Language of document : ECLI:EU:F:2014:113

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑89/13

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura — Ksur tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu.

Deċiżjoni:      Is-Sur A huwa eskluż mill-proċedura skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Kopja ta’ dan id-digriet għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti, Spanjoli u Taljani, li huwa suġġett għalihom is-Sur A.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rappreżentanza tal-partijiet — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 32(1))

L-aġir ta’ avukat, rappreżentant ta’ parti quddiem il-qrati tal-Unjoni li jikkonsisti fil-preżentata ta’ rikors ibbażat fuq fatti simili għal dawk li taw lok għal rikorsi preċedenti miċħuda bħala manifestament infondati jew manifestament inammissibbli, jew li huma bbażati fuq l-istess motivi li jindikaw l-inklinazzjoni tal-imsemmija parti li, b’mod sistematiku u indistint, tirrikorri għal azzjoni ġudizzjarja, jista’ jitqies li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Dan huwa l-każ meta, b’tali aġir, dan l-avukat jinkoraġġixxi, mingħajr distinzjoni, l-attitudni kontenzjuża tal-parti kkonċernata li, fid-dawl tan-numru kbir ta’ kawżi li tressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni, numru li kellu jkollu għarfien tiegħu avukat normalment diliġenti, ġie rrivelat li huwa partikolarment dannuż għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

B’mod partikolari, peress li r-rikorsi fil-kawżi preċedenti ġew ippreżentati bil-firma tal-avukat preċedenti, ir-rappreżentant tar-rikorrent sempliċement ikkopja estratti sħaħ mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-predeċessur tiegħu, u għaldaqstant ma wettaqx b’mod sħiħ l-irwol tiegħu ta’ konsulent billi jevita li r-rikorrent iressaq kawżi repetittivi u ineffettivi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċeduri tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku billi jiġi eskluż ir-rappreżentant legali mill-proċedura. Din l-esklużjoni tobbliga lill-persuna kkonċernata tibdel ir-rappreżentant legali, iżda ma taffettwa bl-ebda mod l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-mertu tar-rikors, evalwazzjoni li huwa adit biha sakemm il-parti ma tirrinunzjax.

(ara l-punti 12, 19, 20, 24 u 26)