Language of document : ECLI:EU:C:2024:467

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 12(1) – Lis alibi pendens – Artikolu 13 – Konnessjoni tat-talbiet – Kunċett”

Fil-Kawża C‑381/23 [Geterfer] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Mönchengladbach-Rheydt (il-Qorti Distrettwali ta’ Mönchengladbach-Rheydt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

ZO

vs

JS

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, J.-C. Bonichot u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Vondung u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZO, wild li saret maġġorenni fil-mori tal-kawża, u ommha JS dwar il-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment.

 IrRegolament Nru 4/2009

3        Il-premessi 15 u 44 tar-Regolament Nru 4/2009 huma fformulati kif ġej:

“(15)      Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)]. [...]

[...]

(44)      Dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-kompetenza, ir-rikonoxximent, eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-għajnuna ġudizzjarja minflok dawk tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità.”

5        Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 14.

6        L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)      il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)      il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ)      il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, [...]

[...]”

7        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Lis [alibi] pendens”, jipprevedi:

“1      Meta proċedimenti li jinvolvu l-istess [suġġett u l-istess] kawża ta’ azzjoni u jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti mill-ewwel qorti li tkun invokata l-ewwel għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti tagħha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

2.      Meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata tiġi stabbilita, kwalunkwe qorti minbarra l-qorti invokata l-ewwel għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

8        Skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Azzjonijiet relatati”:

“1.      Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti quddiem qrati fi Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti minbarra dik invokata l-ewwel tista’ taġġorna l-proċedimenti tagħha.

2.      Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti fuq l-ewwel livell, kwalunkwe qorti minbarra dik invokata l-ewwel tista’ wkoll, fuq l-applikazzjoni ta’ waħda mill-partijiet, tirrinunza l-ġurisdizzjoni jekk l-ewwel qorti invokata jkollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

3.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ sentenzi rrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

9        Il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġuni għal ċaħda ta’ rikonoxximent”, huwa fformulat kif ġej:

“Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:

[...]

(ċ)      tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ikun mitlub ir-rikonoxximent”.

10      Mill-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jirriżulta li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 75(2) tiegħu, dan ir-regolament jemenda r-Regolament Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar applikabbli fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

11      ZO, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twieldet fix-xahar ta’ Novembru 2001 miż-żwieġ ta’ bejn missierha u JS, il-konvenuta fil-kawża prinċipali. Dan iż-żwieġ ġie xolt definittivament fix-xahar ta’ Novembru 2010.

12      Missier ZO jirrisjedi fil-Ġermanja, filwaqt li ommha tirrisjedi fil-Belġju.

13      Wara s-separazzjoni tal-ġenituri tagħha, ZO l-ewwel għexet ma’ ommha, u missierha kellu jħallas lil din tal-aħħar, konformement mas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014 tat-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen, il-Belġju), pensjoni tal-manteniment ta’ kull xahar għal ZO u għal ħuha.

14      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Awwissu 2017, it-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen) ittrasferixxiet id-“dritt ta’ akkomodazzjoni prinċipali” lill-missier.

15      ZO tqatta’ l-ġimgħa f’boarding school fil-Ġermanja u tirrisjedi prinċipalment ma’ missierha matul il-vaganzi skolastiċi. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ZO għad għandha indirizz fil-muniċipalità fejn tirrisjedi ommha fil-Belġju, iżda tirrifjuta li tagħmel kuntatt magħha.

16      Fil-kawża prinċipali, ZO titlob lil ommha l-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment, li għadha trid tiġi kkwantifikata, għall-perijodu li jibda mix-xahar ta’ Novembru 2017 sa data mhux speċifikata. L-omm tqajjem eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens.

17      Fil-fatt, fid-data tat-tressiq tal-kawża prinċipali, proċedura mibdija mill-omm kontra missier ZO kienet diġà pendenti quddiem it-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ Eupen). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-omm tinvoka dritt għal kumpens talli żgurat l-akkomodazzjoni u l-manteniment ta’ bintha mill‑1 ta’ Awwissu 2017 sal‑31 ta’ Diċembru 2018.

18      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Novembru 2021, l-Amtsgericht Mönchengladbach-Rheydt (il-Qorti Distrettwali ta’ Mönchengladbach-Rheydt) iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba ta’ ZO skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009. Madankollu, hija ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli minħabba l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, peress li kienet inbdiet proċedura qabel mill-omm quddiem it-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen). L-Amtsgericht Mönchengladbach-Rheydt (il-Qorti Distrettwali ta’ Mönchengladbach-Rheydt) indikat, b’mod partikolari, li ż-żewġ proċeduri kienu intiżi għall-kisba ta’ manteniment għal wild, filwaqt li ppreċiżat, barra minn hekk, li fil-Belġju, konformement mal-Artikoli 203 u 203a tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili), il-ġenituri għandhom jassumu, abbażi ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni reċiproka, il-manteniment ta’ wliedhom sakemm ilestu t-taħriġ tagħhom, anki wara li jsiru maġġorenni fl-età ta’ 18-il sena.

19      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ April 2022, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) laqgħet l-appell ippreżentat minn ZO mid-digriet tal-Amtsgericht Mönchengladbach-Rheydt (il-Qorti Distrettwali ta’ Mönchengladbach-Rheydt) minħabba li ż-żewġ proċeduri ma jikkonċernawx l-istess partijiet u la għandhom l-istess suġġett u lanqas l-istess kawża ta’ azzjoni. Hija bagħtet il-kawża lura quddiem l-Amtsgericht Mönchengladbach-Rheydt (il-Qorti Distrettwali ta’ Mönchengladbach-Rheydt) għal rikunsiderazzjoni.

20      Din il-qorti tal-aħħar, li hija l-qorti tar-rinviju, tqis, b’riferiment għas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1998, Drouot assurances (C‑351/96, EU:C:1998:242), li l-interessi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ta’ missierha, konvenut fil-kawża prinċipali quddiem it-tribunal de première instance d’Eupen (il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Eupen), huma tant identiċi li dawn il-persuni jistgħu jitqiesu li huma l-istess parti għall-finijiet tal-lis alibi pendens. Barra minn hekk, iż-żewġ proċeduri pendenti għandhom l-istess suġġett, jiġifieri azzjoni intiża sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4/2009 u dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 12 fil-kawża prinċipali.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Amtsgericht Mönchengladbach-Rheydt (il-Qorti Distrettwali ta’ Mönchengladbach-Rheydt), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Teżisti kawża bl-istess suġġett pendenti quddiem qorti oħra fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 [...], meta proċedura intiża għall-ksib tal-manteniment għal wild titmexxa, fil-Belġju, bejn missier il-wild u omm il-wild, filwaqt li proċedura intiża għall-ksib tal-manteniment għal wild titmexxa sussegwentement fil-Ġermanja mill-wild, li sadattant sar maġġorenni, kontra ommu?”

 Fuq iddomanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, previsti f’din id-dispożizzjoni, li t-talbiet ikollhom l-istess suġġett u li għandhom jitressqu bejn l-istess partijiet, ikunu ssodisfatti meta, fid-data tat-talba minn wild, li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, għall-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment li huwa r-responsabbiltà ta’ ommu, ippreżentata quddiem qorti ta’ Stat Membru, tkun diġà tressqet talba mill-omm quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li permezz tagħha hija titlob mingħand missier il-wild kumpens għall-akkomodazzjoni u għall-manteniment ta’ dan il-wild.

23      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 68(1) u mill-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009, dan ir-regolament issostitwixxa, f’oqsma relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, lir-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu kien issostitwixxa bejn l-Istati Membri l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġuriżdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

24      Hekk kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali tapplika wkoll għal dik tal-oħrajn, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association, C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 42).

25      Dan huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet dwar il-lis alibi pendens, li jinsabu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4/2009 rispettivament, u li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma redatti f’termini simili.

26      Għaldaqstant, b’mod analogu għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u għall-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdi li, meta t-talbiet li jkollhom l-istess suġġett u l-istess kawża ta’ azzjoni jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-tieni talba għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha ex officio sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti adita tiġi stabbilita.

27      Din ir-regola ta’ lis alibi pendens, bħal dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dik tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, hija intiża, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kif imfakkar b’mod partikolari fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009, li tnaqqas il-possibbiltà ta’ proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ diversi Stati Membri u li tevita li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli meta diversi qrati jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-istess tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas,, C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 31, kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 39).

28      Għaldaqstant, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4/2009 huwa intiż li jeskludi, sa fejn huwa possibbli, sitwazzjoni bħal dik prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza minħabba n-natura irrikonċiljabbli tagħha ma’ sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas, C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 31).

29      Dan il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tal-każijiet ta’ lis alibi pendens għandu natura oġġettiva u awtomatika u huwa bbażat fuq l-ordni kronoloġika li fiha jkunu ġew aditi l-qrati inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jirreferix għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, iżda jirreferi għal diversi kundizzjonijiet sostantivi bħala komponenti tad-definizzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, il-kunċetti użati f’dan l-Artikolu 12 għandhom jitqiesu li huma awtonomi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, EU:C:1987:528, punt 11).

31      Hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009, kif tfakkar fil-punt 26 tas-sentenza preżenti, għandhom jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet kumulattivi sabiex tiġi ddeterminata sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens. Għaldaqstant, tali sitwazzjoni tiġi stabbilita meta t-talbiet isiru “bejn l-istess partijiet”, meta jkollhom “l-istess suġġett” u “l-istess kawża ta’ azzjoni”.

32      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet relatati mal-identità tal-partijiet u l-identiċità tas-suġġett tat-talbiet imressqa fiż-żewġ proċeduri paralleli pendenti humiex issodisfatti.

33      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li t-talbiet għandhom jitressqu bejn l- “istess partijiet”, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju joriġinaw mill-fatt li, filwaqt li l-kawża quddiem it-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen) hija bejn omm u missier il-wild, it-tilwima mressqa quddiemha hija bejn dan il-wild, li fil-frattemp sar maġġorenni, u ommu, b’tali mod li, formalment, dawn il-partijiet ma humiex identiċi.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament diġà ddeċidiet li huwa importanti, bħala prinċipju, li l-partijiet fil-kawżi jkunu identiċi, indipendentement mill-pożizzjoni ta’ waħda jew tal-oħra fiż-żewġ proċeduri paralleli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1998, Drouot assurances (C‑351/96, EU:C:1998:242, punti 19, 23 u 25), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li partijiet li huma formalment differenti, jiġifieri assiguratur u l-assigurat tiegħu, jista’ jkollhom, fir-rigward tas-suġġett taż-żewġ kawżi inkwistjoni, interessi tant identiċi u indissoċjabbli li sentenza mogħtija kontra waħda jkollha s-saħħa ta’ res judicata fir-rigward tal-oħra, b’tali mod li dawn għandhom jitqiesu li huma l-istess parti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

36      Interpretazzjoni analoga tal-kunċett tal-“istess partijiet” tista’ tiġi adottata fil-kuntest tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009.

37      Fil-fatt, fid-dawl tal-għan materjali ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda, hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tal-familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ jew ta’ affinità u jikkonċerna, konsegwentement, ta’ spiss, talbiet ta’ manteniment ta’ wild minuri, li jiġu ppreżentati minn persuni oħra, bħal wieħed u/jew l-ieħor mill-ġenituri tiegħu jew organu pubbliku għall-benefiċċji soċjali legalment issurrogat fid-drittijiet ta’ dan il-kreditur, għandu jiġi ammess li, f’ċerti sitwazzjonijiet, partijiet li jkunu formalment differenti jistgħu, fir-rigward tas-suġġett taż-żewġ kawżi inkwistjoni, ikollhom interess tant identiku u indissoċjabbli, jiġifieri l-interess tal-wild ikkonċernat bħala kreditur tal-manteniment, li sentenza mogħtija kontra waħda minn dawn il-partijiet ikollha saħħa ta’ res judicata fir-rigward tal-oħra. F’każ bħal dan, l-imsemmija partijiet għandhom ikunu jistgħu jitqiesu li huma l-istess parti, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament.

38      Din l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 4/2009. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni taċċetta li azzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment tista’ wkoll titressaq b’mod anċillari fil-kuntest ta’ azzjoni dwar l-istatus tal-persuni, bħalma hija proċedura għal divorzju, li l-partijiet tagħha huma neċessarjament il-ġenituri tal-wild ikkonċernat u li tal-inqas wieħed minn dawn il-ġenituri jirrappreżenta l-interessi ta’ dan il-wild fl-azzjoni anċillari relatata mal-obbligu ta’ manteniment.

39      Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li, fid-dawl tas-suġġett tal-proċeduri paralleli u tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali saret maġġorenni fil-mori tal-kawża, l-interessi ta’ din ir-rikorrenti huma tant indissoċjabbli minn dawk ta’ missierha, konvenut quddiem it-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen), li sentenza mogħtija f’waħda minn dawn il-kawżi kontra waħda minn dawn il-partijiet għandha s-saħħa ta’ res judicata fir-rigward tal-parti l-oħra.

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li s-suġġett tat-talbiet għandu jkun identiku, għandu jitfakkar li din il-kundizzjoni tfisser li dawn it-talbiet għandu jkollhom l-istess għan, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-talbiet rispettivi tar-rikorrenti f’kull waħda mill-kawżi u mhux tal-eċċezzjonijiet tad-difiża possibbilment imqajma minn konvenut (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic, C‑111/01, EU:C:2003:257, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, quddiem it-tribunal de première instance d’Eupen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen), l-omm titlob mingħand il-missier ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni u ta’ manteniment tat-tifla tagħhom, li ġġarbu bejn l‑1 ta’ Awwissu 2017 u l‑31 ta’ Diċembru 2018, filwaqt li, quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob mingħand ommha l-ħlas, fi flus kontanti, ta’ pensjoni tal-manteniment, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2017 sa data mhux speċifikata, iżda li tista’ tkompli wara x-xahar ta’ Novembru 2019, xahar li matulu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali saret maġġorenni.

42      Għaldaqstant, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jidhirx li t-talbiet mressqa f’’kull waħda mill-kawżi paralleli inkwistjoni għandhom l-istess suġġett. Fil-fatt, għalkemm dawn il-kawżi jikkonċernaw, b’mod ġeneriku, il-ħlas ta’ manteniment, il-pretensjonijiet tar-rikorrenti ma għandhomx għan identiku u ma jirrigwardawx l-istess perijodu.

43      Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009 huma kumulattivi, sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens ma tistax tiġi kkonstatata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha.

44      B’dan premess, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens ma tostakolax l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 4/2009 jekk il-qorti tar-rinviju tqis li t-talbiet inkwistjoni huma marbuta bejniethom b’rabta suffiċjentement stretta sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu li huma konnessi, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 13(3), b’tali mod li, adita fit-tieni lok, din il-qorti tkun tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens previsti f’din id-dispożizzjoni, li t-talbiet għandu jkollhom l-istess suġġett u għandhom jitressqu bejn l-istess partijiet, ma jkunux issodisfatti meta, fid-data tat-talba minn wild, li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, għall-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment li huwa r-responsabbiltà ta’ ommu, ippreżentata quddiem qorti ta’ Stat Membru, tkun diġà tressqet talba mill-omm quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li permezz tagħha hija titlob mingħand missier il-wild kumpens għall-akkomodazzjoni u għall-manteniment ta’ dan il-wild, peress li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti ma għandhomx għan identiku u ma jikkoinċidux ratione temporis. L-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009, madankollu ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jekk it-talbiet inkwistjoni jkunu marbuta flimkien b’rabta suffiċjentement stretta sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma konnessi, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 13(3), b’tali mod li, adita fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha.

 Fuq lispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, previsti f’din id-dispożizzjoni, li t-talbiet ikollhom l-istess suġġett u li għandhom jitressqu bejn l-istess partijiet, ma jkunux issodisfatti meta, fid-data tat-talba minn wild, li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, għall-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment li huwa r-responsabbiltà ta’ ommu, ippreżentata quddiem qorti ta’ Stat Membru, tkun diġà tressqet talba mill-omm quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li permezz tagħha hija titlob mingħand missier il-wild kumpens għall-akkomodazzjoni u għall-manteniment ta’ dan il-wild, peress li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti ma għandhomx għan identiku u ma jikkoinċidux ratione temporis. L-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 4/2009, madankollu ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jekk it-talbiet inkwistjoni jkunu marbuta flimkien b’rabta suffiċjentement stretta sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma konnessi, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 13(3), b’tali mod li, adita fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tissospendi l-proċeduri quddiemha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.