Language of document : ECLI:EU:F:2010:43

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

11 ta’ Mejju 2010

Kawża F-30/08

Fotios Nanopoulos

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Att li jikkawża preġudizzju — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni lill-istampa — Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza — Dannu morali — Deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ assistenza — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Nanopoulos jitlob li l-Kummissjoni, minħabba nuqqasijiet minnha kommessi fil-ġestjoni tas-sitwazzjoni u l-karriera tiegħu, tiġi kkundannata tħallas l-ammont ta’ EUR 850 000 bħala kumpens għad-danni morali li huwa jqis illi sofra.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 90 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Proċedura prekontenzjuża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ assistenza impost fuq l-amministrazzjoni — Inklużjoni — Dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari — Proċedura prekontenzjuża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

5.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Kunċett

(Artikoli 270 TFUE)

6.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Portata — Dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni — Irregolarità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 24)

7.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni li tikkonċerna informazzjoni ta’ natura personali ta’ uffiċjal

(Artikoli 270 TFUE u 340(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001)

8.      Uffiċjali — Sistemi dixxiplinari — Ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Ftuħ mingħajr informazzjoni preċiża u rilevanti biżżejjed — Irregolarità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 87, Anness IX

9.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Irregolarità — Assenza ta’ attribuzzjoni lil uffiċjal ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-grad tiegħu

(Artikolu 270 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Fis-sistema tar-rimedji stabbilita mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għad-danni, li jikkostitwixxi rimedju legali awtonomu mir-rikors għall-annullament, huwa biss ammissibbli jekk preċedentement tkun saret proċedura prekontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tvarja skont jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab il-kumpens, jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma jkunx ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-parti kkonċernata li għandha, sat-terminu stabbilit, tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, il-proċedura amministrattiva għandha tinbeda b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, maħsuba għall-ksib tad-danni. Hija biss iċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba, li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li kontriha jista’ jsir ilment u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li r-rikors għad-danni jkun jista’ jitressaq quddiem it-Tribunal.

(ara l-punt 83)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Settembru 1991, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑5/90, Ġabra p. II‑731, punti 49 u 50; 28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punt 64

2.      Deċiżjoni relatata mal-obbligu ta’ assistenza tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Min-naħa l-oħra, id-dewmien ta’ istituzzjoni biex tiddeċiedi dwar l-obbligu tagħha tal-assistenza u biex tinnotifika d-deċiżjoni tagħha ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, att li jikkawża preġudizzju. Għal dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas tal-assistenza spontanja ta’ istituzzjoni, bħala prinċipju, huwa l-uffiċjal li jqis li jista’ jinvoka l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu jressaq talba għall-assistenza lill-istituzzjoni kkonċernata. Huma biss ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jobbligaw lill-istituzzjoni li ex officio tipproċedi għal azzjoni ta’ assistenza partikolari, mingħajr it-talba preċedenti tal-uffiċjal ikkonċernat. Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi bħal dawn, in-nuqqas tal-istituzzjoni li tgħin b’mod spontanju lill-uffiċjali u l-aġenti tagħha ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 93, 99 u 101)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, Ġabra p. 1805, punt 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il‑Kummissjoni, T‑59/92, Ġabra p. II‑1129, punt 100; 1 ta’ Diċembru 1994, Ditterich vs Il‑Kummissjoni, T‑79/92, ĠabraSP p. I‑A‑289 u II‑907, punt 66; 6 ta’ Novembru 1997, Ronchi vs Il‑Kummissjoni, T‑223/95, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑879, punti 25 sa 31; 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il‑Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑161 u II‑A‑2‑775, punt 135; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑181, II‑A‑2‑1219, I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑1219, punt 32; 18 ta’ Diċembru 2008, Il‑Belġju u Il‑Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra p. II‑3859, punti 100 sa 102; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Frankin et vs Il‑Kummissjoni, F‑91/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑25 u II‑A‑1‑83, punt 24

3.      Il-proċedura prekontenzjuża applikabbli biex jinkiseb il-kumpens għal dannu riżultanti minn deċiżjoni li jinfetħu proċeduri dixxiplinari, tiddependi min-natura tad-deċiżjoni finali meħuda mill-amministrazzjoni.

Meta l-proċeduri dixxiplinari li jkunu nbdew jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, l-uffiċjal ma jkunx jista’ jinvoka l-illegalità tad-deċiżjoni li jinfetħu l-imsemmija proċeduri ħlief permezz ta’ kontestazzjoni diretta ppreżentata, sat-termini stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li tikkawża l-preġudizzju, adottata fi tmiem il-proċeduri.

Min-naħa l-oħra, meta l-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni dwar l-għeluq mingħajr tkomplija tal-proċeduri dixxiplinari u din id-deċiżjoni ma tikkawżax preġudizzju, biex uffiċjal ikun jista’ jikseb kumpens għad-danni riżultanti mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari, għandu preliminarjament josserva l-proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 111 sa 113)

4.      L-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li jixtiequ jiksbu kumpens mill-Unjoni għal dannu li attribwixxew lilha, għandhom jippreżentaw talba f’dan is-sens fi żmien raġonevoli, li għandu jibda jiddekorri mill-mument li jsiru jafu dwar is-sitwazzjoni li jkunu qed jilmentaw minnha, għalkemm l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxi l-ebda terminu biex titressaq it-talba.

Iż-żmien raġonevoli għandu jiġi osservat fil-każijiet kollha fejn, meta t-testi ma jgħidu xejn, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ ħarsien tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxu ostakolu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jaġixxu mingħajr l-ebda limitu taż-żmien, bir-riskju, b’mod partikolari, li titpoġġa fil-perikolu l-istabbiltà ta’ sitwazzjonijiet legali miksuba. F’każ ta’ azzjonijiet għad-danni li jistgħu jirriżultaw f’obbligu finanzjarju tal-Unjoni, l-osservanza ta’ żmien raġonevoli biex titressaq it-talba għall-kumpens hija mnebbħa wkoll mill-interess biex jitħarsu l-finanzi pubbliċi, li huwa espress b’mod partikolari, għall-azzjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fit-terminu ta’ ħames snin, stabbilit mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. In-natura raġonevoli taż-żmien għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kwistjoni u l-aġir tal-partijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 116 u 117)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punti 59; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 65 u 66; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑87/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑351 u II‑A‑1‑1915, punt 27, li huwa suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑16/09 P

5.      Biex rikors għad-danni mressaq abbażi tal-Artikolu 270 TFUE ikun fondat, iridu jseħħu flimkien għadd ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet, meta din titqajjem abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 270 TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss abbażi tal-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju (jew ta’ aġir mhux deċiżjonali), u dan mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit jekk jeżistix ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi.

Ma huwiex eskluż li l-qorti teżamina l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fil-qasam tal-proċeduri kontenzjużi li jirrigwardaw ir-Regolamenti tal-Persunal; għall-kuntrarju, dan il-kriterju huwa parametru essenzjali biex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni jew l-aġir inkwistjoni peress li l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti u l-intensità tiegħu, huma dipendenti fuq kemm ikun wiesa’ l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni, skont id-dritt applikabbli u l-ħtiġijiet ta’ funzjonament tajjeb imposti fuqha.

Huwa d-dmir tal-qorti tal-Unjoni li fl-eżami tagħha biex tistabbilixxi jekk l-ewwel kundizzjoni biex jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni ġietx sodisfatta, għandha teżamina biss jekk l-aġir attribwit li l-istituzzjoni, fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali li tgawdi l-amministrazzjoni fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti, jikkostitwixxix ksur tad-dmirijiet amministrattivi.

(ara l-punti 128 sa 133)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 42; 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punti 52 u 53; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑29 u II‑A‑2‑179, punti 219 u 220; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑250/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑191, II‑A‑2‑1251, I‑A‑2‑191 u II‑A‑2‑1251, punt 86

6.      L-amministrazzjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri u l-mezzi għall-eżami tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, għandha, f’każ ta’ akkużi gravi u infondati li jolqtu l-integrità professjonali ta’ uffiċjal fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, tiċħad dawn l-akkużi u tieħu l-miżuri kollha biex tistabbilixxi mill-ġdid ir-reputazzjoni inġurjata tal-uffiċjal. B’mod partikolari, l-amministrazzjoni għandha tintervjeni bil-qawwa kollha meħtieġa u twieġeb mill-iktar fis possibbli u bil-premura meħtieġa skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

It-talbiet għall-assistenza mressqa minn uffiċjal minħabba inġurji jew preġudizzju kkawżat lill-integrità jew lir-reputazzjoni professjonali tiegħu mill-istampa, jimplikaw, bħala prinċipju, b’mod partikolari tweġiba mill-iktar fis possibbli min-naħa tal-amministrazzjoni, biex tkun effettiva u tippermetti li l-uffiċjal ma jaqax fir-riskju tad-dekadenza, marbut mat-termini qosra għall-preżentata tar-rikorsi fil-qasam tar-reati tal-istampa quddiem ċerti qrati nazzjonali.

Id-dewmien tal-amministrazzjoni biex taġixxi, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, jikkostitwixxi irregolarità ta’ natura tali li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha.

(ara l-punti 139 sa 141)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Lulju 1972, Heinemann vs Il‑Kummissjoni, 79/71, Ġabra p. 579, punt 12; 6 ta’ Frar 1986, Castille vs Il‑Kummissjoni, 173/82, 157/83 u 186/84, Ġabra p. 497; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑27/90, Ġabra p. II‑35, punti 49 u 50; 21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31; Caronna vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 64, 65 u 92, u l-ġurisprudenza ċċitata; 28 ta’ Frar 1996, Dimitriadis vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑294/94, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑151, punti 39 u 45; 17 ta’ Marzu 1998, Carraro vs Il‑Kummissjoni, T‑183/95, ĠabraSP p. I‑A‑123 u II‑329, punt 33

7.      Żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni ta’ natura personali irregolari jikkostitwixxi l-ipproċessar ta’ informazzjoni ta’ natura personali li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 dwar il-ħarsien ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.

Huwa d-dmir tar-rikorrent, fil-qafas ta’ rikors għad-danni, li jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet biex jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni inkwistjoni huma sodisfatti. Għaldaqstant, ir-rikorrent għandu, bħala prinċipju, jistabbilixxi li l-informazzjoni li tikkonċernah, li ġiet ippubblikata fl-istampa, tirriżulta minn żvelar mhux awtorizzat attribwibbli lill-amministrazzjoni. Din ir-regola tista’ madankollu titrattab meta l-fatt li jkun ta lok għad-danni seta’ ġie pprovokat minn diversi kawżi differenti u meta l-istituzzjoni Komunitarja ma ġġib l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit għal liema minn dawn il-kawżi dan il-fatt huwa attribwibbli, għalkemm hija kienet fl-aqwa pożizzjoni biex iġġib provi f’dan ir-rigward, b’mod li l-inċertezza li tirriżulta jkollha tiġi attribwita lilha.

F’każ li l-kxif tal-isem ta’ uffiċjal, minħabba żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni irregolari, li, flimkien mal-informazzjoni misjuba fi stqarrija għall-istampa tal-istituzzjoni, ippermetta li tingħata l-impressjoni lill-istampa u lill-pubbliku b’mod ġenerali li dan l-uffiċjal kien involut fi skandlu finanzjarju, dan l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni ta’ natura personali huwa l-kawża diretta tal-aggravazzjoni serja tal-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni u lill-integrità professjonali tal-persuna kkonċernata.

F’każ bħal dan, id-dannu huwa biss parzjalment irrimedjat permezz tal-istqarrija għall-istampa tal-istituzzjoni li tispeċifika li l-proċeduri dixxiplinari miftuħa kontra l-uffiċjal innoċenti ngħalqu, peress li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija kellha impatt ħafna iżgħar minn dak tal-artikli ppubblikati fl-istampa.

(ara l-punti 160, 161, 246 u 247)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il‑Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 141 u 208; 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, ĠabraSP p. II‑1585, punt 182; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑121 u II‑A‑1‑657, punt 206

8.      L-għan ta’ deċiżjoni li twassal għall-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ uffiċjal huwa li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra teżamina l-veraċità u l-gravità tal-fatti attribwiti lill-uffiċjal ikkonċernat u li tisimgħu fir-rigward, skont l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal, biex tifforma opinjoni, minn naħa, dwar il-mument meta jkun opportun jew li jingħalqu, mingħajr tkomplija, il-proċeduri dixxiplinari, jew inkella li tadotta piena dixxiplinari fil-konfront tal-uffiċjal u min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, li tifforma opinjoni dwar jekk għandhiex tibagħtu, qabel l-adozzjoni ta’ din il-piena, quddiem il-Bord tad-dixxiplina skont il-proċedura stabbilita fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

Deċiżjoni bħal din bil-fors li timplika, min-naħa tal-istituzzjoni, kunsiderazzjonijiet delikati, meta jitqiesu l-konsegwenzi serji u irrevokabbli li jistgħu jirriżultaw minnha. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-eżami tal-eżattezza materjali tal-elementi kkunsidrati mill-amministrazzjoni biex tiftaħ il-proċeduri, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti attribwiti u tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter.

Madankollu, biex jitħarsu d-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, huwa d-dmir tal-Awtorità tal-Ħatra, qabel ma tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari, li tiżgura li jkollha f’idejha elementi preċiżi u rilevanti biżżejjed. F’dan ir-rigward, anki jekk dan mhux l-għan tiegħu, mhux eskluż li r-rapport tal-verifika interna jista’, eventwalment, iservi ta’ bażi għall-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari. Meta l-amministrazzjoni tirreferi għal dan ir-rapport, ikun irid jiġi vverifikat, għal kull każ partikolari, jekk l-informazzjoni misjuba f’dan it-tip ta’ dokument tkunx preċiża u rilevanti biżżejjed biex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari. L-istituzzjoni tikkommetti żball manifest ta’ evalwazzjoni u tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta tiftaħ proċeduri dixxiplinari kontra uffiċjal fid-dawl ta’ rapport tal-verifika interna, imwettaq fuq bażi parzjali u mhux kompleta. Dan l-att jikkostitwixxi żball ta’ natura tali li jistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha.

Id-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri dixxiplinari meta l-istituzzjoni ma jkollhiex informazzjoni preċiża u rilevanti biżżejjed tikkostitwixxi nuqqas li jippreġudika serjament l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tal-persuna kkonċernata f’każ li tista’ tħalli lill-pubbliku b’mod ġenerali, kif ukoll lil dawk ta’ madwarha u lill-kollegi tal-persuna kkonċernata jaħsbu, li wettqet fatti kundannabbli.

F’każ bħal dan, id-dannu huwa biss parzjalment irrimedjat permezz tal-istqarrija għall-istampa tal-istituzzjoni li tispeċifika li l-proċeduri dixxiplinari miftuħa kontra l-uffiċjal innoċenti ngħalqu, peress li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija kellha impatt ħafna iżgħar minn dak tal-artikli ppubblikati fl-istampa.

(ara l-punti 208 sa 210, 216, 226, 230, 245 u 247)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punt 125; 17 ta’ Mejju 2000, Tzikis vs Il‑Kummissjoni, T‑203/98, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑393, punt 50; 13 ta’ Marzu 2003, Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑166/02, ĠabraSP p. I‑A‑89 u II‑471, punt 36; 5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑203/03, ĠabraSP p. I‑A‑279 u II‑1287, punt 41: Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 352; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Giraudy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98, 99 u 206; 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 366

9.      Meta ma tafdax lil uffiċjal għal numru ta’ snin xogħol effettiv li jikkorrispondi għall-grad tiegħu, il-Kummissjoni twettaq irregolarità ta’ natura tali li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha.

(ara l-punti 237 u 249)