Language of document : ECLI:EU:T:2013:523

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti li jirrigwardaw l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tas-sustanza attiva glyphosate — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika — Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 — Interess pubbliku superjuri — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 — Direttiva 91/414/KEE”

Fil-Kawża T‑545/11,

Stichting Greenpeace Nederland, stabbilita fi Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati minn B. Kloostra u A. van den Biesen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Oliver, P. Ondrůšek u C. ten Dam, sussegwentement minn P. Oliver, P. Ondrůšek u C. Zadra, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Awwissu 2011, li tirrifjuta l-aċċess għall-volum 4 tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, redatt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala Stat Membru relatur, tas-sustanza attiva glyphosate, skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse u J. Schwarcz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Stichting Greenpeace Nederland et Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), talbu, fl-20 ta’ Diċembru 2010, l-aċċess għal diversi dokumenti li jirrigwardaw l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-glyphosate bħala sustanza attiva, mogħtija skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332). It-talba kienet ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u fuq ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità [Ewropea] tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

2        Id-dokumenti mitluba kienu s-segwenti:

–        kopja tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni redatt mill-Istat Membru relatur, ir-Repubblika tal-Ġermanja, qabel l-ewwel inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (iktar ’il quddiem l-“abbozz tar-rapport”);

–        lista kompleta tat-testijiet kollha ppreżentati mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, deċiża mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE, tal-20 ta’ Novembru 2001, li temenda l-Anness tad-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż b’mod partikolari l-glyphosate (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182);

–        id-dokumentazzjoni kompleta, sħiħa u oriġinali tat-testijiet ippreżentata mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fl-2001, sa fejn din tirrigwarda t-testijiet ta’ tossiċità għal żmien twil, it-testijiet ta’ mutaġeniċità, ta’ karċinoġeniċità, ta’ newrotossiċità u l-istudji fuq ir-riproduzzjoni.

3        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lir-rikorrenti sabiex jikkuntattjaw l-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jiksbu l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

4        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ressqu, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva għal aċċess għal dokumenti.

5        Wara li talab il-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet Ġermaniżi, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tat, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2011, l-aċċess għall-abbozz tar-rapport, bl-eċċezzjoni tal-volum 4 tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dokument inkwistjoni”), li l-imsemmija awtoritajiet irrijfutaw li jiżvelaw u li jinkludi l-lista sħiħa tat-testijiet kollha pprovduti mill-applikanti għall-ewwel inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Is-Segretarju Ġenerali informat lill-applikanti li l-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha d-dokumentazzjoni kompleta, sħiħa u oriġinali ta’ dawn it-testijiet, li qatt ma ġew trażmessi lilha. L-imsemmi Segretarju Ġenerali spjegat ukoll li l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni kienet għadha għaddejja u li deċiżjoni kienet ser tittieħed sussegwentement.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokument inkwistjoni, billi bbażat ruħha fuq ir-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ppreżentat il-motivi għalfejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opponiet għall-iżvelar tad-dokument ikkontestat, abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet, fil-fatt, tal-parir li d-dokument inkwistjoni kien fih informazzjoni kunfidenzjali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jiġifieri l-kompożizzjoni kimika dettaljata tas-sustanza attiva prodotta minn kull wieħed minnhom, informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza minn kull wieħed mill-applikanti għall-inklużjoni, informazzjoni dwar l-impuritajiet, il-kompożizzjoni tal-prodotti lesti u r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-applikanti differenti għall-inklużjoni.

8        Wara li osservat li l-awtortajiet Ġermaniżi kienu ddikjaraw li huma ma jikkunsidrawx li kien hemm interess pubbliku superjuri, kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni, is-Segretarju Ġenerali eżaminat jekk, fir-rigward tar-Regolament Nru 1367/2006, setax jiġi invokat tali interess pubbliku. Hija osservat li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ma kienx applikabbli għad-dokument inkwistjoni, għaliex dan id-dokument ma fihx informazzjoni li tista’ titqies bħala li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent.

9        Issa, skont is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ikkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna l-proċess ta’ produzzjoni tal-glyphosate tal-applikanti għall-inklużjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li, fl-ibbilanċjar tal-interessi, in-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ dawn l-applikanti hija iktar importanti mill-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni. Fil-fatt, l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument inkwistjoni jippermetti lil impriżi kompetitriċi li jikkopjaw il-proċess ta’ produzzjoni tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate, li jwassal għal telf kunsiderevoli għalihom, b’nuqqas ta’ osservanza tal-interessi kummerċjali tagħhom u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom. L-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-effetti possibbli tal-emissjonijiet tal-glyphosate jirriżultaw minn partijiet oħra tal-abbozz tar-rapport żvelati lill-pubbliku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-impuritajiet rilevanti u l-metaboliti. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-impuritajiet mhux rilevanti inklużi fid-dokument inkwistjoni, dawn jikkonċernaw elementi li ma jippreżentawx riskji għas-saħħa jew għall-ambjent, iżda li jwasslu sabiex jiġi żvelat il-proċess ta’ produzzjoni ta’ kull prodott.

10      Is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni osservat sussegwentement li mill-proċedura li permezz tagħha l-glyphosate ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1367/2006, għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ informazzjoni dwar l-effetti ta’ din is-sustanza fuq l-ambjent, kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni tal-interessi tal-produtturi ta’ din is-sustanza għandha tipprevali.

11      Is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni mitluba ma tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, u li ma kienx hemm prova tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tali interess jinsab, skont hi, fil-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-produtturi tal-glyphosate.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2011.

13      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1367/2006;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet żewġ domandi lir-rikorrenti, li wieġbu permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2013.

16      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni ntalbet sabiex tipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali d-dokument inkwistjoni u sabiex tidentifika l-partijiet li jirrigwardaw il-purità tal-glyphosate, “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fih u l-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli. Il-Qorti Ġenerali speċifikat li d-dokument inkwistjoni ma għandux jintbagħad lir-rikorrenti. Permezz ta’ ittra ppeżentata fil-25 ta’Jannar 2013, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokument inkwistjoni.

17      Id-dokument inkwistjoni huwa kompost minn tliet subdokumenti. L-ewwel subdokument huwa intitolat “Monografija — 11 ta’ Diċembru 1998 — Volum 4 — Parti A — Glyphosate”, u fih tmien partijiet, intitolati “C.1 Informazzjoni kunfidenzjali”, “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)”, “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva (Anness II A 1.9 sa 1.11)”, “C.1.3 Speċifikazzjoni dettaljata tal-preparazzjonijiet (Anness II A 1.4)”, “C.2 Sunt u evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni kollettiva ta’ fajlijiet”, “C.2.1 Sunt tal-informazzjoni u dokumentazzjoni prodotta (fajl dokument B)”, “C.2.2 Evalwazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni prodotta” u “C.2.3 Konklużjoni dwar jekk il-miżuri meħuda mill-impriżi notifikanti kinux raġonevoli jew le”. It-tieni subdokument huwa intitolat “Addendum għall-monografija — Volum 4 tal-11 ta’ Diċembru 1998 — Glyphosate — Glyphosate-trimesium — Parti A — Glyphosate”, huwa ddatat l-14 ta’ Jannar 2000 u fih punt wieħed biss, intitolat “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)”. It-tielet subdokument huwa intitolat “Addendum 2 għall-monografija — Volum 4 tal-11 ta’ Diċembru 1998 — Glyphosate — Glyphosate-trimesium”, huwa ddatat it-12 ta’ Mejju 2001 u fih tliet punti, intitolati “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)”, “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tal-purità tas-sustanza attiva” u “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)”.

18      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni identifikat wkoll il-partijiet tat-tliet subdokumenti li jikkostitwixxu d-dokument inkwistjoni li jikkonċernaw il-purità tal-glyphosate, “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fih u l-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli.

 Fuq il-portata tal-kawża

19      Il-portata tal-kawża għandha tiġi ppreċiżata taħt tliet aspetti.

20      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li la d-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2011 u lanqas id-deċiżjoni kkontestata ma fiha rifjut ta’ aċċess għad-dokumentazzjoni kompleta, sħiħa u oriġinali tat-testijiet ippreżentata mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, mitlub mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Diċembru 2010. Skont ir-regoli dwar l-eżami tas-sustanzi attivi inklużi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-Kummissjoni rċeviet biss mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fajl sommarju dwar il-glyphosate, li fih kopja tan-notifika, il-kundizzjonijiet għall-użu rrakkomandati kif ukoll is-sunti u r-riżultati tat-testijiet, iżda mhux il-protokolli u r-rapporti ta’ studji nfushom.

21      Ir-rikorrenti ddikjaraw fis-seduta li huwa jaċċettaw il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx fil-pussess ta’ din id-dokumentazzjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-kawża ma tirrigwardawx rifjut eventwali ta’ aċċess għal din id-dokumentazzjoni.

22      It-tieni nett, ir-rikorrenti sostnew li, sa fejn fih informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali differenti bejn il-varji operaturi li nnotifikaw is-sustanza attiva jew informazzjoni dwar il-metodu ta’ manifattura tagħha, id-dokument inkwistjoni ma kien ta l-ebda interess għalihom. Għaldaqstant, huma jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat permezz ta’ din id-deċiżjoni l-aċċess għal informazzjoni dwar il-grad ta’ purità tas-sustanza attiva, dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-materjal tekniku, dwar il-profil analitiku tal-lottijiet u dwar il-kompożizzjoni eżatta tal-prodott żviluppat.

23      It-tielet nett, ir-rikorrenti ppreċiżaw, matul is-seduta, dak li huma jikkunsidraw jikkostitwixxi informazzjoni dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kif ukoll dwar il-profil analitiku tal-lottijiet. Għal dak li jirrigwarda l-profil analitiku tal-lottijiet ippreżentati mill-impriżi għat-testijiet, huma ddikjaraw li xtaqu jkunu jafu l-kontenut u l-kompożizzjoni tal-lottijiet, b’mod partikolari s-sustanzi kimiċi l-oħra miżjuda kif ukoll id-deskrizzjoni tat-testijiet u tal-effetti reali tagħhom.

24      Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi limitata għall-parti tad-dokument inkwistjoni li fiha informazzjoni dwar il-grad ta’ purità tas-sustanza attiva, dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-materjal tekniku, dwar il-profil analitiku tal-lottijiet u dwar il-kompożizzjoni eżatta tal-prodott żviluppat, kif ippreċiżat fil-punt 23 iktar ’il fuq.

 Id-dritt

25      Fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi. L-ewwel nett, huma jikkunsidraw li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix id-dritt ta’ veto lil Stat Membru u li l-Kummissjoni tista’ ma tibbażax ruħha fuq l-opinjoni tiegħu għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament. It-tieni nett, huma jsostnu li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess intiża sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari għandha tiġi eskluża, minħabba interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent. It-tielet nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, peress li l-Kummissjoni ma evalwatx ir-riskju effettiv li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali invokati.

26      Huwa neċessarju li l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv tar-rikors, li jfisser li qabel xejn għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ aċċess li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u, sussegwentement, il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

 Fuq il-portata tad-dritt ta’ aċċess li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

27      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1/2001 jirrifletti r-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE, inkluż bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-iktar eqreb possibbli lejn iċ-ċittadin. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru l-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess kemm jista’ jkun wiesa’ għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (ara s-sentenza L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa minnu li dan id-dritt huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11, l-imsemmi regolament fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi li l-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu (ara s-sentenza L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, is-subparagrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.

30      Meta Stat Membru jkun eżerċita l-fakultà li hija disponibbli lilu permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-Istat, ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jeħtieġ il-kisba ta’ kunsens minn qabel tal-imsemmi Stat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 50).

31      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jopponi l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu abbażi biss tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fis-subparagrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 99).

32      Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara s-sentenza L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fejn l-eċċezzjoni invokata tkun waħda minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-Istat Membru li jkun qiegħed jopponi l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu għandu jevalwa jekk jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

34      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li minnha joriġina d-dokument inkwistjoni, opponiet l-iżvelar billi mmotivat ir-rifjut tagħha permezz tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażata fuq il-preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, inkluża l-proprjetà intellettwali, u li hija qieset li ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tiegħu.

35      It-tieni nett, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 jistipula li r-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni applikabbli għal kull talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali. Fil-fatt, mill-premessi 8 u 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, u, b’mod partikolari, mill-frażi “bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent”, moqrija b’mod konġunt mal-Artikoli 3 u 6 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li dan ir-regolament fih dispożizzjonijiet li jissostitwixxu, ibiddlu jew jippreċiżaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 meta t-talba għal aċċess tkun tirrigwarda informazzjoni ambjentali jew informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra p. I‑I-6021, punti 105 u 106, li hija s-suġġett tal-appelli C‑514/11 P u C‑605/11 P, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

36      Għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu informazzjoni ambjentali, l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, affermat mill-ġdid fit-tieni sentenza tal-premessa 15 u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, huwa msaħħaħ, minn naħa, min-neċessità għall-istituzzjoni kkonċernata li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fl-iżvelar ta’ tali informazzjoni kif ukoll permezz tar-riferiment għall-fatt dwar jekk din l-informazzjoni hijiex marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jinkludix preċiżjonijiet simili dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjonijiet f’dan il-qasam (sentenza LPN vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 107).

37      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi preżunzjoni legali li l-iżvelar jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ħlief meta din l-informazzjoni tkun tikkonċerna investigazzjoni, b’mod partikolari dik relatata ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju (sentenza LPN vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 108).

38      Sussegwentement, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jeżiġi li l-istituzzjoni kkonċernata, li quddiemha tressqet talba għal aċċess għal dokument, tiżvela dan id-dokument meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, anki jekk tali żvelar jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, inkluż għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ dik il-persuna, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

39      L-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika interpretazzjoni differenti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandhom jiġu miċħuda.

40      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-iżvelar ta’ informazzjoni li tinsab fid-dokument inkwistjoni jista’ jaffettwa b’mod gravi l-bilanċ stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 91/414, billi jwassal għal konsegwenzi ekonomiċi sinjifikattivi għall-operaturi li jkunu segwew il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għas-sustanzi attivi prevista f’din id-direttiva. Issa, għalkemm din fiha dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, li tikkostitwixxi sigriet industrijali u kummerċjali, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanzi attivi li hija torganizza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali regoli ma tippermettix li tiġi kkontestata l-preżunzjoni inkonfutabbli li tirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

41      It-tieni nett, dan japplika wkoll meta l-iżvelar ta’ ċertu numru ta’ informazzjoni dwar l-impuritajiet identifikati f’sustanza attiva jitqies bħala li jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1). Fil-fatt, tali dispożizzjoni tirreferi biss għall-interess pubbliku protett mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li fil-konfront tiegħu l-interess pubbliku superjuri msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jieħu preċedenza.

42      It-tielet nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-regoli speċifiċi għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, fejn id-dokumenti li ntalbu jiġu żvelati huma wkoll suġġetti għal regoli speċjali għal dak li jirrigwarda t-trażmissjoni tagħhom lill-partijiet interessati fil-kuntest ta’ proċedura speċifika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, punt 58, u tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 100). Jekk, sabiex tingħata interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-informazzjoni mitluba f’dan il-każ ġiet trażmessa lill-Istat Membru relatur fil-proċedura ta’ applikazzjoni għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, dan iwassal biss, skont is-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, għall-ħolqien ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jkun ta’ natura li jippreġudika l-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni. Tali konklużjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-portata tar-regola stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li permezz tagħha l-interess pubbliku superjuri msemmi hemmhekk jipprevali b’mod inkonfutabbli fuq l-interess ibbażat fuq ir-riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali, inkluża l-proprjetà intellettwali.

43      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tqis li għandha tiġi żgurata interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006 li hija koerenti mad-dritt tal-Unjoni u mal-ftehim internazzjonali ffirmat mill-Unjoni, f’dan il-każ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389) (iktar ’il-quddiem il-“Karta”) u l-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU L 336, p. 214, iktar ’il-quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), (ĠU L 336, p. 3).

44      Minn naħa, għandu ċertament jitfakkar li l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta jistabbilixxu rispettivament il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, li huma wkoll prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-istess bħall-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2012, Interseroh Scrap and Metal Trading, C‑1/11, punt 43, u tal-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tiġi kkontestata il-validità ta’ dispożizzjoni ċara u inkundizzjonali tal-leġiżlazzjoni sussidjarja (ara, b’analoġija, is-sentenza Interseroh Scrap and Metal Trading, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 46). Issa, taħt il-pretest ta’ ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-proprjetà, li jinkludi d-drittijiet marbuta mal-proprjetà intellettwali, u l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali oħra, il-Kummissjoni qed tipprova, permezz tal-argument tagħha, tevita l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u ma tiżgurax interpretazzjoni koerenti jew armonjuża tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006 mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, tad-Direttiva 91/414 jew tar-Regolament Nru 1107/2009. Tali approċċ ma jistax, f’kull każ, jiġi adottat, billi jammonta għal nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ċara u inkundizzjonali ta’ regolament tal-Unjoni, li barra minn hekk hija niesqa minn kull allegazzjoni li din tmur kontra dispożizzjoni legali superjuri.

45      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs, li jifforma parti mill-Ftehim WTO, iffirmat mill-Komunità u sussegwentement approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jikkostitwixxu parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżisti f’qasam ikkonċernat mill-Ftehim TRIPs, huwa d-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli, u dan jimplika, sa fejn huwa possibbli, l-obbligu li tingħata interpretazzjoni konformi ma’ dan il-ftehim, mingħajr madankollu ma jingħata effett dirett lid-diżpożizzjoni inkwistjoni ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos, C‑431/05, Ġabra p. I‑7001, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni ssostni li r-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006 kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-emissjonijiet fl-ambjent li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom jiġu interpretati b’mod ekwilibrat u proporzjonat sabiex ma jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs, li jipproteġu l-informazzjoni li għandha valur kummerċjali kontra żvelar pubbliku. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ntalbet tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li hija konformi mal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs. Madankollu, għal darb’oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni jwassal sabiex ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u mhux sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni tal-kliem ta’ dan l-artikolu li hija konformi mal-kontenut tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs, peress li jagħti preċedenza lill-protezzjoni mogħtija lid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-preżunzjoni inkonfutabbli favur l-iżvelar tal-informazzjoni meta din tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent. Issa, tali approċċ ma jistax, f’kull każ, jiġi adottat, peress li jwassal, fir-realtà, sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 fir-rigward tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim TRIPs (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 800).

46      Mill-punti 35 sa 45 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tobbliga l-iżvelar ta’ dokument meta l-informazzjoni mitluba tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, anki f’każ ta’ riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi protetti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata taħt il-pretest ta’ interpretazzjoni koerenti, armonjuża jew konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, tal-Artikolu 39(2) u (3), tal-Ftheim TRIPs, tad-Direttiva 91/414 jew tar-Regolament Nru 1107/2009.

 Fuq il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent

47      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-preżunzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi l-informazzjoni mitluba kienet informazzjoni ambjentali dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Fil-fatt, l-informazzjoni marbuta direttament mal-purità tal-glyphosate, b’mod partikolari “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fih u mal-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli u għall-istudji fid-dawl ta’ liema l-imsemmija sustanza ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tikkostitwixxi tali informazzjoni, peress li l-kompożizzjoni tal-prodott tippermetti li jiġu ddeterminati l-elementi tossiċi emessi.

48      Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ emissjoni għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u li, skont il-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ippubblikat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) fl-2000 (iktar ’il quddiem il-“Gwida ta’ Applikazzjoni”), dan huwa kkostitwit minn rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi minn installazzjonijiet. Sussegwentement, hija ssostni li l-informazzjoni mitluba ma tirrigwardax l-emissjonijiet fl-ambjent, għaliex l-informazzjoni li tinsab fid-dokument inkwistjoni tikkonċerna, b’mod dettaljat, il-metodi ta’ manifattura tal-glyphosate, mogħtija mill-varji applikanti għall-inklużjoni u protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi ma huwiex possibbli li l-kategoriji ta’ informazzjoni li jinteressaw lill-applikanti jiġu distinti u iżolati mill-informazzjoni dwar il-metodi ta’ manifattura tas-sustanza attiva, li tifforma s-suġġett tad-dokument inkwistjoni.

49      L-ewwel nett, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni dwar l-emissjonijiet għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, għandu jiġi kkonstatat li analiżi tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 15 TFUE u fir-Regolament Nru 1049/2001, u ppreċiżat, għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni ambjentali jew dik dwar emissjonijiet fl-ambjent, permezz tar-Regolament Nru 1367/2006, ma twassalx għal tali konklużjoni.

50      Fil-fatt, meta l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jiċħdu talba għal aċċess għal dokumenti abbażi ta’ eċċezzjoni, huma għandhom jinterpretaw u japplikaw strettament l-imsemmija eċċezzjoni (ara s-sentenza L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata), sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il‑Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, Ġabra p. II‑2479, punt 123).

51      Issa, billi tqis li, meta l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, l-iżvelar għandu interess pubbliku superjuri għall- interess protett minn eċċezzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tippermetti implementazzjoni speċifika ta’ dan il-prinċipju ġenerali.

52      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, huma biss ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għandu għall-pubbliku u tal-fatt jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax jew le emissjonijiet fl-ambjent. Issa, hekk kif ġie rrilevat matul is-seduta, il-proposta leġiżlattiva COM (2003) 622 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ottubru 2003, kienet tipprovdi l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għat-talbiet għal aċċess għal informazzjoni ambjentali, mingħajr ebda distinzjoni għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Hija l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, tat-18 ta’ Lulju 2005, li għażlet approċċ iktar restrittiv għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, billi fformulat mill-ġdid il-premessa 15 bi kliem simili għal dawk li jinsabu fil-verżjoni definittiva tagħha u billi daħlet l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) li fiha l-preżunzjoni legali favur l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

53      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li la l-loġika tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif tirriżulta mir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006 kif ukoll mill-applikazzjoni tagħhom, u lanqas il-kliem ta’ dan l-aħħar regolament, kif iċċarati fix-xogħol preparatorju, ma jimplikaw li l-kunċett ta’ emissjoni fl-ambjent għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Sussegwentement, sabiex l-iżvelar ikun legali, ikun biżżejjed jekk l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda b’mod suffiċjentement dirett l-emissjonijiet fl-ambjent.

54      Ir-referenza mill-Kummissjoni għall-Gwida ta’ Applikazzjoni sabiex issostni li l-kunċett ta’ emissjoni jirreferi għall-emissjonijiet li joriġinaw minn installazzjonijiet ma tippermettix li tiġi kkontestata din il-konklużjoni.

55      Diġà ġie deċiż li l-Gwida ta’ Applikazzjoni ma tistax tagħti interpretazzjoni vinkolanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, punt 36), peress li l-Avukat Ġenerali Sharpston ikkonkludiet li kienet nieqsa minn natura obbligatorja għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni (konklużjonijiet li wasslu għas-sentenza Flachglas Torgau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58). L-istess għandu japplika a fortiori għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006.

56      Barra minn hekk, il-Gwida ta’ Applikazzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ emissjoni kif jirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), li l-Artikolu 2(5) tiegħu jiddefinixxi l-emissjoni bħala r-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi mill-installazzjoni fl-arja, fl-ilma jew fl-art, fejn l-installazzjoni hija unità stazzjonarja fejn titwettaq attività waħda jew iktar elenkati fl-Anness I tad-direttiva. Issa, tali definizzjoni tista’ tiġi spjegata permezz tal-għan tad-Direttiva 96/61, jiġifieri l-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis li joriġina minn attivitajiet esklużivament industrijali. Issa, għandu jiġi osservat li la l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ir-Regolament Nru 1367/2006 ma jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal tali attivitajiet. Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-emissjoni fl-ambjent li tirriżulta mill-Gwida ta’ Applikazzjoni ma tistax, barra minn hekk, tintuża għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006.

57      It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dokument inkwistjoni fihx informazzjoni li, b’mod suffiċjentement dirett, tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent.

58      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif issemma fil-punt 22 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jitolbu aċċess għal informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali differenti bejn il-varji operaturi li nnotifikaw il-glyphosate jew informazzjoni dwar il-metodu ta’ manifattura tagħha, li jikkostitwixxu l-punti “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)” (p. 1 sa 11) u “C.2 Sunt u evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni kollettiva ta’ fajlijiet” (p. 88 u 89) tal-ewwel subdokument ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali, u l-punt “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)” (p. 1 sa 3 inklużiva) tat-tielet subdokument ippreżentat mill-Kummissjoni.

59      It-tieni nett, ir-rikorrenti ppreċiżaw fis-seduta ċerti punti tat-talba tagħhom għal aċċess. Huma jixtiequ jkollhom informazzjoni dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-glyphosate kif ukoll dwar il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, b’mod partikolari l-kompożizzjoni tagħhom, “l-identità” u l-kwantità tas-sustanzi kimiċi miżjuda matul it-testijiet, it-tul ta’ dawn tal-aħħar u l-effetti reali fuq is-sustanza attiva.

60      Għaldaqstant, huwa biss sa fejn il-partijiet tad-dokument inkwistjoni li ma jissemmewx fil-punt 58 iktar ’il fuq fihom informazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq jew li tirrigwarda l-kompożizzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-glyphosate, u bil-kundizzjoni li din l-informazzjoni tkun tista’ titqies li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, li hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tiżvelahom.

61      It-tielet nett, ir-rikorrenti kkjarifikaw il-mod kif l-informazzjoni dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-glyphosate, dwar il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati u l-kompożizzjoni tal-prodott li fin din is-sustanza tista’ twassal sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ emissjoni tal-imsemmija impuritajiet fl-ambjent.

62      Fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li r-residwi tas-sustanza attiva fl-ambjent u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem huma marbuta direttament mal-purità tas-sustanza, b’mod partikolari mal-“identità” u mal-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-glyphosate, u mhux biss mal-“identità” u mal-kwantità tal-impuritajiet ikkunsidrati bħala rilevanti mill-Kummissjoni. Skont huma, huwa importanti wkoll li jkun magħruf il-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli, sabiex dawn u l-istudji li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ikunu jistgħu jiġu interpretati. Din hija r-raġuni għalfejn il-kompożizzjoni eżatta tal-prodotti żviluppati u kontrollati għandha tiġi żvelata, li jippermetti li jiġu ddeterminati liema elementi tossiċi huma emessi fl-ambjent u li jistgħu jibqgħu hemmhekk għal ċertu żmien.

63      Fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżaw ukoll il-mod kif l-informazzjoni li huma qegħdin jitolbu hija konnessa mal-kunċett ta’ emissjoni fl-ambjent. Għaldaqstant, l-impuritajiet li jinsabu fil-glyphosate jiġu rrilaxxati fl-ambjent fl-istess mument bħall-glyphosate nnifsu. Barra minn hekk, dawn l-impuritajiet jistgħu jkollhom, skont il-kwantità tagħhom, effett fuq ir-riżultati tat-testijiet meħtieġa għall-eżami tal-effetti negattivi tal-glyphosate għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-testijiet mwettqa għal din l-inklużjoni huma rappreżentattivi tal-emissjonijiet fl-ambjent li jkun hemm fl-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glyphosate, huwa għalhekk neċessarju li l-informazzjoni dwar il-profil analitiku tal-lottijiet tkun disponibbli. Fl-anness għat-tweġiba tagħhom, ir-rikorrenti inkludew dokument li jindika b’mod partikolari proċess li bih il-glyphosate huwa mmanifatturat kif ukoll l-elementi miżjuda sabiex tiġi mmanifatturata din is-sustanza attiva, u li jinsisti fuq il-fatt li l-impuritajiet preżenti fis-sustanza attiva prodotta ser jiġu emessi fl-ambjent. Barra minn hekk, l-istess dokument jenfasizza fuq l-importanza li tinkiseb l-informazzjoni dwar il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-profil jikkorrispondix ma’ dak tal-prodotti mqegħda fis-suq, peress li produzzjoni fuq skala żgħira tista’ twassal għal profil analitiku tal-glyphosate differenti minn dak prodott fuq skala kbira għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu. Billi tinkiseb din l-informazzjoni, ikun possibbli li jiġu vverifikati d-differenzi eventwali bejn il-profili analitiċi tal-lottijiet eżaminati għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u dawk tal-prodotti mqegħda fis-suq, u li jiġi ddeterminat jekk it-testijiet imwettqa kinux rilevanti fir-rigward tal-emissjonijiet reali tal-glyphosate fl-ambjent. Fl-aħħar nett, dan id-dokument jenfasizza li l-informazzjoni mitluba tippermetti li jiġi magħruf il-livell tal-metabolit li fih il-glyphosate jittrasforma ruħu, li huwa rrilaxxat fl-ambjent, huwa ta’ natura persistenti u jniġġes l-ilmijiet ta’ taħt l-art.

64      Għalkemm il-Kummissjoni taqbel li kull sustanza hija inevitabbilment irrilaxxata fl-ambjent f’xi stadju jew ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tagħha, hija tikkunsidra li d-dokument inkwistjoni ma fihx informazzjoni li tista’ titqies bħala li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, iżda informazzjoni dwar il-metodi ta’ manifattura użati mill-varji operaturi li nnotifikaw il-glyphosate għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Hija topponi għall-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-impuritajiet u dwar il-profil analitiku tal-lottijiet, peress li dan jippermetti li jiġi rrikostitwit il-metodu ta’ manifattura tas-sustanza attiva u s-sigrieti kummerċjali relatati miegħu, għaliex ma huwiex possibbli li l-varji kategoriji ta’ informazzjoni jiġu distinti u iżolati. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni kollha rilevanti mil-lat tossikoloġiku u dwar l-effetti tas-sustanza attiva fuq is-saħħa kienet is-suġġett ta’ analiżi dettaljata u ġiet żvelata permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Mejju 2001, u tosserva wkoll li r-rikorrenti ma indikawx ir-raġunijiet li għalihom id-dokumenti diġà żvelati ma humiex biżżejjed għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-proċess ta’ inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

65      Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni id-dokument inkwistjoni, li jinqasam, hekk kif il-Kummissjoni fakkret fl-ittra tagħha mibgħuta mad-dokument inkwistjoni, f’subdokumenti.

66      L-ewwel subdokument fih b’mod partikolari l-punt “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva (Anness II A 1.9 sa 1.11)”, li jindika, minn naħa, in-notifiki ppreżentati lill-Istat Membru relatur mill-operaturi li jridu l-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li jidentifika l-varji impuritajiet li hemm fil-glyphosate prodott kif ukoll il-kwantità preċiża jew massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet [punt “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)”, p. 11 sa 61] u, min-naħa l-oħra, il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, b’mod li juri fi forma ta’ tabella l-kwantitajiet tal-impuritajiet kollha preżenti fil-varji lottijiet kif ukoll il-kwantitajiet minimi, medji u massimi ta’ kull waħda mill-impuritajiet, fejn il-metodi ta’ analiżi u l-validazzjoni tad-data ġew ippreżentati wkoll mill-maġġoranza tal-operaturi inkwistjoni [taqsima “C.1.2.2 Profil analitiku tal-lottijiet (Anness II A 1.11)”, p. 61 sa 84]. L-ewwel subdokument fih ukoll il-punt “C.1.3 Speċifikazzjoni dettaljata tal-preparazzjonijiet (Anness II A 1.4)”, li jiddeskrivi l-kontenut tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-glyphosate mmanifatturat minn kull wieħed mill-operaturi li nnotifikaw din is-sustanza attiva (p. 84 sa 88).

67      L-unika subsezzjoni tat-tieni subdokument (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) tikkonsisti minn tabella fejn huma identifikati l-varji operaturi li nnotifikaw il-glyphosate, il-formola strutturali ta’ kull impurità preżenti fis-sustanza attiva ta’ kull wieħed mill-imsemmija operaturi u l-kwantità preċiża jew massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet (p. 1 sa 6).

68      It-tielet subdokument fih b’mod partikolari żewġ punti rispettivament intitolati “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tal-purità tas-sustanza attiva” u “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)” (p. 4 sa 13). Il-punt C.1.2 jindika l-varji impuritajiet li jinsabu fil-glyphosate-trimesium kif ukoll il-kwantità preċiża jew massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet (p. 4), u l-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, b’mod li juri fil-forma ta’ tabella l-kwantitajiet tal-impuritajiet kollha preżenti fil-varji lottijiet (p. 7). Il-punt C.1.2.1 huwa kkostitwit minn tabella simili għal dik li hemm fit-tieni subdokument u fin informazzjoni tal-istess natura (p. 8 sa 13).

69      Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif isostnu r-rikorrenti, il-parti l-kbira tad-data li tirriżulta mis-subdokumenti li jikkostitwixxu d-dokument inkwistjoni, imsemmija fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq, tirrigwarda l-identifikazzjoni u l-kwantitajiet tal-varji impuritajiet preżenti fis-sustanza attiva nnotifikata minn kull wieħed mill-operaturi li pparteċipa fil-proċedura ta’ inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Peress li s-sustanza attiva għandha tiġi inkluża fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, li huwa paċifiku li ser jiġi rrilaxxat fl-arja, prinċipalment permezz ta’ sprej, “l-identità” u l-kwantità ta’ kull impurità li tinsab f’tali sustanza jikkostitwixxu informazzjoni li tirrigwarda, b’mod suffiċjentement dirett, l-emissjonijiet fl-ambjent, kif indikaw ġustament ir-rikorrenti (ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq).

70      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-isem u l-kwantità preċiża jew massima tal-impuritajiet preżenti fis-sustanza attiva nnotifikata minn kull wieħed mill-operaturi kkonċernati jikkostitwixxu l-unika informazzjoni mitluba mir-rikorrenti, hekk kif indikaw waqt is-seduta.

71      Għal dak li jirrigwarda l-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet tal-impuritajiet kollha preżenti fil-varji lottijiet u l-kwantitajiet minimi, medji u massimi ta’ kull waħda mill-impuritajiet (ara l-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq), ippreżentata fil-forma ta’ tabella għal kull wieħed mill-operaturi li talbu l-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fl-ewwel subdokument u fil-forma ta’ tabelli fil-qosor fit-tieni u fit-tielet subdokument, tikkostitwixxi, bl-eċċezzjoni tal-formoli strutturali tal-impuritajiet li jinsabu f’dawn iż-żewġ tabelli tal-aħħar, informazzjoni li tirrigwarda, b’mod suffiċjentement dirett, l-emissjonijiet fl-ambjent.

72      Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar il-metodi ta’ analiżi u ta’ validazzjoni tad-data mogħtija sabiex jiġi stabbilit il-profil analitiku tal-lottijiet ma tikkostitwixxix informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, peress li mill-analiżi tal-parti unika tad-dokument inkwistjoni li fiha tali informazzjoni, jiġifieri l-punt “C.1.2.2 Profil analitiku tal-lottijiet (Anness II A 1.11)”, li jifforma parti mill-punt C.1.2 tal-ewwel subdokument, ma jirriżultax li din fiha elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat b’mod suffiċjentement dirett il-livell ta’ emissjoni fl-ambjent tal-varji komponenti tas-sustanza attiva.

73      Għal dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mill-operaturi li talbu l-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, għandu jiġi kkonstatat li l-kwantitajiet eżatti, għal kull kilogramm jew għal kull litru, tas-sustanza attiva u tal-aġenti miżjuda użati fil-manifattura tagħhom jinsabu fil-punt C.1.3, intitolat “Speċifikazzjonijiet dettaljati tal-preparazzjonijiet (Anness III A 1.4)” tal-ewwel subdokument u li tali informazzjoni tirrigwarda b’mod suffiċjentement dirett l-emissjonijiet fl-ambjent (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

74      L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq, peress li dawn ma jirnexxielhomx juru li l-informazzjoni mitluba ma tirrigwardax l-emissjonijiet fl-ambjent (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

75      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet it-talba għal aċċess għad-dokument inkwistjoni, sa fejn l-imsemmija talba kienet tirrigwarda informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, jiġifieri, l-ewwel nett, dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fis-sustanza attiva nnotifikata minn kull operatur, kif ippreċiżat fil-punt 70 iktar ’il fuq, liema informazzjoni tinsab fil-punt C.1.2.1 tal-ewwel subdokument (p. 11 sa 61), fil-punt C.1.2.1 tat-tieni subdokument (p. 1 sa 6) u fil-punt C.1.2.1 tat-tielet subdokument (p. 4 u 8 sa 13), it-tieni nett, dwar l-impuritajiet preżenti fil-varji lottijiet u l-kwantitajiet minimi, medji u massimi ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet, liema informazzjoni tinsab, għal kull operatur, fit-tabelli inklużi fil-punt C.1.2.2 tal-ewwel subdokument (p. 61 sa 84) u fil-punt C.1.2.4 tat-tielet subdokument (p. 7), u, it-tielet nett, dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mill-operaturi, liema informazzjoni tinsab fil-punt C.1.3 intitolat “Speċifikazzjonijiet dettaljati tal-preparazzjonijiet (Anness III A 1.4)”, tal-ewwel subdokument (p. 84 sa 88).

76      Konsegwentement, it-tieni motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ u, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motiv ta’ dan tal-aħħar, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn irrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-10 ta’ Awwissu 2011, li tirrifjuta l-aċċess għall-volum 4 tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, redatt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala Stat Membru relatur, tas-sustanza attiva glyphosate, skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija annullata sa fejn hija tirrifjuta l-aċċess għall-partijiet tal-imsemmi volum li jinkludu informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent: “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fis-sustanza attiva nnotifikata minn kull operatur, liema informazzjoni tinsab fil-punt C.1.2.1 tal-ewwel subdokument (p. 11 sa 61), fil-punt C.1.2.1 tat-tieni subdokument (p. 1 sa 6) u fil-punt C.1.2.1 tat-tielet subdokument (p. 4 u 8 sa 13) ta’ dan il-volum; l-impuritajiet preżenti fil-varji lottijiet u l-kwantitajiet minimi, medji u massimi ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet, liema informazzjoni tinsab, għal kull operatur, fit-tabelli inklużi fil-punt C.1.2.2 tal-ewwel subdokument (p. 61 sa 84) u fil-punt C.1.2.4 tat-tielet subdokument (p. 7) tal-imsemmi volum; il-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mill-operaturi, liema informazzjoni tinsab fil-punt C.1.3 intitolat “Speċifikazzjonijiet dettaljati tal-preparazzjonijiet (Anness III A 1.4)”, tal-ewwel subdokument (p. 84 sa 88) ta’ dan l-istess volum.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.