Language of document : ECLI:EU:F:2010:43

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Mejju 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Att li jikkawża preġudizzju — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kxif ta’ informazzjoni lill-istampa — Prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza — Dannu morali — Deċiżjoni li jinbdew proċeduri dixxiplinari — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ assistenza — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża F‑30/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Fotios Nanopoulos, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Itzig (il-Lussemburgu), irrappreżentat inizjalment minn V. Christianos, avukat, sussegwentement minn V. Christianos, D. Gouloussis u V. Vlassi, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Currall u K. Herrmann, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Currall u K. Herrmann, bħala aġenti, assistiti minn E. Bourtzalas u I. Antypas, avukati,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, H. Kreppel u I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: R..Schiano, Amministratur,

wara li ra il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2009,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-28 ta’ Frar 2008, F. Nanopoulos jitlob li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minħabba nuqqasijiet minnha kommessi fil-ġestjoni tas-sitwazzjoni u l-karriera tiegħu, tiġi kkundannata tħallsu l-ammont ta’ EUR 850 000 bħala kumpens għad-danni morali li huwa jqis illi sofra.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“Il-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji [inġurjuż], jew kull attakk fuq persuna jew propjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba il-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkawżata”.

3        L-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif kien fis-seħħ fil-mument tal-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent, kien jipprovdi:

“L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi fuq il-piena ta’ twissija jew ċanfira mingħajr ma tikkonsulta l-Bord tad-dixxiplina, fuq proposta tas-superjur immedjat tal-uffiċjal jew ex officio. L-Uffiċjal ikkonċernat għandu jinstema’ qabel it-tali azzjoni ma tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra”.

Il-pieni l-oħra jistgħu jiġu imposti mill-Awtorità tal-Ħatra wara li jkunu ntemmu l-proċeduri dixxiplinari stabbiliti fl-Anness IX. Dawn il-proċeduri għandhom jinbdew fuq l-inizjattiva tal-Awtorità tal-Ħatra, wara li jinstema’ l-uffiċjal ikkonċernat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 1 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna l-proċeduri dixxiplinari, kien jistabbilixxi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti f’din il-kawża:

“L-Awtorità tal-Ħatra għandha tibgħat rapport lill-Bord tad-dixxiplina, fejn tgħid fiċ-ċar il-fatti li lmentaw fuqhom u, fejn ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi li fihom twettqu.

Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-President tal-Bord tad-dixxiplina, li għandu jinforma lill-membri ta’ dan il-Bord u lill-uffiċjal ikkonċernat bih”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża preżenti:

“L-uffiċjal ikkonċernat ikollu mhux anqas minn 15-il ġurnata mid-data tal-irċevuta tar-rapport li jibda l-proċeduri dixxiplinari biex iħejji d-difiża.”

6        Fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari (Informations administratives Nru 33‑2002 tal-25 ta’ April 2002, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002”).

7        Il-premessi tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002 jippreċiżaw:

“(1)      Jeħtieġ li tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqas id-dewmien fl-investigazzjonijiet amministrativi u fil-proċeduri dixxiplinari, b’qies għall-kumplessità u r-rekwiżiti relatati mal-preżentazzjoni tal-fatti għal kull każ individwali.

(2)      Jeħtieġ li jiġi stabbilit Uffiċċju ta’ investigazzjoni u dixxiplina tal-Kummissjoni biex imexxi investigazzjonijiet amministrattivi imparzjali, koerenti u professjonali u biex iħejji l-proċeduri dixxiplinari għall-Awtorità tal-Ħatra.

(3)      Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli proċedurali li jikkonċernaw il-ftuħ u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi.

[…]

(5)      Għandu jiġi żgurat ekwilibriju bejn l-effiċjenza amministrattiva u d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal ikkonċernat.

(6)      Għandhom jissaħħu l-prevenzjoni u t-trasparenza fil-qasam dixxiplinari”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-ewwel Artikolu tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002 stabbilixxa l-Uffiċċju ta’ investigazzjoni u dixxiplina (IDOC).

9        L-Artikolu 2 tal-istess Deċiżjoni jistabbilixxi b’mod partikolari li l-IDOC għandu jmexxi l-investigazzjonijiet amministrattivi fuq talba tad-direttur ġenerali tal-persunal u l-amministrazzjoni, bi ftehim mas-segretarju ġenerali, u għandu jħejji l-proċeduri dixxiplinari għall-Awtorità tal-Ħatra.

10      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002 jirregola l-ftuħ u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet. L-ewwel paragrafu tiegħu jistabbilixxi li d-diretturi ġenerali u l-kapijiet tad-dipartimenti jistgħu jitolbu lid-direttur ġenerali tal-persunal u l-amministrazzjoni, bi ftehim mas-segretarju ġenerali, biex jiftaħ investigazzjoni amministrattiva. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, l-uffiċjal li jista’ jkun ikkonċernat mill-investigazzjoni amministrattiva, għandu jiġi informat bil-ftuħ tagħha, fiż-żmien stabbilit u għandu d-dritt, fi tmiem l-investigazzjoni u qabel ma jiġi ffinalizzat ir-rapport, li jagħti l-kummenti tiegħu dwar il-konklużjonijiet, sa fejn dawn isemmu fatti li jikkonċernawh.

11      Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002, fejn huwa meħtieġ, għall-finijiet tal-investigazzjoni, li jinżamm is-sigriet assolut, l-osservanza tal-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jippreżenta l-opinjoni tiegħu, tista’ tiġi sospiża mis-segretarju ġenerali, bi ftehim mad-direttur ġenerali tal-persunal u l-amministrazzjoni.

12      L-Artikolu 7 tal-imsemmija Deċiżjoni, intitotat “Drittijiet tal-uffiċjal”, jipprovdi:

“1. L-Awtorità tal-Ħatra għandha tinforma lill-uffiċjal ikkonċernat, permezz ta’ rapport, dwar l-allegazzjonijiet preliminari li tkun stabbilixxiet fil-konfront tiegħu, skont l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha tipproċedi billi tisimgħu inkonnessjoni mar-rapport.

      2. Is-smigħ imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-għan li jippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tevalwa l-gravità tal-fatti, li bihom l-uffiċjal ikkonċernat ikun qed jiġi akkużat, abbażi tal-ispjegazzjonijiet mogħtija minnu stess u tiddeċiedi jekk hemmx lok li jittieħdu l-miżuri dixxiplinari kontrih u jekk hux meħtieġ li l-każ jitressaq quddiem il-Bord tad-dixxiplina, qabel ma jiġu adotatti l-miżuri msemmija.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fit-18 ta’ Diċembru 2000, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, dwar il-ħarsien ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102). Skont il-premessa 7 ta’ dan ir-Regolament, il-persuni li għandhom jitħarsu huma dawk li l-data personali tagħhom tkun ipproċessata mill-istituzzjonijiet jew korpi Komunitarji, fi kwalunkwe kuntest, b’mod partikolari jekk dawn il-persuni jkunu impjegati ta’ dawn l-istituzzjonijiet jew korpi.

14      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 45/2001, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘data personali’ għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjħa ‘suġġett tad-data’; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali;

b)      ‘proċessar ta’ data personali’ hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjaħ ‘proċessar’ għandha tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li hija mwettqa fuq data personali, sew jekk b’mezzi awtomatiċi sew jekk le, bħal ġbir, rekordjar, organizzazzjoni, ħażna, adattazzjoni jew bdil, ksib lura, konsultazzjoni, użu, kxif permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew li tintgħamel disponibbli b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, ibblukkar, tħassir jew distruzzjoni;

[…]”

15      Skont l-Artikolu 4, intitolat “Kwalità tad-data”, tar-Regolament Nru 45/2001:

“1. Id-data personali għandha tkun:

a) ipproċessata b’mod ġust u legali;

[…]

2. Għandu jkun il-kontrollur li jiżgura li l-paragrafu 1 jitħares”.

16      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001, intitolat “Legalità ta’ l-ipproċessar” jippreċiża:

“Id-data personali tista’ tiġi pproċessata biss jekk:

a)      l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ xogħol magħmul fl-interess pubbliku jew fuq il-bażi tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew strumenti oħra legali adottati fuq il-bażi tagħhom jew fl-eżerċizzju leġittimu ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-istituzzjoni jew korp tal-Komunità jew f’part terza li lilha tingħata l-informazzjoni, jew

[…]

d)      is-suġġett tad-data ikun ta’ l-kunsens kategoriku tiegħu jew tagħha, jew

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

17      Ir-rikorrent ġie appuntat bħala uffiċjal tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Jannar 1983. Bejn Novembru 1983 u Jannar 2003, kien direttur fi ħdan il-Eurostat. Minn Jannar 2003, wettaq il-funzjonijiet tiegħu fid-direttorat ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni” bħala konsulent prinċipali, u dan sakemm irtira fl-1 ta’ Marzu 2006.

18      Fil-25 ta’ Ottubru 2002, H.M. Tillack, ġurnalist mar-rivista Ġermaniża Stern, bagħat messaġġ elettroniku miktub bil-Ġermaniż lil B., impjegat tal-Eurostat u bħala suġġett indika l-mistoqsija “Greek connection?”. F’dan il-messaġġ elettroniku, H.M. Tillack indika li kien hemm xi uffiċjali tal-Eurostat, li xtaqu jibqgħu anonimi, li kienu qed jakkużaw lir-rikorrent li fil-qadi ta’ dmirijietu bħala direttur, b’mod partikolari fil-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti, kien qed jiffavorixxi l-interessi ta’ impriżi Griegi. Dan il-messaġġ elettroniku talab lill-Eurostat twieġeb għal 18-il mistoqsija relatati ma’ dawn l-akkużi. H.M. Tillack talab lill-Eurostat jippreċiża b’mod partikolari kif iwieġeb għal dawn l-akkużi u għal liema raġunijiet kien hemm rappreżentanza akbar ta’ kumpanniji Griegi fl-għoti tal-kuntratti tal-programm Supcom fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998.

19      Dakinhar stess, B. bagħat dan il-messaġġ elettroniku lid-direttur ġenerali tal-Eurostat, lir-rikorrent, kif ukoll lil direttur ieħor tal-Eurostat, bi traduzzjoni għall-Ingliż ta’ dawn it-tmintax-il mistoqsija.

20      Permezz ta’ nota kunfidenzjali tat-30 ta’ Ottubru 2002, indirizzata lid-direttur ġenerali tal-Eurostat, ir-rikorrent iddikjara li kien qed jiċħad l-allegazzjonijiet kollha ta’ dak il-kwestjonarju, b’enfasi fuq in-natura malafamatorja u inġurjuża tagħhom, u talab lill-Kummissjoni tagħti l-ispjegazzjonijiet meħtieġa u tikxef l-ismijiet tal-“akkużanti anonimi”. Ma’ din in-nota ġew annessi it-tweġibiet tar-rikorrent għat-tmintax-il mistoqsija magħmula.

21      Fit-28 u d-29 ta’ Ottubru 2002, il-Eurostat organizzat laqgħat interni biex titħejja t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack. Skont il-Kummissjoni, id-direttur ġenerali tal-Eurostat, f’waħda minn dawn il-laqgħat, wera x-xewqa li ssir verifika interna dwar l-għoti tal-kuntratti fid-direttorat A, li kien immexxi mir-rikorrent, fil-kuntest tal-programm Supcom 1995-1998. Jirriżulta minn dokument datat il-31 ta’ Ottubru 2002, anness mar-risposta, li t-tim tal-verifika interna tal-Eurostat, f’din id-data, kien ġie inkarigat biex iħejji “rapport qasir”.

22      Il-Ħamis, is-7 ta’ Novembru 2002, H.M. Tillack bagħat messaġġ elettroniku ieħor lil B. F’dan il-messaġġ elettroniku, indika li fin-nuqqas ta’ tweġiba tal-Eurostat għall-mistoqsijiet tiegħu qabel it-Tnejn il-11 ta’ Novembru, fl-artiklu tiegħu, kien ser ikun kostrett jikkwota, li kellu jitlesta sad-data msemmija, biss l-ittra negatorja li kien bagħatlu r-rikorrrent, u jikteb li l-Eurostat ma ċaħad l-ebda waħda mill-allegazzjonijiet imsemmija fil-messaġġ elettroniku preċedenti tiegħu. F’dan il-messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Novembru 2002, H.M. Tillack bagħat lill-Eurostat erba’ mistoqsijiet supplimentari, li kienu jenfasizzaw xi suspetti ta’ favoritiżmu mir-rikorrent fir-rigward ta’ impriża stabbilita mill-filjozz tiegħu, Av.

23      Fis-7 ta’ Novembru 2002 stess, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li fil-qafas tal-politika tagħha ta’ mobilità, kienet qed tikkunsidra li tassenjah għall-karigi ta’ konsulent prinċipali mad-direttur ġenerali tal-Eurostat.

24      Permezz ta’ nota kunfidenzjali tal-11 ta’ Novembru 2002, ir-rikkorent indika lid-direttur ġenerali tal-Eurostat li Av. kien effettivament il-filjozz tiegħu iżda li l-impriża ta’ dan tal-aħħar, li magħha r-rikorrent ma kellu l-ebda rabta finanzjarja, ma kienet ħadet l-ebda kuntratt, la mingħand id-direttorat tar-rikorrent u lanqas mingħand il-Eurostat inġenerali. Kien ġie ppreċiżat f’din in-nota, li Av. kien jaħdem bħala espert universitarju fuq proġett ta’ riċerka bl-isem “STAT-Object”, iżda li r-rikorrent bl-ebda mod ma kien eżerċita xi influwenza favur Av. fil-kuntest tal-proċeduri marbuta ma’ dan il-proġett ta’ riċerka. Fi tmiem in-nota, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni sabiex immedjatament tagħtih l-assistenza tagħha, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

25      Permezz ta’ nota oħra kunfidenzjali tal-11 ta’ Novembru 2002, li magħha kien hemm annessi il-“kwestjonarji” ta’ H.M. Tillack tal-25 ta’ Ottubru u tas-7 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrent talab l-assistenza tal-Kummissjoni lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’din in-nota, enfasizza r-riskji ta’ dannu għall-ħajja professjonali u soċjali tiegħu, li kienet iġġib magħha l-pubblikazzjoni ta’ artiklu li jirriproduċi l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu.

26      Fil-11 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni bagħtet it-tweġibiet lil H.M. Tillack għall-mistoqsijiet li kien għamel.

27      Skont il-Kummissjoni, il-verifika interna msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, twettqet fil-perijodu bejn il-31 ta’ Ottubru u l-11 ta’ Diċembru 2002, taħt ir-responsabbiltà ta’ D., kap tat-taqsima “Verifika interna” tal-Eurostat. Jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-verifika interna tkompliet wara d-data li fiha l-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack.

28      Fit-13 ta’ Novembru 2002, is-sit tal-internet tar-rivista Stern ippubblika artiklu bil-Ġermaniż ta’ H.M. Tillack, intitolat “Grieg ifittex Griegi?”. F’dan l-artiklu, ġie ppreċiżat b’mod partikolari:

“L-uffiċċju Ewropew tal-istatistika, Eurostat, ma jistax isib ftit paċi. Wara sensiela ta’ skandli — li bdew bi statistika żbaljata u komplew b’akkużi ta’ frodi u fl-aħħar nett b’suspetti ta’ korruzzjoni ta’ wieħed mill-uffiċjali tagħha — il-Eurostat għal darb’oħra irid jiffaċċja mistoqsijiet skomdi. Il-kwistjoni hija dwar il-possibbiltà ta’ sensiela ta’ kuntratti favur kumpanniji Griegi, taħt ir-responsabbiltà ta’ [Fotios] Nanopoulos, direttur Grieg tal-Eurostat.

Il-pressjoni fuq il-ġerarkija tal-Eurostat, bid-direttur ġenerali Yves Franchet fil-quċċata tagħha, mhux qed tiddgħajjef. Kif indika Franz-Hermann Brüner, kap tal-Uffiċċju Ewopew ta’ kontra l-frodi (OLAF), l-OLAF diġà qed jagħmel investigazzjoni dwar ‘sensiela ta’ kwistjonijiet’ fil-Eurostat. It-trejdunjin Ewropea ‘Action & Defence’ qed tagħmel, permezz tat-tqassim ta’ pamflets żgħar, mistoqsija terribbli: il-Eurostat huwa mmexxi minn ‘netwerk ta’ korruzzjoni’?

[...]

‘Malafama’

Fil-fatt, ċerti pajjiżi jmorru partikolarment tajjeb fl-għoti tal-kuntratti, il-kumpanniji Griegi, pereżempju, ġeneralment imorru aħjar mill-kompetituri Ġermaniżi tagħhom. [...]”

29      Fl-14 ta’ Novembru 2002, il-gazzetta Lussemburgiża Le Quotidien ippubblikat artiklu ntitolat “Mill-ġdid diżordni u konfużjoni fil-Eurostat”. Dan l-artiklu kien jirreferi għall-fatt li r-rikorrent “kien tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu” u nħatar bħala konsulent ewlieni mad-direttur ġenerali tal-Eurostat. Ippreċiża wkoll:

Skont sorsi tagħna, xi uffiċjali tal-OLAF, l-uffiċċju Ewropew inkarigat mill-ġlieda kontra l-frodi, skopra li d-direttorat A, li għandu x’jaqsam b’mod partikolari mas-settur tal-industriji tal-informazzjoni, kien qed jiżviluppa ħafna kuntratti ma’ kumpanniji Griegi u kien qed ikollu x’jaqsam ħafna anqas ma’ kumpanniji ta’ nazzjonalitajiet oħra.

Mistoqsi mir-rivista Ġermaniża Stern, [Fotios] Nanopoulos ċaħad bil-qawwa li l-Griegi kienu ‘konxjament iffavoriti’ ”.

30      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni talbet lill-gazzetta Lussemburgiża Le Quotidien, id-dritt li twieġeb, peress li l-artiklu msemmi kien fih informazzjoni żbaljata u inġurjuża. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat l-ewwel nett, li d-dikjarazzjoni li F. Nanopoulos kien tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu kienet kompletament falza u inġurjuża. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dan tal-aħħar kien sempliċement fil-mira ta’ deċiżjoni ta’ mobilità li kienet tapplika għal erbatax-il direttur ieħor li kienu ilhom jokkupaw l-istess kariga għal iktar minn ħames snin, u dan skont id-deċiżjonijiet meħuda f’Diċembru 2000 mill-Kummissjoni f’dawn il-kwistjonijiet u li kienu diġà ġew applikati għall-ewwel darba fil-qafas tal-mobilità tad-diretturi ġenerali. F. Nanopoulos għalhekk inħatar bħala konsulent prinċipali fid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” f’kundizzjonijiet oġġettivi u trasparenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni saħqet li d-dikjarazzjonijiet tal-gazzetta li l-OLAF kien għamel xi skoperti dwar l-eżistenza ta’ favoritiżmu għall-benefiċċju ta’ kumpanniji Griegi fl-għoti tal-kuntratti, kienu nieqsa minn kull prova u jqajmu dubji, mingħajr ġustifikazzjoni, dwar l-integrità ta’ F. Nanopoulous. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret li għal dak li għandu x’jaqsam mal-allegazzjonijiet ta’ favuritiżmu nazzjonali, kienet issottomettiet numru ta’ tweġibiet lil H.M. Tillack, il-ġurnalist ta’ Stern. Madankollu, dawn it-tweġibiet ma jwasslux għall-konklużjoni li d-ditti Griegi ġew iffavoriti fl-għoti tal-kuntratti fi ħdan id-direttorat A tal-Eurostat, fil-kuntest tal-proġetti Supcom.

31      Fl-20 ta’ Novembru 2002, L’Investigateur ippubblikat artiklu intitolat “Il-manuvri u n-nuqqas ta’ onestà jissoktaw fi ħdan l-UE, it-tiġieġa li kienet tbid il-bajd tad-deheb ta’ Nanopoulos”.

32      F’dan l-artiklu ġie indikat:

“Għal dawn l-aħħar tliet snin, ‘L’Investigateur’ kienet qed issegwi b’attenzjoni l-abbuż, il-manuvri u l-atti ta’ nepotiżmu evidenti fid-direttorat Ewropw tal-istatistika, [Eurostat], stabbilit f’Kirchberg. Wara investigazzjoni tal-[OLAF], wieħed mill-fajls jaħarqu ta’ nepotiżmu għadu kemm tressaq quddiem il-qorti, f’dan il-każ quddiem dik li territorjalment għandha l-ġurisdizzjoni, jiġifieri dik Lussemburgiża, li, sinjal ħażin għat-trasparenza u l-verità, għadha ’l bogħod milli ssolvi l-abbużi ġganteski li kienu tressqu quddiemha fl-1999, fil-kuntest tal-kwistjoni Perry u Perrylux, każ li fl-aħħar nett wassal biex waqqa’ lill-Kummissjoni Santer.

Il-kawża l-ġdida hija dwar l-intriċċi ta’ direttur Grieg li tkeċċa mill-Eurostat wara li ffavorixxa b’mod lampanti kumpanniji li huma tal-kompatrijotti tiegħu. Kien diġà ġie eskluż mill-kumitati tal-kompetizzjonijiet wara li kixef il-mistoqsijiet tal-eżami lill-mara ta’ uffiċjal Grieg. Dan kollu bil-ħarsien u bl-għarfien ta’ kulħadd [ta’ żewġ ex uffiċjali għoljin tal-Eurostat], it-tnejn li huma ħbieb kbar ta’ Robert Goebbels, li bħalissa huwa membru tal-Parlament Ewropew u li qabel kien ministru soċjalista tal-Gvern ta’ … Santer. [Fotios] Nanopoulos naturalment qiegħed jikkontesta dawn l-akkużi kollha dwaru u l-imbruljuni tal-Eurostat, b’fedeltà lejn it-tattika Cresson, iwaqqgħu kollox fuq il-manipulazzjoni ġurnalistika u l-manuvri oskuri anti-Ewropej. Meta wieħed isib ruħu quddiem direttur bħal dan, verament jirriskja li jsir anti-Ewopew, iktar u iktar meta l-Kummissjoni Prodi, b’fedeltà lejn il-prinċipji tal-predeċessur tagħha, qed issolvi din il-kwistjoni b’taħwira Ewropea li mhux faċli li wieħed jidderieġiha.

Nanopoulos malajr inħatar bħala ‘konsulent ewlieni’ f’direttorat ieħor […]. Din hija l-proċedura normali biex jitneħħa uffiċjal għoli mid-dipartiment tiegħu u tkun tista’ tinbeda l-investigazzjoni filwaqt li jiġu osservati d-drittijiet tad-difiża. […]

Il-Kummissjoni qed tgħatti l-iskandlu billi tippretendi li din ir-rotazzjoni tad-diretturi kienet ilha prevista, li teoretikament u ġeneralment huwa veru, iżda mhux preċiżament f’dan il-każ. […]

Għalhekk huwa possibbli li Nanopoulos jintalab jirtira qabel iż-żmien mill-kariga tiegħu ex officio, biex b’hekk jaħrab mill-akkużi […]”.

33      F’laqgħa li saret fil-11 ta’ Diċembru 2002, l-abbozz tar-rapport tal-verifika ġie ppreżentat lid-direttur ġenerali tal-Eurostat, li kkonkluda li kellu bżonn jirrifletti dwar il-miżuri possibbli (kontinwazzjoni tal-verifika u l-implementazzjoni ta’ proċedura kontradittorja, bit-tressiq eventwali tal-każ quddiem l-OLAF), mingħajr, f’dan l-istadju, ma ħa pożizzjoni dwar kif għandu jipproċedi bl-abbozz.

34      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent dwar il-passi li kienu ttieħdu wara t-talba tiegħu għall-assistenza tal-11 ta’ Novembru 2002. Ippreċiżat, minn naħa, li kienet bagħtet tweġiba dettaljata lill-ġurnalist H.M. Tillack għall-kwestjonarji msemmija iktar ’il fuq, li kienet teħles lir-rikorrent minn kull ħtija u, min-naħa l-oħra, li kienet, fuq inizjattiva tagħha, talbet u kisbet, fit-18 ta’ Novembru 2002, id-dritt li twieġeb lill-gazzetta Lussemburgiża Le Quotidien, wara l-pubblikazzjoni ta’ artiklu li kien jimplika r-reputazzjoni tar-rikorrent, b’allegazzjonijiet li kienu simili għal dawk ta’ H.M. Tillack.

35      Fl-20 ta’ Diċembru 2002 stess, il-Kummissjoni pproċediet billi ħatret lir-rikorrent bħala konsulent prinċipali fid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, liema deċiżjoni kellha ssir effettiva mis-16 ta’ Jannar 2003. Ir-rikorrent kien ġie inkarigat b’funzjonijiet speċifiċi fil-qasam tar-riforma amministrattiva, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-“benchmarking” u l-analiżi tal-istatistika inkonnessjoni mal-“monitoring” tal-proċess tar-riforma, b’kunsiderazzjoni għall-konsegwenzi tat-tkabbir.

36      Fil-21 ta’ Mejju 2003, id-direttur ġenerali l-ġdid tal-Eurostat daħal fil-kariga tiegħu. Dakinhar stess, D. bagħtet lir-rikorrent kopja tal-abbozz tar-rapport tal-verifika interna.

37      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2003, D. talbet formalment lir-rikorrent biex jibgħatilha l-kummenti eventwali tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport.

38      Ir-rikorrent bagħat il-kummenti tiegħu lill-amministrazzjoni permezz tal-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Ġunju 2003.

39      Fis-27 ta’ Ġunju 2003, filgħodu, D. u t-tim tal-verifika interna li kien ħadem fuq l-abbozz tar-rapport, iddiskuta, f’laqgħa ta’ ħidma, ir-relevanza tal-kummenti tar-rikorrent u dakinhar ġie deċiż li għandu jitħejja abbozz tat-tweġiba għal dawn il-kummenti. Madankollu, mingħajr ma stenniet l-abbozz tat-tweġiba mit-tim tagħha, D. f’12.01, informat lid-direttur ġenerali permezz ta’ messaġġ elettroniku, dwar in-natura ftit li xejn rilevanti tal-kummenti li kien għamel ir-rikorrent dwar l-abbozz tal-verifika interna. Fis-14.23, it-tim tal-verifika interna bagħat lil D, permezz ta’ messaġġ elettroniku, abbozz tat-tweġiba għall-kummenti tar-rikorrent. Madankollu, dan l-abbozz la ġie ffinalizzat u lanqas ma ntbagħat lid-direttur ġenerali tal-Eurostat. Lanqas ir-rikorrent, barra minn hekk, ma rċieva dan l-abbozz tat-tweġiba, u sar jaf bih biss meta ġie nnotifikat bir-risposta tal-Kummissjoni fil-kawża preżenti.

40      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2003 ta’ D., ir-rapport tal-verifika interna, flimkien mal-kummenti tar-rikorrent, ntbagħtu lid-direttur ġenerali l-ġdid tal-Eurostat. F’din l-ittra, D. ippreċiżat li l-abbozz tar-rapport tal-verifika, li kien intbagħat lir-rikorrent fil-21 ta’ Mejju 2003, kien ingħata titolu ġdid: “Analiżi ta’ ċerti aspetti relatati mal-programm Supcom (1995‑1998) wara l-mistoqsijiet li saru lill-Eurostat minn ġurnalist f’Novembru 2002” u li din l-analiżi ntbagħtet abbażi tal-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fi żmien l-analiżi tal-fatti u li ma kinitx f’pożizzjoni li tapprofondixxih, fid-dawl tal-ammont ta’ xogħol li kellha u li kien għad għandha. Dan ir-rapport kien jippreċiża, bħala konklużjoni ġenerali:

“L-analiżi li saret hija speċifikament dwar il-kuntest tal-punti ppreżentati mill-ġurnalist [H.M. Tillack] u tissejjes esklużivament fuq l-informazzjoni dwar il-baġit kif ukoll il-fajls mgħoddija mid-[d]irettorat ikkonċernat.

B’mod ġenerali jrid jingħad li l-konklużjonijiet li jirriżultaw mix-xogħol tagħna ma jippermettux li tiġi sostnuta d-difiża ta’ F. Nanopoulos u tal-Eurostat fil-konfront ta’ dawn l-attakki esterni.”

41      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2003, li waslet fid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” fid-9 ta’ Lulju 2003, kif jixhed it-timbru ta’ reġistrazzjoni fuq dan id-dokument, id-direttur ġenerali tal-Eurostat bagħat ir-rapport tal-verifika lil H. Reichenbach, direttur ġenerali tad-DĠ msemmi iktar ’il fuq, biex dan tal-aħħar ikun jista’ jieħu l-miżuri li huwa jqis li jeħtieġu fil-konfront tar-rikorrent.

42      Fid-9 ta’ Lulju 2003 wkoll, il-viċi President tal-Kummissjoni ddeċieda li jiftaħ proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent għar-raġuni, minn naħa, li dan tal-aħħar kien ittollera jew aċċetta, fl-għoti tal-kuntratti, li l-proċessi ta’ evalwazzjoni ma jkunux trasparenti, peress li l-metodi ta’ evalwazzjoni ppreżentati fir-rapporti tal-kumitat konsultattiv għax-xiri u l-kuntratti ma qablux ma’ dawk li effettivament ġew applikati fil-fatt, u min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kuntratt mal-impriża Planistat, li kien ittollera jew aċċetta, li espert li kien jiġi minnu, li ma kienx inizjalment propost mill-offerent, jipparteċipa fil-proġett għat-tfassil ta’ studju li ma kellu l-ebda rabta mal-kuntratt u li ta lok għal “kont li kellu jitħallas”, qabel ma kien għadu ġie ffinalizzat ir-rapport intermedjarju tal-istudju. Biex tadotta din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq rapport intermedjarju tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Lulju 2003 u min-naħa l-oħra, fuq ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat tat-8 ta’ Lulju 2003.

43      Il-gazzetta The Financial Times ippubblikat, fl-10 ta’ Lulju 2003, artiklu bl-Ingliż intitolat “Prodi jintervjeni fir-rigward tal-iskandlu tal-Eurostat” li ta rendikont tal-iskoperta ta’ skandlu finanzjarju kunsiderevoli fil-Eurostat u ppreċiża l-miżuri differenti adottati mill-Kummissjoni biex titfa’ kull dawl possibbli fuq dan l-iskandlu. L-artiklu kkwota l-isem tar-rikorrent u ppreċiża li bħal fil-każ tad-direttur ġenerali u tal-assistent direttur ġenerali tal-Eurostat, kien ġie sottomess għal proċeduri dixxiplinari.

44      Fil-11 ta’ Lulju 2003, il-gazzetta Le Monde ippubblikat, min-naħa tagħha, artiklu li l-kontenut tiegħu kien simili għal dak tal-Financial Times imsemmi iktar ’il fuq.

45      Fix-xahar ta’ Lulju 2003, l-istampa Griega wkoll semmgħat l-istess qanpiena dwar l-implikazzjoni tar-rikorrent.

46      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrent talab lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” biex jagħtih l-assistenza tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-artiklu tal-Financial Times kien jippreġudika, inġustament, ir-reputazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, ir-rikorrent enfasizza li dan l-artiklu stabbilixxa, b’mod żbaljat, rabta bejn l-“iskandlu finanjarju tal-Eurostat”, li kien jinvolvi żewġ persuni oħra li kellhom kariga għolja f’dak l-uffiċċju u l-proċedura li tikkonċernah. Skont ir-rikorrent, il-kontenut tal-artiklu juri, barra minn hekk, l-eżistenza tal-kxif ta’ informazzjoni mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, meta din kienet marbuta tiżgura l-kunfidenzjalità tal-proċeduri dixxiplinari pendenti. B’mod partikolari talab lill-Kummissjoni tippubblika stqarrija għall-istampa li jippreċiża li bl-ebda mod ma kien implikat fl-“iskandlu finanzjarju tal-Eurostat”.

47      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrent ressaq mill-ġdid talba għall-assistenza li fis-sustanza kellha l-istess portata bħal dik tal-15 ta’ Lulju, iżda li din id-darba kienet tagħmel referenza mhux biss għall-artiklu tal-Financial Times iżda wkoll għall-artiklu ta’ Le Monde.

48      Fit-22 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-verifika interna lill-OLAF, li ddeċieda, fit-23 ta’ Lulju 2003, li jiftaħ investigazzjoni kontra r-rikorrent minħabba suspett ta’ favoritiżmu fil-qafas tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti, li minnhom kien inkarigat id-direttorat taħt it-tmexxija tiegħu.

49      Fid-9 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrent bagħat ittra lill-President tal-Kummissjoni li fiha kkritika l-iktar il-kundizzjonijiet li fihom twettaq ir-rapport tal-verifika interna, li serva bħala l-bażi għad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari kontrih.

50      Mistoqsi fis-seduta mit-Tribunal, ir-rikorrent sostna, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kummissjoni, li l-ittra tad-9 ta’ Settembru 2003 msemmija iktar ’il fuq, baqgħet ma tweġbitx.

51      Fit-22 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni ssospendiet il-proċeduri dixxiplinari biex tistenna l-eżitu tal-investigazzjoni interna tal-OLAF.

52      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2003, indirizzata lir-rikorrent, il-Kummissjoni ddeċidiet, minn naħa, li ma tilqax it-talbiet il-ġodda għall-assistenza, imressqa mir-rikorrent fil-15 u l-21 ta’ Lulju 2003 u, min-naħa l-oħra, li tistennna l-eżitu tal-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin fil-Eurostat biex eventwalment tintervjeni u tieħu pożizzjoni definittiva dwar it-talbiet għall-assistenza.

53      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2004, l-OLAF informa lir-rikorrent dwar id-deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni interna miftuħa fil-konfront tiegħu u dwar il-fatt li r-rapport finali tal-investigazzjoni kien ser jintbagħat lis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni. F’dan ir-rapport finali, ġie ppreċiżat li l-OLAF kien iddeċieda li jagħlaq l-investigazzjoni mingħajr it-tkomplija tal-fajl, peress li ma kienet instabet l-ebda irregolarità li setgħet tiġi attribwita lir-rikorrent.

54      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ottubru 2004 ndirizzata lir-rikorrent, il-viċi President tal-Kummissjoni, wara li sar jaf bl-eżitu tal-investigazzjoni interna tal-OLAF, iddeċieda li kien hemm lok li jingħalqu l-proċeduri dixxiplinari u informa lir-rikorrent li din id-deċiżjoni setgħet, fuq talba tiegħu, tiddaħħal fil-fajl personali tiegħu.

55      Fis-27 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa bl-Ingliż fuq is-sit tal-internet Midday Express tad-DĠ tagħha “Komunikazzjoni” fejn ġie ppreċiżat:

      “Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri dixxiplinari miftuħa kontra [ir-rikorrent], ex-direttur [tal-]Eurostat. Investigazzjoni approfondita mwettqa mill-OLAF, l-entità li tissielet kontra l-frodi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ma kixfet l-ebda element li huwa ta’ natura tali li jiġġustifika t-tkomplija tal-proċeduri dixxiplinari miftuħa inizjalment fid-9 ta’ Lulju 2003. Il-Kummissjoni trid tenfasizza li l-għeluq tal-kwistjoni jiskaġuna [lir-rikorrent], li huwa uffiċjal tal-Kummissjoni b’esperjenza u li għandu reputazzjoni ta’ eċċellenza, mis-suspetti ta’ irregolaritajiet allegati li ġew eżaminati fil-qafas tal-investigazzjoni”.

56      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ottubru 2005, il-President tal-Kummissjoni informa lir-rikorrent li kien qed jipprevedi li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tiegħu biex jirtira mix-xogħol fl-interess tas-servizz, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Minħabba n-nuqqas ta’ kariga adattata disponibbli għar-rikorrent fid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fis-17 ta’ Jannar 2006, l-Awtorità tal-Ħatra pproċediet, permezz ta’ deċiżjoni, għall-irtirar mix-xogħol tar-rikorrent fl-interess tas-servizz u dan mill-1 ta’ Marzu 2006, bil-ħlas tal-kumpens stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal.

58      Fl-1 ta’ Frar 2007, ir-rikorrent ressaq talba abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li biha talab kumpens ta’ EUR 1 000 000.

59      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

60      Ir-rikorrent, barra minn hekk, talab li jintbagħatlu r-rapport finali tal-investigazzjoni tal-OLAF. Il-Kummissjoni laqgħat din it-talba fit-13 ta’ Ġunju 2007 u għaddiet kopja tal-imsemmi rapport f’idejn ir-rikorrent stess.

61      Fit-28 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrent ressaq ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

62      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ma laqgħatx dan l-ilment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

63      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 850 000 għad-danni morali mġarrba, inkluż id-dannu għal saħħtu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        jisma’ bħala xhieda lis-Sinjuri Koopman u Portal u lil D.;

–        jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi, minn naħa, ir-rapport sħiħ tal-OLAF u min-naħa l-oħra, kwalunkwe dokument li huwa ta’ natura tali li juri li d-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat wettaq verifiki bejn Novembru 2002 u Mejju 2003.

64      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

65      Fir-replika tiegħu r-rikorrent indika li kien qed jirrinunzja għat-talba tiegħu għall-kumpens għad-dannu għal saħħtu.

66      Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal talab lill-Kummissjoni tipproduċi l-istqarrija għall-istampa li ppubblikat fid-9 ta’ Lulju 2003 (iktar ’il quddiem l-“istqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Lulju 2003”). F’din l-istqarrija, kien ġie b’mod partikolari indikat li l-Kummissjoni tqis, fid-dawl tar-rapporti li diġà kellha fil-pussess tagħha, li kien twettaq ksur serju tar-regolament finanzjarju, li kienu nfetħu proċeduri dixxiplinari kontra tliet uffiċjali tal-Eurostat u li l-kuntratti konklużi mal-impriża Planistat kienu sospiżi sakemm jibqgħu għaddejjin l-investigazzjonijiet.

67      Fis-seduta, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija tat-Tribunal, il-Kummissjoni kkonfermat li r-rikorrent kien wieħed mit-tliet uffiċjali li tagħmel referenza għalihom l-istqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Lulju 2003, li fil-konfront tagħhom kienu nfetħu proċeduri dixxiplinari.

 Dwar in-natura tal-kawża u l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal

–       1. L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrent jindika li l-Kummissjoni għandha tinstab ħatja abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (li sar, wara emenda, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE), peress li din kisret sensiela ta’ regoli li jagħtuh drittijiet kemm bħala ċittadin, kif ukoll bħala uffiċjal tal-Kummissjoni fi ħdan il-Eurostat.

69      Il-Kummissjoni tisħaq li r-rikors huwa msejjes fuq azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li, peress li l-kawża saret minn uffiċjal kontra l-istituzzjoni li timpjegah, ma tistax tiġi ppreżentata abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 288 KE (li sar, wara emenda, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340, TFUE), iżda esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda l-Artikolu 270 TFUE) u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

–       2. Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

70      Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 225 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 256 TFUE), 235 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 268 TFUE) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (li sar, wara emenda, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340, TFUE) li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, fl-ewwel istanza, biex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi li jistgħu jikkonċernaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew il-membri tal-persunal tagħhom fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

71      Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE) u l-ewwel Artikolu tal-ewwel Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa t-Tribunal li għandu l-ġurisdizzjoni jiddeċiedi, fl-ewwel istanza, il-kawżi bejn il-membri tal-persunal u l-Unjoni. Għal din ir-raġuni, it-Tribunal jiddeċiedi l-kawżi bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni li jaħdem jew kien jaħdem għaliha, bl-għan li jipprovdi kumpens għad-danni, meta dawn joriġinaw mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punt 7; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punti 74 u 75; id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 2003, Barbé vs Il-Parlament, T‑371/02, ĠabraSP p. I‑A‑183 u II‑919, punti 36 u 38, kif ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punti 54 u 57).

72      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent ħa vantaġġ kemm mill-kwalità tiegħu ta’ individwu kif ukoll mill-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal u qed jipprova jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 288 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 340 TFUE), għall-aġir skorrett li wettqet fil-konfront tiegħu, fil-perijodu bejn Ottubru 2002 u Jannar 2006.

73      Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess u mill-opinjoni konkordanti tal-partijiet espressa fis-seduta li din il-kawża taqa’ skont l-Artikoli 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE) u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li d-danni allegati joriġinaw esklużivament mir-relazzjoni ta’ impjieg li kienet torbot ir-rikorrent u l-Kummissjoni. Ir-rikorrent barra minn hekk ippreċiża, fis-seduta, li r-referenza fir-rikors tiegħu għall-Artikolu 288 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 340 TFUE) kienet biss maħsuba biex tfakkar il-kundizzjonijiet sostantivi, li għalihom, skont huwa, kienet suġġetta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni.

74      Hemm lok għalhekk li r-rikors jitqies ex officio bħala wieħed li fil-fatt ġie introdott fil-qafas tal-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE) u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi Mellone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 u 75, u Sanders vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

–        Fuq l-ammissibbiltà


–       1. L-argumenti tal-partijiet

75      Il-Kummissjoni tisħaq, fl-ewwel lok, li r-rikors huwa inammissibbli peress li r-rikorrent ma kkontestax, sat-termini stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjonijiet li ċaħdu t-talbiet tiegħu għall-assistenza, imressqa abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

76      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għad-danni huwa wkoll inammissibbli inkwantu dan ma ġiex ippreżentat fi żmien raġonevoli. Tfakkar li skont il-qrati Komunitarji, anki jekk ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxu l-ebda terminu fil-kamp tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet, fil-konfront tal-membri tal-persunal tagħhom, ir-rikors għad-danni għandu madankollu jiġi ppreżentat fi żmien raġonevoli. Biex jiġi stabbilit dan iż-żmien raġonevoli, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jistabbilixxi terminu ta’ ħames snin, għandu japplika b’analoġija. Madankollu, fil-kawża preżenti, peress li l-fatti invokati mir-rikorrent biex isejjes it-talba tiegħu għad-danni dwarhom, seħħew iktar minn ħames snin ilu, ir-rikors huwa inammissibbli.

77      Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok li r-rikorrent ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, li permezz tagħha ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari, peress li dan kien att preparatorju li ma jistax jikkostitwixxi s-suġġett ta’ rikors. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma għandu jkollu l-ebda interess li jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att, inkwantu l-proċeduri ngħalqu mingħajr tkomplija, permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2004.

78      Il-Kummissjoni tqis, fir-raba’ lok li r-rikorrent ma jistax, għall-finijiet tat-talbiet tiegħu għad-danni, jinvoka n-natura żbaljata tad-deċiżjoni dwar il-ħatra fil-kariga l-ġdida tal-20 ta’ Diċembru 2002 u mid-deċiżjoni dwar l-irtirar mill-impjieg tas-17 ta’ Jannar 2006, peress li naqas milli jippreżenta rikors għall-annulament ta’ dawn id-deċiżjonijiet sat-termini għall-preżentata tar-rikors.

79      Ir-rikorrent min-naħa tiegħu jisħaq li r-rikors huwa perfettament ammissibbli. Fil-fatt, it-talba tiegħu mhix diretta kontra d-deċiżjonijiet li ċaħdulu l-assistenza, iżda hija talba għall-kumpens tad-danni mġarrba minħabba l-aġir tal-Kummissjoni.

80      Ir-rikorrent indika fis-seduta li, anki jekk wieħed kellu jippresupponi li r-rikors tiegħu jikkontesta atti deċiżjonali tal-Kummissjoni, dawn l-atti u l-aġir mhux deċiżjonali li fir-rigward tagħhom qed jikkritika lill-amministrazzjoni jikkostitwixxu totalità indiviżibbli u sekwenza ta’ elementi omoġenji. F’każ bħal dan, l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għad-danni ma tistax tkun suġġetta għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors kontra kull wieħed mill-atti meħuda b’mod iżolat.

81      Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-perijodu ta’ preskrizzjoni applikabbli f’każ ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal kontra l-istituzzjoni tiegħu għandu jkun dak ta’ ħames snin stabbilit mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-każ preżenti dan il-perijodu ma skadiex peress li beda jiddekorri mis-27 ta’ Ottubru 2004, id-data tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa mill-Kummissjoni fil-Midday Express. Fi kwalunkwe każ, il-perijodu xorta ma skadiex, anki li kieku wieħed kellu jistrieħ fuq l-ewwel illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni f’Ottubru 2002, peress li t-talba għad-danni tressqet fl-1 ta’ Frar 2007.

82      Ir-rikorrent jikkunsidra li l-kunċett taż-żmien raġonevoli u d-determinazzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni mill-imħallef u mhux mil-leġiżlatur, imorru kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, ir-rikorrent osserva ż-żmien raġonevoli dettat mill-ġurisprudenza, peress li t-talba għad-danni tressqet fis-27 xahar mill-aħħar okkorrenza ta’ dannu.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

–       Dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà msejsa fuq in-nuqqas tal-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, fis-sistema tar-rimedji stabbilita mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għad-danni, li jikkostitwixxi rimedju legali awtonomu mir-rikors għall-annullament, huwa biss ammissibbli jekk preċedentement tkun saret proċedura prekontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tvarja skont jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab il-kumpens, jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma jkunx ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-parti kkonċernata li għandha, sat-terminu stabbilit, tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, il-proċedura amministrattiva għandha tinbeda b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, maħsuba għall-ksib tad-danni. Hija biss iċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba, li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li kontriha jista’ jsir ilment u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li r-rikors għad-danni jkun jista’ jitressaq quddiem it-Tribunal (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 1991, Marcato vs Il-Kummissjoni, T‑5/90, Ġabra p. II‑731, punti 49 u 50, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punt 64).

84      Ir-rikorrent stieden lit-Tribinal, biex fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, jerġa’ jikkunsidra d-distinzjoni li tħaddan il-ġurisprudenza bejn att deċiżjonali u aġir mhux deċiżjonali u dan minħabba n-natura irrilevanti ta’ din id-distinzjoni fil-kawża preżenti. Skont huwa, l-atti differenti u l-aġir li għalihom qed jintalab il-kumpens jikkostitwixxu totalità indiviżibbli u huwa għandu d-dritt li jikkontesta l-atti kollha u l-aġir li jikkostitwixxu din it-totalità indiviżibbli, fi żmien raġonevoli, biex jipprova t-talbiet tiegħu għad-danni, u dan mill-okkorrenza tal-aħħar wieħed minnhom, mingħajr ma jista’ jiġi invokat it-terminu konrtih ta’ tliet xhur stabbilit mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal li għandu jiddekorri min-notifika tal-atti deċiżjonali invokati.

85      Madankollu, argumentazzjoni bħal din ma tistax tintlaqa’.

86      Huwa minnu li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet, f’numru ta’ każijiet, li r-rikorrent ma għandux ikun kostrett, fil-qafas ta’ proċedura kumplessa, komposta minn għadd ta’ atti interdipendenti, li jippreżenta ilment għal kull att li jista’ jakkawżalu preġudizzju. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-koeżjoni tal-atti differenti li jikkostitwixxu din il-proċedura kumplessa, ġie ammess li r-rikorrent seta’ jistrieħ fuq l-irregolarità tal-atti preċendenti biex isostni r-rikors kontra l-aħħar wieħed minnhom (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1965, Ley vs Il-Kummissjoni, 12/64 u 29/64, Ġabra p. 143, u tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, Ġabra p. I‑2321, punt 17; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u Del Almo Martinez vs Il-Parlament, T‑182/94, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1197, punt 37).

87      Madankollu, din il-ġurisprudenza hija biss dwar atti li jikkawżaw preġudizzju li intimament marbutin bejniethom. Barra minn hekk, din hija eċċezzjoni għall-prinċipju li att ma jistax jiġi kkontestat ħlief sat-terminu għall-preżentata tar-rikors, liema eċċezzjoni, bħal kull eċċezzjoni oħra, għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva.

88      Madankollu, fil-kawża preżenti, l-aġir u l-atti li r-rikorrent qed jinvoka, fid-dawl tad-diversità kbira u tal-portata tagħhom (atti li jikkonċernaw l-obbligu ta’ assistenza, il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, il-kxif ta’ informazzjoni ta’ natura personali, in-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ xogħol korrispondenti għall-grad, eċċ.) ma jistgħux jitqiesu li jidħlu fil-qafas ta’ proċedura kumplessa. Barra minn hekk, jekk jiġi rrikonoxxut li dawn l-atti jistgħu jiġu kkontestati lil hinn mit-terminu normali għall-preżentata tar-rikors, dan ikun kuntrarju għar-rekwiżit ta’ ċertezza legali. B’hekk, billi għal kull att invokat irid jiġi ppreżentat rikors separat, allura hemm lok li jiġu applikati, għal kull wieħed minnhom, il-prinċipji stabbiliti fil-punt 83 biex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrent.

89      Fil-każ preżenti, qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors quddiem it-Tribunal, ir-rikorrent ressaq, fl-1 ta’ Frar 2007, talba għad-danni abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, imbagħad ippreżenta, fit-28 ta’ Awwissu 2007, ilment skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007, liema deċiżjoni kienet ċaħdet it-talba tiegħu għad-danni. Ir-rikorrent għalhekk, qabel ma ppreżenta r-rikors tiegħu quddiem it-Tribunal, segwa l-proċedura prekontenzjuża applikabbli għal talba ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-aġir tal-amministrazzjoni li mhuwiex ta’ natura deċiżjonali.

90      Biex jiġi ddeterminat jekk il-proċedura prekontenzjuża segwita mir-rikorrent kinitx regolari, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-danni, li dwarhom qed jintalab il-kumpens, jirriżultawx jew le minn aġir tal-amministrazzjoni li mhuwiex ta’ natura deċiżjonali. Għal dan il-għan, ir-rikorrent jinvoka erba’ kategoriji ta’ irregolaritajiet: għadd ta’ nuqqasijiet tal-Kummissjoni milli twettaq id-dmir tagħha ta’ assistenza, l-illegalità tad-deċiżjoni għall-ħatra fil-kariga l-ġdida, id-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari, ivvizjati bl-illegalità u aġir ieħor tal-Kummissjoni.

91      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ressaqx talbiet għad-danni abbażi tal-illegalità tad-deċiżjoni għall-irtirar tas-17 ta’ Jannar 2006. L-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà, sottomessa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn it-talbiet u bbażata fuq il-ksur tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaldaqstant hija irrilevanti.

–       Fuq it-talba għad-danni abbażi tan-nuqqas tal-Kummisjoni milli twettaq id-dmir tagħha ta’ assistenza

92      Ir-rikorrent qed jitlob kumpens għad-danni riżultanti min-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ assistenza, abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Biex isostni t-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, l-ewwel nett, l-illeglità tad-deċiżjonijiet espressi meħudin mill-Kummissjoni wara t-talbiet li sarulha għall-assistenza, kif ukoll id-dewmien skorrett tal-Kummissjoni qabel ma ħadet pożizzjoni f’dan ir-rigward u fl-aħħar nett, l-illegalità tan-nuqqas ta’ assistenza spontanja tal-Kummissjoni, wara l-pubblikazzjoni tal-artikli dwaru.

93      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet relatati mal-obbligu ta’ assistenza, il-qrati tal-Unjoni ddeċidew b’mod kostanti li dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju (ara b’mod partikolari, għal dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet espressi li jirrifjutaw li tingħata assistenza, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑1219, punt 32; għal dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet impliċiti li jirrifjutaw li tingħata assistenza, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Novembru 1997, Ronchi vs Il-Kummissjoni, T‑223/95, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑879, punti 25 sa 31; għal dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet ta’ assistenza insuffiċjenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il-Kummissjoni T‑59/92, Ġabra. p. II‑1129, punt 100).

94      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni adottat, fil-perijodu inkwistjoni, diversi deċiżjonijiet espressi relatati ma’ dmirha ta’ assistenza.

95      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent dwar il-passi meħuda wara t-talba tiegħu għall-assistenza tal-11 ta’ Novembru 2002, wara li H.M. Tillack, ġurnalist ma’ rivista Ġermaniża li toħroġ darba fil-ġimgħa, kien bagħat żewġ kwestjonarji lill-Kummissjoni li kienu jqajmu dubji dwar l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tiegħu. Kienet ippreċiżat, minn naħa, li kienet bagħtet lil dan il-ġurnalist tweġiba dettaljata għall-kwestjonarji msemmija iktar ’il fuq, li kienet teħles lir-rikorrent minn kull ħtija u min-naħa l-oħra, li kienet, fuq inizjattiva tagħha, talbet u kisbet, fit-18 ta’ Novembru 2002, id-dritt li twieġeb lill-gazzetta Lussemburgiża Le Quotidien wara l-publikazzjoni ta’ artiklu li kien iqajjem dubji dwar ir-reputazzjoni tar-rikorrent bl-invokazzjoni ta’ allegazzjonijiet simili għal dawk ta’ H.M. Tillack.

96      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet, minn naħa, li ma tilqax it-talbiet il-ġodda għall-assistenza, imressqa fil-15 u l-21 ta’ Lulju mir-rikorrent, wara l-pubblikazzjoni, f’gazzetti differenti Ewropej, ta’ artikli li kienu jsemmuh b’ismu u jimplikawh fi skandlu finanzjarju fi ħdan il-Eurostat u min-naħa l-oħra, li tistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin fil-Eurostat biex eventwalment tintervjeni.

97      Permezz tal-istqarrija għall-istampa tas-27 ta’ Ottubru 2004 fil-Midday Express, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-qafas ta’ dmirha ta’ assistenza, li tagħmel pubblika d-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra r-rikorrent, u dan, wara li kienet kisbet ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-OLAF dwar l-irregolaritajiet attribwiti lilu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, d.M. vs Il-Kunsill u CES, 108/86, Ġabra p. 3933, punt 6; is-sentenza Caronna vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 93 sa 96).

98      Huwa paċifiku li r-rikorrent ma ppreżentax, fit-termini stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għall-annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet differenti, sew jekk kienu deċiżjonijiet impliċiti jew espressi għaċ-ċaħda tal-assistenza, kif ukoll jekk kienu deċiżjonijiet għall-assistenza li huwa qies insuffiċjenti. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-atti li jikkawżaw preġudizzju, kif diġà tfakkar, ir-rikorrent ma jistax iressaq talbiet għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dawn l-atti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 32; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑20/92, Ġabra p. II‑799, punt 46).

99      Għal dak li għandu x’jaqsam, min-naħa l-oħra, mal-allegat dewmien tal-Kummissjoni, biex tiddeċiedi dwar l-obbligu tagħha tal-assistenza u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha, irid jitfakkar li l-qorti Komunitarja tqis li d-dewmien ma jikkostitwixxix, fil-prinċipju, att li jikkawża preġudizzju (ara b’mod partikolari dwar dewmien fit-tħejjija ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Diċembru 1994, Ditterich vs Il-Kummisjoni, T‑79/92, ĠabraSP p. I‑A‑289 u II‑907, punt 66, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il-Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑161 u II‑A‑2‑775, punt 135). Minn dan isegwi li r-rikorrent jista’ jinvoka l-imsemmi dewmien biex isostni t-talbiet tiegħu għall-kumpens, peress li, bħal fil-każ preżenti, il-proċedura prekontenzjuża f’zewġ stadji, stabbilita fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ġiet osservata fir-rigward tagħhom.

100    Barra minn hekk, peress li l-imsemmija talbiet għad-danni, imsejsa fuq l-allegazzjoni tan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu tal-Kummissjoni li tintervjeni fi żmien qasir ħafna, ma għandhomx rabta diretta mal-kontenut tad-deċiżjonijiet espressi, adottati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li r-rikorrent ma kkontestax dawn id-deċiżjonijiet sat-termini, mhuwiex tali li jirrendi dawn it-talbiet għad-danni inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1972, Heinemann vs Il-Kummissjoni, 79/71, Ġabra p. 579, punti 6 u 7; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑27/90, Ġabra p. II‑35, punti 36 sa 38, u tas-6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑21 u II‑A‑2‑131, punti 46 sa 50).

101    Għal dak li għandu x’jaqsam, fl-aħħar nett, man-nuqqas tal-assistenza spontanja tal-Kummissjoni, irid jitfakkar li l-qrati Komunitarji ddeċidew li, fil-prinċipju, huwa l-uffiċjal li jqis li jista’ jinvoka l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu jressaq talba għall-assistenza lill-istituzzjoni kkonċernata. Huma biss ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jobbligaw lill-istituzzjoni li ex officio tipproċedi għal azzjoni ta’ assistenza partikolari, mingħajr it-talba preċedenti tal-uffiċjal ikkonċernat. Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi bħal dawn, in-nuqqas tal-istituzzjoni li tgħin b’mod spontanju lill-uffiċjali u l-aġenti tagħha ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il-Kummissjoni, 229/84, Ġabra p. 1805, punt 20; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra p. II‑3859, punti 100 sa 102; id-digriet tat-Tribunal tal-31 ta’ Mejju 2006, Frankin et vs Il-Kummissjoni, F‑91/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑25 u II‑A‑1‑83, punt 24).

102    Fil-kawża preżenti, m’hemm l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali, invokata mir-rikorrent jew mill-konvenuta, li setgħet tiġġustifika l-intervent spontanju tal-Kummissjoni, wara li kienu dehru fl-istampa, għadd ta’ artikli li jimplikaw lir-rikorrent. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ assistenza spontanja tal-Kummissjoni, wara l-pubblikazzjoni tal-artikli, huwa aġir mhux deċiżjonali li r-rikorrent jista’ jikkontesta fil-qafas ta’ dan ir-rikors għad-danni.

–       Fuq it-talba għad-danni msejsa fuq in-natura illegali tad-deċiżjoni għall-ħatra fil-kariga l-ġdida

103    Ir-rikorrent ressaq talbiet għad-danni biex jiġi kkumpensat għall-iżvaluta professjonali li safa vittma tagħha wara d-deċiżjoni għall-ħatra f’kariga ġdida.

104    Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li anki jekk deċiżjoni għall-ħatra f’kariga ġdida, ma taffetwax l-interessi materjali jew il-grad tal-uffiċjal, tista’, meta wieħed iqis in-natura tal-pożizzjoni inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi, tippreġudika l-interessi morali u l-perspettivi tar-rikorrent għall-ġejjieni, peress li ċerti pożizzjonijiet jistgħu, anki jekk f’grad ugwali, iwasslu iktar minn oħrajn għal promozzjoni, minħabba n-natura tar-responsabbiltajiet eżegwiti. Bilfors taffetwa l-pożizzjoni amministrattiva tal-uffiċjal ikkonċernat, inkwantu din tbiddel il-post u l-kundizzjonijiet tat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll in-natura tagħhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, wieħed ma jistax a priori jqis li miżura bħal din mhix tali li tista’ tikkawża preġudizzju lid-destinatarju tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1973, Kley vs Il-Kummissjoni, 35/72, Ġabra p. 679, punt 4; tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 13; tal-21 ta’ Mejju 1981, Kindermann vs Il-Kummissjoni, 60/80, Ġabra p. 1329, punt 8; tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punt 58; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, Ojha vs Il-Kummissjoni, T‑36/93, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑497, punt 42, u tad-19 ta’ Ġunju 1997, Forcat Icardo vs Il-Kummissjoni, T‑73/96, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑485, punt 16).

105    Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-President tal-Kummissjoni ipproċeda billi ħatar lir-rikorrent f’kariga ġdida. Minn direttur fid-direttorat A tal-Eurostat, fejn kien sa dak iż-żmien, ġie assenjat lid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, bħala konsulent ewlieni, inkarigat minn funzjonijiet speċifiċi fil-qasam tar-riforma amministrativa, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrutturi amministrattivi, mal-“benchmarking” u l-analiżi tal-istatistika relatata mal-“monitoring” tal-proċess tar-riforma, fid-dawl tal-konsegwenzi tat-tkabbir.

106    Din id-deċiżjoni għall-ħatra fil-kariga l-ġdida, jekk wieħed iqis il-bidla fil-kundizzjonijiet tat-twettiq u n-natura tal-funzjonijiet li tinvolvi, affetwat is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u tikkostitwixxi, għalhekk, att li jikkawża preġudizzju.

107    Peress li r-rikorrent ma kkontestax din id-deċiżjoni fit-termini għall-preżentata tar-rikors stabbiliti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax sussegwentement jippreżenta rikors għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn dan l-att, kif tfakkar diversi drabi mill-qorti Komunitarja (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Moat vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 158).

–       Fuq it-talba għall-kumpens imsejsa fuq in-natura illegali tad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari

108    Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiftaħ proċeduri dixxiplinari, hija biss stadju proċedurali preparatorju. Din ma tippreġudikax il-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni u għalhekk ma tistax titqies bħala att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement din tista’ biss tiġi kkontestata b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni dixxiplinari finali, li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2003, Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni, T-166/02, ĠabraSP p. I-A-89 u II-471, punt 37, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II‑1585, punt 340).

109    Uffiċjal li naqas milli jippreżenta, sat-termini stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għall-annullament kontra l-att li kkawżalu preġudizzju, ma jistax, permezz ta’ talba għall-kumpens tad-danni kkawżati minn dan l-att, jirrimedja din l-ommissjoni u jiskatta favur tiegħu termini ġodda għall-preżentata tar-rikors. L-istess jista’ jingħad meta l-ommissjoni tikkonċerna, mhux tant l-att li jikkawża preġudizzju bħala tali, iżda att preparatorju tiegħu, li seta’ jiġi effettivament ikkontestat, b’mod inċidentali, permezz ta’ rikors kontra l-imsemmi att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑547/93, ĠabraSP p. I‑A‑63 u II‑185, punti 174 u 175).

110    Barra minn hekk, ġie wkoll deċiż li deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tagħlaq, mingħajr tkomplija, il-proċeduri dixxiplinari, ma tikkostitwixxix, fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal li fil-konfront tiegħu jinfetħu l-proċeduri, peress li l-parti operattiva ta’ deċiżjoni bħal din ma tistax tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ dak l-uffiċjal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Di Rocco vs CES, T‑8/92, Ġabra p. II‑2653, publikazzjoni f’estratti, punt 27).

111    Jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fit-tliet punti preċedenti li l-proċedura prekontenzjuża applikabbli biex jinkiseb il-kumpens għal dannu riżultanti minn deċiżjoni li jinfetħu proċeduri dixxiplinari, tiddependi min-natura tad-deċiżjoni finali meħuda mill-amminsitrazzjoni.

112    Meta l-proċeduri dixxiplinari li jkunu nbdew jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, l-uffiċjal ma jkunx jista’ jinvoka l-illegalità tad-deċiżjoni li jinfetħu l-imsemmija proċeduri ħlief permezz ta’ kontestazzjoni diretta ppreżentata, sat-termini stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li tikkawża l-preġudizzju, adottata fi tmiem il-proċeduri.

113    Min-naħa l-oħra, meta l-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni dwar l-għeluq mingħajr tkomplija tal-proċeduri dixxiplinari u din id-deċiżjoni ma tikkawżax preġudizzju, biex ir-rikorrent ikun jista’ jikseb kumpens għad-danni riżultanti mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari, għandu preliminarjament josserva l-proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

114    Fil-kawża preżenti, jrriżulta mill-atti tal-proċess li l-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2004, għalqet, mingħajr prosegwiment, il-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent. Huwa paċifiku li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni diretta. Barra minn hekk, ir-rikorrent issodisfa l-proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji, kif diġà tfakkar fil-punt 89. Konsegwentement, ir-rikorrent jista’, fil-qafas tar-rikors preżenti, jitlob il-kumpens għad-dannu li sofra minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari.

–       Fuq l-irregolaritajiet l-oħra invokati biex isostnu t-talba għad-danni

115    Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-danni mġarrba riżultanti, l-ewwel nett, mill-irregolaritajiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-verifika interna eżegwita fi ħdan il-Eurostat wara li H.M. Tillack kien bagħat il-kwestjonarji msemmija iktar ’il fuq, it-tieni nett mill-kxif ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwaru mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u fl-aħħar nett min-nuqqas ta’ assenjazzjoni ta’ xogħol preċiż u konformi mal-kompetenzi tiegħu wara li nħatar fil-kariga l-ġdida. Peress li dan l-aġir huwa nieqes minn karattru deċiżjonali, ir-rikorrent jista’ jinvoka fil-qafas ta’ rikors għad-danni, peress li l-proċedura prekontenzjuża segwita fir-rigward ta’ dan l-aġir kienet regolari.

–       Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba li t-talba għall-kumpens ma tressqitx fi żmien raġonevoli

116    Irid jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li jixtiequ jiksbu kumpens mill-Unjoni għal dannu li attribwixxew lilha, għandhom jippreżentaw talba f’dan is-sens fi żmien raġonevoli, li għandu jibda jiddekorri mill-mument li jsiru jafu dwar is-sitwazzjoni li jkunu qed jilmentaw minnha, għalkemm l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxi l-ebda terminu biex titressaq it-talba (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 65 u 66; id-digriet tat-Tribunal tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑87/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑351 u II‑A‑1‑1915, punt 27, li l-appell minnu qiegħed pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kawża T‑16/09 P).

117    Fil-fatt, iż-żmien raġonevoli għandu jiġi osservat fil-każijiet kollha fejn, meta t-testi ma jgħidu xejn, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ ħarsien tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxu ostaklu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jaġixxu mingħajr l-ebda limitu taż-żmien, bir-riskju, b’mod partikolari, li titpoġġa fil-periklu l-istabbiltà ta’ sitwazzjonijiet legali miksuba. F’każ ta’ azzjonijiet għad-danni li jistgħu jirriżultaw f’obbligu finanzjarju tal-Unjoni, l-osservanza ta’ żmien raġonevoli biex titressaq it-talba għall-kumpens hija mnebbħa wkoll mill-interess biex jitħarsu l-finanzi pubbliċi, li huwa espress b’mod partikolari, għall-azzonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fit-terminu ta’ ħames snin, stabbilit mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal Ġustizzja (sentenza Sanders et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). In-natura raġonevoli taż-żmien għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kwistjoni u l-aġir tal-partijiet inkwistjoni (sentenza Eagle et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

118    Biex jiġi kkalkolat dan iż-żmien, il-qorti Komunitarja tqis li huwa l-kompitu tal-uffiċjal li jressaq it-talba għad-danni quddiem l-istituzzjoni fi żmien raġonevoli, li għandu jibda jiddekorri mill-mument fejn sar jaf bis-sitwazzjoni li minnha (sentenza Eagle et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 65 u 66; is-sentenza tat-Tribunal tal-1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑43 u II‑A‑1‑231, punt 69).

119    Kif intqal fil-punt 89, ir-rikorrent ressaq talba abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal fl-1 ta’ Frar 2007 u ilment abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fit-28 ta’ Awwissu 2007. L-ewwel aġir mhux deċiżjonali tal-Kummissjoni, invokat mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, seħħ f’Novembru 2002 u r-rikorrent sar jaf bih f’Diċembru 2002. Huwa sar jaf bl-aġir l-ieħor mhux deċiżjonali li jilmenta r-rikorrent minnu, fis-snin 2003 u 2004. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, meta wieħed iqis l-importanza tal-kawża u l-kumplessità tal-kwistjoni, li seħħet fuq numru ta’ snin, it-talba għad-danni, li tressqet f’perijodu ta’ anqas minn ħames snin, għandha titqies, fit-totalità tagħha, li tressqet fi żmien raġonevoli.

120    Jirriżulta għalhekk li ma tistax tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà sottomessa mill-Kummissjoni.

–       Fuq l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma, dwar id-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari.

121    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, li permezz tagħha nfetħu l-proċeduri dixxiplinari, peress li din tikkostitwixxi att preparatorju li ma jistax jikkostitwixxi s-suġġett ta’ rikors. Barra minn hekk, ma għandux interess biex jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att peress li l-imsemmija proċedura ngħalqet mingħajr it-tkomplija, permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2004.

122    L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma ma treġġix, peress li r-rikorrent ma ppreżentax rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, iżda rikors partikolari għall-kumpens tad-danni li jirriżultaw minn dan l-att. Barra minn hekk, ir-rikorrent jista’, fil-kawża preżenti, kif intqal fil-punti 107 sa 113, jinvoka l-illegalità ta’ dan l-att preparatorju fil-qafas ta’ rikors għad-danni.

123    It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma kontra d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari lanqas ma tista’ treġġi. Fil-fatt, l-għeluq tal-proċeduri dixxiplinari f’Ottubru 2004, ma kellux l-effett li jħassar b’mod retroattiv il-ħsara li setgħet ġarrbet ir-reputazzjoni tar-rikorrent fil-perijodu kollu li fih baqgħet miftuħa l-proċedura. Konsegwentement, ir-rikorrent għandu interess li fil-qafas ta’ dan ir-rikors, jinvoka l-illegalità tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, li biha nfetħu l-proċeduri dixxiplinari.

 Dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni

1.      Dwar il-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

124    Ir-rikorrent isostni li biex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, trid tiġi ppruvata n-natura illegali tal-aġir tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu mġarrab u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat.

125    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ir-rikorrent ifakkar li l-ġurisprudenza titlob li għandu jiġi stabbilit ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali maħsuba li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi. Għal dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun serju biżżejjed, il-kriterju deċiżiv biex jiġi kkunsidrat jekk dan ir-rekwiżit ġiex sodisfatt jew le huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi tal-istituzzjoni kkonċernata li tħares il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt fis-seħħ jista’ jkun biżżejjed biex tistabilixxi l-eżistenza ta’ ksur serju biżżejjed.

126    Il-Kummissjoni tisħaq hija wkoll li biex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, ir-rikorrent għandu jipprova l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat.

127    Tippreċiża, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel mit-tliet kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’rikors għad-danni, li l-ġurisprudenza titlob li għandu jiġi stabbilit ksur li huwa serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali maħsuba biex tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi. Għal dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun serju biżżejjed, il-kriterju deċiżiv biex jiġi ddeterminat jekk dan ir-rekwiżit ġiex sodisfatt jew le, partikolatment meta l-istituzzjoni kkonċernata għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, huwa dak tal-injorar manifest u gravi ta’ dik l-istituzzjoni tal-limiti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Huwa unikament meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew ineżistenti, li s-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed biex jistabilixxi ksur serju biżżejjed (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 43 u 44, u tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punti 134 sa 136).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

128    Skont ġurisprudenza stabbilita, biex rikors għad-danni mressaq abbażi tal-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE) ikun fondat, iridu jseħħu flimkien għadd ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 52). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom ikun biżżejjed biex jinċaħad ir-rikors għad-danni.

129    Il-Kummissjoni tisħaq li għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza titlob li jiġi stabbilit ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi.

130    Madankollu, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet dan il-mod ta’ raġunament biss fil-kawżi li fihom ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet kienet imsejsa fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 288 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 340 TFUE), u mhux fuq l-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE).

131    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet, meta din titqajjem abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE), tista’ tiġi stabbilita biss abbażi tal-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju (jew ta’ aġir mhux deċiżjonali), u dan mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit jekk jeżistix ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi (ara b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Girardot iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53).

132    Din il-ġurisprudenza ma teskludix l-eżami mill-qorti tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fil-qasam ikkonċernat; għall-kuntrarju, dan il-kriterju huwa parametru essenzjali biex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni jew l-aġir inkwistjoni peress li l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti u l-intensità tiegħu, huma dipendenti fuq kemm tkun wiesgħa l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-amminsitrazzjoni, skont id-dritt applikabbli u l-ħtiġijiet ta’ funzjonament tajjeb imposti fuqha.

133    Konsegwentement, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 127, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fl-atti tagħha ma tapplikax għall-kawżi msejsa fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE). Għaldaqstant, fil-każ preżenti, huwa d-dmir tat-Tribunal li fl-eżami tiegħu biex jistabbilixxi jekk l-ewwel kundizzjoni biex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni ġietx sodisfatta, għandu jeżamina biss jekk l-aġir attribwit lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali li tgawdi l-amministrazzjoni fil-kawża li għandu quddiemu t-Tribunal, jikkostitwixxix ksur tad-dmirijiet amministrattivi (ara b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T-339/03 R, ĠabraSP 2003 p. I-A-297, II-1423, punti 219 u 220, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T-250/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑191 u II‑A‑2‑1251, punt 86).

134    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jintlaqa’ r-raġunament tal-Kummissjoni espost fil-punt 127, għandu jingħad li kull illegalità li ġiet invokata mir-rikorrent, kemm-il darba tkun fondata, tikkostitwixxi ksur serju biżżejjed, ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet legali li ġejjin, li għandhom l-għan li jikkonferixxu drittijiet fuq l-individwi:

–        l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002;

–        ir-Regolament Nru 45/2001;

–        il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

–        il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dritt li wieħed jiġi ttrattat b’mod imparzjali.

2.     Dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

–       Dwar in-nuqqas ta’ intervent spontanju u d-dewmien skorrett tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dover tagħha ta’ assistenza


 L-argumenti tal-partijiet

135    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni għandha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dmir li tassisti lill-uffiċjali li jisfaw fil-mira ta’ attakki min-naħa tal-istampa. Dan l-obbligu jimponi fuq l-amministrazzjoni d-dmir li tintervjeni fi żmien qasir biex tevita li d-dannu mġarrab mill-uffiċjal isir irreparabbli. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kienet tardiva u b’dan l-istess aġir wettqet nuqqas li huwa ta’ natura tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni jmissha aġixxiet fuq l-inizjattiva tagħha, malli ġew ippubblikati l-artikli li kienu jaffetwaw l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tal-uffiċjal tagħha, mingħajr ma kellha tistenna li tintalab li tagħmel dan minn dan tal-aħħar. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni jmissha intervjeniet mill-iktar fis possibbli, peress li t-talbiet għall-assistenza li kienu sarulha kienu mmotivati mill-pubblikazjoni ta’ artikli li kienu inġurjużi. Il-Kummissjoni intervjeniet b’mod insuffiċjenti u tardiv meta saret l-ewwel talba għall-assistenza. Barra minn hekk, it-tweġiba għal din it-talba għall-assistenza waslet għand ir-rikorrent biss snin wara li din kienet ġiet abbozzata. Dwar iż-żewġ talbiet l-oħra għall-assistenza illi saru, il-Kummissjoni ċaħdithom iktar minn tliet xhur wara li tressqulha quddiemha. Fit-tielet lok, l-istqarrija għall-istampa ppubbikata fis-27 ta’ Ottubru 2004, li ppreċiżat b’mod konċiż li l-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent kienu ngħalqu, kienet tardiva u ma kinitx biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-preġudizzju kkawżat lill-integrità u r-reputazzjoni professjonali tal-uffiċjal.

136    Il-Kummissjoni tisħaq li wieġbet fil-ħin u b’mod idoneju għat-talbiet ta’ assistenza mressqa mir-rikorrent abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-ewwel lok, wieġbet spontanjament u mingħajr dewmien għall-kwestjonarji ta’ H.M. Tillack li kienu jakkużaw lir-rikorrent b’favoritiżmu fl-għoti tal-kuntratti fil-Eurostat. Fit-tieni lok, irreaġixxiet b’mod immedjat, wara l-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tar-rivista Stern u fil-gazzetta Le Quotidien, għall-artikli li għamlu allegazzjonijiet ta’ favoritiżmu u “trasferiment dixxiplinari” fil-konfront tar-rikorrent. Barra minn hekk kisbet id-dritt li twieġeb f’din l-aħħar gazzetta u b’hekk setgħet tiċħad pubblikament l-imsemmija allegazzjonijiet. Tfakkar, barra minn hekk, li hija mhix marbuta, skont il-ġurisprudenza, li taġixxi wara l-pubblikazzjoni ta’ kull artiklu li jkun fih allegazzjonijiet inġurjużi fil-konfront ta’ wieħed mill-uffiċjali jew membri tal-persunal tagħha, iżda biss li tassistih b’mod idoneju. Fil-każ preżenti, l-awtorizzazzjoni li ngħata r-rikorrent, biex f’każijiet ta’ attakki simili juża l-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fit-tweġiba ppubblikata fil-gazzetta Le Quotidien, tikkostitwixxi assistenza suffiċjenti. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li ċaħdithom, hija wieġbet b’mod idoneju għat-talbiet għall-assistenza mressqa mir-rikorrent f’Lulju 2003. Fil-fatt, l-istqarrija għall-istampa li ddistingwiet l-istat tar-rikorrent minn dak taż-żewġ diretturi l-oħra tal-Eurostat li kienu fil-mira tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, irriskjat li titfa’ dawl ikrah fuq iż-żewġ uffiċjali l-oħra implikati u li tippreġudika d-dehra tal-Kummissjoni. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2007, ippubblikat fuq inizjattiva tagħha stqarrija għall-istampa fil-Midday Express, fejn għamlet pubbliku l-għeluq tal-proċeduri dixxiplinari miftuħa kontra r-rikorrent.

137    Fis-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li hija ma tistax titqies li kienet tardiva fl-intervent tagħha peress li wieġbet għat-talbiet għall-assistenza fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

138    Kif intqal iktar ’il fuq fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent ma jistax jikkritika l-kontenut tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għat-talbiet għall-assistenza. Għaldaqstant hawnhekk qed jiġu biss eżaminati l-allegazzjonijiet tar-rikorrent relatati mal-aġir mhux deċiżjonali tal-amministrazzjoni, b’mod partikolari d-dewmien biex tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet.

139    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-amministrazzjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri u l-mezzi għall-eżami tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, għandha, f’każ ta’ akkużi gravi u infondati li jolqtu l-integrità professjonali ta’ uffiċjal fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, tiċħad dawn l-akkużi u tieħu l-miżuri kollha biex tistabbilixxi mill-ġdid ir-reputazzjoni inġurjata tal-uffiċjal (ara b’mod partikolari, is-sentenza Caronna vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64, 65 u 92, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-amministrazzjoni għandha tintervjeni bil-qawwa kollha meħtieġa u twieġeb mill-iktar fis possibbli u bil-premura meħtieġa skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il-Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31; tat-28 ta’ Frar 1996, Dimitriadis vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑294/94, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑151, punti 39 u 45, u tas-17 ta’ Marzu 1998, Carraro vs Il-Kummissjoni, T‑183/95, ĠabraSP p. I‑A‑123 u II‑329, punt 33).

140    It-talbiet għall-assistenza mressqa minn uffiċjal minħabba inġurji jew preġudizzju kkawżat lill-integrità jew lir-reputazzjoni professjonali tiegħu mill-istampa, jimplikaw, fil-prinċipju, b’mod partikolari tweġiba mill-iktar fis possibbli min-naħa tal-amministrazzjoni, biex tkun effettiva u tippermetti li l-uffiċjal ma jaqax fir-riskju tad-dekadenza, marbut mat-termini qosra għall-preżentata tar-rikorsi fil-qasam tar-reati tal-istampa quddiem ċerti qrati nazzjonali.

141    Barra minn hekk, il-qorti Komunitarja ddeċidiet li d-dewmien tal-amministrazzjoni biex taġixxi, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, jikkostitwixxi ksur tad-dmirijiet amministrattivi, ta’ natura tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha (dwar dewmien biex jitħejja rapport ta’ evalwazzjoni, ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 1986, Castille vs Il-Kummissjoni, 173/82, 157/83 u 186/84, Ġabra p. 497; is-sentenza Latham vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50; dwar dewmien biex tikkoreġi informazzjoni żbaljata, ara s-sentenza Heinemann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

142    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jrid jiġi eżaminat l-aġir tal-Kummissjoni.

143    B’mod ġenerali, il-Kummissjoni sostniet, fis-seduta, li hija ma kinitx tardiva fl-aġir tagħha, peress li kienet tat deċiżjoni għal kull talba għall-assistenza li ressaq ir-rikorrent u nnotifikat id-deċiżjonijiet tagħha fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

144    F’dan ir-rigward it-Tribunal iqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-għan esklużiv, fin-nuqqas ta’ tweġiba tal-amministrazzjoni għal talba, li mal-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur, jipproduċu deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti, wara li tkun ġiet osservata l-proċedura prekontenzjuża stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal (ara b’mod partikolari s-sentenza Ronchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). Min-naħa l-oħra, għal dak li għandu x’jaqsam mal-implikazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni għal dewmien, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-amministrazzjoni għandha, għad-dispożizzjonijiet tagħha u b’mod ġenerali, erba’ xhur biex taġixxi, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tal-każ. Din l-interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-amministrazzjoni għandha, fin-nuqqas ta’ terminu mandatorju stabbilit espressament, tiddeċiedi fi żmien raġonevoli li għandu jiġi eżaminat għal kull każ skont iċ-ċirkustanzi partikolari (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni, T‑307/01, Ġabra p. II‑1669, punti 48 u 49; is-sentenza tat-Tribunal tal-14 ta’ Frar 2007, Fernández Ortiz vs Il-Kummissjoni, F‑1/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑53 u II‑A‑1‑293, punti 41, 42 u 44).

145    Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni wieġbet għat-talbiet għall-assistenza f’terminu ta’ erba’ xhur mhuwiex tali li jista’ jistabbilixxi, waħdu, li aġixxiet bil-ħeffa u d-diliġenza meħtieġa. Hemm lok għalhekk li jiġi vverifikat, għal kull każ partikolari invokat, jekk l-amministrazzjoni intervenitx fi żmien raġonevoli.

–       Dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tintervjeni spontanjament

146    Kif tfakkar fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, l-amministrazzjoni ma għandhiex, fil-prinċipju, l-obbligu li tipproċedi għal azzjoni partikolari fuq l-inizjattiva tagħha, biex tassisti wieħed mill-uffiċjali tagħha, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza Sommerlatte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22; is-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette iċċitata iktar ’il fuq, punti 101 u 102; id-digriet Frankin et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 24). Fil-każ preżenti, peress li ċirkustanzi bħal dawn la ġew stabbiliti u lanqas allegati, il-Kummissjoni ma kkommettiet l-ebda ksur meta naqset milli taġixxi b’mod spontanju wara li r-rikorrent ġie implikat minn gazzetti differenti Ewropej.

147    Barra minn hekk, irid jiġi nnutat li kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Kummissjoni, wara li ntbagħtu l-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack, li kienu jimplikaw ir-reputazzjoni professjonali tiegħu, interveniet spontanjament u mingħajr dewmien, saħansitra qabel l-ewwel talba għall-assistenza tar-rikorrent li ressaq fil-11 ta’ Novembru 2002, biex tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ favoritiżmu li saru. Fil-fatt, il-Eurostat organizzat, fit-28 u d-29 ta’ Ottubru 2002, laqgħat biex tħejji t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack, tweġibiet li ntbagħtu fil-11 ta’ Novembru 2002.

–       Dwar ir-reazzjoni tal-Kummissjoni wara t-talba għall-assistenza tal-11 ta’ Novembru 2002

148    Ir-rikorrent ressaq talba għall-assistenza wara li H.M. Tillack bagħat lill-Kummissjoni, fil-25 ta’ Ottubru u fis-7 ta’ Novembru 2002, kwestjonarji li kienu jagħtu wieħed x’jifhem b’mod partikolari, li kien iffavorixxa kumpanniji Griegi fl-għoti ta’ kuntratti mill-Eurostat. Fit-13 ta’ Novembru 2002, H.M. Tillack ippubblika artiklu fuq is-sit tal-internet tar-rivista Stern, fejn tenna l-biċċa l-kbira tal-allegazzjonijiet ta’ favoritiżmu msemmija iktar ’il fuq u fejn qajjem dubji direttament dwar l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tar-rikorrent. Fl-14 u l-20 ta’ Novembru 2002, ġew ippubblikati artikli, fil-gazzetti Le Quotidien u L’Investigateur rispettivament, li kienu jagħmlu allegazzjonijiet tal-istess natura u li kienu jippreċiżaw, barra minn hekk, li r-rikorrent “tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu”.

149    Il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack fil-11 ta’ Novembru 2002. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2002, talbet id-dritt li twieġeb lill-gazzetta Le Quotidien, li aċċettat fit-18 ta’ Novembru 2002. Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni interveniet fi ftit jiem, it-Tribunal iqis li l-amministrazzjoni agixxiet bil-ħeffa meħtieġa.

150    Anki jekk jidher li hija ħasra li l-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri kollha li kienet titlob is-sitwazzjoni, b’mod partikolari meta naqset milli tirreaġixxi għall-artikli ppubblikati fuq is-sit tal-internet tar-rivista Stern u fil-gazzetta L’Investigateur, dan in-nuqqas ta’ reazzjoni, li għandu jiġi analizzat bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda għall-assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ronchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 31), ma jistax, kif tfakkar fil-punt [83], jiġi kkontestat fil-qafas ta’ dan ir-rikors għad-danni, peress li ma ġiex ikkontestat permezz ta’ rikors għal annullament fit-terminu stabbilit mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

151    Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni m’aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa meta informat lir-rikorrent, dwar il-passi li qieset utli li tieħu wara t-talba li kienet tressqitilha għall-assistenza biss permezz tal-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2002. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, peress li l-Kummissjoni ħadet iktar minn xahar biex twieġeb għat-talba għall-assistenza, kienet tardiva fl-indikazzjoni tagħha lir-rikorrent li ma kellhiex l-intenzjoni li tmur lil hinn mill-miżuri li kienet diġà adottat, meta din il-pożizzjoni kienet tikkostitwixxi element importanti biex tippermetti jekk meħtieġ lir-rikorrent jaġixxi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, kontra l-organi tal-istampa msemmija.

152    Dan id-dewmien skorrett huwa tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-amministrazzjoni.

–       Dwar ir-reazzjoni tal-Kummissjoni wara t-talbiet għall-assistenza tal-15 u l-21 ta’ Lulju 2003

153    Ir-rikorrent ressaq it-talbiet għall-assistenza fil-15 u l-21 ta’ Lulju 2003, minn naħa, wara l-pubblikazzjoni fil-Financial Times u Le Monde, fl-10 u l-11 ta’ Lulju 2003, tal-artikli li tefgħu dawl fuq l-eżistenza ta’ skandlu finanzjarju serju fil-Eurostat u, min-naħa l-oħra, wara li nbdew, f’dan il-kuntest, il-proċeduri dixxiplinari fil-konfront tiegħu, kif ukoll fil-konfront ta’ direttur ieħor u tad-direttur ġenerali tal-Eurostat.

154    Il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar dawn it-talbiet għall-assistenza biss fl-1 ta’ Ottubru 2003. Fid-dawl tan-natura tat-talbiet għall-assistenza mressqa, relatati mar-riskju tal-inġurja u l-preġudizzju għall-unur u r-reputazzjoni professjonali tal-uffiċjal, it-Tribunal iqis li l-amministrazzjoni, peress li ħadet iktar minn xahrejn biex tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet, naqset milli taġixxi bid-diliġenza meħtieġa fir-rigward (ara l-punt 140 ta’ din is-sentenza) u kkomettiet nuqqas li huwa tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

–       Dwar l-istqarrija għall-istampa tas-27 ta’ Ottubru 2004

155    Huwa paċifiku li l-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa fejn tat informazzjoni dwar l-għeluq tal-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra r-rikorrent l-għada tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-miżura ta’ pubbliċità li kellha l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid l-integrità tar-rikorrent, ittieħdet mingħajr dewmien. Anki jekk kien ikun aħjar li kieku l-Kummissjoni ħadet mizuri ta’ pubbliċità iktar sostanzjali, din id-deċiżjoni ta’ assistenza insuffiċjenti ma tistax, fil-qafas ta’ dan ir-rikors, tiġi kkontestata, kif ġie ppreċiżat fil-punti 93 u 98 ta’ dan ir-rikors.

156    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar kmieni, li billi l-Kummissjoni informat lir-rikorrent dwar il-passi li kienet ħadet fir-rigward tal-ewwel talba tiegħu għall-assistenza b’mod tardiv u billi naqset milli twieġeb fi żmien raġonevoli għat-talbiet ta’ assistenza mressqa f’2003, hija kkommettiet nuqqasijiet li kienu ta’ natura tali li jagħtu lok għar-responsabbiltà tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi Caronna vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99, u Ronchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

 Dwar il-kxif ta’ informazzjoni kunfidenzjali

 L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-rikorrent isostni li l-kxif tal-informazzjoni kunfidenzjali li kkonċernatu seħħ darbtejn. L-ewwel kxif ta’ informazzjoni, relatat mad-deċiżjoni ppjanata fir-rigward tiegħu, biex jinħatar f’kariga ġdida mad-direttur tal-Eurostat, seħħ f’Novembru 2002. Xi artikli rrapportaw li nħatar bħala konsulent ewlieni tad-direttur ġenerali tal-Eurostat, meta fil-fatt kien inħatar bħala konsulent ewlieni fid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”. It-tieni kxif ta’ informazzjoni li kien jikkonċerna d-deċiżjoni biex jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari seħħ f’Lulju 2003. Xi artikli tal-istampa internazzjonali rraportaw, b’mod żbaljat, li r-rikorrent kien involut fl-iskandlu finanzjarju tal-impriża Planistat. Dan il-kxif tal-informazzjoni seta’ ġie biss mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan il-kxif, fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni personali żvelata, kien imur kontra l-Artikolu 2(b), tar-Regolament Nru 45/2001.

158    Il-Kummissjoni tisħaq, fl-ewwel lok li r-rikorrent ma rnexxilux jipprova li l-informazzjoni fl-artikli oriġinat minn kxif tal-informazzjoni min-naħa tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-imsemmija artikli bl-ebda mod ma jirreferu għas-sorsi tagħhom. Fit-tieni lok, tqis fi kwalunkwe każ, li l-kxif tal-informazzjoni ma jikkostitwixxix ksur serju tad-dritt Komunitarju ta’ natura tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-amministrazzjoni. Fit-tielet lok, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel kxif tal-informazzjoni allegat, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni maħruġa ma ppreġudikatx ir-reputazzjoni tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

159    Ir-rikorrent jinvoka biss, fis-sottomissjonijiet tiegħu u fis-seduta, il-kxif ta’ informazzjoni ta’ natura personali mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li seħħ darbtejn, f’Novembru 2002 u f’Lulju 2003. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jinvokax, biex isostni t-talbiet tiegħu għad-danni, il-kxif tal-informazzjoni ta’ natura personali li tikkonċernah li seta’ seħħ fil-pubblikazzjoni tal-istqarrijiet għall-istampa maħruġa mill-Kummissjoni.

160    Preliminarjament, irid jitfakkar li ġie deċiż li l-kxif irregolari ta’ informazzjoni ta’ natura personali jikkostitwixxi l-ipproċessar ta’ infomazzjoni ta’ natura personali li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T-259/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 208).

161    Barra minn hekk, it-Tribunal ifakkar li huwa d-dmir tar-rikorrent, fil-qafas ta’ rikors għad-danni, li jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni inkwistjoni huma sodisfatti. Għaldaqstant, fil-każ preżenti, ir-rikorrent għandu, fil-prinċipju, jistabbilixxi li l-informazzjoni li tikkonċernah, li ġiet ippubblikata fl-istampa, tirriżulta minn kxif attribwibbli lill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Nikolaou vs Il-Kummissjoni, punt 141, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 182). Din ir-regola tista’ madankollu titrattab meta l-fatt li jkun ta lok għad-danni seta’ ġie pprovokat minn diversi kawżi differenti u meta l-istituzzjoni Komunitarja ma ġġib l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit għal liema minn dawn il-kawżi dan il-fatt huwa attribwibbli, għalkemm hija kienet fl-aqwa pożizzjoni biex iġġib provi f’dan ir-rigward, b’mod li l-inċertezza li tirriżulta jkollha tiġi attribwita lilha (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 183).

162    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li trid tiġi eżaminata l-eżistenza tal-kxif tal-informazzjoni allegat mir-rikorrent.

163    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li seħħ kxif ta’ informazzjoni ta’ natura personali, jiġifieri l-kxif mhux awtorizzat tad-deċiżjoni ppjanata biex jinħatar bħala konsulent speċjali mad-direttur tal-Eurostat, li fil-frattemp ġiet skartata, peress li din l-informazzjoni ġiet ippubblikata f’artiklu li deher fil-gazzetta Lussemburgiża Le Quotidien fl-14 ta’ Novembru 2002.

164    Madankollu, irid jitfakkar li fit-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa li fiha ġiet irraportata l-ħatra f’karigi ġodda ta’ ċertu numru ta’ diretturi tal-Eurostat. F’din l-istqarrija għall-istampa kien ġie ppreċiżat uffiċjalment, anki jekk b’mod żbaljat, li r-rikorrent kien inħatar f’kariga ġdida fi ħdan id-dipartimenti tal-Eurostat. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-kontenut ta’ din l-istqarrija għall-istampa uffiċjali, ma jidhirx li l-informazzjoni ppubblikata fl-14 ta’ Novembru 2002 fil-gazzetta Lussemburgiża Le Quotidien, oriġinat minn kxif ta’ informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni.

165    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dan il-kxif seħħ, ir-rikorrent ma stabbilixxiex ir-rabta kawżali bejn dan il-kxif u d-dannu li qed jinvoka. Fil-fatt, il-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni, li qed jiġi allegat, ma jirriżultax mill-kxif fih inniffsu, iżda mill-koeżistenza tad-deċiżjoni meħuda dwar il-ħatra f’kariga ġdida, tal-pubbliċità uffiċjali li ngħatat lil din id-deċiżjoni u tal-pubblikazzjoni ta’ artiklu ta’ H.M. Tillack li kien b’mod partikolari jimplika lir-rikorrent.

166    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jisħaq li l-kxif ġdid irregolari ta’ informazzjoni ta’ natura personali f’Lulju 2003 sar mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u diversi artikli, b’mod partikolari l-artiklu ppubblikat fl-10 ta’ Lulju 2003 fil-gazzetta The Financial Times, ippreċiżaw li l-Kummissjoni kienet fetħet proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent u li dan kien involut fl-iskandlu finanzjarju marbut mal-impriża Planistat.

167    Il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa fid-9 ta’ Lulju 2003 fejn ippreċiżat b’mod partikolari li kienet fetħet proċeduri dixxiplinari kontra tliet uffiċjali, li kienet issospendiet, sakemm jibqgħu għaddejjin l-investigazzjonijiet, il-kuntratti konklużi bejn Eurostat u l-impriża Planistat, konsulent fl-ekonomija u l-istatistika, u li żewġ rapporti mħejjija mid-dipartimenti tagħha kienu diġà ppermettew li jiġi stabbilit ksur serju tar-regolament finanzjarju tal-Eurostat.

168    Jidher, madankollu, meta wieħed jaqra din l-istqarrija għall-istampa, li la kien hemm l-isem tar-rikorrent u lanqas xi element ieħor li seta’ jippermetti li jiġi identifikat bħala wieħed mill-uffiċjali li kien fil-mira tal-proċeduri dixxiplinari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li isem ir-rikorrent ġie ċċitat fl-artiklu tal-Financial Times ma setax jirriżulta ħlief minn kxif mhux awtorizzat tal-informazzjoni. Barra minn hekk, dan il-kxif seta’ joriġina biss mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, peress li hija kienet l-unika amministrazzjoni li quddiemha nġabet din il-kwistjoni u r-rikorrent ma kellu l-ebda interess li jikxef lill-istampa din it-tip ta’ informazzjoni.

169    Ċertament, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma stabbilixxiex formalment li kienu d-dipartimenti tagħha li kixfu b’mod irregolari l-isem tar-rikorrrent. Madankollu, skont il-prinċipji mfakkra fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni bħal din fejn teżisti l-inċertezza, l-oneru tal-prova ma jkunx fuq ir-rikorrrent, iżda fuq l-istituzzjoni konvenuta.

170    Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li kien hemm ġurnalisti li wara li qraw l-istqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Lulju 2003, setgħu waħedhom jiddeduċu l-isem tar-rikorrent permezz ta’ tiftix sempliċi fuq l-internet, dawn l-allegazzjonijiet impreċiżi ma jeħilsux lill-Kummissjoni milli titqies li l-kxif irregolari ta’ isem ir-rikorrent kien joriġina minnha. Fil-fatt, irid jiġi nnutat li l-artiklu tal-Financial Times ġie ppubblikat immedjatament wara l-istqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Lulju 2003 u jirreferi b’asserzjoni għall-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent. Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li l-Financial Times kienet tagħmel parti mill-organi tal-istampa li, xi sena qabel, kienu rraportaw, wieħed wara l-ieħor, dwar suspetti ta’ favoritiżmu ta’ impriżi Griegi, attribwiti lir-rikorrent.

171    Għaldaqstant, meta kixfet b’mod irregolari l-isem tar-rikorrent bħala wieħed mill-uffiċjali suġġetti għal proċeduri dixxiplinari, il-Kumissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. Dan in-nuqqas huwa tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

 Dwar ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat

 L-argumenti tal-partijiet

172    Ir-rikorrent isostni li d-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat wettaq numru ta’ nuqqasijiet fit-tħejjija tar-rapport tiegħu. Fl-ewwel lok, din l-verifika interna twettqet bi ksur tar-regoli tal-verifika. Id-direttur tal-Eurostat ma ddelegax speċifikament lid-dipartiment tal-verifika interna d-dmir li jwettaq rapport, wara li saru l-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack.

173    Fit-tieni lok, ir-rapport huwa vvizzjat b’parzjalità u ma josservax il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. D., awtriċi ta’ dan ir-rapport, allegatament kienet ippreġudikata kontra r-rikorrent u xtaqet, sa mill-ftuħ tal-verifika interna, tħejji rapport kontrih. Dan in-nuqqas ta’ imparzjalità huwa wkoll ikkaratterizzat mir-reazzjoni ta’ D. għall-kummenti tar-rikorrent dwar l-abbozz tar-rapport tal-verifika.

174    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tal-amministrazzjoni tajba, meta ma semgħetx lir-rikorrent qabel ma tħejjiet il-verżjoni finali tar-rapport u meta ma kkunsidratx il-kummenti tiegħu bil-miktub mibgħuta bil-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Ġunju 2003.

175    Il-Kummissjoni tfakkar, preliminarjament, li r-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat inkwistjoni jikkostitwixxi rapport ta’ verifika u mhux rapport li sar sussegwentement għal investigazzjoni amministrattiva. Konsegwentement, l-amministrazzjoni ma ntrabtitx li ssegwi r-regolamenti dwar l-investigazzjonijiet amministrattivi, bħad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002 dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari.

176    Il-Kummissjoni tisħaq ukoll li r-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat tħejja skont ir-regoli fis-seħħ.

177    Fl-ewwel lok, il-verifika interna ġiet ordnata espressament mid-direttur ġenerali tal-Eurostat, kif jirriżulta barra minn hekk, mid-dokument intitolat “Kronoloġija tal-azzjonijiet/avveniment tal-verifika fuq l-għoti tal-kuntratti fil-qafas tal-programm Supcom 1995-1998”, li jippreċiża li “Y. Franchet jitlob lill-verifika interna tapprofondixxi ċerti mistoqsijiet”.

178    Fit-tieni lok, id-drittijiet tad-difiża ġew osservati, peress li r-rikorrent kiseb kopja tal-abbozz tar-rapport tal-verifika interna, skont id-dispożizzjonijiet tal-karta tal-verifika tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat tas-17 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem “il-karta tal-verifika”), u tqiegħed f’pożizzjoni li seta’ jagħmel il-kummenti tiegħu fir-rigward. Fl-aħħar nett, id-dipartiment tal-verifika interna analizza l-kummenti magħmula mir-rikorrent. Il-fatt li r-rikorrent ma nstemax qabel ma ġiet iffinalizzata l-verifika interna, mhux ta’ natura tali li jistabbilixxi li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża, peress li l-ebda dispożizzjoni legali jew regolamentari jew prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju ma jimponi obbligu bħal dan.

179    Fit-tielet lok, ir-rapport tal-verifika interna la huwa parzjali u lanqas ma jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt meta wieħed jaqra dan ir-rapport, jinduna li ġie abbozzat b’mod newtrali u ma kellux l-għan li jistabbilixxi jekk ir-rikorrent kienx wettaq atti illeċiti, iżda sempliċement li jevalwa b’mod ġenerali r-riskji li ġabu magħhom l-akkużi kontra l-Eurostat u wieħed mill-uffiċjali tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

180    Fl-ewwel lok, it-Tribunal iqis li fid-dawl, minn naħa, tat-termini espliċiti użati fl-abbozz tar-rapport u fir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat u, min-naħa l-oħra, tal-proċedura segwita, l-amministrazzjoni, kif issostni, ipproċediet għal verifika interna u mhux għal investigazzjoni amminsitrattiva. L-IDOC barra minn hekk bl-ebda mod ma ħa sehem fit-twettiq ta’ din il-verifika. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jinvoka ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002 biex jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

181    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li r-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat huwa irregolari peress li d-direttur ġenerali tal-Eurostat ma talabx bil-miktub lid-dipartiment tal-verifika interna biex iwettaq din l-istess verifika.

182    Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lanqas il-karta tal-verifika, ma timponi fuq id-direttur ġenerali tal-Eurostat li t-talba għat-twettiq tal-verifika mid-dipartiment tal-verifika interna tkun bil-miktub. Barra minn hekk, jirriżulta mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari mid-dokument “Kronoloġija tal-azzjonijiet/avvenimenti tal-verifika dwar l-għoti tal-kuntratti fil-qafas tal-programm Supcom 1995-1998”, li kien id-direttur ġenerali tal-Eurostat li kien ta bidu għall-verifika inkwistjoni. Fl-affidavit tiegħu, prodott bħala anness mar-replika, Y. Franchet, ex direttur ġenerali tal-Eurostat, jikkonferma, barra minn hekk, li jiftakar li “talab lil D. biex teżamina jekk il-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack kellhomx bażi serja”. Ċertament, il-Kummissjoni ma setgħetx tispjega fis-seduta, abbażi ta’ liema deċiżjoni l-verifika, li kienet twaqqfet għal diversi xhur, reġgħet inbdiet fil-21 ta’ Mejju 2003, permezz tal-fatt li l-abbozz tar-rapport tal-verifika ntbagħat lir-rikorrent. Madankollu, id-direttur ġenerali l-ġdid, li nħatar preċiżament fil-21 ta’ Mejju 2003, kellu bħala għan prijoritarju li jitfa’ dawl fuq l-insuffiċjenzi li kienu eżistenti fil-funzjonament tal-Eurostat. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jidhirx li l-verifika reġgħet inbdiet irregolarment fuq l-inizjattiva esklużiva ta’ D. L-ilment għandu għaldaqstant jinċaħad.

183    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jisħaq li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza nkiser fil-proċedura tat-tħejjija tar-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat.

184    Irid jitfakkar li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta partikolament mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Roma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tifforma parti mid-drittijiet fundamentali, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 6(2) UE, huma rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T‑193/04, Ġabra p. II‑3995, punt 121, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 209).

185    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB jirregola l-proċeduri kriminali kollha, independentement mill-eżitu tal-proċeduri, u mhux biss l-eżami tal-fondatezza tal-akkuża. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lil kull persuna li ma tiġix implikata jew trattata bħala ħatja għal reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha mill-qorti. Għalhekk, din titlob b’mod partikolari, li fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri ta’ qorti partikolari ma jitilqux minn qabel bl-idea li l-imputat wettaq l-att li jkun qed jiġi akkużat bih. Id-dikjarazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet li jirriflettu s-sentiment ta’ ħtija tal-persuna, li jinċitaw lill-pubbliku jemmen fil-ħtija tagħha jew li jippreġudikaw il-kunsiderazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti, imorru kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea D. B., sentenza Allenet de Ribemont vs Franza, tal-10 ta’ Frar 1995, serje A Nru 308, § 38 sa 41; Daktaras vs Il-Litwanja tal-10 ta’ Ottubru 2000, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet, 2000‑X, § 44, u Pandy vs Il-Belġju tal-21 ta’ Settembru 2006, Nru 13583/02, § 41-42).

186    Madankollu, fil-każ preżenti huwa paċifiku li l-ebda proċedura penali ma ttieħdet kontra r-rikorrent.

187    Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni kemm il-darba taw sentenzi fis-sens li l-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jistax jiġi invokat b’suċċess fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva jew dixxiplinara, peress li l-istituzzjoni li tieħu din il-proċedura ma tistax tikkwalifika bħala “qorti”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6 (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 1998, N vs Il-Kummissjoni, C‑252/97 P, Ġabra p. I‑4871, punt 52; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 1991, de Compte vs Il-Parlament, T‑26/89, Ġabra p. II‑781, punt 94, u tal-15 ta’ Mejju 1997, N vs Il-Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punt 95; is-sentenza tat-Tribunal tat-8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il-Kummissjoni, F‑40/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑337 u II‑A‑1‑1859, punti 125 sa 127 u li għadha pendenti fl-appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kawża T‑17/08 P).

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur, fil-proċedura tal-verifika interna, tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, huwa irrilevanti, peress li d-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat ma jikkostitwixxix “qorti” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6.

189    Jibqa’ l-fatt madankollu li l-prinċipju ta’ imparzjalità jimponi fuq awtorità amministrattiva, meta twettaq verifika, l-obbligu li ma jkollhiex preġudizzji fir-rigward ta’ dak li tkun qed tivverifika. Din l-awtorità tista’ biss tinqata’ minn din l-attitudni wara li tkun stabbilixxiet l-ineffiċjenzi fil-funzjonament li tkun ikkonstatat (ara, b’analoġija, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, is-sentenza Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

190    Fil-każ preżenti, ir-rikorrent isostni li D. kellha, sa mill-bidu tal-verifika, preġudizzji dwar il-kontenut tal-konklużjonijiet tar-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat.

191    Fl-ewwel lok, it-Tribunal iqis li l-fatt tal-użu esklużiv tal-mistoqsijiet tal-ġurnalist Ġermaniż H.M. Tillack biex tiddefinixxi l-portata tal-verifika interna jew li r-rapport tal-verifika interna qajjem ċerti dubji dwar it-tweġibiet li l-Kummissjoni kienet tat għall-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack, mhuwiex biżżejjed biex jistabbilixxi n-nuqqas ta’ imparżjalità tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat fir-rigward tar-rikorrent. Minn naħa, kif ġie ppreċiżat fil-punt 182 ta’ din is-sentenza, kien fuq talba tad-direttur ġenerali u mhux fuq l-inizjattiva ta’ D. li l-verifika ġiet limitata għall-mistoqsijiet magħmula minn H.M. Tillack. Min-naħa l-oħra, peress li t-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet ta’ H.M. Tillack inkitbu f’data partikolari, l-informazzjoni misjuba f’dawn it-tweġibiet setgħet ġiet emendata jew irranġata wara li saru l-investigazzjonijiet kumplimentari mwettqa mid-dipartiment tal-verifika interna.

192    Fit-tieni lok, huwa minnu li, minn naħa, D informat lid-direttur ġenerali l-ġdid li, fl-opinjoni tagħha, il-kummenti tar-rikorrent dwar l-abbozz tar-rapport tal-verifika interna ma kinux xierqa, u min-naħa l-oħra, waqqfet l-abbozz tat-tweġiba għall-kummenti tar-rikorrent imħejjija mit-tim tal-verifika. Madankollu, dan l-aġir, anki jekk juri ġudizzju suġġettiv, ma jippruvax il-parzjalità ta’ D., li baqgħet fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, bħala kap tal-verifika interna. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jinċaħad ukoll.

193    Dwar l-ilment li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi, irid jitfakkar li dan il-prinċipju huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra p. 1095, punt 48). Id-dritt li wieħed jitlob il-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi l-konkorrenza ta’ tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tingħata, mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, konfermi preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, maħruġa minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 106 u 107). It-tieni nett, dawn il-konfermi għandhom ikunu ta’ natura tali li joħolqu aspettattiva leġittima f’moħħ il-persuna li jkunu ndirizzati lilha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑3/92, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑83, punt 58; tas-27 ta’ Frar 1996, Galtieri vs Il-Parlament, T‑235/94, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑129, punti 63 u 64, u tas-17 ta’ Frar 1998, Maccaferri vs Il-Kummissjoni, T‑56/96, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑133, punt 54). It-tielet nett, il-konfermi mogħtija għandhom ikunu konformi man-normi applikabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 162/84, Ġabra p. 481, punt 6; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il-Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 28).

194    Il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba jeħtieġ li meta l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni tal-uffiċjal, tqis l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’hekk jitqis mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 42; is-sentenza tat-Tribunal tat-13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni, F-28/06, ĠabraSP 2006 p. I-A-1-119, II-A-1-451, punt 150).

195    F’dan il-każ, ma hemm l-ebda dispożizzjoni jew prinċipju tad-dritt Ewropew li jimponu fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tipproċedi għas-smigħ tal-uffiċjal qabel ma tiffinalizza r-rapport dwaru tal-verifika interna. Il-punt 4.2.4 tal-karta tal-verifika jistabbilixxi sempliċement l-obbligu tad-dipartiment tal-verifika li jippermetti lil persuna, li l-għemil tagħha jkun is-suġġett tal-verifika, li tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-abbozz tar-rapport. Jirriżulta mill-ittra ta’ D. tat-12 ta’ Ġunju 2003 u mill-kummenti tar-rikorrent tal-24 ta’ Ġunju 2003, li dan l-obbligu ġie sodisfatt. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistabilixxix li l-amministrazzjoni tagħtu l-konfermi preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti dwar is-smigħ tiegħu, qabel il-finalizzazzjoni tar-rapport tal-verifika interna. Għaldaqstant, peress li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed ikun jista’ jinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi ma ġietx sodisfatta, il-motiv dwar il-ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jintlaqa’ fi kwalunkwe każ.

196    Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrent ma bbenifikax minn laqgħa formali qabel ma r-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna ġie stabbilit definittivament, mhux ta’ natura tali li jistabbilixxi l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, l-amministrazzjoni kienet f’pożizzjoni li tqis l-interess tar-rikorrent, peress li huwa paċifiku li r-rikorrent kien ingħata l-opportunità jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport.

 Dwar id-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari

 L-argumenti tar-rikorrent

197    Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-proċedura li segwiet il-Kummissjoni biex tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari fil-konfront tiegħu hija irregolari. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, biex tibda din il-proċedura, fuq l-investigazzjoni amministrattiva mwettqa mill-IDOC, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002, iżda biss fuq ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat u fuq ir-rapport intermedjarju tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-garanziji proċedurali li tagħti d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002, bħad-dritt li wieħed jinstema’ qabel ma jitfassal ir-rapport finali, ma ġewx osservati. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni kisret ukoll il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża meta naqset milli tisma’ lir-rikorrent qabel ma fetħet il-proċeduri dixxiplinari fil-konfront tiegħu.

198    Ir-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba meta ddeċidiet li tibda l-proċeduri dixxiplinari kontrih. Minn naħa, ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat u r-rapport intermedjarju tad-dipartiment tal-verifika tal-Kummissjoni, li bbażat ruħha fuqhom il-Kummisjoni, ma setgħux jippermettulha legalment li tibda proċedura bħal din, peress li dawn ir-rapporti ma tħejjewx serjament, ma jippruvawx dak li jallegaw, ma jirrispettawx id-drittijiet tad-difiża u fihom ħafna informazzjoni żbaljata u mhux preċiża. Min-naħa l-oħra, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jirriżulta wkoll min-natura mgħaġla tad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari, li ġiet adottata fi żmien għaxart ijiem.

199    Il-Kummissjoni tisħaq li d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari tad-9 ta’ Lulju 2003 ttieħdet b’osservanza stretta tar-regoli Komunitraji applikabbli.

200    Tqis, fl-ewwel lok, li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni legali jew regolamentari li timponi fuqha l-obbligu li tipproċedi għal investigazzjoni amministrattiva qabel ma tibda l-proċeduri dixxiplinari kontra wieħed mill-uffiċjali tagħha. Hija fil-libertà li tibda proċeduri dixxiplinari kemm-il darba għandha f’idejha l-elementi biżżejjed li jikkaratterizzaw in-nuqqas dixxiplinari. Tfakkar, f’dan ir-rigward, li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward, skont l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha. Fil-każ preżenti, meta wieħed iqis il-kontenut tar-rapporti msemmija iktar ’il fuq, setgħet, mingħajr ma tkun wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiddeċiedi li tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari inkwistjoni.

201    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li timponi fuqha l-obbligu li tisma’ lil uffiċjal qabel ma tittieħed, fil-konfront tiegħu, deċiżjoni li jinfetħu proċeduri dixxiplinari. L-ewwel nett, l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi sempliċement li l-uffiċjal għandu jinstema’, jew qabel ma l-Awtorità tal-Ħatra tagħtih twissija bil-miktub jew ċanfira, jew qabel ma l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li tiftaħ każ quddiem il-Bord tad-dixxiplina. Barra minn hekk, il-prinċipju fundamentali tad-dritt li wieħed jinstema’, ma jobbligax lill-Kummissjoni li tisma’ lil uffiċjal, ħlief meta d-deċiżjoni li tkun ser tittieħed fil-konfront tiegħu x’aktrax li tkun ser tikkawżalu preġudizzju. Peress li d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari mhix waħda li tikkawża preġudizzju, dan il-prinċipju fundamentali ma japplikax fil-każ preżenti. Fl-aħħar nett, peress li l-proċeduri dixxiplinari mhumiex proċeduri ġudizzjarji, l-Artikolu 6 tal-KEDB, ma jistax jiġi invokat b’suċċess biex ir-rikorrent isostni li kellu jinstema’ qabel il-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari.

202    Il-Kummissjoni tisħaq, fit-tielet lok, li ma kkommettietx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta fetħet il-proċeduri dixxiplinari inkwistjoni, peress li r-rapport tal-verifika interna tal-Eurostat u r-rapport intermedjarju tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni, li ma kisrux il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, setgħu leġittimament jagħtu wieħed x’jifhem li r-rikorrent kien wettaq nuqqasijiet dixxiplinari.

  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

203    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari hija vvizzjata b’difett proċedurali, peress li l-Kummissjoni ma pproċedietx preliminarjament għal investigazzjoni amministrattiva u ma osservatx id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002 dwar l-investigazzjonijiet amministrattivi.

204    Madankollu, la l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponu l-obbligu li titwettaq investigazzjoni amministrattiva qabel ma l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċeduri dixxiplinari.

205    Ċertament, id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002, li stabbilixxiet l-IDOC, tiddefinixxi ċertu numru ta’ regoli li għandhom jiġu osservati f’każ li titwettaq investigazzjoni amministrattiva bħala tħejjija għall-proċeduri dixxiplinari. Madankollu, ma hemm l-ebda dispożizzjoni f’din id-deċiżjoni li timponi espressament l-obbligu li ssir investigazzjoni amministrattiva qabel ma jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni li l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva hija biss fakultà mħollija f’idejn id-direttur ġenerali tal-persunal u l-amministrazzjoni, biex jintefa’ dawl fuq il-fatti li jistgħu jiġu attribwiti lil uffiċjal.

206    Barra minn hekk, peress li deċiżjoni li jinfetħu proċeduri dixxiplinari ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, il-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat b’suċċess mir-rikorrent biex jikkritika l-fatt li ma nstemax qabel ma l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari fil-konfront tiegħu (sentenzi Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, kif ukoll Franchet u Byk vs Il-Kummisjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 367).

207    Konsegwentement, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni amministrattiva qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja ma jikkostitwixxix difett proċedurali jew ksur tal-prinċipju tal-osservazna tad-dritijiet tad-difiża li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-amministrazzjoni.

208    Fit-tieni lok, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ilment ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, irid jitfakkar li l-għan ta’ deċiżjoni li twassal għall-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ uffiċjal huwa li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra teżamina l-veraċità u l-gravità tal-fatti attribwiti lill-uffiċjal ikkonċernat u li tisimgħu fir-rigward, skont l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal, biex tifforma opinjoni, minn naħa, dwar il-mument meta jkun opportun jew li jingħalqu, mingħajr tkomplija, il-proċeduri dixxiplinari, jew inkella li tadotta piena dixxiplinari fil-konfront tal-uffiċjal u min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, li tifforma opinjoni dwar jekk għandhiex tibagħtu, qabel l-adozzjoni ta’ din il-piena, quddiem il-Bord tad-dixxiplina skont il-proċedura stabbilita fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2005 Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑203/03, ĠabraSP p. I‑A‑279 u II‑1287, punt 41).

209    Deċiżjoni bħal din bil-fors li timplika, min-naħa tal-istituzzjoni, kunsiderazzjonijiet delikati, meta jitqiesu l-konsegwenzi serji u irrevokabbli li jistgħu jirriżultaw minnha. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-eżami tal-eżattezza materjali tal-elementi kkunsidrati mill-amministrazzjoni biex tiftaħ il-proċeduri, tan-nuqqas ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti attribwiti u tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, b’analoġija, dwar piena dixxiplinari, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Mejju 2000, Tzikis vs Il-Kummissjoni, T‑203/98, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑393, punt 50, u N vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 125; dwar kawżi miġjuba quddiem l-OLAF, is-sentenza tat-Tribunal tat-2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni, F‑23/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑121 u II‑A‑1‑657, punti 98 u 99).

210    Madankollu, biex jitħarsu d-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, huwa d-dmir tal-Awtorità tal-Ħatra, qabel ma tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari, li tiżgura li jkollha f’idejha elementi preċiżi u rilevanti biżżejjed (ara f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 352; is-sentenza tat-Tribunal tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 366).

211    Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-qari tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003 li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent, għall-motivi, minn naħa, li kien ittollera jew aċċetta, fl-għoti tal-kuntratti, li l-proċessi tal-evalwazzjoni ma jkunx trasparenti, peress li l-metodi ta’ evalwazzjoni ppreżentati fir-rapporti tal-kumitat konsultattiv tax-xiri u l-kuntratti ma kinux konkordanti ma’ dawk effettivament applikati fil-fatt, u min-naħa l-oħra, li kien ittollera jew aċċetta, fir-rigward ta’ kuntratt konkluż mal-impriża Planistat, li espert li kien jiġi minnu, li inizjalment ma kienx propost mill-offerent, tieħu sehem fil-proġett għat-tħejjija ta’ studju li ma kellu l-ebda rabta mal-kuntratt u li ta lok għal “kont li kellu jitħallas”, qabel ma kien għadu ġie ffinalizzat ir-rapport intermedjarju tal-istudju. Biex tadotta din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport intermedjarju tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Lulju 2003 u, min-naħa l-oħra, fuq ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat tat-8 ta’ Lulju 2003.

212    Fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni jekk ir-rapporti tal-verifika interna jistgħux jikkostitwixxu, bħala tali, elementi li huma preċiżi u rilevanti biżżejjed li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni biex jinfetħu proċeduri dixxiplinari fil-konfront tal-uffiċjal.

213    Fil-fatt, il-punt 1.3 tal-karta tal-verifika jippreċiża b’mod partikolari:

      “[…] l-għan tal-verifika interna mhuwiex li tistabbilixxi l-eżistenza tal-frodi.

Anki jekk il-verifika tal-proċeduri ssir b’mod kuxjenzjuż, ma tistax tiggarantixxi li ser tikxef il-frodi kollha.

      Awditur jista’ madankollu, jidentifika ċerti riskji li jistgħu jkunu indikattivi ta’ frodi. Jekk il-kontrolli mwettqa ma jnaqqsux ir-riskji u l-perikli identifikati, huwa d-dmir tal-awditur li jkompli jinvestiga biex jiddetermina l-eżistenza tal-frodi u evetwalment jinforma lill-OLAF li huwa l-unika entità kompetenti biex iwettaq dawn it-tipi ta’ investigazzjonijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

214    Il-Kummissjoni min-naħa tagħha, tfakkar fir-risposta li:

“[Rapport tal-]verifika interna għandu l-għan li jgħin lid-diretturi ġenerali u lill-membri tal-persunal fil-management, jikkontrollaw ir-riskji, biex tkun żgurata s-sigurtà tal-beni u biex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli u l-eżattezza tal-informazzjoni […]. Konsegwentement, il-verifika interna tal-Eurostat ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċerti prattiki frowdolenti u lanqas ma tippermetti li tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ ċerti allegazzjonijiet ta’ frodi. Dan jista’ jirriżulta biss minn investigazzjonijiet amministrattivi u proċeduri dixxiplinari. L-għan tal-verifika interna huwa għalhekk għal kollox differenti minn dak ta’ investigazzjoni amministrattiva jew ta’ proċeduri dixxiplinari, peress li dawn il-proċeduri jikkonċernaw jew jistgħu jikkonċernaw l-obbligi potenzjali ta’ persuni partikolari […]”

215    Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq ir-rapporti tal-verifika interna biex tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent. Fid-dawl tan-natura u l-karatteristiċi tagħhom, imsemmija iktar ’il fuq, dawn ir-rapporti tal-verifika interna ma jistgħux jikkostitwixxu, fil-prinċipju, elementi preċiżi u rilevanti biżżejjed li jippermettu l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari.

216    Madankollu, anki jekk dan mhux l-għan tiegħu, mhux eskluż li r-rapport tal-verifika interna jista’, eventwalment, iservi ta’ bażi għall-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari. Għaldaqsatant, meta l-amministrazzjoni tirreferi għal dan ir-rapport, ikun irid jiġi vverifikat, għal kull każ partikolari, jekk l-informazzjoni misjuba f’dan it-tip ta’ dokument tkunx preċiża u rilevanti biżżejjed biex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari.

217    Fil-każ preżenti, irid jingħad li r-rapport intermedjarju tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni ma kien fih l-ebda dikjarazzjoni dwar l-ewwel ilment kontra r-rikorrent. Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni ilment, dan ir-rapport jippreċiża biss li d-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat kixef sitwazzjoni potenzjali ta’ nepotiżmu. B’hekk, dan ir-rapport ma fih l-ebda analiżi jew riċerka speċifika dwar il-fatti attribwiti lir-rikorrent, iżda jillimita ruħu, minn naħa, li jirreferi għal u jagħmel tiegħu, b’mod indirett u prudenti, id-dikjarazzjonijiet li setgħu saru mid-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat, fil-qafas tal-abbozz tagħha tar-rapport u min-naħa l-oħra, li jfakkar l-ispekulazzjonijiet maħruġa mill-midja dwar l-eżistenza ta’ favoritiżmu potenzjali fir-rigward tal-impriżi Griegi f’wieħed mid-direttorati tal-Eurostat.

218    Konsegwentement, dan ir-rapport, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, ma setax jikkostitwixxi element ta’ informazzjoni preċiża u rilevanti li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari.

219    Għal dak li għandu x’jaqsam mar-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat tat-8 ta’ Lulju 2003, irid jingħad, fl-ewwel lok, li dan inkiteb bħala reazzjoni għall-mistoqsijiet li għamel ġurnalist dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kuntratti fid-direttorat immexxi mir-rikorrent u abbażi ta’ analiżi limitata tal-fatti relatati mal-allegazzjonijiet tal-imsemmi ġurnalist. B’hekk, ġie ppreċiżat fl-introduzzjoni tar-rapport li l-analiżi li saret “ma nvolvietx verifika dettaljata u individwalizzata tal-kuntratti mogħtija fil-qafas tal-programm Supcom iżda llimitat ruħha għall-aspetti msemmija mill-[ġurnalist], jiġifieri t-tqassim tal-baġit abbażi tan-nazzjonalità, il-metodi ta’ evalwazzjoni tal-offerti jew it-trasparenza fil-proċess tal-għoti”. L-analiżi kritika tar-rapport tal-verifika interna mressqa mir-rikorrent, li l-kontenut tagħha mhux ikkontestat mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“analiżi kritika”) tippreċiża, f’dan ir-rigward, li “(i)l-verifika interna ma applikatx in-normi internazzjonali tal-verifika u lanqas in-normi tal-karta tal-verifika”, li “l-konklużjonijiet tal-verifika interna ma jaqblux fuq numru ta’ punti żviluppati fir-rapport”, li “l-ittra tal-kummenti [tar-rikorrent] li bagħat bħala tweġiba għall-abbozz kien jistħoqqilha li l-punti preċiżi u fattwali dwar il-mertu […] jiġu kkunsidrati fir-rapport tal-verifika interna”.

220    Fit-tieni lok, ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat iwassal biex isiru b’mod partikolari l-konstatazzjonijiet segwenti:

–        il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati minn impriżi biex jiksbu l-kuntratti marbuta mal-programm Supcom mhux dejjem kienu trasparenti u mhux dejjem osservaw ir-regoli interni;

–        għak dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratt Nru 665100003 mal-impriża Planistat, twettqu xi irregolaritajiet, għal dak li għandu x’jaqsam b’mod partikolari l-fatt li tqabbad espert, li kien in-neputi tar-rikorrent.

221    Għalkemm ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat jikxef numru ta’ ineffiċjenzi fil-funzjonament, relatati mal-proċess tal-evalwazzjoni tal-offerti fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratti Supcom, mid-direttorat immexxi mir-rikorrent, min-naħa l-oħra, minn dan ir-rapport ma jirriżultax li r-rikorrent kien dak li ta bidu għall-irregolaritajiet stabbiliti jew li kien assoċjat mal-imsemmija irregolaritajiet jew li l-ineffiċjenzi fil-funzjonament imsemmija kienu jeżistu biss fid-direttorat tar-rikorrent, kif wara kollox irrimarka t-tim tal-verifika fl-abbozz tiegħu tat-tweġiba għall-kummenti tar-rikorrent.

222    Barra minn hekk, dwar il-fatt li l-filjozz tar-rikorrent kien ġie impjegat fil-qafas ta’ kuntratt bejn il-Eurostat u l-impriża Planistat, ma jirriżultax mir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna li r-rikorrent kellu xi rwol f’din is-sitwazzjoni.

223    Irid jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li r-rikorrent ippreżenta kummenti preċiżi bl-għan li jiċħad il-fatti li kienu ġew attribwiti lilu fl-abbozz tar-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat.

224    Jirriżulta mill-atti tal-proċess li d-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat ma ta l-ebda każ tal-kummenti tar-rikorrent. Fil-fatt, għalkemm fil-bidu, id-dipartiment kellu l-intenzjoni li jwieġeb bil-miktub għall-kummenti tar-rikorrent, dan il-ħsieb ġie finalment abbandunat, mingħajr spjegazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni għal din il-bidla fil-pożizzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta minn ittra tat-8 ta’ Lulju 2003 ta’ D., lid-direttur ġenerali l-ġdid tal-Eurostat, li r-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat tat-8 ta’ Lulju 2003, jikkostitwixxi kopja li tikkonforma mal-abbozz tar-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna u li finalment ma kienet saret l-ebda analiżi approfondita tal-kummenti tar-rikorrent mid-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat. Fil-fatt, l-ittra msemmija iktar ’il fuq tippreċiża:

“[…] fis-27 ta’ Mejju 2003 kont għaddejtlek l-abbozz tar-rapport tal-verifika dwar [l-]għoti tal-kuntratti fil-qafas tal-programm Supcom 1995-1999’ […]

Qed nibgħatlek l-analiżi definittiva hawn fuq indikata skont l-informazzjoni li kelli f’idejja fl-analiżi tal-fatti u ninfurmak li m’iniex f’pożizzjoni li nistħarreġ fil-fond minħabba l-ammont ta’ xogħol li kelli u li għad għandi.”

225    L-analiżi kritika tistabbilixxi wkoll li l-kummenti tar-rikorrent għall-abbozz tar-rapport tal-verifika, fid-dawl tal-kontenut u l-preċiżjoni tagħhom, imisshom intużaw mill-awdituri u jmisshom wasslu biex ir-rapport tal-verifika interna jiġi emendat. Barra minn hekk, jirriżulta mir-rapport tal-OLAF li l-imsemmija awdituri irrikonoxxew huma stess fl-investigazzjoni tal-OLAF li r-rapport tal-verifika kien “ex parte”.

226    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rapport tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat, imwettaq fuq bażi parzjali u mhux kompluta, ma jikkostitwixxix element ta’ informazzjoni rilevanti u preċiża biżżejjed li tippermtti lill-amministrazzjoni tiftaħ proċeduri dixxiplinari.

227    Mill-bqija, għandu jiġi nnutat li t-tim tal-verifika rrikonoxxa huwa stess, fl-abbozz tiegħu tat-tweġiba għall-kummenti tar-rikorrent, li r-rapport tiegħu tal-verifika, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, ma kienx jikkostitwixxi bażi għall-implikazzjoni personali tar-rikorrent. Fil-fatt, fit-tweġiba għal kummenti tar-rikorrent, li kienet tindika li “anki jekk ċerta statistika [kienet] vera, […] ma [tistax] tikkostitwixxi prova ta’ nuqqas kwalunkwe min-naħa tiegħi”, l-awdituri kienu qed jipproponu li jwieġbu li: “għandek raġun u [huwa] għalhekk li ma saret l-ebda referenza għal ‘ksur ta’ xi regola’”.

228    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet, fis-seduta, li ma kien hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika li kellha tinbeda proċedura amministrattiva urġenti kontra r-rikorrent, urġenza li setgħet eventwalment tispjega n-nuqqas ta’ analiżi fil-fond fir-rapport tal-verifika. B’hekk, mhuwiex eskluż li l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent, mid-9 ta’ Lulju 2003, kien parzjalment motivat mill-ftuħ parallel tal-proċeduri dixxiplinari f’din l-istess data kontra l-uffiċjali l-oħra tal-Eurostat, fosthom id-direttur ġenerali tagħha.

229    Fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha u riżultanti mir-rapporti tal-verifika li ma kinux preċiżi u rilevanti biżżejjed, qabel ma l-amministrazzjoni fetħet il-proċeduri dixxiplinari, setgħet għall-anqas fetħet investigazzjoni amministrattiva fi ħdan l-IDOC jew qabbdet lill-OLAF, iżda dan ma sarx u l-OLAF tqabbad biss wara l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari.

230    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba meta fid-9 ta’ Lulju 2003 fetħet proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent fid-dawl tar-rapporti tal-verifika interna imsemmija iktar ’il fuq biss. Dan l-att jikkostitwixxi żball ta’ natura tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

–       Fuq in-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ xogħol preċiż u konformi mal-grad u l-kompetenzi tar-rikorrent


–       L-argumenti tal-partijiet

231    Ir-rikorrent isostni li wara d-deċiżjoni li ħatritu fil-kariga l-ġdida, bħala konsulent ewlieni mad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, il-Kummissjoni ma fdatlux f’idejh missjonijiet preċiżi u konformi mal-kompetenzi tiegħu. Kien ilmenta dwar dan mal-President tal-Kummissjoni iżda mingħajr suċċess tanġibbli. Ix-xogħol li tirreferi għalih il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal-ilment tiegħu ma kellux kontenut effettiv u qatt ma ltaqa’ mal-viċi President tal-Kummissjoni, li suppost kellu jaħdem miegħu. Ingħata uffiċċju żgħir mingħajr mezzi u lanqas segretarja. Inkwantu għall-fatt li l-Kummissjoni kienet tat lir-rikorrent xi awtorizzazzjonijiet biex jwettaq xi attivitajiet esterni, dan ma jippruvax li r-rikorrent fdawh bit-twettiq ta’ missjonijiet preċiżi.

232    Il-Kummissjoni tisħaq, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni tal-ħatra fil-kariga l-ġdida, dwar ir-rikorrent, kienet tinvolvi missjonijiet preċiżi u konformi mal-grad tiegħu. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni fdatlu, sa mill-bidu tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu mad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, xogħlijiet preċiżi biex iwettaqhom. Fit-tielet lok, ir-rikorrent ħa sehem fit-tħejjijiet tal-kunsill informali ta’ Ródos (il-Greċja), kiseb awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet esterni u ħa sehem, minn Novembru 2003, fi grupp ta’ ħidma dwar ir-‘riforma tas-sistemi tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istati Membri. Il-fatt li r-rikorrent ma ltaqax mal-viċi President tal-Kummissjoni mhux tali li jipprova li r-rikorrent ma kellu l-ebda missjoni f’idejh, wara kollox huwa kien jaf li kien konsulant ewlieni mad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” u mhux konsulent speċjali ta’ kummissarju partikolari.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

233    Għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjoni tal-ħatra fil-kariga l-ġdida fiha nfisha, u min-naħa l-oħra, l-aġir mhux deċiżjonali tal-Kummissjoni li kellu bħala effett jew bħala għan li jxejjen mill-kontenut tagħhom il-funzjonijiet attribwiti lir-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tal-ħatra fil-kariga l-ġdida. Fil-fatt, huwa biss l-aġir mhux deċiżjonali tal-Kummissjoni msemmi iktar ’il fuq li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni, fid-dawl ta’ dak li tfakkar dwar id-deċiżjoni tal-ħatra fil-kariga l-ġdida fil-punti 106 u 107 ta’ din is-sentenza.

234    Fil-każ preżenti, id-deċiżjoni tal-ħatra fil-kariga l-ġdida kienet telenka numru ta’ xogħlijiet assenjati lir-rikorrent. Madankollu, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni mill-Kummissjoni biex effettivament iwettaq dawn ix-xogħlijiet u lanqas li dawn ix-xogħlijiet kellhom kontenut sostanzjali li kien jikkorrispondi mal-kompetenzi u mal-livell tal-esperjenza tar-rikorrent.

235    Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra tad-9 ta’ Settembru 2003 indirizzata lill-President tal-Kummissjoni li r-rikorrent ilmenta li ma kellux xogħol effettiv relatat mal-grad u l-kompetenzi tiegħu minn mindu kien inħatar fil-kariga l-ġdida f’Novembru 2002. In-nota tat-22 ta’ Settembru 2003 tad-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” titlob lill-kap tal-uffiċċju tal-viċi President tal-Kummissjoni biex tattribwixxi xogħol lir-rikorrent skont dak li kien ġie miftiehem. Fit-tweġiba għal din il-korrispondenza, il-kap tal-uffiċċju, permezz ta’ nota tad-29 ta’ Settembru 2003, illimita ruħu, min-naħa tiegħu, għat-talba lid-direttur tad-DG “Persunal u amministrazzjoni” biex jagħmillu proposti dwar ix-xogħol li seta’ jiġi assenjat lir-rikorrent. Dan l-iskambju ta’ korrispondenza isostni l-argument tar-rikorrent fir-rigward, għall-inqas, tal-perijodu minn Jannar sa Ottubru 2003. Il-Kummissjoni, li suppost hija f’pożizzjoni li tressaq provi li juru l-kontra f’dan ir-rigward, ma ġabet l-ebda prova konklużiva ta’ natura tali li tipprova li x-xogħol ġie realment assenjat lir-rikorrent, b’mod partikolari wara dan l-iskambju ta’ korrispondenza. Għalkemm l-amministrazzjoni ssostni li r-rikorrent ipparteċipa fil-kunsill informali ta’ Ródos, ma tippreċiżax fhiex kienet tikkonsisti effettivament din il-missjoni u lanqas in-natura tax-xogħol imwettaq. Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni tisħaq li r-rikorrent intgħażel biex jieħu sehem fi grupp ta’ ħidma dwar ir-riforma tas-sistemi tal-irtirar fis-settur pubbliku mill-24 ta’ Novembru 2003, ma tistabbilixxix li r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni biex effettivament jieħu sehem f’dan il-grupp u dan qed jiġi kkontestat b’mod sod mir-rikorrent. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat ukoll li dan il-grupp ta’ ħidma kien fil-maġġoranza tiegħu kompost minn uffiċjali li kienu s-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari, element li jixħet dubju fuq l-istennija li l-Kummissjoni seta’ kellha mix-xogħol imwettaq minn dan il-grupp.

236    Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent, fil-perijodu inkwistjoni, kiseb xi awtorizzazzjonijiet biex iwettaq xi attivitajiet esterni, mhux ta’ natura tali li jipprova li tpoġġa f’pożizzjoni biex iwettaq b’mod konkret funzjonijiet li jikkorrispondu għall-grad tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni.

237    B’hekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, jidher li l-Kummissjoni, minn Jannar 2003 sa Frar 2006, jew xjentement jew billi naqset milli taġixxi, ma poġġietx lir-rikorrent f’pożizzjoni konkreta biex iwettaq il-funzjonijiet li jikkorrispondu għall-grad tiegħu, ħlief għall-perijodu ta’ sitt xhur li matulhom ir-rikorrent wettaq xi funzjonijiet mal-Gvern Grieg, fil-qafas ta’ leave għal raġunijiet personali. Attitudni bħal din tal-Kummissjoni tikkostitwixxi wkoll aġir skorrett ta’ natura tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

238    Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni wettqet diversi nuqqasijiet fil-konfront tar-rikorrent, fl-ewwel lok, billi informatu b’mod tardiv dwar il-passi li kienu ser jittieħdu fir-rigward tat-talba tiegħu għall-assistenza tal-11 ta’ Novembru 2002, fit-tieni lok, billi kienet tardiva fit-tweġiba tagħha għat-talbiet għall-assistenza ppreżentati fil-15 u l-21 ta’ Lulju 2003, fit-tielet lok, billi ddeċidiet li tiftaħ proċeduri dixxiplinari fin-nuqqas ta’ elementi li kienu rilevanti u preċiżi biżżejjed, fir-raba’ lok, billi f’Lulju 2003, ippermettiet li tinkixef b’mod irregolari, informazzjoni ta’ natura personali li kienet tikkonċernah u fil-ħames lok, billi naqset, għal numru ta’ snin, milli effettivament tafdalu xogħol li kien jikkorrispondi għall-grad tiegħu.

–       Dwar id-dannu u r-rabta kawżali


–       L-argumenti tal-partijiet

239    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet ċertu numru ta’ illegalitajiet li marbutin direttament mad-danni li qed jinvokahom.

240    Jisħaq, fil-verżjoni finali tal-osservazzjonijiet tiegħu, li dawn l-illegalitajiet huma l-kawża oriġinali ta’ dannu morali partikolarment għoli, li huwa jevalwa fl-ammont ta’ EUR 850 000. Bħala dannu, ir-rikorrent ifakkar b’mod partikolari, li l-Kummissjoni, bl-aġir skorrett tagħha, ippreġudikat l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tiegħu. Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent iddikjara li kien qed jirrinunzja għat-talba tiegħu għall-kumpens għad-dannu morali relatat mad-deterjorament fl-istat ta’ saħħtu.

241    Il-Kummissjoni tisħaq li huwa d-dmir tar-rikorrent li juri li l-aġir illegali invokat jintrabat direttament mad-dannu morali li jinvoka u li kellu impatt reali u ċert fuq is-sitwazzjoni professjonali u personali tiegħu. Dan mhux il-każ fil-kawża preżenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent mhux f’pożizzjoni li jipprova li tilef il-possibbiltà li jinħatar fil-kariga ta’ direttur ġenerali tal-Eurostat, peress li ma jistax jistabbilixxi li kien ser jiġi ppubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li kien ser jippreżenta l-kandidatura tiegħu fir-rigward. Bl-istess mod, ma teżisti l-ebda rabta bejn l-aġir attribwit lill-Kummissjoni u l-fatt li r-rikorrent kien suġġett għal akkużi u insinwazzjonijiet fl-istampa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

242    Hemm lok li jitfakkar, preliminarjament, li r-rikorrent, fil-verżjoni finali tal-osservazzjonijiet tiegħu, jillimita l-pretensjonijiet tiegħu biss għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta, minn naħa, mill-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni u l-integrità tiegħu, u, min-naħa l-oħra, mill-istat ta’ inċertezza u anzjetà li sab ruħu fih, filwaqt li jeskludi d-deterjorament fl-istat fiżiku tiegħu.

243    Irid sussegwentement jiġi eżaminat jekk hemmx rabta diretta bejn il-ksur tad-dmirijiet amministrattivi mwettqa mill-Kummissjoni u d-dannu morali li jinvoka r-rikorrent.

244    Fl-ewwel lok, peress li d-dewmien tal-Kummissjoni biex tinforma lill-uffiċjal tagħha dwar il-passi li kienet ser tieħu wara t-talba tiegħu għall-assistenza tal-11 ta’ Novembru 2002 ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-eżistenza ta’ xi ċirkustanza partikolari, dan id-dewmien jikkostitwixxi ksur tad-dmirijiet amministrattivi li jiġġenera dannu morali speċifiku, meta wieħed iqis l-istat ta’ inċerterzza u anzjetà li sab ruħu fih l-uffiċjal minħabba din is-sitwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il-Kummissjoni, 18/78, Ġabra p. 2093, punti 16 u 19; is-sentenza Caronna vs Il-Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq, punt 106). L-istess jista’ jingħad għal dak li għandu x’jaqsam mad-dewmien tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi fuq it-talbiet għall-assistenza mressqa mir-rikorrent fil-15 u l-21 ta’ Lulju 2003. Tkun saret evalwazzjoni ġusta ta’ dawn id-danni morali jekk wieħed jistabbilixxihom ex aequo et bono għas-somma ta’ EUR 10 000 (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kumpens għal dannu morali riżultanti minn dewmien biex jiġi stabbilit rapport ta’ evalwazzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, T‑274/04, Rounis vs Il-Kummissjoni, ĠabraSP p. I‑A‑407 u II‑1849, punt 54).

245    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari meta l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni li kienet preċiża u rilevanti biżżejjed tikkostitwixxi nuqqas li ppreġudika serjament l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tar-rikorrent. Fil-fatt din id-deċiżjoni setgħet tħalli lill-pubbliku inġenerali jaħseb, kif ukoll lil dawk ta’ madwaru u lill-kollegi tar-rikorrent, li kien wettaq fatti kundannabbli. Jirriżulta mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari mir-rapport tal-OLAF, li l-kritika magħmula fil-konfront tiegħu kienet infondata.

246    Fit-tielet lok, il-kxif tal-informazzjoni ta’ natura personali, attribwibbli lill-Kummissjoni, f’Lulju 2003, kien il-kawża diretta tal-aggravazzjoni serja tal-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni u lill-integrità professjonali tar-rikorrent. Fil-fatt, huwa l-kxif ta’ isem ir-rikorrent wara dan il-kxif ta’ informazzjoni, flimkien mal-informazzjoni misjuba fl-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, li wassal lill-pubbliku inġenerali u lill-istampa internazzjonali u Griega biex jidentifikaw lir-rikorrent bħala wieħed mill-uffiċjali li kien is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari u li kien ta wieħed x’jifhem li kien implikat fi skandlu finanzjarju.

247    Id-dannu msemmi fiż-żewġ punti preċedenti ġie biss parzjalment irrimedjat permezz tal-istqarrija għall-istampa tas-27 ta’ Ottubru 2004. Il-pubblikazzjoni tagħha kellha impatt ħafna iżgħar minn dak tal-artikli ppubblikati fl-istampa internazzjonali u Griega (ara, fir-rigward ta’ miżuri li jirrimedjaw b’mod insuffiċjenti preġudizzju infondat, ikkawżat lir-reputazzjoni ta’ uffiċjal , is-sentenza Giraudy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 206). Il-pubblikazzjoni ta’ din l-istqarrija kkostitwixxiet l-unika miżura meħuda mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mill-ġdid l-integrità tar-rikorrent. Sal-lum, l-istituzzjoni għadha ma ppreżentatx apoloġija u jew ir-rimors tagħha għall-konsegwenzi kkawżati minn akkuża pubblika infondata.

248    Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari msemmija iktar ’il fuq fil-kawża preżenti, inkluż l-istqarrija għall-istampa tas-27 ta’ Ottubru 2004, l-ammont tad-dannu morali kkawżat mill-Kummissjoni li jirriżulta mill-preġudizzju kkawżat lill-integrità u lir-reputazzjoni professjonali tar-rikorrent, jista’ jiġi evalwat ex aequo et bono għas-somma ta’ EUR 60 000 (ara fir-rigward ta’ każijiet ta’ preġudizzju serju kkawżat lir-reputazzjoni, is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 411; is-sentenza Giraudy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 207).

249    Fir-raba’ lok, billi ma fdatx lir-rikorrent għal numru ta’ snin xogħol effettiv li jikkorrispondi għall-grad tiegħu, il-Kummissjoni wettqet ksur tad-dmirijiet amministrattivi li huwa l-kawża diretta tal-oriġini tad-dannu morali. Hemm lok, għal din ir-raġuni, li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 20 000 lir-rikorrent.

250    Jirriżulta minn dak li ntqal preċedentement li hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent, għal varji danni morali mġarrba, is-somma ta’ EUR 90 000.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

1.      L-argumenti tal-partijiet

251    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal biex fis-seduta l-ewwel jisma’ bħala xhud lis-Sur Portal, ġurnalist tal-gazzetta li toħroġ kuljum La Voix, imbagħad lil D. biex tkun tista’ tippreċiża l-kundizzjonijiet tat-tfassil tar-rapport tal-verifika interna tal-Eurostat tat-8 ta’ Lulju 2003, u fl-aħħar nett, lis-Sur Koopman, biex ikun jista’ jagħmel xi preċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni għall-ħatra fil-kariga l-ġdida.

252    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi kwalunkwe dokument li huwa ta’ natura tali li jista’ jipprova li d-dipartiment tal-verifika interna tal-Eurostat ipproċeda effettivament għall-verifiki bejn Novembru 2002 u Mejju 2003 dwar il-fatti attribwiti lilu.

253    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport komplut tal-OLAF mingħajr ma jitneħħew is-siltiet allegatament kunfidenzjali u l-annessi.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

254    Ir-rikorrent jitlob, fir-replika tiegħu, li t-Tribunal jogħġbu jordna lill-Kummissjoni tipproduċi xi dokumenti u tisma’ tliet xhieda.

255    Skont l-Artikolu 54(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji għandhom l-għan li jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, it-tħejjija tal-kawżi, l-iżvolġiment tal-proċedimenti u s-soluzzjoni tal-kontroversji. Il-miżuri istruttorji, skont l-Artikoli 57 sa 58 tal-istess regoli, għandhom l-għan li jippermettu li jipprovaw allegazzjonijiet fattwali magħmula minn waħda mill-partijiet biex issostni s-sottomissjonijiet tagħha (ara b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tl-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il-Kummissjoni, T‑175/97, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1053, punt 89).

256    Skont l-Artikolu 55(2)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba lill-partijiet biex jipproduċu kwalunkwe dokument jew kwalunkwe att relatat mal-kawża, tikkostitwixxi miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura filwaqt li s-smigħ tax-xhieda huwa miżura istruttorja, skont l-Artikolu 57 tal-imsemmi regoli.

257    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji, imressqa minn waħda mill-partijiet fil-kawża, it-Tribunal huwa l-uniku li jista’ jiddeċiedi dwar il-ħtieġa eventwali li jikkompleta l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, marbuta mal-kawża li jkollu quddiemu (ara b’analoġija, għal dak li għandu x’jaqsam mat-talba għas-smigħ ta’ xhud, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punti 77 u 78; ara b’analoġija, għal dak li għandu x’jaqsam mat-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, Ġabra p. I‑10761, punti 41 u 44).

258    Fil-kawża preżenti, it-Tribunal iqis li l-atti tal-proċess u d-dibattiti ta’ waqt is-seduta kienu biżżejjed biex jiċċarawlu l-affarijiet b’mod suffiċjenti u jikkunsidra li m’hemmx lok li jipproċedi għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-miżuri istruttorji mitluba.

 Fuq l-ispejjeż

259    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu, tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn intalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, it-Tribunal jista’, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, jiddeċiedi li l-parti t-telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

260    Jirriżulta mill-motivi stabbiliti iktar ’il fuq il-Kummissjoni hija, essenzjalment, il-parti t-telliefa. Barra minn hekk, ir-rikorrent, fit-talbiet tiegħu, talab espressament li l-konvenuta tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jiddikjara u jiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil F. Nanopoulos is-somma ta’ EUR 90 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Gervasoni

Kreppel

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Mejju 2010.

W. Hakenberg

 

       S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.