Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fis-16 ta’ April 2018 – Kamil Dziubak, Justyna Dziubak vs Raiffeisen Bank Polska SA

(Kawża C-260/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kamil Dziubak, Justyna Dziubak

Konvenuta: Raiffeisen Bank Polska SA

Domandi preliminari

L-Artikoli 1(2) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 jippermettu – jekk id-determinazzjoni, bħala inġusti, ta’ ċertu dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-mod li bih obbligu għandu jitwettqa mill-partijiet (l-ammont tiegħu) kellha twassal għall-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu, li jkun sfavorevoli għall-konsumatur – li l-lakuni fil-kuntratt ma jiġux mimlija skont dispożizzjoni supplimentari tal-liġi li espliċitament tissostitwixxi l-klawżola inġusta, iżda pjuttost skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu l-ikkompletar tal-effetti ta’ tranżazzjoni legali kif espressa fis-sostanza tagħha bl-effetti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwità (regoli ta’ kondotta soċjali) jew minn użanzi stabbiliti?

L-evalwazzjoni eventwali tal-konsegwenzi, fir-rigward tal-konsumatur, tal-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu għandha ssir abbażi taċ-ċirkustanzi eżistenti meta dan ġie konkluż jew abbażi ta’ dawk eżistenti meta qamet it-tilwima bejn il-partijiet dwar l-effettività tal-klawżola inkwistjoni (meta l-konsumatur saħaq li l-klawżola kienet inġusta), u x’rilevanza għandha tingħata lill-pożizzjoni meħuda mill-konsumatur f’tali tilwima?

Dispożizzjonijiet li skont id-Direttiva 93/13/KEE jikkostitwixxu klawżoli kuntrattwali inġusti jistgħu jinżammu jekk l-adozzjoni ta’ din is-soluzzjoni tkun oġġettivament ta’ benefiċċju għall-konsumatur fil-mument tar-riżoluzzjoni tat-tilwima?

Id-dikjarazzjoni, bħala inġusti, ta’ ċertu dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-ammont u l-mod ta’ twettiq ta’ obbligu mill-partijiet tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-forma tar-relazzjoni ġuridika ddeterminata abbażi tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-effetti tal-klawżoli inġusti, tista’ tkun differenti minn dik intiża mill-partijiet fir-rigward tal-għan prinċipali tal-partijiet; b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ dispożizzjoni kuntrattwali bħala inġusta tfisser li dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra, relatati mal-obbligu prinċipali tal-konsumatur li fir-rigward tagħhom ma ġiex invokat li huma inġusti, jistgħu jkompli japplikaw meta l-forma ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (l-inkorporazzjoni tagħhom fil-kuntratt) kienet b’mod indissoċjabbli marbuta mad-dispożizzjoni kkontestata mill-konsumatur?

____________

1  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.