Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Sąd Okręgowy w Warszawie - il-Polonja) – Kamil Dziubak, Justyna Dziubak vs Raiffeisen Bank International AG, prowadzący działalność w Polsce w formie oddziału pod nazwą Raiffeisen Bank International AG Oddział w Polsce, li kienet Raiffeisen Bank Polska SA

(Kawża C-260/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Klawżola dwar id-determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn il-muniti – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Possibbiltà tal-qorti li tirrimedja l-klawżoli inġusti billi tirrikorri għal klawżoli ġenerali tad-dritt ċivili – Evalwazzjoni tal-interess tal-konsumatur – Sussistenza tal-kuntratt mingħajr klawżoli inġusti

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kamil Dziubak, Justyna Dziubak

Konvenuti: Raiffeisen Bank International AG, prowadzący działalność w Polsce w formie oddziału pod nazwą Raiffeisen Bank International AG Oddział w Polsce, anciennement Raiffeisen Bank Polska SA

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ self indiċjat fuq munita barranija b’rata ta’ interessi direttament marbuta mar-rata interbankarja tal-munita kkonċernata, tqis, skont id-dritt intern tagħha, li dan il-kuntratt ma jistax jissussisti mingħajr dawn il-klawżoli għar-raġuni li t-tneħħija tagħhom ikollha l-konsegwenza li tbiddel in-natura tas-suġġett prinċipali tal-imsemmi kuntratt.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur ikkawżati mill-invalidazzjoni ta’ kuntratt kollu kemm hu, kif previsti fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fil-mument tat-tilwima, u li, min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rieda li l-konsumatur ikun esprima f’dan ir-rigward hija determinanti.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, ikkawżati mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti li jinsabu fih, fuq il-bażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprovdu li l-effetti espressi f’att legali għandhom jiġu kkompletati, b’mod partikolari, mill-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew minn użanzi, li ma humiex dispożizzjonijiet supplenti u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi ż-żamma ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt meta t-tneħħija tagħhom twassal għall-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt u l-qorti tqis li din l-invalidazzjoni toħloq effetti sfavorevoli għall-konsumatur, jekk dan tal-aħħar ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għal din iż-żamma.

____________

1     ĠU C 259, 23.7.2018.