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-Annessi C.1 sa C.12 tar-replika.

94      Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti affermat li l-provi kollha prodotti fl-Annessi C.1 sa C.12 tar-replika ma kinux jaqgħu taħt id-dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, inkwantu provi kuntrarji jew elaborazzjoni ta’ offerti ta’ provi. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti, sa dak iż-żmien, ma kinitx iġġustifikat il-produzzjoni tardiva tal-provi inkwistjoni u, filwaqt li toqgħod fuq l-għarfien tal-Qorti Ġenerali, qieset li l-imsemmija provi jistgħu jiġu ddikjarati ammissibbli, jew bħala informazzjoni addizzjonali, jew bħala provi kuntrarji jew elaborazzjoni ta’ offerti ta’ provi.

95      F’dan ir-rigward, mill-att jirriżulta li r-rikors ineżami għandu bħala suġġett talba għad-danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu, materjali u morali, allegatament imġarrab mir-rikorrenti wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistraha fl-EWS u wara r-rifjut sussegwenti tad-delegazzjoni li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni. Dan huwa għalhekk rikors li permezz tiegħu r-rikorrenti tfittex li tqajjem inkwistjoni r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

96      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi r-realtà u l-portata tad-dannu li hija tallega li ġarrbet (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Zafeiropoulos vs Cedefop, T-537/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:36, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑26 ta’ April 2016, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑221/08, EU:T:2016:242, punt 308 (mhux ippubblikata)).

97      Ċertament, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li d-dannu allegat jiġi kkwantifikat, ma huwiex indispensabbli li l-portata eżatta tiegħu tiġi ppreċiżata fir-rikors u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Ir-rikors fil-kawża ineżami ġie ppreżentat fit‑13 ta’ Ġunju 2016. F’dan tal-aħħar, ir-rikorrenti kkwantifikat id-dannu, morali u materjali, li kienet tqis li ġarrbet billi bbażat fuq il-provi prodotti fl-annessi tal-imsemmi rikors.

99      B’mod preliminari, hemm lok li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi l-provi u l-offerti ta’ provi jekk ikun il-każ.

100    Barra minn hekk, l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-provi u l-offerti ta’ provi għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. L-Artikolu 85(2) ta’ dawn l-istess regoli jżid li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jagħmlu offerti ta’ provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti tard. F’dan l-aħħar każ, konformement mal-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti jew tal-offerti ta’ provi li saru, wara li l-partijiet l-oħrajn ikunu ngħataw il-possibbiltà jieħdu pożizzjoni dwarhom.

101    Ir-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma tirrigwardax il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerti ta’ provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Mill-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tar-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-partijiet għandhom jimmotivaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi jew tal-offerti ta’ provi ġodda tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 54) u li l-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa tistħarreġ il-fondatezza tal-motiv għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi jew ta’ dawn l-offerti ta’ provi u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk din il-produzzjoni tardiva ma tkunx iġġustifikata b’mod suffiċjenti fid-dritt jew fondata, is-setgħa li tiċħadhom (sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 33, u tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 56).

103    Diġà ġie deċiż li l-produzzjoni tardiva, minn parti, ta’ provi jew ta’ offerti ta’ provi setgħet tiġi ġġustifikata mill-fatt li din il-parti ma setax ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-provi inkwistjoni qabel jew jekk il-produzzjonijiet tardivi tal-kontroparti jiġġustifikaw li l-proċess ikun ikkompletat, b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 32, u tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 55).

104    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti pproduċiet ċertu numru ta’ provi fl-Annessi C.1 sa C.15 tar-replika, mingħajr ma tat ġustifikazzjoni preċiża dwar id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom.

105    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi osservat li t-tabella li tispeċifika l-ispejjeż operattivi tar-rikorrenti, prodotta fl-Anness C.7 tar-replika, ma tikkostitwixxix prova, hekk kif tasserixxi r-rikorrenti. Fil-fatt, din hija sempliċi informazzjoni li tirriżulta mir-rikorrenti għall-finijiet ta’ tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Kummissjoni, fil-punt 52 tar-risposta, u li din tal-aħħar ħadet “nota tajba” tagħha fil-punt 34 tal-kontroreplika. Konsegwentement, din ma hijiex prova li l-ammissibbiltà tagħha għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

106    Sa fejn, fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti invokat li l-Annessi C.1 sa C.12 tar-replika kienu jinkludu provi neċessarji sabiex tikkontesta l-argumenti invokati mill-Kummissjoni fir-risposta, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif tosserva ġustament ir-rikorrenti u hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, il-produzzjoni tardiva tal-provi li jinsabu fl-Annessi C.1 sa C.4 tar-replika tista’ effettivament tiġi ġġustifikata għall-finijiet li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju fir-rigward ta’ ċerti argumenti żviluppati fir-risposta. L-ewwel nett, l-estratt tad-digriet tar-rinviju quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali) u tad-deċiżjoni li parzjalment ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, tas‑16 ta’ April 2015, mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri kriminali miftuħa fi Franza ġie prodott, fl-Anness C.1 tar-replika, għall-finijiet li tingħata prova li L. kien ibbenefika mill-fatt li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni għal raġunijiet ta’ mertu, jiġifieri l-assenza ta’ akkużi suffiċjenti, u mhux ta’ ġurisdizzjoni, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-punt 12 tar-risposta. It-tieni nett, l-atti tal-proċedura quddiem l-Ombudsman ġew prodotti, fl-Annessi C.2 u C.3 tar-replika, sabiex tingħata prova li L. u ECO3 biss kienu s-suġġett ta’ twissija fl-EWS, u mhux hija nnifisha, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-punt 16 tar-risposta. It-tielet nett, l-estratti tar-rapporti ta’ awditu finali li jieħdu inkunsiderazzjoni tliet proġetti li kienet ipparteċipat fihom ir-rikorrenti ġew prodotti, fl-Anness C.4 tar-replika, sabiex jiġi stabbilit li n-numru ta’ ġranet realment ipprovduti fil-kuntest ta’ proġett kien jikkorrispondi b’mod ġenerali għal dak stmat fil-baġit, fatt li kien tqajjem f’dubju mill-Kummissjoni fil-punt 50 tar-risposta.

107    Min-naħa l-oħra, il-provi li jinsabu fl-Annessi C.5, C.6 u C.8 sa C.12 tar-replika, jiġifieri dikjarazzjonijiet ta’ tnejn mill-esperti ewlenin imsemmija fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu prodotta fl-anness għar-rikors (iktar ’il quddiem it-“tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni”) u li jikkonfermaw ir-rata tagħhom ta’ kuljum, skeda ta’ ħlas ta’ amministratur ta’ proġett li r-rikorrenti impjegat fl‑2012, dikjarazzjonijiet tal-membri tal-konsorzju li jikkonfermaw l-iskala tat-tqassim li tinsab fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni u avviż dwar kuntratt pubbliku li kellu jiġi konkluż mal-awtoritajiet ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u maħsub sabiex jingħatalhom appoġġ bil-għan tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, ippubblikat fit‑13 ta’ Frar 2013, kif ukoll il-lista tal-offerenti magħżula minn qabel għal dan il-kuntratt, kienu ġew prodotti mir-rikorrenti bil-għan biss li jiġu stabbiliti, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, ir-realtà u l-portata tad-dannu, materjali u morali, allegat, hekk kif ikkwantifikat fir-rikors. Il-fatt li, fir-risposta, il-Kummissjoni argumentat li r-rikorrenti ma kinitx tat prova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, tar-realtà u l-portata tad-dannu allegatament imġarrab, ma jippermettix li jitqies li l-produzzjoni tardiva tal-provi li jinsabu fl-Annessi C.5, C.6 u C.8 sa C.12 tar-replika kienet, għaldaqstant, iġġustifikata min-neċessità li tingħata tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni u li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

108    Mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fost il-provi prodotti fl-annessi tar-replika, dawk li jinsabu fl-Annessi C.5, C.6 u C.8 sa C.12 tar-replika għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-eżami fil-mertu tar-rikors.

 Fuq il-mertu

109    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 113, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 47).

110    Insostenn tar-rikors ineżami, ir-rikorrenti tafferma li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq huma ssodisfatti fil-każ ineżami.

111    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tar-rikors ineżami bħala infondat, minħabba li r-rikorrenti ma tipproduċix il-prova, li hija għandha l-obbligu tipproduċi, li l-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma ssodisfatti fil-każ ineżami. Prinċipalment, hija ssostni li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza u tal-portata tad-dannu li hija tinvoka. Sussidjarjament, hija tikkontesta l-illegalità tal-aġir li r-rikorrenti tattribwixxiha.

112    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kif ġew elenkati diġà fil-punt 109 iktar ’il fuq, huma kumulattivi (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il‑Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punti 92 u 93, u digriet tas‑17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il‑Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

113    Għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat, fil-każ ineżami, jekk ir-rikorrenti tipproduċix il-prova, li hija għandha l-obbligu tipproduċi, tal-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-Kummissjoni, tar-realtà tad-dannu materjali u morali li hija tallega li ġarrbet u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali li bih hija akkużata l-Kummissjoni u d-dannu li hija tinvoka.

 Fuq l-aġir illegali li bih hija akkużata l-Kummissjoni

114    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni u d-delegazzjoni wettqu żball qabel kollox billi pproċedew għar-reġistrazzjoni tat-twissija relatata magħha fl-EWS, u sussegwentement, billi rrifjutaw, minħabba din it-twissija, li jikkonfermaw il-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni wara li dan kien ingħata lill-konsorzju li kien immexxi minnha. Fil-fehma tagħha, dan l-iżball jirriżulta minn diversi illegalitajiet imputabbli lill-Kummissjoni u lid-delegazzjoni.

115    Minn naħa, it-twissija relatata magħha fl-EWS kienet illegali.

116    L-ewwel nett, din it-twissija kienet nieqsa minn bażi legali, minħabba li d-deċiżjoni li fuq il-bażi tagħha twettqet din it-twissija, jiġifieri d-Deċiżjoni EWS, allegatament kienet hija stess nieqsa minn tali bażi u, għaldaqstant, kienet ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju tal-attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5 TFUE kif ukoll ta’ dak ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hekk kif ikkonstatat diġà l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni (T‑320/09, EU:T:2015:223, punti 57, 58 u 66 sa 68).

117    Barra minn hekk, id-Deċiżjoni EWS allegatament kienet ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-kundizzjoni għal twissija W3b relatata mal-fatt li l-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ “proċeduri ġudizzjarji” ma kinitx ċara u preċiża biżżejjed sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, hekk kif ikkonstata l-Ombudsman fl-abbozz tiegħu ta’ rakkomandazzjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2011 fil-Każ OI/3/2008/FOR.

118    It-tieni nett, it-twissija W3b fl-EWS kienet kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt fundamentali għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn din twettqet mingħajr ma r-rikorrenti ġiet informata dwarha, mingħajr ma, a fortiori, instemgħet qabel u mingħajr ma ġiet ipprovduta b’motivazzjoni suffiċjenti.

119    It-tielet nett u sussidjarjament, it-twissija relatata magħha fl-EWS kienet kisret id-Deċiżjoni EWS u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-kundizzjoni għal twissija W3b relatata mal-eżistenza ta’ “proċeduri ġudizzjarji” la kienet ġiet issodisfatta fil-każ tagħha u lanqas f’dak ta’ L. jew ta’ ECO3, sa fejn il-fażi tal-investigazzjoni jew tal-istruttorja, f’sistema inkwiżitorja, ma hijiex koperta minn dan il-kunċett.

120    Min-naħa l-oħra, ir-rifjut li jiġi kkonfermat il-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni u, konsegwentement, it-tmiem tal-proċedura mingħajr ma jingħata l-kuntratt inkwistjoni, skont l-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni EWS kien illegali. Il-Kummissjoni allegatament kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dmir ta’ diliġenza u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn hija ma applikatx l-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni EWS u lanqas spjegat ir-raġunijiet għaliex hija ma applikatx dawn id-dispożizzjonijiet, li jippermettu, meta l-persuna li tkun is-suġġett ta’ twissija W3b tkun tinsab fl-ewwel post fil-lista tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, li tingħata l-kuntratt b’miżuri ta’ diliġenza msaħħa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament kisret il-punt 15 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti għall-kuntratt inkwistjoni, li kien stabbilixxa, b’limitazzjoni, il-każijiet fejn il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni setgħet tiġi annullata, mingħajr ma jipprevedi l-każ ta’ twissija W3b fl-EWS.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li wettqet illegalità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

122    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku, tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet hija ssodisfatta (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Dole Fresh Fruit International vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑56/00, EU:T:2003:58, punti 72 sa 75, u tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 31).

123    Il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi huwa intiż, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-persuni kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma jattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 51).

125    Fil-każ ineżami, huwa b’mod korrett li r-rikorrenti ssostni li t-twissija W3b relatata magħha fl-EWS kienet illegali.

126    L-ewwel nett, din it-twissija kienet nieqsa minn bażi legali.

127    Fil-fatt, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5 TFUE jeżiġi li kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet mogħtija lilha mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2015:223, punti 57 u 58). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li kull att intiż li joħloq effetti ġuridiċi jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi indikata b’mod espress bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑325/91, EU:C:1993:245, punt 26).

128    Fil-każ ineżami, it-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS twettqet b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni EWS li jirregolaw din it-tip ta’ twissija u l-konsegwenzi tagħha. Issa, l-ebda bażi legali eżistenti ma kienet tippermetti lill-Kummissjoni tadotta tali dispożizzjonijiet, li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuni kkonċernati minn din it-tip ta’ twissija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2015:223, punti 64, 68, 70 u 71).

129    Barra minn hekk, sa fejn it-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS kellha konsegwenzi inkontestabbli fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun issostni li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni EWS li jirregolaw din it-tip ta’ twissija u l-konsegwenzi tagħha huma biss sempliċi regoli interni ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

130    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun tinvoka li n-nuqqas ta’ bażi legali tad-Deċiżjoni EWS kien għadu ma ġiex ikkonstatat formalment fil-mument meta hija rreġistrat lir-rikorrenti fl-EWS. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali konstatazzjoni bl-ebda mod ma tostakola li, fil-kuntest tar-rikors ineżami, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni sabiex tikseb il-kumpens għad-dannu li hija tqis li ġarrbet minħabba r-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS.

131    It-tieni nett, it-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS twettqet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

132    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli meta amministrazzjoni tipprospetta li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 36).

133    Skont dan il-prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Dan l-obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjoni meta tieħu deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix espressament għal tali formalità (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi wkoll li kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

134    Bħala konsegwenza oħra tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-obbligu li tingħata motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, skont ġurisprudenza stabbilita, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk dan huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jagħmilha possibbli li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 145; tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 462, u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 148). Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li tiġi kkomunikata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, u li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22).

135    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi adatta għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fihom dan għandu jiġi adottat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punti 94 u 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Fil-każ ineżami, huwa biss permezz tal-ittra tal‑11 ta’ Lulju 2012 li l-Kummissjoni informat formalment lir-rikorrenti li hija kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS sa minn Lulju 2010. Għalhekk hija naqset milli tisma’ lir-rikorrenti qabel ma rreġistratha fl-EWS jew qabel irrifjutat li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt mogħti lill-konsorzju li hija kienet tmexxi minħabba din ir-reġistrazzjoni.

137    Fir-rigward tal-motivi ta’ din it-twissija, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fl-ittra tal‑11 ta’ Lulju 2012, tfakkar iċ-ċirkustanzi ġenerali u astratti, imsemmija fl-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni EWS, li fihom l-OLAF kien jitlob l-attivazzjoni ta’ twissija W3b fl-EWS, jiġifieri meta l-investigazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar kienu jwasslu għal proċeduri ġudizzjarji jew meta l-OLAF kien joffri l-għajnuna tiegħu jew kien isegwi dawn il-proċeduri. B’dan il-mod, il-Kummissjoni naqset milli tikkomunika lir-rikorrenti l-motivi tat-twissija W3b relatata magħha fl-EWS fil-mument stess li fih saret it-twissija u lanqas ma spjegat, fl-ittra tal‑11 ta’ Lulju 2012 jew fl-iskambji bejn id-delegazzjoni u l-awtorità kontraenti nazzjonali li ġew ikkomunikati lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2015, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaliex hija kienet tqis li l-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni EWS kien applikabbli għaliha. Issa, tali motivazzjoni kienet iktar u iktar neċessarja, fil-kuntest tal-każ ineżami, peress li, hekk kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, ebda proċeduri ġudizzjarji ma kienu jikkonċernaw personalment lir-rikorrenti u l-proċeduri, fi Franza u fil-Belġju, li kienu jikkonċernaw lil persuni li hija kienet marbuta magħhom, jiġifieri L. u ECO3, kienu biss fil-fażi tal-istruttorja, u mhux fil-fażi tal-kawża, jiġifieri l-unika fażi tal-proċeduri li tista’, fis-sistemi inkwiżitorji Franċiżi u Belġjani, tiġi konkluża permezz ta’ sentenza li jkollha awtorità ta’ res judicata. Issa, hekk kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet u mill-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman tas‑16 ta’ Diċembru 2012 fil-Każ OI/3/2008/FOR (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), il-portata eżatta tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni EWS kienet inċerta. B’mod partikolari, ma kienx evidenti, fid-dawl tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-deċiżjoni, li t-twissijiet W3b setgħu japplikaw, f’sistema inkwiżitorja, mill-fażi tal-istruttorja.

138    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 134 iktar ’il fuq, din l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-kawża ineżami. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-raġunijiet preċiżi li jiġġustifikaw it-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS għadhom, f’dan l-istadju, inċerti, peress li l-Kummissjoni qatt ma pprovdiet dokumenti li jikkonfermaw talbiet għal attivazzjoni ta’ twissija fl-EWS li allegatament tressqu lilha mill-OLAF fir-rigward tar-rikorrenti jew tal-persuni li kienu marbuta magħha, jiġifieri L. u ECO3.

139    Sa fejn il-Kummissjoni ssostni, għall-ewwel darba fl-istadju tar-risposta, li hija setgħet, fil-każ ineżami, tidderoga mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-rikorrenti għall-finijiet li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-proċeduri ta’ investigazzjoni u tal-proċeduri ġudizzjarji miftuħa mill-OLAF u mill-awtoritajiet Franċiżi u Belġjani fir-rigward ta’ L. u ECO3, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, sa fejn it-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS kienet ta’ natura li taffettwa b’mod negattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, id-drittijiet tad-difiża tagħha kellhom jiġu rrispettati, bla ħsara għal xi arranġamenti li setgħu kienu neċessarji sabiex l-imsemmija drittijiet jirrikonċiljaw ruħhom ma’ dawk ta’ terzi. Madankollu, il-Kummissjoni la sostniet u lanqas, a fortiori, stabbilixxiet li fittxet, fil-każ ineżami, li twettaq tali konċiljazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar il-fatt li din il-kunfidenzjalità kellha tibqa’ tiġi protetta, f’Novembru 2011, fil-mument fejn hija kienet irrifjutat li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni minħabba li r-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS.

140    It-tielet nett, it-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS kienet tikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intiż sabiex jiggarantixxi li l-ebda persuna ma tiġi indikata jew ittrattata bħala ħatja ta’ ksur qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti. Dan il-prinċipju jimplika wkoll li, jekk il-Kummissjoni kienet tqis li kien neċessarju li tadotta miżuri ta’ prevenzjoni, fi stadju bikri, hija kellha bżonn bażi legali li tippermetti li tinħoloq tali sistema ta’ twissija u li jiġu adottati miżuri relatati magħha, liema sistema kellha tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fatt li kien jimplika li d-dispożizzjonijiet legali kellhom ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn seta’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2015:223, punti 66 u 67). Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 128 iktar ’il fuq, tali bażi, fil-każ ineżami, kienet nieqsa.

141    Sabiex tipproċedi għat-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS, il-Kummissjoni bbażat ruħha, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni EWS u hekk kif jirriżulta min-nota ta’ trażmissjoni mehmuża mal-ittra tad-delegazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2011, fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji minħabba frodi jew żbalji amministrattivi serji. Madankollu, hekk kif ġie kkonstatat diġà fil-punti 128 u 137 iktar ’il fuq, l-ebda bażi legali eżistenti ma kienet tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tip ta’ twissija W3b u l-konsegwenzi tagħha. Barra minn hekk, fil-mument tat-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS, l-ebda investigazzjoni u l-ebda proċedura ġudizzjarja ma kienet tikkonċerna lir-rikorrenti direttament u l-proċeduri ġudizzjarji li kienu jirrigwardaw persuni li kienu marbuta magħha kienu biss fil-fażi tal-istruttorja. Sa fejn din it-twissija kellha konsegwenzi negattivi għar-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ġiet ittrattata bħala ħatja ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi serji mingħajr ma kienet ġiet stabbilita b’mod ġudizzjarju l-ħtija, diretta jew indiretta, tagħha għal tali aġir.

142    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet legali hekk miksura mill-Kummissjoni jagħtux drittijiet lill-individwi, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli ta’ din il-kundizzjoni, huwa neċessarju li l-protezzjoni offruta mid-dispożizzjoni invokata tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u, għalhekk, li din il-persuna tkun fost dawk li d-dispożizzjoni inkwistjoni tagħtihom drittijiet. Fil-fatt, ma tistax tiġi aċċettata bħala sors ta’ kumpens regola li ma tipproteġix lill-individwu mill-illegalità li huwa jinvoka, iżda li tipproteġi individwu ieħor (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il‑Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:254, punt 44).

143    Diġà ġie deċiż li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kien jikkostitwixxi tassew dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 239), l-istess bħall-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 218). Ir-rikorrenti, li t-twissija W3b fl-EWS affettwat is-sitwazzjoni legali tagħha, għandha hija stess tibbenefika, fir-rigward ta’ din it-twissija, mill-protezzjoni mogħtija mill-prinċipji ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

144    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ bażi legali tat-twissija, diġà ġie deċiż li, għalkemm in-nuqqas ta’ osservanza tas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, sistema li għandha bħala għan li tiżgura l-osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati u mhux il-protezzjoni tal-individwi, ma jistax, fih nnifsu, ikun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni fil-konfront tal-individwi kkonċernati, is-sitwazzjoni tkun differenti meta miżura tal-Unjoni tkun ġiet adottata bi ksur mhux biss tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet, iżda wkoll, fid-dispożizzjonijiet materjali tagħha, ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-każ ineżami, ġie kkonstatat, fil-punti 131 u 140 iktar ’il fuq, li t-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS kienet tikser il-prinċipji ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li kienu jagħtu drittijiet lir-rikorrenti.

145    Fuq il-kwistjoni jekk il-ksur tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni kkonstatat jistax jitqies bħala suffiċjentement serju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li din il-kundizzjoni setgħet titqies bħala li tkun issodisfatta meta l-istituzzjoni kkonċernata tkun kisret b’mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura kienet tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Skont il-ġurisprudenza, meta l-awtorità tal-Unjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑69/00, EU:T:2005:449, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 235 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Fl-aħħar nett mill-ġurisprudenza jirriżulta li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa, fi kwalunkwe każ, manifestament serju meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas ikkritikat jew sentenza preliminari jew minkejja l-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sew tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017 Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Fil-każ ineżami, peress li d-delegazzjoni rrifjutat hija stess li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt mogħti lill-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti għall-uniku motiv li l-Kummissjoni kienet irreġistrat twissija W3b relatata magħha fl-EWS, il-Kummissjoni ma tistax issostni li din it-twissija la kellha l-għan li tipproduċi effetti lil hinn mill-isfera fi ħdan l-istituzzjoni u lanqas li taffettwa negattivament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

149    Issa, f’Lulju 2010, ġurisprudenza stabbilita sew kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li kienet daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009, kienu jippermettu lill-Kummissjoni tifhem li, jekk is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti setgħet tiġi affettwata b’mod negattiv permezz tat-twissija W3b relatata magħha fl-EWS, id-dritt tagħha li din it-twissija tkun ibbażata fuq bażi legali kif ukoll id-drittijiet tagħha tad-difiża kellhom jiġu rispettati u kellu jiġi osservat ukoll il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

150    L-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, fil-każ ineżami, ma kinitx toħloq diffikultajiet partikolari u l-Kummissjoni ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tagħha. B’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni kellha tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u tar-reputazzjoni tal-Unjoni ma setax jiġġustifika l-fatt li hija kisret id-drittijiet tar-rikorrenti.

151    Barra minn hekk, minkejja d-diversi ittri u inizjattivi tar-rikorrenti intiżi sabiex tikseb ir-rispett tad-drittijiet tagħha, il-Kummissjoni ma rreaġixxietx, la sabiex temenda d-Deċiżjoni EWS u lanqas sabiex tirtira t-twissija relatata mar-rikorrenti jew mal-persuni li kienu marbuta magħha fl-EWS, qabel ma l-atti jew l-aġir tagħha tqiegħdu direttament f’dubju mill-Ombudsman.

152    Finalment, l-aġir tal-Kummissjoni la kien trasparenti u lanqas koerenti. L-ewwel nett, hija qatt ma pprovdiet lir-rikorrenti jew fil-kuntest tal-proċedura ineżami dokumenti li jikkonfermaw it-talbiet ta’ attivazzjoni ta’ twissija fl-EWS indirizzati lilha mill-OLAF li jikkonċernawha jew li jikkonċernaw lil L. u lil ECO3 (ara l-punt 138 iktar ’il fuq). It-tieni nett, id-delegazzjoni, permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Novembru 2011, indikat lill-awtorità kontraenti nazzjonali li ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tagħti dan il-kuntratt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(2)(c) tad-Deċiżjoni EWS, applikabbli għall-uffiċjali awtorizzanti u għall-uffiċjali awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni, filwaqt li indikat, fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fil‑15 ta’ Ġunju 2017 u fit‑23 ta’ Marzu 2018, li l-att li kkawża d-dannu mġarrab mir-rikorrenti kien jirriżulta mill-awtorità kontraenti nazzjonali, li kienet l-unika li kellha kompetenza sabiex tiddeċiedi li tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, konformement mal-punt 2.4.13 tal-PRAG u mal-punt 15 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti għal dan il-kuntratt. It-tielet nett, wara l-interventi tal-Ombudsman, il-Kummissjoni pproċediet, fi Frar 2015, għall-irtirar tat-twissija relatata mar-rikorrenti u ma’ L. fl-EWS (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), filwaqt li kompliet tosserva, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-proċeduri ġudizzjarji li jiġġustifikaw l-imsemmija reġistrazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin fil-Belġju, fejn kienu mitluba proċeduri kriminali kontra L. Ir-raba’ nett, filwaqt li r-rikorrenti kienet għadha s-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS u li, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni, din tal-aħħar iffirmat mar-rikorrenti, fil‑15 ta’ Diċembru 2010, kuntratt ta’ valur ta’ EUR 1 338 225 li jirrigwarda kuntratt fl-Albanija ffinanzjat, fil-kuntest tal-IPA, minn fondi tal-Unjoni, u ma rnexxilhiex, fir-risposti tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fit‑23 ta’ Marzu 2018 u matul is-seduta, turi li żgurat li tapplika, f’dan il-kuntest, miżuri ta’ diliġenza msaħħa, fis-sens tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Deċiżjoni EWS.

153    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti u mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-illegalitajiet l-oħra invokati mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi attivat it-twissija W3b fl-EWS u billi rrifjutat, minħabba din it-twissija, li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni, il-Kummissjoni, hija nnifisha jew permezz tad-delegazzjoni, wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni

154    Ir-rikorrenti tallega li, minħabba l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni, hija ġarrbet dannu doppju kkwantifikat għas-somma totali ta’ EUR 496 000 u li tikkorrispondi, għal ammont ta’ EUR 166 000, għad-dannu materjali li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni u, għal ammont ta’ EUR 330 000, għad-dannu materjali u morali li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li tikseb kuntratti pubbliċi oħrajn.

–       Fuq id-dannu li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni

155    Ir-rikorrenti tallega li ġarrbet dannu materjali li jikkorrispondi għat-telf ta’ qligħ li hija kieku kienet tagħmel bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Hija tikkwantifika dan in-nuqqas ta’ qligħ għas-somma ta’ EUR 166 000, billi tirreferi għat-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni. Din is-somma hija ekwivalenti, fil-fehma tagħha, għall-marġni massima ta’ profitt li hija kieku kienet tagħmel fil-każ ta’ eżekuzzjoni kompleta u perfetta tal-kuntratt u tikkorrispondi, għal ammont ta’ madwar EUR 78 000, għall-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni li kieku hija kienet tirċievi bħala kap tal-konsorzju, jiġifieri 10 % tal-ammont totali tal-onorarji tal-esperti previsti fl-offerta finanzjarja tal-konsorzju, u, għal ammont ta’ madwar EUR 88 000, għall-kwota ta’ 45 % tal-marġni ta’ profitt nett li hija kellha tirċievi, fejn l-imsemmi marġni jirrappreżenta d-differenza bejn il-marġni ta’ profitt gross mistenni minn naħa, jiġifieri EUR 315 455, u l-ispejjeż operattivi kif ukoll il-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni min-naħa l-oħra, jiġifieri EUR 41 500 u EUR 78 305 rispettivament. Il-marġni ta’ profitt gross kien jikkorrispondi għal perċentwali, li jvarja bejn 22 u 37 %, tal-onorarji tal-esperti previsti fl-offerta finanzjarja tal-konsorzju. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni setgħet twassal għall-konklużjoni ta’ appendiċi għall-kuntratt, li hija ġiet imċaħħda minnha, fatt li jikkostitwixxi għaliha nuqqas ta’ qligħ.

156    Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-istima massima li sservi ta’ bażi għall-kwantifikazzjoni tan-nuqqas ta’ qligħ tagħha fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni hija affidabbli, peress li l-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratti pubbliċi dejjem timplika l-użu tal-mezzi kollha jew kważi kollha indikati fl-offerta finanzjarja tal-offerent magħżul, hekk kif jixhdu l-estratti ta’ rapporti ta’ awditu finali fi tliet proġetti li ġiet inkarigata bihom, fl-Albanija, fil-Montenegro u fiċ-Ċad. Fir-rigward tat-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, ir-rikorrenti tammetti żball materjali li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tan-nuqqas ta’ qligħ tagħha, li fir-realtà jammonta għas-somma ta’ EUR 130 348. Hija ssostni li l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni indikat fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni jikkorrispondi għar-rimbors tal-ispiża sostnuta għall-amministrazzjoni tal-proġett, bħala kap tal-konsorzju, u huwa ekwivalenti għal dak li amministratur ta’ proġett kien jiswieha, bħala medja, matul il-perijodu ta’ 18‑il xahar li kien ikun neċessarju sabiex jitwettaq il-proġett. L-akronimu “TBC”, li jikkorrispondi, bl-Ingliż, għall-frażi “to be confirmed” (għadu jrid jiġi kkonfermat) u li jinsab f’din it-tabella fir-rigward tal-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni u tal-kwota tal-marġni ta’ profitt nett, jirriżulta mill-fatt li l-iffirmar tal-kuntratt bejn il-membri tal-konsorzju kellu jsir biss wara l-konklużjoni tal-kuntratt mal-awtorità kontraenti nazzjonali, konformement mal-prattika tas-suq.

157    Ir-rikorrenti tqis li t-telf ta’ qligħ li hija tinvoka fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni huwa konsegwenza diretta tal-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni, peress li l-kuntratt inkwistjoni kien ingħata lill-konsorzju li hija kienet tmexxi, hekk kif jirriżulta mill-ittra tal-awtorità kontraenti nazzjonali tat‑13 ta’ Settembru 2011, u li kien ġie annullat biss, hekk kif jirriżulta mill-ittra tal-awtorità kontraenti nazzjonali tas‑6 ta’ Diċembru 2011, minħabba r-rifjut tad-delegazzjoni li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni minħabba li hija kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS.

158    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova, li hija kellha l-obbligu tipproduċi, tad-dannu li hija tinvoka u tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa.

159    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokati, li l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat, fejn dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, filwaqt li ma hemmx obbligu li tiġi kkumpensata kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota, ta’ sitwazzjoni illegali (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 et 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Fil-każ ineżami, għalkemm il-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni qatt ma ġie ffirmat mill-awtorità kontraenti nazzjonali u għalkemm din tal-aħħar setgħet, qabel l-imsemmija firma, tiddeċiedi li tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-imsemmi kuntratt, konformement mal-punt 2.4.13 tal-PRAG u mal-punt 15 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti għal dan il-kuntratt, jibqa’ l-fatt li hija, fl-ittra tagħha tat‑3 ta’ Novembru 2011, kienet uriet b’mod ċar u preċiż ir-rieda tagħha li tikkonkludi malajr il-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni mal-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti, li lilu l-kuntratt kien ingħata, fejn l-unika kundizzjoni li kien fadal sabiex tiġi ffinalizzata l-proċedura ta’ iffirmar tal-imsemmi kuntratt kienet il-konferma tal-fajl kuntrattwali mill-Kummissjoni.

161    Hekk kif ġie rrilevat diġà fil-punt 88 iktar ’il fuq, mill-atti tal-proċess u mid-diskussjonijiet imwettqa quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, permezz tal-ittra tagħha tad‑9 ta’ Novembru 2011, id-delegazzjoni użat is-setgħa li kienet mogħtiha lilha mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2009) 7692 finali, moqri flimkien mal-Anness II ta’ din l-istess deċiżjoni u mill-punt 2.2 tal-PRAG sabiex tirrifjuta li l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni jkun jista’ jiġi konkluż mal-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti minħabba li din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS, bil-konsegwenza li l-awtorità kontraenti nazzjonali ma kellhiex għażla oħra, peress li l-unika offerta teknikament aċċettabbli kienet saret minn dan il-konsorzju, ħlief li tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

162    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS kienet il-kawża determinanti tar-rifjut tad-delegazzjoni li tikkonferma l-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni, li kien ingħata lill-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti, rifjut li huwa stess kien il-kawża determinanti tal-annullament, mill-awtorità kontraenti nazzjonali, tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan l-istess kuntratt. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, it-telf tal-qligħ li r-rikorrenti kienet tagħmel bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat.

163    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu, li, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1982, De Franceschi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9; tat‑13 ta’ Novembru 1984, Birra Wührer et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80, 5/81, 51/81 u 282/82, EU:C:1984:341, punt 9, u tas‑16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il‑Kunsill, T‑108/94, EU:T:1996:5, punt 54), ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk ir-rikorrent effettivament ġarrab dannu reali u ċert. Huwa r-rikorrent li għandu jagħti prova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, b’mod iktar partikolari, li jipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1997 Blackspur DIY et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    B’mod iktar speċifiku, kull talba għal kumpens għal dannu, irrispettivament minn jekk dan ikunx dannu materjali jew morali, imressqa b’mod simboliku jew sabiex jinkiseb kumpens veru, għandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fir-rigward tal-aġir ikkritikat u, anki b’mod approssimattiv, tikkwantifika dan id-dannu kollu kemm hu (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Sabbagh vs Il‑Kunsill, T‑652/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkwantifikatx, lanqas b’mod approssimattiv, id-dannu li jikkorrispondi, essenzjalment, għal telf ta’ opportunità li tikkonkludi appendiċi għall-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni. Għaldaqstant, it-talba tagħha għal kumpens relatata ma’ dan il-kap ta’ dannu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq.

166    Fir-rigward tal-qligħ li r-rikorrenti setgħet tagħmel fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti ma kellux dritt inkundizzjonat sabiex jirċievi s-somom li kienu bbaġitjati fil-kuntratt, għal ammont totali ta’ EUR 893 050, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-offerta finanzjarja tal-konsorzju. Fil-fatt, id-dritt li jitħallsu dawn is-somom kien suġġett għall-eżekuzzjoni kompleta u perfetta, mill-konsorzju, tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll għall-użu, sabiex tagħmel dan, tal-mezzi kollha indikati fl-offerta tal-konsorzju. Issa, l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet suġġetta għal ċertu riskju, b’tali mod li r-rikorrenti tista’ tinvoka biss, fil-kuntest tar-rikors ineżami, telf ta’ opportunità li tagħmel il-qligħ li hija setgħet tagħmel kieku l-konsorzju kien eżegwixxa b’mod komplet u perfett il-kuntratt inkwistjoni, bil-mezzi kollha indikati fl-offerta tiegħu.

167    Fil-każ ineżami, minkejja li r-rikorrenti, kap tal-proġett, tindika li hija ma kellhiex esperjenza minn qabel fil-qasam tal-impjieg, hija madankollu rnexxielha turi lill-awtorità kontraenti nazzjonali li l-konsorzju li kien immexxi minnha kellu l-kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali neċessarja sabiex jeżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni, b’mod partikolari peress li l-esperti prinċipali li hija kienet għażlet kellhom kompetenza u esperjenza suffiċjenti fil-qasam kopert mill-imsemmi kuntratt. Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-konsorzju kellu possibbiltajiet kbar li jwettaq b’suċċess il-kuntratt inkwistjoni bl-appoġġ tal-imsemmija esperti.

168    Fir-rigward tal-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni li r-rikorrenti kienet tirċievi bħala kap, hekk kif issostni l-Kummissjoni u hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti nnifisha, dan jikkorrispondi għar-rimbors ta’ spiża li r-rikorrenti kellha ġġarrab bħala kap tal-proġett u għalhekk huwa marbuta mat-“tul tal-proġett u [mal-]ammont ta’ xogħol assoċjat [miegħu, jiġifieri l-]appoġġ lill-esperti, [iż-]żjarat fuq il-post, [ir-]reviżjoni ta’ rapporti, [il-]verifiki ta’ folji ta’ preżenza, [it-]tħejjija tal-fatturi, [l-]immaniġġjar tat-tim, [is-]soluzzjoni tal-problemi, [iż-]żamma fid-direzzjoni t-tajba tal-esperti, etc.” Minn dan isegwi li dan il-ħlas ta’ kummissjoni ma jikkorrispondix għal nuqqas ta’ qligħ, iżda essenzjalment għall-ispejjeż tal-persunal, li r-rikorrenti kienet iġġarrab, bħala kap, kieku l-kuntratt inkwistjoni kien ġie eżegwit mill-konsorzju mmexxi minnha. Fl-assenza ta’ tali eżekuzzjoni, ir-rikorrenti ma tistax tistenna li tikseb ir-rimbors tal-imsemmija spejjeż, li hija ma tistabbilixxix li ġarrbet. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata titlob ir-rimbors ta’ somma, mogħtija għad-dritt, ta’ EUR 78 000, fir-rigward tal-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni li hija kienet tirċievi bħala kap.

169    Fir-rigward tal-kwota tal-marġni ta’ profitt nett li kellha tirċievi r-rikorrenti, hemm lok li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-affidabbiltà tal-ammont tal-onorarji tal-esperti, li, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, ir-rata ta’ kuljum ta’ dawn l-onorarji kif ukoll in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol użati fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni jikkorrispondu għal dawk indikati fl-offerta finanzjarja tal-konsorzju.

170    Fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma wrietx li l-ġranet kollha ta’ xogħol ibbaġitjati fl-offerta tal-konsorzju kienu ntużaw effettivament fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li tali prova kienet impossibbli li tiġi prodotta, peress li l-konsorzju ma kellux il-possibbiltà jeżegwixxi effettivament il-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, filwaqt li l-baġit massimu previst għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt kien ta’ EUR 1 000 000, hekk kif jirriżulta mill-avviż tal-kuntratt u mill-punt 4.2 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, l-offerta finanzjarja tal-konsorzju kienet tammonta globalment għal EUR 893 050, fejn somma ta’ EUR 783 050 kienet tikkorrispondi għar-remunerazzjoni tal-esperti. Minn dan isegwi li l-konsorzju kien adatta u llimita l-offerta finanzjarja tiegħu sabiex ikun iktar kompetittiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, billi kkonforma ruħu eżattament, għal kull kategorija ta’ esperti, mar-rekwiżiti minimi ta’ ġranet ta’ xogħol imposti fil-punt 6 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, jiġifieri mill-inqas 275 ġurnata ta’ xogħol għall-espert prinċipali Nru 1, mill-inqas 193 ġurnata ta’ xogħol għall-espert prinċipali Nru 2, mill-inqas 80 ġurnata ta’ xogħol għall-espert prinċipali Nru 3 u mill-inqas 539 ġurnata ta’ xogħol għall-esperti l-oħrajn, li minnhom 184 għall-esperti għolja u 355 għall-esperti subalterni. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi preżunt li l-konsorzju, li l-offerta finanzjarja tiegħu kienet intgħażlet mill-awtorità kontraenti nazzjonali, kien, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, irrinunzja li juża l-mezzi kollha bbaġitjati, essenzjalment fil-forma ta’ onorarji tal-esperti, bi ksur għalhekk tar-rekwiżiti minimi ta’ użu tal-persunal imposti mill-istruzzjonijiet lill-offerenti.

171    Fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma wrietx ir-realtà tal-onorarji li kienu jkunu dovuti lill-esperti, hemm lok li jiġi rrilevat li, konformement mal-punti 4.1 u 4.2 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, il-konsorzju kellu jinkludi, fl-offerta teknika tiegħu, impenn ta’ esklużività u ta’ disponibbiltà min-naħa tat-tliet esperti prinċipali kif ukoll, fl-offerta finanzjarja tiegħu, ir-rata tal-onorarji għal kull kategorija ta’ esperti. L-offerta finanzjarja tal-konsorzju kienet tindika għalhekk rati ta’ kuljum ta’ EUR 900 għat-tliet esperti prinċipali u l-esperti għolja u ta’ EUR 350 għall-esperti subalterni, li kienu jinkludu l-onorarji mħallsa lill-esperti, spejjeż ġenerali u l-marġni ta’ profitt miżmum mill-konsorzju, kif mogħti fid-dettall, għal kull kategorija ta’ esperti, fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni. Dawn ir-rati ta’ kuljum kienu dawk li kienu maħsuba li jiġu applikati mill-konsorzju fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni u li ġew ivvalidati mill-awtorità kontraenti nazzjonali meta għażlet l-offerta finanzjarja ta’ dan tal-aħħar. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax issostni li r-rati ta’ kuljum li l-konsorzju kellu japplika fil-kuntest ta’ tali eżekuzzjoni kienu għadhom iridu jintwerew.

172    Il-marġnijiet ta’ profitti miżmuma mill-konsorzju fuq l-onorarji ta’ kull kategorija ta’ esperti, l-istess bħall-ammont tal-ispejjeż imputabbli lil kull waħda minnhom, ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors ineżami u l-ebda prova tal-proċess ma twassal għal dubju dwar l-affidabbiltà tagħhom. Min-naħa l-oħra, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni u hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti nnifisha, ħarbu xi żbalji fl-għadd ta’ dawn l-ispejjeż u ta’ dawn il-marġnijiet ta’ profitti fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-marġni ta’ profitt gross mistenni mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni mill-konsorzju ma kienx ta’ EUR 315 455, hekk kif issostni r-rikorrenti insostenn tat-talbiet għal kumpens tagħha, iżda ta’ EUR 235 455.

173    Fir-rigward tal-ispejjeż operattivi u tal-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni li, fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, tnaqqsu mill-marġni ta’ profitt gross mistenni mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni mill-konsorzju, għal ammont, rispettivament, ta’ EUR 41 500 u ta’ EUR 78 305, il-Kummissjoni indikat, fil-kontroreplika, li hija ħadet nota tajba tat-tabella, li fiha r-rikorrenti kienet tipprovdi sintesi ddettaljata tal-ispejjeż operattivi tagħha. F’dan il-kuntest u fl-assenza ta’ provi fil-proċess li jwasslu għal dubju dwar l-affidabbiltà tagħhom, ma hemmx lok li jitqiegħdu f’dubju l-ammonti li tnaqqsu, fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, għall-finijiet li jiġi kkalkolat il-marġni ta’ profitt nett mistenni mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni mill-konsorzju, li, wara l-korrezzjoni li saret fil-punt 172 iktar ’il fuq, huwa stabbilit għas-somma ta’ EUR 115 650.

174    Fir-rigward tal-kwota ta’ 45 % ta’ dan il-marġni ta’ profitt nett li kellha tirċievi r-rikorrenti, il-Kummissjoni toġġezzjona li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda ftehim konkluż f’dan is-sens mal-membri tal-konsorzju, li din il-kwota hija akkumpanjata, fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, mill-akronimu “TBC” u li din tidher sproporzjonata, peress li, flimkien mal-ħlas ta’ kummissjoni ta’ amministrazzjoni, din wasslet sabiex jiġi rriżervat lir-rikorrenti 67 % tal-marġni ta’ profitt nett mistenni mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, filwaqt li għall-erba’ membri l-oħrajn tal-konsorzju jitħallew biss it-33 % li jifdal minn dan il-marġni sabiex jaqsmuhom bejniethom. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li l-uniċi provi ammissibbli li pproduċiet ir-rikorrenti ma jikkonfermawx l-iskala tat-tqassim tal-marġni ta’ profitt nett li qablu dwarha l-membri tal-konsorzju fil-każ li l-kuntratt inkwistjoni jingħatalhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-akronimu “TBC”, indikat fit-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, kien jindika li l-iskala tat-tqassim li kienet imsemmija fiha kienet “għadha trid tiġi kkonfermata” ladarba jiġi ffirmat formalment il-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni. Peress li r-rikorrenti kienet neċessarjament intitolata, bħall-membri l-oħrajn tal-konsorzju, għal kwota mill-marġni ta’ profitt nett mistenni mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, iżda hija ma rnexxilhiex, fil-każ ineżami, tistabbilixxi li l-kwota tagħha kellha tkun ogħla minn dik tal-membri l-oħrajn tal-konsorzju u, b’mod iktar partikolari, li din kellha tkun ekwivalenti għal 45 % ta’ dan il-marġni, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta tad-drittijiet għal kumpens tar-rikorrenti jekk l-imsemmija kwota tiġi stabbilita għal 20 %, li tikkorrispondi għal tqassim fi kwoti ugwali tal-marġni nett mistenni bejn il-ħames membri tal-konsorzju.

175    Konsegwentement, il-kwota tal-marġni ta’ profitt nett mistenni mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni mill-konsorzju li r-rikorrenti kellha tirċievi hija stmata għas-somma ta’ EUR 23 130, li tikkorrispondi għal 20 % tal-imsemmi marġni, li hija stess ikkwantifikat għal EUR 115 650 (ara l-punt 173 iktar ’il fuq). Għall-finijiet li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li jirrigwarda l-eżekuzzjoni perfetta u kompleta tal-kuntratt inkwistjoni mill-konsorzju, imsemmi fil-punt 167 iktar ’il fuq, huwa, barra minn hekk, xieraq li l-imsemmija somma titnaqqas għal ammont ta’ EUR 20 000.

176    Skont l-evalwazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi milqugħa t-talba tar-rikorrenti li tirrigwarda l-kumpens għad-dannu materjali li jikkorrispondi għat-telf ta’ opportunità li tagħmel il-qligħ li hija kienet tistenna mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni għas-somma ta’ EUR 20 000 u li tiġi miċħuda, għall-kumplament, it-talba għal kumpens relatata mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni.

–       Fuq id-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li jinkisbu kuntratti pubbliċi oħrajn u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni

177    Ir-rikorrenti tallega li ġarrbet dannu, materjali u morali, li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li tikseb kuntratti pubbliċi oħrajn. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni minħabba t-twissija W3b relatata magħha fl-EWS, magħmul pubbliku mill-avviż ippubblikat f’Novembru 2010, ippreġudika l-immaġni tagħha u, għaldaqstant, ir-reputazzjoni kummerċjali tagħha, b’mod partikolari fil-konfront tal-ex membri tal-konsorzju, u ċaħħadha mir-riferiment importanti li kien jikkostitwixxi l-kuntratt inkwistjoni, li hija kieku setgħet tinvoka biex tipparteċipa fi proċeduri oħrajn ta’ sejħa għal offerti fl-istess settur jew f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Konsegwentement, hija tqis li tilfet il-possibbiltà li tapparteċipa fi ħmistax‑il proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Issa, sa fejn hija, f’dak iż-żmien, kienet rebħet fuq medja kuntratt għal kull ħames parteċipazzjonijiet f’sejħiet għal offerti, hija tqis li tilfet il-possibbiltà li tikkonkludi tliet kuntratti ekwivalenti għall-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk, hija evalwat l-ammont li jikkorrispondi għal dan it-telf għal tliet darbiet daqs l-ammont tal-qligħ mitluf fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri EUR 480 000, filwaqt li tistabbilixxi, b’mod provviżorju, id-dannu tagħha għal ammont iżgħar, jiġifieri EUR 330 000.

178    Ir-rikorrenti tqis li t-telf ta’ opportunità li hija tinvoka huwa konsegwenza diretta tal-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punt 157 iktar ’il fuq.

179    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt, essenzjalment, li r-rikorrenti pproduċiet il-prova, li huwa l-kompitu tagħha, tad-dannu li hija tinvoka u tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa.

180    Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma evalwatx, lanqas b’mod approssimattiv, id-dannu morali li jikkorrispondi għat-telf ta’ opportunità li tikseb kuntratti pubbliċi oħrajn. Għaldaqstant, it-talba tagħha li tingħata kumpens għal dan il-kap ta’ dannu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq.

181    Fir-rigward tad-dannu materjali li jikkorrispondi għat-telf ta’ opportunità li jinkisbu kuntratti pubbliċi oħrajn, evalwat mir-rikorrenti għal ammont ta’ EUR 330 000, hemm lok li jiġi rrilevat li l-annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni minħabba t-twissija W3b relatata mar-rikorrenti fl-EWS bla dubju ppreġudika l-immaġni tagħha u, għaldaqstant, ir-reputazzjoni kummerċjali tagħha, kemm fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll tal-ex membri tal-konsorzju, li saru jafu b’dan. Barra minn hekk, dan l-annullament ċertament ċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tkun tista’ tinvoka l-kuntratt inkwistjoni, bħala riferiment, sabiex tistabbilixxi l-kapaċità teknika tagħha sabiex tintervjeni fil-qasam kopert minn dan il-kuntratt fil-kuntest ta’ proċeduri oħrajn ta’ għoti ta’ kuntratt li hija pparteċipat fihom jew riedet tipparteċipa fihom.

182    Madankollu, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 181 iktar ’il fuq ma jirriżultax direttament, b’rabta ta’ kawża u effett, li r-rikorrenti tilfet possibbiltà li tikkonkludi tliet kuntratti ekwivalenti għall-kuntratt relatat mal-kuntratt inkwistjoni u, għaldaqstant, li tagħmel qligħ li jikkorrispondi għal tliet darbiet daqs dak li hija kienet tistenna mill-eżekuzzjoni ta’ dan l-aħħar kuntratt, jiġifieri ammont ta’ EUR 480 000, imnaqqas, fit-talbiet tagħha, għas-somma ta’ EUR 330 000.

183    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni u hekk kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, il-fatt li din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ twissija W3b fl-EWS bejn Ġunju 2010 u Frar 2015, ma ostakolax il-fatt li hija tiffirma, waħedha jew fil-kuntest ta’ konsorzji, ħames kuntratti mal-Kummissjoni, bejn il‑15 ta’ Diċembru 2010 u t‑3 ta’ Awwissu 2015, relatati ma’ kuntratti pubbliċi ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-IPA, f’oqsma minbarra l-impjieg, fi Stati ġirien ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, l-Albanija) u fl-Afrika, għal valur kumulattiv ta’ EUR 3 503 955.

184    Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li r-riferiment marbut mal-kuntratt inkwistjoni kien determinanti għall-kapaċità tagħha li tkun tista’ tippreżenta offerta għal kuntratti oħrajn inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-affermazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ esperjenza tagħha fil-qasam tal-impjieg huma kontradetti mill-informazzjoni li tinsab fil-paġni tas-sit internet tagħha, inklużi fil-proċess mill-Kummissjoni, li fihom hija tindika, fost l-oqsma ta’ riferiment tagħha, l-“impjieg u [s-]suq tax-xogħol”. Anki bis-suppożizzjoni li r-rikorrenti, hekk kif issostni hija, kellha nuqqas ta’ riferimenti f’dan il-qasam, dan ma kienx ixekkilha, billi tifforma konsorzju ma’ impriżi oħra li kellhom tali perizja, milli tirbaħ kuntratti pubbliċi bħall-kuntratt inkwistjoni, hekk kif ġie osservat diġà fil-punt 167 iktar ’il fuq.

185    Sa fejn ir-rikorrenti tallega li, wara l-annullament tal-kuntratt inkwistjoni, kien sar impossibbli għaliha li tassoċja ruħha ma’ impriżi oħrajn, b’mod partikolari mal-ex membri tal-konsorzju, hija, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, ma pproduċiet l-ebda prova li tikkonferma li, għall-finijiet li tkun tista’ tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt, fil-qasam tal-impjieg jew f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, hija kienet ikkuntattjat impriżi oħrajn għall-finijiet li tifforma konsorzju, li kienu rrifjutawha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tammetti hija nnifisha li kisbet, bħala kap ta’ konsorzju, kuntratti li jirrigwardaw oqsma oħrajn minbarra l-impjieg jew ’il barra minn Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Għalhekk l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma humiex issostanzjati biżżejjed.

186    Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tallega li hija kienet tilfet l-opportunità li tikseb kuntratti pubbliċi oħrajn f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja minħabba li kienet tħammġet l-immaġni tagħha quddiem l-awtoritajiet ta’ din tal-aħħar, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, hija la indikat u lanqas, a fortiori, uriet, li hija kienet kandidata għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li fihom l-awtoritajiet ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienu l-awtorità kontraenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tallega li tilfet opportunità reali li tikseb dawn il-kuntratti minħabba l-fatt li l-immaġni tagħha quddiem l-imsemmija awtoritajiet kienet tħammġet.

187    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tabella ta’ kwantifikazzjoni tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni li tinsab fir-rikors fiha data purament ipotetika. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma semmietx proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt konkreti li hija kienet ipparteċipat fihom jew li setgħet tipparteċipa fihom, iżda llimitat ruħha tiddeduċi n-numru ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li hija kienet tqis li setgħet tipparteċipa fihom mid-data misluta mill-esperjenza tagħha fil-passat, mingħajr ma pprovdiet l-ebda prova li tippermetti li tiġi vverifikata l-veraċità u r-rilevanza ta’ dan.

188    Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti la wriet in-natura reali u ċerta tad-dannu materjali li jikkorrispondi għat-telf ta’ opportunità li tikseb kuntratti pubbliċi oħrajn, u lanqas li dan id-dannu rriżulta b’mod dirett biżżejjed mill-illegalità kkonstatata fil-punt 153 iktar ’il fuq, fis-sens li l-imsemmija illegalità kkostitwixxiet il-kawża determinanti ta’ dan id-dannu.

189    Għalhekk hemm lok li tiġi miċħuda kollha kemm hi t-talba għal kumpens ibbażata fuq it-telf, mir-rikorrenti, ta’ opportunità li tikseb kuntratti pubbliċi oħrajn.

190    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 20 000, b’kumpens għad-dannu mġarrab minn din tal-aħħar, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Fil-każ ineżami, peress li l-partijiet tilfu parzjalment fit-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull waħda minnhom għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil East West Consulting SPRL is-somma ta’ EUR 20 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Pelikánová

Valančius

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2018.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Fuq il-fatti li seħħew qabel il-preżentata tar-rikors

Fuq il-fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-Annessi C.1 sa C.12 tar-replika

Fuq il-mertu

Fuq l-aġir illegali li bih hija akkużata l-Kummissjoni

Fuq l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni

– Fuq id-dannu li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni

– Fuq id-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li jinkisbu kuntratti pubbliċi oħrajn u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.