Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Marzu 2022 – Proċeduri kriminali

(Kawża C-209/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad Lukovit (il-Bulgarija)

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit

Domandi preliminari

Il-fatti li fihom, waqt l-investigazzjoni dwar ksur marbut mal-pussess ta’ narkotiċi, miżuri ta’ koerċizzjoni jkunu ttieħdu fil-forma ta’ tfittxija fuq il-persuna u sekwestru kontra persuna fiżika li l-pulizija tissuspetta li hija fil-pussess ta’ narkotiċi, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà 1 , kif ukoll tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali 2 ?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, x’inhuwa l-istatus ta’ tali persuna fis-sens tad-Direttivi, meta d-dritt nazzjonali ma jirrikonoxxix il-kunċett legali ta’ “persuna ssuspettata” u meta l-persuna ma tkunx tqiegħdet taħt l-istatus ta’ “persuna akkużata” permezz ta’ notifika uffiċjali, u tali persuna għandha tingħata d-dritt li tiġi informata u li tirċievi informazzjoni kif ukoll li jkollha aċċess għal avukat?

Il-prinċipju ta’ legalità u l-projbizzjoni tal-arbitrarjetà jawtorizzaw leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 219(2) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), li jipprevedi li l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni tista’ wkoll tqiegħed lill-persuna taħt l-istatus ta’ persuna akkużata permezz tar-redazzjoni ta’ minuti tal-ewwel att ta’ investigazzjoni dirett kontriha, meta d-dritt nazzjonali ma jirrikonoxxix il-kunċett legali ta’ “persuna ssuspettata” u meta d-drittijiet tad-difiża jqumu, skont id-dritt nazzjonali, biss mill-mument li fih il-persuna kkonċernata titqiegħed taħt l-istatus ta’ “persuna akkużata”, li min-naħa tagħha titħalla fid-diskrezzjoni tal-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni, u tali proċedura nazzjonali tippreġudika l-eżerċizzju effettiv u l-essenza nfisha tad-dritt ta’ aċċess għal avukat imsemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48?

Il-prinċipju ta’ effett utli tad-dritt tal-Unjoni jawtorizza prattika nazzjonali fejn l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri ta’ koerċizzjoni meħuda għall-finijiet tal-ġbir tal-provi, inklużi t-tfittxija fuq il-persuna u s-sekwestru matul l-investigazzjoni preliminari, ma jippermettix li jiġi vverifikat jekk twettaqx ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati, iggarantiti permezz tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva 2013/48 u d-Direttiva 2012/13?

Il-prinċipju ta’ Stat tad-dritt jawtorizza dispożizzjonijiet u ġurisprudenza nazzjonali skont liema l-qorti ma hijiex awtorizzata tistħarreġ it-tqegħid ta’ persuna taħt l-istatus ta’ persuna akkużata, meta huwa preċiżament u esklużivament minn dan l-att formali li jiddependi l-għoti jew le tad-drittijiet tad-difiża lil persuna fiżika meta din tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni?

____________

1     ĠU 2013, L 294, p. 1.

1     ĠU 2012, L 142, p. 1