Language of document : ECLI:EU:F:2009:136

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

7 ta’ Ottubru 2009

Kawża F-29/08

Y

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Tkeċċija minħabba inkapaċità manifesta – Kondotta fis-servizz insuffiċjenti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu Y jitlob l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑awtorità li għandha s‑setgħa tikkonkludi kuntratti, tal‑24 ta’ Mejju 2007, li ddeċidiet it‑tkeċċija tiegħu, u l‑kundanna tal‑Kummissjoni sabiex tħallsu, minn naħa, ir‑remunerazzjoni li kien ikompli jirċievi li kieku l‑kuntratt tiegħu ma ġiex itterminat qabel iż‑żmien u, min-naħa l-oħra, is‑somma ta’ EUR 500 000  għad‑dannu morali li huwa jqis li ġie subit minnu minħabba d‑deċiżjoni kkontestata.

Deċiżjoni: Ir‑rikors huwa miċħud. Ir‑rikorrent għandu jbati l‑ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ prova – Assenza ta’ komunikazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 34(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84(4))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ prova – Inkapaċità manifesta – Kunċett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84(4))

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu  84(4))

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ prova – Inkapaċità manifesta

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84(4))

1.      Ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża huwa prinċipju fundamentali tad‑dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika, f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ tirriżulta f’att li jikkawżalha preġudizzju. Skont dan il‑prinċipju, il‑qrati Komunitarji għandhom jiżguraw illi l‑persuna kkonċernata tpoġġiet f’pożizzjoni, qabel ma ngħatat id‑deċiżjoni li tirrigwardaha, li tesprimi l‑perspettiva tagħha dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u ċ‑ċirkustanzi li abbażi tagħhom ġiet adottata d‑deċiżjoni. Barra minn hekk, skont il‑prinċipju ġenerali tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, uffiċjal għandu jkollu l‑possibbiltà li jieħu pożizzjoni dwar kull dokument li istituzzjoni għandha l‑ħsieb tuża kontra tiegħu. Għalhekk, jekk tali possibbiltà ma ġietx mogħtija lilu, id‑dokumenti li ma ġewx żvelati ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala provi.

L-assenza ta’ trażmissjoni lil membru tal‑persunal bil-kuntratt tal‑opinjoni mogħtija mill‑Kumitat tar‑Rapporti, mitlub jagħti l‑opinjoni tiegħu dwar il‑proposta ta’ tkeċċija li tikkonċernah, ma tirriżultax fi ksur tad‑drittijiet tad‑difiża ħlief jekk ċerti kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Fl‑ewwel lok, l‑imsemmija opinjoni għandha ssemmi fatti jew ilmenti li fuqhom hija bbażata d‑deċiżjoni ta’ tkeċċija. Jista’ jkun fiha wkoll elementi favur il‑persuna kkonċernata, inkwantu dawn l‑elementi ma jaqblux mal‑konklużjonijiet magħmula permezz ta’ din id‑deċiżjoni. Fit‑tieni lok, il‑persuna kkonċernata, bl-assenza ta’ komunikazzjoni tal‑opinjoni tal‑Kumitat tar‑Rapporti, ma għandhiex tkun tpoġġiet f’pożizzjoni li tesprimi l‑perspettiva tagħha fuq dawn il‑fatti, ilmenti jew elementi. Dan huwa il‑każ jekk dawn jissemmew biss fl‑imsemmija opinjoni.

Għaldaqstant, mhux tant l-assenza, waħeda, tal-komunikazzjoni tal‑opinjoni tal‑Kumitat tar‑Rapporti tista’ twassal għal ksur tad‑drittijiet tad‑difiża, iżda iktar l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ fatt jew ta’ lment li fuqu hija bbażata d‑deċiżjoni ta’ tkeċċija, jew ta’ element li jista’ jkun utili għad‑difiża għal membru tal‑persunal ikkonċernat, sakemm dan il‑fatt, dan l‑ilment jew dan l‑element ma jissemma mkien ieħor ħlief fl‑opinjoni tal‑Kumitat tar‑Rapporti.

Konsegwentement, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal‑opinjoni tal‑Kumitat tar‑Rapporti ma tikkostitwixxix ksur tad‑drittijiet tad‑difiża, anki jekk id‑deċiżjoni tat‑tkeċċija tirreferi għaliha, sakemm mill‑kliem tal‑imsemmija deċiżjoni jirriżulta illi l‑istituzzjoni bbażat ruħha biss fuq ilmenti u elementi fattwali msemmija fir‑rapport dwar il‑perijodu ta’ prova li ġie kkomunikat lill‑membru tal‑persunal qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni ta’ tkeċċija.

Barra minn hekk, l‑Artikolu 84(4) tal‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra, li d‑dispożizzjonijiet tagħhom huma applikabbli għal membri tal‑persunal bil-kuntratt, kuntrarjament għall‑Artikolu 34(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, li d‑dispożizzjonijiet tagħhom huma applikabbli għall‑uffiċjali, ma jistipulax l‑obbigu, fuq l‑awtorità li għandha s‑setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, li tikkonsulta lill‑Kumitat tar‑Rapporti. Issa, jekk l‑Artikolu 34(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal jipprovdi, fir‑rigward tal‑uffiċjali, li l‑amministrazzjoni tieħu l‑opinjoni tal‑Kumitat tar‑Rapporti, dan xorta ma jipprovdix illi din l‑opinjoni tiġi kkomunikata lill‑persuna kkonċernata. Konsegwentement, ma jkun hemm l‑ebda difett proċedurali partikolari minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni tal‑parir tal‑Kumitat tar‑Rapporti.

(ara l-punti 34, 36 sa 38, 41 sa 46, 51 u 53)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustiżżja: 15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il‑Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punt 9; 10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; 12 ta’ Frar 1992, Il‑Pajjizi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, C‑48/90 u C‑66/90, Ġabra p. I‑565, punt  44; 18 ta’ Novembre 1999, Tzoanos vs Il‑Kummissjoni, C‑191/98 P, Ġabra p. I‑8223, punt 34; 3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 1 ta’ April 1992, Kupka‑Floridi vs CES, T‑26/91, Ġabra p. II‑1615, punt 38 ; 10 ta’ Ottubru 2006, Van der Spree vs Il‑Kummissjoni, T‑182/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑205 u II‑A‑2‑1049, punt 56

2.      Skont l‑Artikolu 84(4) tal‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra, membru tal‑persunal bil-kuntratt jista’ jitkeċċa, abbażi ta’ rapport redatt f’kull mument tal‑perijodu ta’ prova, f’każ ta’ “inkompetenza manifesta”. Il‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ tali inkapaċità manifesta, fid‑dawl tal‑użu tal-kelma “manifesta”, għandha tkun sostanzjalment ipprovata.

Konsegwentement, meta istituzzjoni tadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija bl‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 84(4) tal‑imsemmija kondizzjonijiet, hija għandha tibbaża ruħha fuq fatti suffiċjentament sinjifikattivi u li oġġettivament jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu inkapaċità manifesta. Għalhekk hija l‑qorti Komunitarja, fil‑kuntest tal‑istħarriġ tagħha tal‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni u filwaqt li tikkunsidra l‑marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l‑amministrazzjoni dwar l‑evalwazzjoni tal‑kapaċità tal‑membru tal‑persunal matul il‑perijodu ta’ prova, li għandha tiżgura l‑preżenza ta’ tali elementi.

Għaldaqstant, is‑sempliċi riferiment għall‑eżistenza ta’ proċeduri kriminali pendenti, li għalhekk għadhom ma tawx lok għal konstatazzjonijiet fattwali li jsiru f’deċiżjoni ġudizzjarja finali, u mhux għal fatti li l‑istituzzjoni setgħet tikkonstata jew li kienu ammessi mill‑persuna kkonċernata, ma huwiex ibbażat fuq fatti stabbiliti illi jistgħu jiġġustifikaw konstatazzjoni ta’ inkapaċità manifesta.

B’riferiment għal membru tal‑persunal inkarigat b’kompiti li jitolbu rabta ta’ fiduċja msaħħa mal‑istituzzjoni li magħha huwa jaħdem, li jkun għamel investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti nuqqasijiet fi ħdan l‑istess servizzi, mingħajr ma informa lil ebda membru tal‑istituzzjoni u skont metodoloġija li tagħti lok għal miżinterpretazzjoni u li tista’ tikkawża dannu għall‑imaġini tal‑istituzzjoni, il‑fatt illi ma tkellimx dwar din l‑investigazzjoni u li jiġġustifika dan is‑silenzju minħabba nuqqas ta’ fiduċja fir‑rigward tal‑ġerarkija tagħha, jista’ b’mod leġittimu jiġi kkunsidrat mill‑istituzzjoni bħala li jikkostitwixxi, fid‑dawl tal‑funzjonijiet u tar‑responsabbiltajiet tiegħu, inkapaċità manifesta sabiex iwettaq il‑funzjonijiet tiegħu. Din il‑konstatazzjoni għalhekk tista’ twassal lill‑istituzzjoni sabiex tiddeċiedi li tkeċċih, mingħajr ma tivvizja din id‑deċiżjoni bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u dan irrispettivament minn dawk li kienu r‑raġunijiet li wasslu lil membru tal‑persunal jaġixxi b’dak il‑mod.

(ara l‑punti 68, 70, 71, 75, 81 u 82)

3.      L‑indikazzjonijiet li jinsabu fil‑formula użata sabiex jiġi redatt ir‑rapport dwar il‑perijodu ta’ prova ta’ membru tal‑persunal bil-kuntratt ma fihom l‑ebda saħħa regolatorja u l‑istituzzjoni kkonċernata tista’, għalhekk, tieħu inkunsiderazzjoni tipi oħra ta’ kompetenzi sabiex tevalwa l‑kondotta tal‑persuna kkonċernata fis‑servizz, inkluż, b’mod partikolari, il‑kapaċità tagħha li tirrispetta l‑obbligu ta’ lealtà li hija għandha fil‑konfront tal‑istituzzjoni li timpjegaha.

Barra minn hekk, il‑fatt illi xi ċirkustanzi seħħew qabel id‑data ta’ reklutaġġ ta’ dan il‑membru tal‑persunal mhux bil‑fors u dejjem jimpedixxi lill‑istituzzjoni milli teħodhom inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l‑kapaċità tal‑persuna kkonċernata sabiex teżerċita l‑funzjonijiet tagħha, peress illi l‑kunċett ta’ “kapaċità” huwa wiesa’ iktar minn dak ta’ “effiċjenza” u ta’ “kondotta fis‑servizz”.

(ara l‑punti 83 u 86)

4.      Meta l‑eżami tal‑kondotta ta’ membru tal‑persunal bil-kuntratt iwassal għall‑konklużjoni li l‑kundizzjonijiet rikjesti għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 84(4) tal‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra huma ssodisfatti, l‑amministrazzjoni ġustament għandha d‑dritt li titlob it‑tneħħija ta’ persuna mis‑servizz kif previst mill‑imsemmi artikolu, anki jekk il‑fatti li wasslu lill‑amministrazzjoni tikkonstata inkapaċità manifesta jistgħu eventwalment jagħtu lok għall‑bidu ta’ proċedura dixxiplinarja.

(ara l‑punt 111)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 21 ta’ Ottubru 1980, Vecchioli vs Il‑Kummissjoni, 101/79, Ġabra p. 3069, punt 8